This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32016R0865
Commission Implementing Regulation (EU) 2016/865 of 31 May 2016 initiating an investigation concerning the possible circumvention of anti-dumping measures imposed by Implementing Regulation (EU) 2015/2384 on imports of certain aluminium foil originating in the People's Republic of China by imports of slightly modified certain aluminium foil from the People's Republic of China, and making such imports subject to registration
Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/865 tal-31 ta' Mejju 2016 li jniedi investigazzjoni dwar l-evażjoni possibbli tal-miżuri kontra d-dumping imposti mir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 2015/2384 fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti fojls tal-aluminju li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, permezz ta' importazzjonijiet ta' ċerti fojls tal-aluminju kemm kemm immodifikati mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, u li jagħmel dawn l-importazzjonijiet soġġetti għar-reġistrazzjoni
Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/865 tal-31 ta' Mejju 2016 li jniedi investigazzjoni dwar l-evażjoni possibbli tal-miżuri kontra d-dumping imposti mir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 2015/2384 fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti fojls tal-aluminju li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, permezz ta' importazzjonijiet ta' ċerti fojls tal-aluminju kemm kemm immodifikati mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, u li jagħmel dawn l-importazzjonijiet soġġetti għar-reġistrazzjoni
C/2016/3200
ĠU L 144, 1.6.2016, p. 35–41
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
1.6.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 144/35 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/865
tal-31 ta' Mejju 2016
li jniedi investigazzjoni dwar l-evażjoni possibbli tal-miżuri kontra d-dumping imposti mir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 2015/2384 fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti fojls tal-aluminju li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, permezz ta' importazzjonijiet ta' ċerti fojls tal-aluminju kemm kemm immodifikati mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, u li jagħmel dawn l-importazzjonijiet soġġetti għar-reġistrazzjoni
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattament dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b'mod partikolari l-Artikolu 13(3) u 14(5) tiegħu,
Wara li infurmat lill-Istati Membri,
Billi:
A. TALBA
(1) |
Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) rċeviet talba skont l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament bażiku biex tinvestiga l-possibbiltà ta' evażjoni tal-miżuri antidumping imposti fuq ċerti fojls tal-aluminju li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“ir-RPĊ”) permezz ta' importazzjonijiet ta' ċerti fojls tal-aluminju kemm kemm immodifikati li joriġinaw mir-RPĊ, u biex dawn l-importazzjonijiet isiru soġġetti għal reġistrazzjoni. |
(2) |
It-talba ġiet imressqa fit-18 ta' April 2015. L-applikant talab l-anonimità u ssostanzjaha kif xieraq fit-talba. Il-Kummissjoni tikkunsidra li hemm raġunijiet suffiċjenti biex tingħata l-kunfidenzjalità tal-identità tal-applikant. |
B. PRODOTT
(3) |
Il-prodott ikkonċernat huwa fojl tal-aluminju ta' ħxuna mhux inqas minn 0,008 mm u mhux aktar minn 0,018 mm, mhux rinforzata, mhux maħduma ulterjorment apparti milli rrumblata, f'rombli ta' wisa' mhux aktar minn 650 mm u ta' piż aktar minn 10 kg, li toriġina mir-RPĊ, li bħalissa taqa' taħt il-kodiċi NM ex 7607 11 19 (kodiċi TARIC 7607111910) (“il-prodott ikkonċernat”). Dan huwa l-prodott li għalih il-miżuri fis-seħħ bħalissa japplikaw. |
