Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016R0583

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/583 tal-15 ta' April 2016 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1332/2011 li jistabbilixxi r-rekwiżiti komuni dwar l-użu tal-ispazju tal-ajru u l-proċeduri operattivi għall-evitar ta' kolliżjonijiet fl-ajru (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2016/2127

    ĠU L 101, 16.4.2016, p. 7–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/583/oj

    16.4.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 101/7


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/583

    tal-15 ta' April 2016

    li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1332/2011 li jistabbilixxi r-rekwiżiti komuni dwar l-użu tal-ispazju tal-ajru u l-proċeduri operattivi għall-evitar ta' kolliżjonijiet fl-ajru

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2008 dwar regoli komuni fil-kamp tal-avjazzjoni ċivili u li jistabblixxi Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni, u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 91/670/KEE, ir-Regolament (KE) Nru 1592/2002 u d-Direttiva 2004/36/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 8(5), u 9(4) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1332/2011 (2) jirrikjedi li ajruplani li jaħdmu b'magna b'turbina, b'massa massima ċċertifikata waqt it-tluq (MCTOM) ta' iktar minn 5 700 kg, jew li huma awtorizzati li jġorru aktar minn 19-il passiġġier, għandhom jiġu mgħammra bil-verżjoni l-ġdida 7.1 tas-softwer tas-sistema għall-evitar ta' kolliżjonijiet fl-ajru (ACAS II) biex jiġu evitati kolliżjonijiet fl-ajru. Dan ir-rekwiżit japplika wkoll għall-operaturi ta' ċerti ajruplani reġistrati f'pajjiż terz.

    (2)

    Ir-Regolament (UE) Nru 1332/2011 jirrikejdi li anki l-operaturi tal-ajru tal-Unjoni li huma suġġetti għar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 (3) jinstallaw il-verżjoni l-ġdida 7.1 tas-softwer tal-ACAS II fuq l-ajruplani tagħhom. Madankollu, din id-dispożizzjoni hija skaduta għaliex ir-Regolament (KEE) Nru 3922/91 ma għadux japplika għal dawk l-operaturi minn mindu tħassar l-Anness III. Minflok, għal dawn l-operaturi issa japplika r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 965/2012 (4) u fih ir-regoli meħtieġa f'dan ir-rigward. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet skaduti fir-Regolament (UE) Nru 1332/2011 għandhom jitħassru.

    (3)

    Ir-Regolament (UE) Nru 1332/2011 fih regoli dwar il-proċeduri operattivi applikabbli f'sitwazzjonijiet fejn l-ACAS II jagħti indikazzjoni lill-ekwipaġġ tat-titjira b'suġġeriment ta' manuvrar biex tiġi żgurata s-separazzjoni tal-ajruplan mit-theddid kollu jew biex tinżamm is-separazzjoni eżistenti (riżoluzzjoni konsultattiva). Billi dawk ir-regoli huma ktiċiċi għas-sikurezza kemm għall-piloti u kemm għall-kontrolluri, speċjalment rigward l-interazzjoni ta' bejniethom, dawn huma indirizzati aħjar fir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 923/2012 (5) minflok. Għalhekk, ir-regoli relatati ma' proċeduri operattivi ta' dan it-tip stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1332/2011 għandhom jitħassru.

    (4)

    Għaldaqstant ir-Regolament (UE) Nru 1332/2011 għandu jiġi emendat skont dan.

    (5)

    Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma bbażati fuq l-opinjoni (6) tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà fl-Avjazzjoni f'konformità mal-Artikoli 17(2)(b) u 19(1) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008.

    (6)

    Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 65 tar-Regolament (KE) Nru 216/2008,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (UE) Nru 1332/2011 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    l-Artikolu 4 jitħassar;

    (2)

    fl-Artikolu 5, il-paragrafi 2 u 3 huma jinbidlu b'dan li ġej:

    “2.   L-Artikolu 3 japplika mill-1 ta' Marzu 2012.

    3.   Permezz ta' deroga mill-paragrafu 2, fil-każ ta' inġenju tal-ajru b'ċertifikat individwali tal-ajrunavigabbilità maħruġ qabel l-1 ta' Marzu 2012, l-Artikolu 3 għandu japplika mill-1 ta' Diċembru 2015.”;

    (3)

    l-Anness huwa sostitwit bit-test fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Japplika mill-25 ta' Awwissu 2016.

    Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, il-15 ta' April 2016.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 79, 19.3.2008, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1332/2011 tas-16 ta' Diċembru 2011 li jistabbilixxi r-rekwiżiti komuni dwar l-użu tal-ispazju tal-ajru u l-proċeduri operattivi għall-evitar ta' kolliżjonijiet fl-ajru (ĠU L 336, 20.12.2011, p. 20).

    (3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 tas-16 ta' Diċembru 1991 dwar l-armonizzazzjoni tal-htigijiet teknici u proceduri amministrattivi fil-qasam tal-avjazzjoni civili (ĠU L 373, 31.12.1991, p. 4).

    (4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 965/2012 tal-5 ta' Ottubru 2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-operazzjonijiet tal-ajru skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 296, 25.10.2012, p. 1).

    (5)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 923/2012 tas-26 ta' Settembru 2012 li jistabbilixxi regoli komuni tal-ajru u dispożizzjonijiet operattivi dwar is-servizzi u l-proċeduri fin-navigazzjoni bl-ajru u li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1035/2011 u r-Regolamenti (KE) Nru 1265/2007, (KE) Nru 1794/2006, (KE) Nru 730/2006, (KE) Nru 1033/2006 u (UE) Nru 255/2010 (ĠU L 281, 13.10.2012, p. 1).

    (6)  L-Opinjoni tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni Nru 4/2014 tas-16 ta' Diċembru 2014 għall-emenda tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 923/2012 li jistabbilixxi regoli komuni tal-ajru u dispożizzjonijiet operattivi dwar is-servizzi u l-proċeduri fin-navigazzjoni bl-ajru (SERA Parti C).


    ANNESS

    “ANNESS

    Sistemi għall-evitar ta' kolliżjonijiet fl-ajru (ACAS) II

    (Parti-ACAS)

    AUR.ACAS.1005 Rekwiżit tal-prestazzjoni

    (1)

    L-ajruplani bil-magna mħaddma bit-turbini li ġejjin għandhom ikunu mgħammra bil-verżjoni 7.1 tas-sistema għall-evitar ta' kolliżjonijiet tal-ACAS II:

    (a)

    ajruplani b'massa tat-tlugħ iċċertfikata massima li taqbeż 5 700 kg;

    (b)

    ajruplani awtorizzati biex iġorru iktar minn 19-il passiġġier.

    (2)

    L-inġenji tal-ajru mhux imsemmija fil-punt (1) li huma mgħammra bl-ACAS II fuq bażi volontarja għandu jkollhom il-verżjoni 7.1 tas-sistema għall-evitar ta' kolliżjonijiet.

    (3)

    Il-punt (1) ma għandux japplika għal sistemi ta' inġenji tal-ajru mingħajr ekwipaġġ.

    AUR.ACAS.1010 Taħriġ tal-ACAS II

    L-operaturi għandhom jistabbilixxu l-proċeduri operattivi u l-programm tat-taħriġ tal-ACAS II biex l-ekwipaġġ tat-titjira jkun imħarreġ b'mod xieraq fl-evitar ta' kolliżjonijiet u jsir kompetenti fl-użu tat-tagħmir tal-ACAS II.”


    Top