Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D0633

    Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/633 tat-3 ta' April 2017 b'appoġġ għall-Programm ta' Azzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Prevenzjoni, il-Ġlieda Kontra u l-Qerda tal-Kummerċ Illeċitu ta' Armi Ħfief u ta' Kalibru Żgħir fl-Aspetti Kollha Tiegħu

    ĠU L 90, 4.4.2017, p. 12–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/633/oj

    4.4.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 90/12


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2017/633

    tat-3 ta' April 2017

    b'appoġġ għall-Programm ta' Azzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Prevenzjoni, il-Ġlieda Kontra u l-Qerda tal-Kummerċ Illeċitu ta' Armi Ħfief u ta' Kalibru Żgħir fl-Aspetti Kollha Tiegħu

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 28(1) u 31(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    Fl-20 ta' Lulju 2001, l-Istati parteċipanti fil-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) dwar il-Kummerċ Illeċitu ta' Armi Ħfief u ta' Kalibru Żgħir fl-Aspetti Kollha Tiegħu adottaw il-Programm ta' Azzjoni tan-NU għall-Prevenzjoni, il-Ġlieda Kontra u l-Qerda tal-Kummerċ Illeċitu ta' Armi Ħfief u ta' Kalibru Żgħir fl-Aspetti Kollha Tiegħu (il-“Programm ta' Azzjoni tan-NU”). Fit-8 ta' Diċembru 2005, l-Assemblea Ġenerali tan-NU adottat l-Istrument Internazzjonali li Jippermetti lill-Istati Jidentifikaw u Jittraċċaw, b'Mod f'Waqtu u Affidabbli, Armi Ħfief u ta' Kalibru Żgħir Illeċiti (l-“Istrument Internazzjonali dwar it-Traċċar”). Dawk iż-żewġ strumenti internazzjonali jiddikjaraw li l-Istati ser jikkooperaw, kif xieraq, man-NU sabiex jappoġġaw l-implimentazzjoni effettiva tagħhom.

    (2)

    Fit-12 ta' Lulju 2002, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2002/589/PESK (1).

    (3)

    Fis-16 ta' Diċembru 2005, il-Kunsill Ewropew adotta l-Istrateġija tal-UE biex tikkumbatti l-akkumulazzjoni u t-traffikar illeċiti ta' SALW u l-munizzjoni tagħhom. Dik l-Istrateġija tidentifika l-appoġġ għall-Programm ta' Azzjoni tan-NU bħala l-ewwel prijorità għall-azzjoni fil-livell internazzjonali, u tappella għall-adozzjoni ta' strument internazzjonali li jorbot legalment dwar it-traċċar u l-immarkar ta' armi ħfief u ta' kalibru żgħir (“SALW”) u l-munizzjon tagħhom.

    (4)

    Wara l-adozzjoni tal-Istrument Internazzjonali dwar it-Traċċar, l-Unjoni appoġġat l-implimentazzjoni sħiħa tiegħu permezz tal-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/113/PESK (2). L-implimentazzjoni tal-Azzjoni Konġunta 2008/113/PESK ġiet ivvalutata b'mod pożittiv mill-Kunsill.

    (5)

    Fit-18 ta' Lulju 2011, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2011/428/PESK (3).

    (6)

    Armi ħfief miksuba b'mod illeċitu ntużaw għal attakki terroristiċi fl-Ewropa.

    (7)

    Ir-rapport finali tas-Sitt Laqgħa Biennali tal-Istati (“BMS6”) tal-2016 biex Jikkunsidraw l-Implimentazzjoni tal-Programm ta' Azzjoni tan-NU jinnota:

    il-ħtieġa li jissaħħu t-traċċar ta' SALW f'sitwazzjonijiet ta' konflitt u ta' wara konflitt, inkluż bl-għoti ta' assistenza għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet, għal skopijiet ta' identifikazzjoni u konteniment tal-fluss ta' SALW illeċiti f'żoni ta' konflitt u ta' wara konflitt, l-għoti ta' twissija bikrija ta' flussi destabbilizzanti ta' tali armi u l-prevenzjoni tal-konflitti;

    l-opportunità għal sinerġiji bejn il-proġetti mfassla biex jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-Programm ta' Azzjoni tan-NU u l-Istrument Internazzjonali dwar it-Traċċar u proġetti relatati mal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli;

    il-ħtieġa li jiġu kkunsidrati, fit-tielet Konferenza ta' Rieżami fl-2018, l-implikazzjonijiet għall-Programm ta' Azzjoni tan-NU tal-iżviluppi reċenti fil-manifattura, it-teknoloġija u d-disinn ta' SALW;

    il-ħtieġa ta' titjib fid-djalogu mal-industrija, speċjalment dwar l-immarkar effettiv ta' SALW, fid-dawl ta' dawk l-iżviluppi reċenti;

    il-ħtieġa li tiżdied il-kapaċità nazzjonali biex jittieħed kont ta' riskji ta' devjazzjoni meta jiġu eżaminati applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni ta' esportazzjonijiet ta' SALW, u li jiddaħħlu fis-seħħ, fejn dawn ma jeżistux, liġijiet, regolamenti u proċeduri amministrattivi adegwati, konsistenti mar-responsabbiltajiet eżistenti tal-Istati skont il-liġi internazzjonali rilevanti, li jiżguraw kontroll effettiv fuq l-esportazzjoni, it-tranżitu u l-importazzjoni ta' SALW, inkluż l-użu ta' ċertifikazzjoni tal-użu finali u miżuri effettivi legali u ta' infurzar;

