Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016R0911

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/911 tad-9 ta' Ġunju 2016 li jistipula standards tekniċi ta' implimentazzjoni rigward il-forma u l-kontenut tad-deskrizzjoni ta' ftehimiet ta' appoġġ finanzjarju tal-grupp skont id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u ditti ta' investiment (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2016/3440

    ĠU L 153, 10.6.2016, p. 25–27 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2016/911/oj

    10.6.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 153/25


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/911

    tad-9 ta' Ġunju 2016

    li jistipula standards tekniċi ta' implimentazzjoni rigward il-forma u l-kontenut tad-deskrizzjoni ta' ftehimiet ta' appoġġ finanzjarju tal-grupp skont id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u ditti ta' investiment

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u ditti ta' investimenti u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE u 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) u b'mod partikolari l-Artikolu 26(2) tagħhom,

    Billi:

    (1)

    It-Titolu II tal-Kapitolu III tad-Direttiva 2014/59/UE jistabbilixxi regoli għal ftehimiet ta' appoġġ finanzjarju tal-grupp biex jipprovdu appoġġ finanzjarju bejn istituzzjoni prinċipali tal-Unjoni, jew entità msemmija fil-punt (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/59/UE u l-kumpaniji sussidjarji tagħha fi Stati Membri jew pajjiżi terzi oħrajn li huma istituzzjonijiet jew istituzzjonijiet finanzjarji koperti mis-superviżjoni konsolidata tal-impriża prinċipali, dment li l-entità li tirċievi l-għajnuna tissodisfa l-kundizzjonijiet għal intervent bikri. Dan jippermetti trasferimenti ta' finanzjament f'sitwazzjoni fejn entità ta' grupp tkun f'diffikultà kbira. Sabiex jieħdu deċiżjonijiet infurmati dwar l-investiment, il-kredituri u l-investituri jeħtieġu trasparenza dwar ir-riskji u l-obbligi potenzjali li jirriżultaw minn dawn il-ftehimiet u ċ-ċansijiet ta' rkupru tal-grupp li jirriżultaw mill-appoġġ tal-ftehim. Għalhekk, il-ftehim għandu jkun f'forma faċilment aċċessibbli għall-pubbliku, komparabbli ma' dikjarazzjonijiet finanzjarji.

    (2)

    It-termini ġenerali tal-ftehim tal-appoġġ finanzjarju tal-grupp li għandhom jiġu divulgati għandhom jinkludu informazzjoni rilevanti, bħalma huma l-ammont massimu tal-appoġġ, il-prinċipji għall-kalkolu tal-korrispettiv għall-provvediment tal-appoġġ, deskrizzjoni ġenerali tal-profil tal-maturità u t-terminu massimu ta' self mogħti bħala appoġġ. Madankollu, d-divulgazzjoni għandha tirrispetta l-ħtieġa ta' kunfidenzjalità ta' informazzjoni aktar speċifika.

    (3)

    Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni ppreżentat mill-Awtorità Bankarja Ewropea lill-Kummissjoni.

    (4)

    L-Awtorità Bankarja Ewropea wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi ta' implementazzjoni li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kosti u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Konċernati stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2),

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Forma ta' divulgazzjoni

    Kull istituzzjoni li tkun parti fi ftehim ta' appoġġ finanzjarju tal-grupp li tkun daħlet fih skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2014/59/UE għandha tiddivulga informazzjoni skont l-Artikolu 2 ta' dan ir-Regolament fuq is-sit web tagħha f'forma li tiżgura l-aċċessibbiltà lill-pubbliku.

    Sa fejn l-istituzzjoni tiddivulga dikjarazzjonijiet finanzjarji tal-grupp, id-divulgazzjoni għandha ssir fl-istess forma kif stabbilit għall-informazzjoni mhux kwantitattiva inkluża fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji.

    Artikolu 2

    It-termini li għandhom jiġu divulgati

    1.   L-istituzzjonijiet għandhom jiddivulgaw mill-inqas l-informazzjoni li ġejja:

    (a)

    L-ismijiet tal-entitajiet fi grupp li jkunu parti fi ftehim ta' appoġġ finanzjarju tal-grupp;

    (b)

    il-forma li l-appoġġ jista' jieħu;

    (c)

    fil-każ ta' self, l-iskopijiet li għalihom il-kapital avvanzat abbażi tas-self jista' jkun użat;

    (d)

    fil-każ ta' garanzija, liema tranżazzjonijiet u liema partijiet terzi huma potenzjalment koperti;

    (e)

    sa liema punt l-obbligi li jingħata appoġġ finanzjarju tal-grupp u intitolament għall-appoġġ finanzjarju tal-grupp lil kull waħda mill-partijiet fil-ftehim ta' appoġġ finanzjarju tal-grupp huma reċiproċi; jekk il-ftehim mhuwiex reċiproku għalkollox, l-informazzjoni għandha tiddistingwi bejn id-diversi partijiet abbażi tat-termini differenti ta' ftehim;

    (f)

    il-limitazzjonijiet tal-appoġġ finanzjarju tal-grupp għal kull forma ta' għajnuna koperta mill-ftehim ta' appoġġ finanzjarju;

    (g)

    il-prinċipji għall-kalkolu tal-korrispettiv għall-provvediment ta' appoġġ finanzjarju tal-grupp u kif dawn jirrelataw mal-kundizzjonijiet tas-suq fiż-żmien tal-appoġġ;

    (h)

    deskrizzjoni ġenerali tal-anzjanità, il-profil tal-maturità u t-terminu massimu ta' kwalunkwe self mogħti bħala appoġġ;

    (i)

    deskrizzjoni ġenerali ta' kull obbligu ta' ħlas lura;

    (j)

    deskrizzjoni ġenerali taċ-ċirkustanzi jew indikaturi dwar l-entità riċeventi u l-entità provveditriċi li jiskattaw il-provvediment tal-appoġġ;

    (k)

    deskrizzjoni ġenerali tar-rekwiżiti tal-kollateral u tal-marġni.

    Id-divulgazzjoni għandha tkopri l-informazzjoni li tkun applikabbli għall-entità tal-grupp ikkonċernata, inkluża l-informazzjoni dwar it-termini tal-ftehim li għandhom x'jaqsmu ma' entitajiet oħra tal-grupp fejn din id-divulgazzjoni tista' taffettwa l-entità tal-grupp ikkonċernata.

    L-informazzjoni li mhix applikabbli għandha tiġi indikata bħala “mhux applikabbli”.

    2.   Id-divulgazzjoni għandha tkun akkumpanjata b'dikjarazzjoni li l-provvediment tal-appoġġ finanzjarju huwa suġġett għall-kundizzjonijiet skont l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2014/59/UE u għad-dritt tal-awtorità kompetenti li tipprojbixxi jew tirrestrinġi l-provvediment skont l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2014/59/UE.

    Artikolu 3

    Id-dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, id-9 ta' Ġunju 2016.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190.

    (2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).


    Top