(4) |
Il-prodotti taħt investigazzjoni għal evażjoni possibbli għandhom l-istess karatteristiċi essenzjali bħall-prodott ikkonċernat iddefinit fil-premessa preċedenti. Madankollu, jistgħu ikunu ittemprati jew le, u jiġu ppreżentati wkoll għall-importazzjoni bħala:
|
(5) |
L-ewwel tliet prodotti deskritti aktar 'il fuq jaqgħu fl-ambitu tal-istess kodiċi NM bħall-prodott ikkonċernat, iżda taħt kodiċijiet TARIC differenti (7607111930, 7607111940 u 7607111950). |
(6) |
L-aħħar wieħed jaqa' taħt kodiċi NM differenti mill-prodott ikkonċernat (jiġfieri l-kodiċi NM ex 7607 11 90) u l-kodiċijiet TARIC 7607119045 u 7607119080. |
(7) |
Il-prodotti kollha deskritti aktar 'il fuq joriġinaw ukoll fir-RPĊ (“il-prodotti investigati”). |
C. MIŻURI EŻISTENTI
(8) |
Il-miżuri attwalment fis-seħħ u li possibilment qed jiġu evażi huma miżuri ta' antidumping imposti mir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2384 (2) (“il-miżuri eżistenti”). |
D. RAĠUNIJIET
(9) |
It-talba tinkludi evidenza prima facie suffiċjenti li l-miżuri antidumping imposti fuq il-prodott ikkonċernat qed ikunu evażi permezz ta' prattiki, proċessi jew ħidma li ma hemmx raġuni valida jew ġustifikazzjoni ekonomika biżżejjed għalihom ħlief l-impożizzjoni tad-dazju antidumping. |
(10) |
L-evidenza prima facie li ġiet ippreżentata hija din: |
(11) |
Abbażi tal-istatistika tal-esportazzjoni Ċiniża u l-istatistika tal-importazzjoni tal-Eurostat, l-applikant iddetermina l-evoluzzjoni tal-importazzjonijiet ta' kull wieħed mill-prodotti kemm kemm immodifikati li qiegħdin jiġu investigati għal perjodu li jibda fl-2008 u jispiċċa fl-2015. Meta qabbel l-evoluzzjoni tal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mal-importazzjonijiet tal-prodotti kemm kemm immodifikati investigati, l-applikant evidenzja tkabbir b'saħħtu ta' importazzjonijiet ta' prodott kemm kemm immodifikat taħt investigazzjoni, kif ukoll tnaqqis parallel tal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat. B'mod partikolari, l-applikant wera li l-volumi tal-importazzjonijiet tal-prodotti kemm kemm immodifikati taħt investigazzjoni kienu simili għal dawk tal-prodott ikkonċernat qabel l-adozzjoni tal-miżuri antidumping inizjali mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 925/2009 (3). L-applikant, għalhekk, wera bidla fit-tendenza tal-kummerċ. |
(12) |
Barra minn hekk, għal kull prattika ta' evażjoni, l-applikant ipprovda evidenza dettaljata dwar l-eżistenza mifruxa ta' tali prattiki u l-assenza ta' kull kawża dovuta jew ġustifikazzjoni ekonomika lil hinn mill-impożizzjoni tad-dazju għal tali prattiki. |
(13) |
Abbażi tal-informazzjoni disponibbli, l-applikant wera li l-prezzijiet tal-esportazzjoni tal-prodotti kemm kemm immodifikati investigati li joriġinaw fir-RPĊ, skont kull waħda mill-prattiki ta' evażjoni, iwaqqgħu b'mod sinfikanti l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni. Konsegwentement, l-importazzjonijiet tal-prodott kemm kemm immodifikat taħt investigazzjoni li joriġina fir-RPĊ idgħajfu l-effetti remedjali tal-miżuri ta' antidumping f'termini ta' prezzijiet, kif ukoll bħala kwantitajiet. |
(14) |
Finalment, abbażi tal-informazzjoni raġonevolment disponibbli lilu, l-applikant stabbilixxa kalkoli tal-marġni tad-dumping li juru li l-prodotti kemm kemm immodifikati investigati, skont kull prattika ta' evażjoni, jidħlu fis-suq tal-Unjoni bi prezzijiet ta' dumping. |
E. PROĊEDURA
(15) |
Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li teżisti biżżejjed evidenza biex tiġġustifika l-bidu ta' investigazzjoni skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament bażiku u li tagħmel l-importazzjonijiet tal-prodotti investigati soġġetti għal reġistrazzjoni, b'konformità mal-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku. |