    li l-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tal-Programm ta' Azzjoni tan-NU tgħin fil-prevenzjoni tal-akkwist ta' SALW minn terroristi, u b'hekk tnaqqas l-impatt potenzjali tal-attakki tagħhom,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.   Bil-ħsieb li tappoġġa l-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu ta' SALW billi jitnaqqas kemm jista' jkun ir-riskju ta' devjazzjoni, inkluż b'serq, telf u esportazzjoni mill-ġdid mhux awtorizzata, ta' SALW lejn swieq illeċiti, gruppi armati illegali, terroristi u riċevituri oħra mhux awtorizzati, l-Unjoni għandha, permezz ta' din id-Deċiżjoni, timmira lejn dawn l-objettivi:

    li tappoġġa l-Programm ta' Azzjoni tan-NU u l-Istrument Internazzjonali dwar it-Traċċar;

    li tiżgura r-rilevanza tal-Programm ta' Azzjoni tan-NU u l-Istrument Internazzjonali dwar it-Traċċar u tagħmilhom aktar effettivi;

    li tappoġġa azzjonijiet favur eżitu ta' suċċess u rilevanti tat-Tielet Konferenza tan-NU li Teżamina l-Progress Miksub fl-Implimentazzjoni tal-Programm ta' Azzjoni tan-NU (“RevCon3”) tal-2018.

    2.   Sabiex jinkisbu l-objettivi msemmija fil-paragrafu 1, l-Unjoni għandha, permezz ta' din id-Deċiżjoni, tappoġġa s-segwenti:

    it-tħejjija tar-RevCon3 permezz ta' sensiela ta' simpożji tematiċi u konferenzi reġjonali;

    analiżi komprensiva tar-rapporti nazzjonali tal-Istati Membri tan-NU dwar l-implimentazzjoni tal-Programm ta' Azzjoni tan-NU u l-Istrument Internazzjonali dwar it-Traċċar li għandhom jiġu ppreżentati fir-RevCon3;

    programm ta' sponsorizzazzjoni għall-parteċipanti ta' pajjiżi terzi;

    l-għoti ta' appoġġ tekniku għall-President tar-RevCon3;

    erba' simpożji tematiċi li jipproduċu konklużjonijiet orjentati lejn l-azzjoni dwar suġġetti marbuta mal-kontroll tas-SALW. Is-suġġetti magħżula ġew definiti bħala prijoritajiet f'dokumenti ta' ħidma tal-UE mressqa f'laqgħat tal-Programm ta' Azzjoni tan-NU (BMS5 fl-2014 u BMS6 fl-2016) u kienu riflessi fid-dokumenti ta' eżitu ta' dawk il-laqgħat:

    (i)

    traċċar ta' SALW u ġestjoni tal-ħażniet tagħhom f'sitwazzjonijiet ta' konflitt u ta' wara konflitt;

    (ii)

    is-SALW u l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, inkluż l-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli 16 u l-aspetti tal-ġeneru fil-kontroll tas-SALW;

    (iii)

    żviluppi reċenti fil-manifattura, it-teknoloġija u d-disinn tas-SALW, u l-isfidi u l-opportunitajiet li jirriżultaw minnhom għall-implimentazzjoni tal-Programm ta' Azzjoni tan-NU u l-Istrument Internazzjonali dwar it-Traċċar;

    (iv)

    is-sinerġiji bejn il-Programm ta' Azzjoni tan-NU, it-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi, u strumenti rilevanti oħra;

    ħames konferenzi reġjonali li jippermettu involviment ma' rappreżentanti ta' gvernijiet u organizzazzjonijiet reġjonali minn reġjuni magħżula dwar id-dokumenti ta' eżitu mis-simpożji tematiċi;

    analiżi tar-rapporti nazzjonali dwar l-implimentazzjoni tal-Programm ta' Azzjoni u tal-Istrument Internazzjonali dwar it-Traċċar b'attenzjoni speċjali fuq l-isfidi għall-implimentazzjoni li joħolqu opportunitajiet għal kooperazzjoni u assistenza;

    it-tisħiħ tal-bażi għar-RevCon3 permezz ta' programm ta' sponsorizzazzjoni u appoġġ tekniku lill-President tar-RevCon3; u

    ħidma ta' komunikazzjoni permezz ta' dikjarazzjonijiet għall-istampa u attivitajiet marġinali.

    3.   Deskrizzjoni dettaljata tal-proġett imsemmi fil-paragrafu 2 tinsab fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    1.   Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (ir-“RGħ”) għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

    2.   L-implimentazzjoni tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 1(2) għandha titwettaq mill-Uffiċċju tan-NU għall-Affarijiet ta' Diżarm (“UNODA”), bl-għajnuna tas-Small Arms Survey irrappreżentat mill-Istitut ta' Gradwati tal-Istudji Internazzjonali u l-Iżvilupp (“SAS”).

    3.   L-UNODA, megħjun mill-SAS, għandu jwettaq il-kompitu tiegħu, taħt ir-responsabbiltà tar-RGħ. Għal dak il-għan, ir-RGħ għandu jħejji l-arranġamenti meħtieġa mal-UNODA.

    Artikolu 3

    1.   L-ammont ta' referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 1(2) għandu jkun ta' EUR 2 798 381,56.

    2.   In-nefqa ffinanzjata mill-ammont stipulat fil-paragrafu 1 għandha tkun amministrata skont il-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.

    3.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-amministrazzjoni korretta tan-nefqa msemmija fil-paragrafu 1. Għal dak il-għan, għandha tikkonkludi ftehim ta' finanzjament mal-UNODA. L-UNODA u l-SAS ser jiġu mistiedna jilħqu ftehim dwar ir-rimborż tal-ispejjeż imġarrba mill-SAS għall-kontribut tiegħu għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni. Il-ftehim bejn il-Kummissjoni u l-UNODA għandu jistipula li l-UNODA u l-SAS jieħdu ħsieb il-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni, skont id-daqs tagħha.

    4.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehim ta' finanzjament imsemmi fil-paragrafu 3 kemm jista' jkun malajr wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni. Hija għandha tgħarraf lill-Kunsill bi kwalunkwe diffikultà f'dak il-proċess u dwar id-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta' finanzjament.

    Artikolu 4

    Ir-RGħ għandu jirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni abbażi ta' rapporti regolari mfasslin mill-UNODA. Dawk ir-rapporti għandhom jiffurmaw il-bażi għall-evalwazzjoni mwettqa mill-Kunsill. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar l-aspetti finanzjarji tal-implimentazzjoni tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 1(2).

    Artikolu 5

    1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    2.   Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi 24 xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta' finanzjament imsemmi fl-Artikolu 3(3). Madankollu, għandha tiskadi sitt xhur wara d-data tad-dħul tagħha fis-seħħ jekk dak il-ftehim ta' finanzjament ma jkunx ġie konkluż sa dakinhar.

    Magħmul fil-Lussemburgu, it-3 ta' April 2017.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    F. MOGHERINI


    (1)  L-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2002/589/PESK tat-12 ta' Lulju 2002 dwar il-kontribuzzjoni tal-Unjoni Ewropea għall-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni u t-tixrid ta' armi żgħar u r-revokazzjoni ta' l-Azzjoni Konġunta 1999/34/PESK (ĠU L 191, 19.7.2002, p. 1).

    (2)  L-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/113/PESK tat-12 ta' Frar 2008 li tappoġġa l-Istrument Internazzjonali li jippermetti lill-Istati jidentifikaw u jittraċċaw, b'mod f'waqtu u affidabbli, Armi Żgħar u Armamenti Ħfief Illeċiti (SALW) fil-qafas tal-Istrateġija tal-UE fil-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni u t-traffikar illeċiti tas-SALW u l-munizzjon tagħhom (ĠU L 40, 14.2.2008, p. 16).

    (3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/428/PESK tat-18 ta' Lulju 2011 b'appoġġ għall-attivitajiet tal-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Affarijiet ta' Diżarm biex jiġi implimentat il-Programm ta' Azzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Prevenzjoni, il-Ġlieda Kontra u l-Qerda tal-Kummerċ Illeċitu f'Armi Ħfief u ta' Kalibru Żgħir fl-Aspetti Kollha Tiegħu (ĠU L 188, 19.7.2011, p. 37).


    ANNESS

    1.   OBJETTIVI

    L-objettiv ta' din id-Deċiżjoni huwa l-appoġġ tal-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu ta' armi ħfief u ta' kalibru żgħir (“SALW”) billi jitnaqqas kemm jista' jkun ir-riskju ta' devjazzjoni, inkluż permezz ta' serq, telf u esportazzjoni mill-ġdid mhux awtorizzata, ta' SALW lejn swieq illeċiti, gruppi armati illegali, terroristi u riċevituri oħra mhux awtorizzati. Għalhekk din id-Deċiżjoni ser tappoġġa l-Programm ta' Azzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) għall-Prevenzjoni, il-Ġlieda Kontra u l-Qerda tal-Kummerċ Illeċitu ta' SALW fl-Aspetti Kollha Tiegħu (il-“PtA NU”) u l-Istrument Internazzjonali dwar it-Traċċar (l-“IIT”) kif ukoll ser tiżgura r-rilevanza tagħhom u tagħmilhom aktar effettivi.

    Għal dak il-għan, din id-Deċiżjoni ser tappoġġa azzjonijiet favur eżitu ta' suċċess tat-Tielet Konferenza tan-NU li Teżamina l-Progress Miksub fl-Implimentazzjoni tal-PtA NU (“RevCon3”) tal-2018. Din id-Deċiżjoni ser tappoġġa t-tħejjija tar-RevCon3 permezz ta' sensiela ta' simpożji tematiċi u konferenzi reġjonali. Is-simpożji tematiċi ser jiffaċilitaw it-tfassil ta' konklużjonijiet orjentati lejn l-azzjoni dwar suġġetti marbuta mal-kontroll tas-SALW. Is-suġġetti magħżula ġew definiti bħala prijoritajiet f'dokumenti ta' ħidma tal-UE mressqa f'laqgħat tal-PtA NU (BMS5 fl-2014 u BMS6 fl-2016) u l-biċċa l-kbira tagħhom ġew indirizzati fid-dokumenti ta' eżitu ta' dawk il-laqgħat. Il-konferenzi reġjonali ser jippermettu involviment ma' rappreżentanti ta' gvernijiet u organizzazzjonijiet reġjonali minn reġjuni magħżula dwar is-suġġetti mis-simpożji tematiċi. L-għan huwa li jiġi kkonsolidat l-eżitu pożittiv tal-BMS6 fl-eżitu tar-RevCon3. Azzjonijiet oħra maħsuba sabiex ir-RevCon3 tirnexxi ser ikunu: analiżi komprensiva tar-rapporti nazzjonali tal-Istati Membri tan-NU dwar l-implimentazzjoni tal-PtA NU u l-IIT, li għandha tiġi ppreżentata lir-RevCon3: programm ta' sponsorizzazzjoni għall-parteċipanti ta' pajjiżi terzi; u appoġġ tekniku għall-President tar-RevCon3.