(a) Kwestjonarji
(16) |
Sabiex tikseb tagħrif li tqis meħtieġ għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-esportaturi/produtturi magħrufa u lill-assoċjazzjonijiet magħrufa tal-esportaturi/produtturi fir-RPĊ, lill-importaturi magħrufa u lill-assoċjazzjonijiet magħrufa ta' importaturi fl-Unjoni u lill-awtoritajiet tar-RPĊ. Jekk ikun meħtieġ, jista' wkoll jintalab tagħrif mingħand l-industrija tal-Unjoni. |
(17) |
F'kull eventwalità, il-partijiet interessati kollha għandhom jikkuntattjaw lill-Kummissjoni minnufih, u mhux iktar tard mil-limitu taż-żmien stabbilit fl-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament, u jitolbu kwestjonarju fil-limitu taż-żmien stabbilit fl-Artikolu 3(1) ta' dan ir-Regolament, sakemm il-limitu taż-żmien stabbilit fl-Artikolu 3(2) ta' dan ir-Regolament ikun japplika għall-partijiet interessati kollha. |
(18) |
L-awtoritajiet tar-RPĊ se jiġu nnotifikati bil-bidu tal-investigazzjoni. |
(b) Ġbir ta' tagħrif u seduti ta' smigħ
(19) |
Il-partijiet kollha interessati huma mistiedna jippreżentaw il-fehmiet tagħhom bil-miktub u jipprovdu evidenza ta' sostenn. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista' tisma' lill-partijiet interessati, sakemm jagħmlu talba bil-miktub u juru li hemm raġunijiet partikolari għalfejn għandhom jinstemgħu. |
(c) Eżenzjoni mir-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet jew mill-miżuri
(20) |
F'konformità mal-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku, l-importazzjonijiet tal-prodotti investigati jistgħu jiġu eżentati mir-reġistrazzjoni jew mill-miżuri jekk l-importazzjoni ma tkunx tikkostitwixxi ċirkomvenzjoni. |
(21) |
Billi l-possibbiltà ta' evażjoni tista' ssir barra mill-Unjoni, jistgħu jingħataw eżenzjonijiet, skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku, lill-produtturi tal-prodotti investigati fir-RPĊ li jistgħu juru li mhuma relatati (4) ma' ebda produttur suġġett għall-miżuri (5) u li jinstab li ma jkunux involuti fi prattiki ta' evażjoni kif iddefinit fl-Artikoli 13(1) u 13(2) tar-Regolament bażiku. Il-produtturi li jixtiequ jiksbu eżenzjoni għandhom iressqu talba sostnuta kif dovut minn evidenza fil-limitu ta' żmien indikat fl-Artikolu 3(3) ta' dan ir-Regolament. |
F. REĠISTRAZZJONI
(22) |
Skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, l-importazzjonijiet tal-prodotti investigati ikunu soġġetti għal reġistrazzjoni sabiex ikun żgurat li, jekk l-investigazzjoni tikkonkludi li jkun hemm evażjoni, ikun jista' jiġi impost ammont xieraq ta' dazji antidumping mid-data li fiha tkun ġiet imposta r-reġistrazzjoni ta' importazzjonijiet bħal dawn. |
G. LIMITI TA' ŻMIEN
(23) |
Sabiex ikun hemm amministrazzjoni tajba, għandhom jiġu ddikjarati l-limiti ta' żmien li fihom:
|
(24) |
Ta' min jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-eżerċitar tal-biċċa l-kbira tad-drittijiet proċedurali stipulati fir-Regolament bażiku jiddependi mill-fatt li l-parti tgħarraf lill-Kummissjoni bl-eżistenza tagħha fil-limiti ta' żmien indikati fl-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament. |
H. NUQQAS TA' KOOPERAZZJONI
(25) |
Jekk jagħti l-każ li xi parti interessata tiċħad l-aċċess jew ma tipprovdix it-tagħrif meħtieġ fil-limiti ta' żmien, jew tfixkel b'mod sinifikattiv l-investigazzjoni, il-konklużjonijiet, sew jekk pożittivi kif ukoll jekk negattivi, ikunu jistgħu jintlaħqu fuq il-bażi tal-fatti disponibbli, f'konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. |
(26) |
Fejn jinstab illi xi parti interessata tkun ipprovdiet tagħrif mhux minnu jew qarrieqi, tali tagħrif ma jitqiesx u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli. |
(27) |
Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera biss parzjalment, u s-sejbiet ikunu għalhekk imsejsa fuq il-fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista' jkun anqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku kkooperat. |
(28) |
In-nuqqas li tingħata risposta kompjuterizzata ma jiġix ikkunsidrat bħala nuqqas ta' kooperazzjoni, dejjem jekk il-parti interessata turi li biex tippreżenta r-risposta kif mitlub ikun ifisser piż żejjed mhux raġonevoli jew spiża addizzjonali mhux raġonevoli. Il-parti interessata għandha tikkuntattja lill-Kummissjoni minnufih. |
I. SKEDA TAL-INVESTIGAZZJONI
(29) |
L-investigazzjoni tintemm, skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament bażiku, fi żmien disa' xhur minn dakinhar li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ. |
J. PROĊESSAR TAD-DEJTA PERSONALI
(30) |
Ta' min jinnota li kull dejta personali miġbura f'din l-investigazzjoni se tiġi trattata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). |
K. UFFIĊJAL TAS-SEDUTA
(31) |
Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta fi proċedimenti kummerċjali. L-Uffiċjal tas-Seduta jagħmilha ta' interfaċċja bejn il-partijiet interessati u s-servizzi ta' investigazzjoni tal-Kummissjoni. L-Uffiċjal tas-Seduta jirrieżamina t-talbiet għall-aċċess tal-fajl, it-tilwim dwar il-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għall-estensjoni tal-limiti taż-żmien u t-talbiet minn partijiet terzi għal smigħ. L-Uffiċjal tas-Seduta jista' jorganizza smigħ ma' parti interessata individwali u jagħmilha ta' medjatur biex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qed jitħaddmu b'mod sħiħ. |
(32) |
It-talba għal seduta ta' smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. L-Uffiċjal tas-Seduta se jagħti wkoll opportunitajiet biex isir smigħ li jinvolvi l-partijiet u li jippermetti li jitressqu fehmiet differenti u argumenti kuntrarji. |
(33) |
Għal aktar tagħrif u dettalji ta' kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni tal-Internet tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq il-websajt tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/trade-policy-and-you/contacts/hearing-officer/. |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Qed tinfetaħ investigazzjoni skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009, biex jiġi ddeterminat jekk l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta':
— |
fojl tal-aluminju ta' ħxuna mhux anqas minn 0,007 mm u anqas minn 0,008 mm, mhux rinfurzata, mhux maħduma ulterjorment barra milli rromblata, f'rombli, ta' piż li jaqbeż l-10 kg, indipendentement mill-wisa', kemm jekk ittemprata kif ukoll jekk le, jew |
— |
fojl tal-aluminju ta' ħxuna mhux anqas minn 0,008 mm u mhux aktar minn 0,018 mm, mhux rinfurzata, mhux maħduma ulterjorment barra milli rromblata, f'rombli, ta' piż li jaqbeż l-10 kg u wisa' li jaqbeż is-650 mm, kemm jekk ittemprata kif ukoll jekk le, jew |
— |
fojl tal-aluminju ta' ħxuna mhux aktar minn 0,018 mm u anqas minn 0,021 mm, mhux rinfurzata, mhux maħduma ulterjorment barra milli rromblata, f'rombli, ta' piż li jaqbeż l-10 kg, indipendentement mill-wisa', kemm jekk ittemprata kif ukoll jekk le, jew |
— |
fojl tal-aluminju ta' ħxuna ta' mhux anqas minn 0,021 mm u ta' mhux aktar minn 0,045 mm, mhux rinfurzata, mhux maħduma ulterjorment barra milli rromblata, f'rombli, ta' piż li jaqbeż l-10 kg, indipendentement mill-wisa', kemm jekk ittemprata kif ukoll jekk le, meta ppreżentata b'tal-anqas żewġ saffi, |
li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, li fil-preżent jaqgħu fl-ambitu tal-kodiċijiet NM ex 7607 11 19 (il-kodiċijiet TARIC 7607111930, 7607111940 u 7607111950) u ex 7607 11 90 (il-kodiċijiet TARIC 7607119045 u 7607119080) qed jevadu l-miżuri imposti mir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2384.