    2.   DESKRIZZJONI TAL-AZZJONIJIET

    Il-Proġett tal-Unjoni b'appoġġ għar-RevCon3 ser jinvolvi l-elementi segwenti:

    (i)

    simpożji tematiċi għall-iżvilupp ta' konklużjonijiet orjentati lejn l-azzjoni dwar suġġetti marbuta mal-kontroll tas-SALW;

    (ii)

    konferenzi reġjonali bl-għan li jinvolvu rappreżentanti ta' gvernijiet u organizzazzjonijiet reġjonali minn reġjuni magħżula;

    (iii)

    analiżi tar-rapporti nazzjonali tal-Istati Membri tan-NU dwar l-implimentazzjoni tal-PtA NU u l-IIT li għandha tiġi ppreżentata fir-RevCon3;

    (iv)

    it-tisħiħ tal-bażijiet għar-RevCon3 (programm ta' sponsorizzazzjoni, appoġġ tekniku);

    (v)

    ħidma ta' komunikazzjoni effettiva biex jiġi ġġenerat impatt sostnut.

    Dawk il-ħames elementi huma diskussi fid-dettal aktar 'l isfel. Il-proġett ser jitmexxa b'mod parallel mat-tħejjija għar-RevCon3 mill-President. Din ser tkun opportunità importanti għall-President biex jipparteċipa fit-tħejjijiet tematiċi u reġjonali għar-RevCon3.

    2.1   Simpożji tematiċi

    2.1.1   Għan

    L-għan ta' kull simpożju ser ikun li jiġi diskuss u esplorat kull suġġett li qed jitqies u li jintlaħaq qbil dwar passi ta' azzjoni konkreta fil-livell nazzjonali, reġjonali u globali li jistgħu jiddaħħlu fid-dokument ta' eżitu tar-RevCon3. Il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet ta' kull simpożju ser jiġu ppreżentati u diskussi fil-konferenzi reġjonali kollha.

    2.1.2   Il-proġett ser jinkludi erba' simpożji bis-suġġetti segwenti:

    (i)

    traċċar ta' SALW u ġestjoni tal-ħażniet tagħhom f'sitwazzjonijiet ta' konflitt u ta' wara konflitt;

    (ii)

    is-SALW u l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, inkluż l-Għan tal-Iżvilupp Sostenibbli (“SDG”) 16 u l-aspetti tal-ġeneru fil-kontroll tas-SALW;

    (iii)

    l-iżviluppi reċenti fil-manifattura, it-teknoloġija u d-disinn tas-SALW, u l-isfidi u l-opportunitajiet li jirriżultaw minnhom għall-implimentazzjoni tal-PtA NU u l-IIT;

    (iv)

    is-sinerġiji bejn il-PtA NU, it-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi (it-“TKA”), u strumenti rilevanti oħra.

    2.1.3   Format

    Is-simpożji ser ikollhom formati mfassla skont is-suġġett.

    (i)

    Traċċar ta' SALW u ġestjoni tal-ħażniet tagħhom f'sitwazzjonijiet ta' konflitt u ta' wara konflitt (ara d-dokument ta' eżitu BMS6 (1)), bl-għan li jitnaqqas kemm jista' jkun ir-riskju ta' devjazzjoni, inkluż b'serq, telf u esportazzjoni mill-ġdid mhux awtorizzata, ta' SALW lejn swieq illeċiti, gruppi armati illegali, terroristi u riċevituri oħra mhux awtorizzati.

    Parteċipazzjoni ta':

    esperti tekniċi minn gvernijiet, inkluż gvernijiet affettwati;

    sistema tan-NU (DPKO, DPA, CTED, DSS, UNODC, UNODA);

    esperti minn missjonijiet tan-NU għaż-żamma tal-paċi;

    esperti minn gruppi ta' monitoraġġ tal-KSNU;

    esperti mill-qasam akkademiku, istituti tar-riċerka;

    esperti minn organizzazzjonijiet internazzjonali (WCO, Interpol, eċċ.);

    esperti minn NGOs operazzjonali (MAG, CAR, ARES, eċċ.);

    esperti minn istituzzjonijiet rilevanti tal-Unjoni (DG Home, Europol).

    Total ta' madwar 40 parteċipant. Diskussjonijiet madwar mejda. L-Istati kollha mistiedna josservaw is-sessjoni ta' mistoqsijiet u tweġibiet u jieħdu sehem fiha.

    (ii)

    Is-SALW u l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, inkluż l-SDG 16 u l-aspetti tal-ġeneru fil-kontroll tas-SALW (ara dokument ta' eżitu BMS6 (2)) bil-parteċipazzjoni ta':

    sistema tan-NU (DESA, PBSO, UNDP, UNICEF, UNODC, UN Women);

    esperti mill-qasam akkademiku, istituti tar-riċerka;

    esperti minn gvernijiet u organizzazzjonijiet reġjonali;

    esperti minn istituzzjonijiet rilevanti tal-Unjoni (DG DEVCO, DG ECHO).

    Total ta' madwar 40 parteċipant. Diskussjonijiet madwar mejda. L-Istati kollha mistiedna josservaw is-sessjoni ta' mistoqsijiet u tweġibiet u jieħdu sehem fiha.

    (iii)

    L-iżviluppi reċenti fil-manifattura, it-teknoloġija u d-disinn tas-SALW, u l-isfidi u l-opportunitajiet li jirriżultaw minnhom għall-implimentazzjoni tal-PtA NU u l-IIT (ara dokument ta' eżitu BMS6 (3)) bil-parteċipazzjoni ta':

    esperti mill-industrija tas-SALW u minn federazzjonijiet rilevanti tas-settur industrijali;

    sistema tan-NU (UNODA);

    esperti mill-qasam akkademiku, istituti tar-riċerka;

    esperti tekniċi minn gvernijiet;

    esperti minn istituzzjonijiet rilevanti tal-Unjoni (DG GROW, DG TRADE, DG HOME).

    Total ta' madwar 40 parteċipant. Jum 1: diskussjonijiet tal-esperti, mistoqsijiet u tweġibiet. Jum 2: diskussjoni madwar mejda dwar l-iżvilupp ta' dokument supplimentari għall-IIT. L-Istati kollha mistiedna josservaw il-mistoqsijiet u tweġibiet, u jieħdu sehem fihom.

    (iv)

    Sinerġiji bejn il-PtA NU, it-TKA u strumenti rilevanti oħra, fosthom il-Protokoll tan-NU dwar l-Armi tan-Nar u l-mekkaniżmi tan-NU għall-ġlieda kontra t-terroriżmu (ara dokument ta' eżitu BMS6 (4)) bil-parteċipazzjoni ta':

    esperti minn gvernijiet;

    sistema tan-NU (UNODC, UNODA, eċċ);

    esperti minn organizzazzjonijiet internazzjonali (WCO, Interpol, Segretarjat tat-TKA);

    esperti minn istituti tar-riċerka.

    Total ta' madwar 40 parteċipant. Diskussjonijiet madwar mejda. Attenzjoni speċjali fuq sinerġiji, il-konsegwenzi pożittivi possibbli tad-dispożizzjonijiet ta' strument partikolari fuq l-oħrajn u l-evitar tad-duplikazzjoni. L-Istati kollha mistiedna josservaw il-mistoqsijiet u tweġibiet, u jieħdu sehem fihom.

    2.1.4   Post

    Is-simpożji dwar is-suġġetti (i) u (ii) ser isiru wieħed wara l-ieħor fi New York. Is-simpożji dwar is-suġġetti (iii) u (iv) ser isiru fi Brussell u f'Ġinevra rispettivament.

    2.1.5   Skedar

    L-erba' simpożji ser isiru fuq perijodu ta' ħames xhur bejn April u Settembru 2017. L-iskedar u s-sekwenza tagħhom (jiġifieri l-ordni tas-suġġetti indirizzati) ser jiġu deċiżi mill-aġenziji ta' implimentazzjoni, f'konsultazzjoni mal-Unjoni, b'kont meħud tal-kalendarju tan-NU dwar id-diżarm. Kull simpożju idum jumejn.

    2.1.6   Responsabbiltajiet tal-aġenziji ta' implimentazzjoni

    Kunċettwalizzazzjoni u tħejjija sostantiva:

     

    L-UNODA u s-Small Arms Survey ser jiżviluppaw flimkien is-sustanza tas-simpożji u ser ikunu responsabbli għall-aġenda u l-għażla tal-kelliema/esperti. Is-Small Arms Survey ser jipprepara abbozz ta' dokument ta' sfond dwar kull suġġett, li ser iservi bħala bażi għal diskussjoni f'kull simpożju. Il-kunċettwalizzazzjoni u t-tħejjija sostantiva tas-simpożji tematiċi ser issir fi djalogu mad-Diviżjoni għad-Diżarm u n-Nonproliferazzjoni tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE).

    Loġistika u servizzi tal-konferenzi:

     

    L-UNODA ser tkun responsabbli għall-arranġamenti loġistiċi (il-prenotazzjoni tas-siti, l-organizzazzjoni tal-forniment tal-ikel, it-tagħmir awdjo-viżiv, l-arranġamenti għall-ivvjaġġar, eċċ.). Is-SEAE ser tgħin billi tiżgura post għas-simpożju dwar is-suġġett (iii), li ser isir fi Brussell.

    2.1.7.   Riżultati tal-azzjoni

    Is-simpożji tematiċi ser isarrfu f'aktar għarfien u pożizzjoni elaborata dwar is-suġġetti magħżula mill-Unjoni u mill-partijiet ikkonċernati l-oħra involuti. Is-Small Arms Survey ser iħejji dokument ta' eżitu estensiv dwar l-erba' simpożji tematiċi. Dak id-dokument ta' eżitu ser ikun fih studju dwar l-erba' suġġetti u ser jibni fuq l-abbozzi ta' dokumenti ta' sfond u jinkorpora fih is-sejbiet tad-diskussjonijiet tal-esperti fl-erba' simpożji tematiċi. Id-dokument ta' eżitu ser jiffoka fuq passi ta' azzjoni konkreta bil-ħsieb li jiddaħħlu fid-dokument ta' eżitu tar-RevCon3. Id-dokument ta' eżitu ser jikkontribwixxi għal-laqgħat sussegwenti fi ħdan il-proġett.