Artikolu 2
L-awtoritajiet Doganali, skont l-Artikolu 13(3) u l-Artikolu 14(5) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009, jieħdu l-passi xierqa biex jirreġistraw l-importazzjonijiet fl-Unjoni identifikati fl-Artikolu 1 ta' dan ir-Regolament.
Ir-reġistrazzjoni tiskadi disa' xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.
Il-Kummissjoni tista', permezz ta' regolament, titlob lill-awtoritajiet Doganali jwaqqfu r-reġistrazzjoni ta' importazzjonijiet lejn l-Unjoni ta' prodotti manifatturati minn produtturi li jkunu applikaw għal eżenzjoni mir-reġistrazzjoni u li jkunu nstabu li jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-għoti ta' eżenzjoni.
Artikolu 3
1. Il-kwestjonarji jridu jintalbu mill-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.
2. Biex ir-rappreżentazzjonijiet tagħhom jiġu kkunsidrati waqt l-investigazzjoni, il-partijiet interessati jridu jippreżentaw ruħhom billi jikkuntattjaw lill-Kummissjoni, jippreżentaw il-fehmiet tagħhom bil-miktub u jressqu t-tweġibiet għall-kwestjonarju jew kwalunkwe informazzjoni oħra fi żmien 37 jum mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, sakemm mhux speċifikat mod ieħor.
3. Il-produtturi fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina li jitolbu eżenzjoni mir-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet jew mill-miżuri jridu jibagħtu talba debitament sostnuta b'evidenza fl-istess limitu taż-żmien ta' 37 jum.
4. Il-partijiet interessati jistgħu wkoll japplikaw sabiex jinstemgħu mill-Kummissjoni fl-istess limitu ta' żmien ta' 37 jum.
5. L-informazzjoni ppreżentata lill-Kummissjoni għall-fini tal-investigazzjonijiet tad-difiża tal-kummerċ għandha tkun ħielsa mid-drittijiet tal-awtur. Il-partijiet interessati, qabel ma jippreżentaw lill-Kummissjoni informazzjoni u/jew dejta soġġetti għad-drittijiet tal-awtur ta' partijiet terzi, iridu jitolbu permess speċifiku lid-detentur tad-drittijiet li jippermetti b'mod espliċitu a) lill-Kummissjoni tuża l-informazzjoni u d-dejta għall-iskop ta' dan il-proċediment tad-difiża tal-kummerċ u b) tipprovdi l-informazzjoni u/jew id-dejta lill-partijiet interessati għal din l-investigazzjoni f'għamla li tippermettilhom jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom.
6. Il-preżentazzjonijiet kollha bil-miktub, inkluża l-informazzjoni mitluba f'dan ir-Regolament, il-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li jkun intalab trattament kunfidenzjali għalihom jiġu mmarkati “Limited” (Ristretti) (7).
7. Il-partijiet interessati li jagħtu informazzjoni “Limited” (Ristretta) huma mitluba jipprovdu taqsiriet mhux kunfidenzjali tagħha skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, li jiġu mmarkati “For inspection by interested parties” (Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati). Dawn it-taqsiriet għandhom ikunu dettaljati biżżejjed biex jippermettu fehim raġonevoli tas-sustanza tal-informazzjoni mressqa b'mod kunfidenzjali. Jekk parti interessata li tippreżenta informazzjoni kunfidenzjali ma tipprovdix taqsira mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u l-kwalità mitluba, din l-informazzjoni tista' tiġi injorata.