    2.2   Konferenzi reġjonali

    2.2.1   Għan

    Kull konferenza reġjonali għandha l-għan li tħejji għar-RevCon3, billi tipprovdi forum għall-Istati parteċipanti sabiex jidentifikaw u jesploraw kwistjonijiet speċifiċi għar-reġjun fl-implimentazzjoni tal-PtA NU u l-IIT u sabiex jiddiskutu s-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-erba' simpożji tematiċi deskritti fit-taqsima 2.1.

    2.2.2   Suġġetti

    Kull konferenza reġjonali ser tindirizza l-erba' suġġetti tas-simpożji (ara t-taqsima 2.1). Barra minn hekk, il-konferenzi reġjonali jeħtieġ li jagħtu lok għal diskussjonijiet speċifiċi għar-reġjun bi tħejjija għar-RevCon3.

    2.2.3   Format

    Il-konferenzi reġjonali ser jiddependu prinċipalment fuq konsultazzjonijiet interattivi, ibbażati fuq il-preżentazzjonijiet mis-Small Arms Survey u mill-UNODA. F'kull konferenza reġjonali, il-President ser jingħata l-opportunità li jippreżenta s-sitwazzjoni attwali tat-tħejjijiet għar-RevCon3. L-organizzazzjonijiet reġjonali ser jagħtu preżentazzjonijiet dwar l-isforzi tagħhom għall-implimentazzjoni tal-paragrafi rilevanti tad-dokument ta' eżitu BMS6 li għandhom x'jaqsmu mal-organizzazzjonijiet reġjonali. Meta l-Istati jintgħażlu għall-programm ta' sponsorizzazzjoni tar-RevCon3, il-parteċipanti tagħhom fil-konferenza reġjonali għandhom fil-prinċipju jkunu wkoll parti mid-delegazzjoni tagħhom għar-RevCon3. Is-Small Arms Survey ser jabbozza rapport proċedurali qasir dwar kull konferenza reġjonali.

    2.2.4   Post

    Il-konferenzi reġjonali huma maħsuba biex jappoġġaw lill-gvernijiet u organizzazzjonijiet minn reġjuni speċifiċi fit-tħejjija għar-RevCon3. Xi organizzazzjonijiet reġjonali diġà qed jorganizzaw laqgħa ta' tħejjija għar-RevCon3: Lega tal-Istati Għarab, OSKE, Forum tal-Gżejjer tal-Paċifiku (PIF). Il-proġett tal-Unjoni m'għandux għalfejn ikopri dawk ir-reġjuni. Għalhekk, qed jiġu ssuġġeriti dawn il-ħames laqgħat reġjonali li ġejjin:

    Pajjiżi mis-sottoreġjuni

    Organizzazzjonijiet reġjonali

    Ċentru reġjonali

    Post

    Punent tal-Afrika u Afrika Ċentrali

    ECOWAS, ECCAS, AU

    UNREC

    Lomé

    Lvant tal-Afrika u Nofsinhar tal-Afrika

    RECSA, SADC, AU

    UNREC

    Lomé

    Karibew

    CARICOM

    UNLIREC

    Port of Spain

    Amerka Latina

    OAS, UNASUR

    UNLIREC

    Lima

    ASEAN u l-Istati tan-Nofsinhar tal-Asja

    ASEAN

    UNRCPD

    Bangkok

    Din id-Deċiżjoni ser tappoġġa l-parteċipazzjoni/involviment tas-Small Arms Survey u l-UNODA fil-konferenzi reġjonali msemmija hawn taħt bil-ħsieb li tippreżenta s-sejbiet tas-simpożji tematiċi fejn dawn jikkorrispondu mal-interessi tal-entitajiet organizzattivi. Tali parteċipazzjoni/involviment ser jiddependi fuq l-iskedar tal-organizzazzjoni ta' dawk il-konferenzi.

    Pajjiżi mis-sottoreġjuni

    Organizzazzjonijiet reġjonali

    Ewropa u Amerka ta' Fuq

    OSKE

    Lvant Nofsani

    Lega tal-Istati Għarab

    Paċifiku

    PIF

    2.2.5   Skedar

    Il-ħames konferenzi ser isiru f'perijodu ta' tmien xhur bejn Ġunju 2017 u Frar 2018 (ser jiġi żgurat li l-konferenzi reġjonali kollha jsiru qabel il-laqgħa tal-Kummissjoni Preparatorja għar-RevCon3, li x'aktarx issir fi Frar 2018). L-iskedar u s-sekwenza eżatti (jiġifieri l-ordni tar-reġjuni koperti) tal-konferenzi reġjonali ser jiġu deċiżi mill-aġenziji ta' implimentazzjoni, f'konsultazzjoni mal-Unjoni, b'kont meħud tal-kalendarju tan-NU dwar id-diżarm. Kull konferenza reġjonali ddum jumejn. Iż-żewġ konferenzi reġjonali fl-Afrika ser jiġu organizzati waħda wara l-oħra f'post wieħed. Iż-żewġ konferenzi reġjonali fl-Amerka Latina u l-Karibew ser jiġu organizzati waħda wara l-oħra.

    2.2.6   Responsabbiltajiet tal-aġenziji ta' implimentazzjoni

    Tħejjija sostantiva:

     

    L-UNODA (inkluż iċ-ċentri reġjonali tiegħu) u s-Small Arms Survey ser jiżviluppaw is-sustanza tal-konferenzi reġjonali u ser ikunu responsabbli għall-aġenda u l-għażla tal-kelliema/esperti. L-UNODA, flimkien mal-President, ser jieħu l-inizjattiva biex jagħmel preżentazzjonijiet dwar is-sitwazzjoni tat-tħejjijiet għar-RevCon3. Is-Small Arms Survey ser jagħmel preżentazzjonijiet dwar l-eżiti tas-simpożji. Is-Small Arms Survey ser jħejji sommarju ta' kull konferenza reġjonali.

    Loġistika u servizzi tal-konferenzi:

     

    L-UNODA u ċ-ċentri reġjonali tiegħu ser jimplimentaw l-arranġamenti loġistiċi (il-prenotazzjoni tas-siti, l-organizzazzjoni tal-forniment tal-ikel, it-tagħmir awdjo-viżiv, l-arranġamenti għall-ivvjaġġar tal-esperti, eċċ.) għall-konferenzi reġjonali, taħt is-sorveljanza tal-kwartieri ġenerali tal-UNODA.

    2.2.7.   Riżultat tal-azzjoni

    L-Istati mir-reġjun huma mħeġġa jiżviluppaw kunsens dwar it-tħejjijiet għar-RevCon3, speċjalment dwar l-erba' suġġetti tas-simpożji tematiċi.

    2.3   Analiżi tar-rapporti nazzjonali tal-PtA NU u l-IIT b'attenzjoni speċjali fuq l-isfidi għall-implimentazzjoni li joħolqu opportunitajiet għal kooperazzjoni u assistenza.

    2.3.1   Format

    Id-dokument ta' eżitu tas-Sitt Laqgħa Biennali tal-Istati dwar il-PtA NU (A/CONF.192/BMS/2016/WP.1/Rev.3) ta mandat lill-UNODA “biex jeżamina, bir-riżorsi eżistenti, ix-xejriet, l-isfidi u l-opportunitajiet ta' implimentazzjoni marbuta mal-PtA NU u l-IIT, abbażi tal-informazzjoni disponibbli, fosthom dik ippreżentata u/jew ipprovduta mill-Istati Membri, biex jippreżentahom lir-RevCon3 għall-konsiderazzjoni tagħha u għal segwitu xieraq”.

    Valutazzjoni indipendenti u infurmata tajjeb tar-rapporti nazzjonali dwar l-implimentazzjoni hija sors essenzjali għal dak ir-rapport mandat, u b'żieda miegħu. Il-valutazzjoni tar-rapporti nazzjonali hija ta' importanza partikolari billi huwa mistenni li dawk ir-rapporti jkun fihom informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-SDG 16, li għalih ma jeżisti l-ebda mekkaniżmu ta' rappurtar ieħor. Għaldaqstant, analiżi komprensiva tar-rapporti nazzjonali mis-Small Arms Survey ser tkun attività importanti fil-proġett, li għandha tiġi ppubblikata mis-Small Arms Survey u tagħti kontribut lir-rapport mandat li jħares 'il quddiem tal-UNODA. Dik l-analiżi komprensiva ser tikkomplementa l-laqgħat reġjonali u tematiċi, u żżid il-probabbiltà li r-RevCon3 tilħaq l-aspirazzjonijiet tal-Unjoni għal pjan direzzjonali prattiku, iffokat u effikaċi għall-PtA NU fil-perijodu wara r-RevCon3 li jiffoka fuq ir-rabta tal-isfidi ta' implimentazzjoni mal-opportunitajiet għall-kooperazzjoni u l-assistenza.

    2.3.2   Skedar

    L-analiżi titlesta qabel il-laqgħa tar-RevCon3 (Ġunju 2018).

    2.3.3   Responsabbiltajiet tal-aġenziji ta' implimentazzjoni

    L-UNODA għandu jistabbilixxi data biex ir-rapporti nazzjonali biennali jaslu fil-ħin (nofs l-2017). Is-Small Arms Survey għandu jipprovdi analiżi bil-miktub tar-rapporti ppreżentati.

    2.3.4.   Riżultat tal-azzjoni

    L-analiżi ser tipprovdi informazzjoni li tippermetti allokazzjoni aħjar tal-attivitajiet ta' assistenza fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-PtA NU u l-kontroll tas-SALW inġenerali.

    2.4   Tisħiħ tal-pedamenti tar-RevCon3

    2.4.1   Programm ta' sponsorizzazzjoni

    Minħabba nuqqas ta' fondi, ħafna pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp ibatu biex ikunu rappreżentati fil-konferenzi ta' reviżjoni tal-PtA NU mill-uffiċjali ewlenin tagħhom li jittrattaw kwistjonijiet ta' SALW. L-Unjoni tista' tiffinanzja programm ta' sponsorizzazzjoni għal grupp magħżul ta' pajjiżi l-aktar milquta sabiex tippermetti l-parteċipazzjoni ta' dawk l-uffiċjali fir-RevCon3.