8. Il-partijiet interessati huma mistiedna jressqu l-preżentazzjonijiet u t-talbiet kollha permezz ta' ittra elettronika u jinkludu dokumenti skenjati ta' prokuri u ta' ċertifikazzjoni, bl-eċċezzjoni ta' tweġibiet voluminużi li għandhom jitressqu fuq CD-ROM jew DVD bl-idejn jew permezz ta' ittra reġistrata. Permezz ta' ittra elettronika, il-partijiet interessati jesprimu l-qbil tagħhom mar-regoli applikabbli għas-sottomissjonijiet elettroniċi li jinsabu fid-dokument “KORRISPONDENZA MAL-KUMMISSJONI EWROPEA F'KAŻIJIET TA' DIFIŻA TAL-KUMMERĊ” ippubblikat fuq is-sit web tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2011/june/tradoc_148003.pdf Il-partijiet interessati jridu jindikaw isimhom, l-indirizz, in-numru tat-telefon u indirizz tal-posta elettronika validu tagħhom u għandhom jiżguraw li l-indirizz elettroniku pprovdut ikun indirizz elettroniku tax-xogħol uffiċjali li jiffunzjona u li jiġi kkonsultat kuljum. Ladarba jingħataw id-dettalji ta' kuntatt, il-Kummissjoni tikkomunika mal-partijiet interessati permezz tal-posta elettronika biss, sakemm ma jkunx hemm talba speċifika li d-dokumenti kollha mill-Kummissjoni jintbagħtu b'mezz ieħor ta' komunikazzjoni jew sakemm in-natura tad-dokument li għandu jintbagħat ma tkunx teħtieġ l-użu ta' posta rreġistrata. Għal aktar regoli u informazzjoni dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni inklużi l-prinċipji li japplikaw għas-sottomissjonijiet bil-posta elettronika, il-partijiet interessati għandhom jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta' komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmija hawn fuq.
L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:
Il-Kummissjoni Ewropea |
Id-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ |
Direttorat H |
Uffiċċju: CHAR 04/039 |
1040 Bruxelles/Brussel |
BELGIQUE/BELGIË |
Email: TRADE-AC-ALU-FOIL@ec.europa.eu |
Artikolu 4
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-31 ta' Mejju 2016.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.
(2) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2384 tas-17 ta' Diċembru 2015 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta' ċerti fojls tal-aluminju li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina li jtemm il-proċediment għall-importazzjonijiet ta' ċerti fojls tal-aluminju li joriġinaw fil-Brażil wara rieżami ta' skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 332, 18.12.2015, p. 63).
(3) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 925/2009 tal-24 ta' Settembru 2009 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor b'mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta' ċerta fuljetta tal-aluminju li joriġinaw mill-Armenja, mill-Brażil u mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 262, 6.10.2009, p. 1).
(4) F'konformità mal-Artikolu 127 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta' Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558), żewġ persuni għandhom jitqiesu li huma relatati jekk tiġi ssodisfata waħda mill-kondizzjonijiet li ġejjin: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju tal-persuna l-oħra; (b) ikunu legalment rikonoxxuti bħala soċji fin-negozju; (c) ikunu impjegatur u impjegat; (d) terza persuna li direttament jew indirettament għandha s-sjieda, tikkontrolla jew ikollha 5 % jew aktar tal-istokk jew tal-ishma bid-dritt għall-vot tat-tnejn li huma; (e) waħda minnhom tikkontrolla direttament jew indirettament lill-persuna l-oħra; (f) it-tnejn li huma huma direttament jew indirettament ikkontrollati minn terza persuna; (g) flimkien huma jikkontrollaw persuna terza direttament jew indirettament; (h) huma membri tal-istess familja. Skont l-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1), “persuna” tfisser persuna fiżika, persuna ġuridika, u kull assoċjazzjoni ta' persuni li mhijiex persuna ġuridka iżda li hija rikonoxxuta taħt id-dritt tal-Unjoni jew nazzjonali bħala li għandha l-kapaċità li twettaq atti ġuridiċi.
(5) Madankollu, anki jekk il-produtturi huma relatati skont kif imsemmi hawn fuq ma' kumpaniji soġġetti għall-miżuri stabbiliti fuq l-importazzjonijiet li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, xorta waħda tista' tingħata eżenzjoni jekk ma jkunx hemm evidenza li r-relazzjoni mal-kumpaniji soġġetti għall-miżuri oriġinali kienet stabbilita jew użata biex ikun hemm evażjoni tal-miżuri oriġinali.
(6) Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-dejta (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).
(7) Dokument “Limited” huwa dokument meqjus kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51) u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (il-Ftehim dwar l-Antidumping). Huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).