    Attivitajiet:

     

    L-UNODA ser tamministra l-ivvjaġġar u l-akkomodazzjoni għar-RevCon3 (mhux għall-Kummissjoni Preparatorja li ssir qabel fl-2018) għal massimu ta' 20 parteċipant. Il-parteċipanti ser jintgħażlu mis-SEAE fuq ir-rakkomandazzjoni tal-UNODA inkluż taċ-ċentri reġjonali tiegħu. Fil-prinċipju, l-uffiċjali magħżula għandhom ikunu l-punti ta' kuntatt nazzjonali tal-PtA NU maħtura. Kriterji oħra għall-għażla jinkludu kunsiderazzjonijiet tal-ugwaljanza bejn is-sessi, il-preżentazzjoni f'waqtha ta' rapport nazzjonali, il-parteċipazzjoni attiva f'konferenzi reġjonali jew simpożji tematiċi u l-għarfien u l-esperjenza fis-suġġetti inkwistjoni. Matul ir-RevCon3, l-UNODA ser jorganizza laqgħa mal-parteċipanti u d-delegazzjonijiet sponsorizzati mill-Unjoni u mill-Istati Membri.

    Riżultati:

    Deliberazzjonijiet tar-RevCon3 bil-kontribut siewi tal-esperti li jittrattaw il-kwistjonijiet tas-SALW direttament f'pajjiżi affettwati li normalment ma jistgħux iħallsu biex jattendu r-RevCon;

    Opportunitajiet akbar biex l-uffiċjali ta' pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp, inkluż rappreżentanti minn organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jittrattaw kwistjonijiet tas-SALW, jistabbilixxu kuntatti u jiltaqgħu ma' oħrajn;

    Sinerġiji possibbli permezz ta' avvenimenti sekondarji u attivitajiet ta' taħriġ relatati tar-RevCon3.

    2.4.2   Appoġġ tekniku lill-President tar-RevCon3

    Il-President u t-tim tiegħu/tagħha ser jibbenefikaw mill-għarfien espert tekniku mogħti mis-Segretarjat tan-NU bl-appoġġ ta' espert ta' livell għoli mis-Small Arms Survey.

    Attivitajiet:

     

    Is-Segretarjat tan-NU, appoġġat mill-espert ta' livell għoli tas-Small Arms Survey ser itejjeb il-kapaċità tiegħu li jagħti pariri lill-President u lit-tim tiegħu/tagħha dwar l-aspetti kumplessi u tekniċi tal-ħidma tar-RevCon3.

    Riżultati:

     

    Il-President ser ikollu aċċess għall-firxa sħiħa ta' għarfien espert dwar kwistjonijiet sostantivi u tekniċi marbuta mar-RevCon3.

    2.5   Ħidma ta' komunikazzjoni

    Il-ħidma ta' komunikazzjoni permezz ta' dikjarazzjonijiet għall-istampa u avvenimenti sekondarji ser tkun parti essenzjali tal-proġett. Barra minn hekk, pjattaforma web tar-RevCon3 tista' titfa' l-attenzjoni fuq is-suġġetti ewlenin għar-RevCon3 u għall-assistenza/tisħiħ tal-kapaċitajiet.

    Attivitajiet:

    Dikjarazzjonijiet konġunti għall-istampa flimkien ma' simpożji u konferenzi reġjonali. Rapporti fuq il-mezzi tax-xandir;

    Avvenimenti sekondarji dwar il-proġett fil-laqgħat rilevanti fosthom l-Ewwel Kumitat tal-Assemblea Ġenerali (2017) u t-Tielet Konferenza tal-Istati Partijiet tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi;

    L-UNODA ser jistabbilixxi paġni web dedikati għar-RevCon3 sena bil-quddiem. Dik ser tkun il-pjattaforma ewlenija fejn jitqiegħdu d-dokumenti u għall-interazzjoni mal-Istati Membri, l-organizzazzjonijiet reġjonali u l-istituzzjonijiet. Il-pjattaforma ser ikun fiha oqsma tematiċi u ser tingħata attenzjoni speċjali għar-rabta tal-ħtiġijiet għall-assistenza mar-riżorsi disponibbli.

    Riżultati:

     

    Ġestjoni effikaċi tal-informazzjoni dwar il-proġett u l-eżiti tiegħu; pjattaforma web dinamika għar-RevCon3 ġewwa l-ambjent web tal-PtA NU li tinkludi approċċi tematiċi u li tippermetti li l-ħtiġijiet għall-assistenza jitqabblu mar-riżorsi disponibbli.

    3.   RIŻULTATI TANĠIBBLI

    L-aġenziji ta' implimentazzjoni ser jipproduċu u jippreżentaw ir-riżultati tanġibbli li ġejjin lill-Unjoni:

    Riżultati tanġibbli 1-5: Rapporti fil-qosor tal-erba' konferenzi tematiċi;

    Riżultati tanġibbli 6-11: Rapporti fil-qosor tal-ħames konferenzi reġjonali;

    Riżultat tanġibbli 12: Valutazzjoni komprensiva tar-rapporti nazzjonali dwar l-implimentazzjoni tal-PtA NU;

    Riżultat tanġibbli 13: Rapport finali hekk kif jitlesta l-proġett.


    (1)  A/CONF.192/BMS/2016/2 §37, §55, §56, §57, §74, §75, §82, §83, §84, §105.

    (2)  A/CONF.192/BMS/2016/2 §15, §23, §24,§25, §40,§41, §52, §59, §60, §101.

    (3)  A/CONF.192/BMS/2016/2 §63, §79, §90.

    (4)  A/CONF.192/BMS/2016/2 §12, §14, §62, §67, §107.


    Top