Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D2241

    Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2241 tad-9 ta' Diċembru 2016 li tipprovdi għall-kummerċjalizzazzjoni temporanja ta' żerriegħa ta' ċertu varjetajiet tal-ispeċi Beta vulgaris L., li ma tissodisfax ir-rekwiżiti tad-Direttiva tal-Kunsill 2002/54/KE (notifikata bid-dokument C(2016) 8105) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE )

    C/2016/8105

    ĠU L 337, 13.12.2016, p. 20–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2016/2241/oj

    13.12.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 337/20


    DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/2241

    tad-9 ta' Diċembru 2016

    li tipprovdi għall-kummerċjalizzazzjoni temporanja ta' żerriegħa ta' ċertu varjetajiet tal-ispeċi Beta vulgaris L., li ma tissodisfax ir-rekwiżiti tad-Direttiva tal-Kunsill 2002/54/KE

    (notifikata bid-dokument C(2016) 8105)

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2002/54/KE tat-13 ta' Ġunju 2002 dwar il-bejgħ fis-suq ta' żerriegħa tal-pitravi (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 24(1) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Fid-Danimarka l-kwantità taż-żerriegħa bażika disponibbli ta' ċerti varjetajiet ta' Beta vulgaris L. li tissodisfa l-kundizzjoni tal-punt 3(b) tal-Parti B tal-Anness I tad-Direttiva 2002/54/KE fir-rigward tal-piż massimu tal-materja inerti taż-żerriegħa monoġerminali hija insuffiċjenti minħabba l-kundizzjonijiet ta' ħsad niexfa u għalhekk mhijiex xierqa biex tissodisfa l-ħtiġijiet ta' dak l-Istat Membru.

    (2)

    Id-domanda għal din iż-żerriegħa ma tistax tiġi sodisfatta miż-żerriegħa minn Stati Membri oħra jew minn pajjiżi terzi, filwaqt li jintlaħqu r-rekwiżiti kollha stabbiliti fid-Direttiva 2002/54/KE.

    (3)

    Konsegwentement, jenħtieġ li d-Danimarka tiġi awtorizzata li tippermetti l-kummerċjalizzazzjoni taż-żerriegħa ta' dawk il-varjetajiet soġġetta għal rekwiżiti inqas stretti.

    (4)

    Barra minn hekk, l-Istati Membri l-oħra li jinsabu f'pożizzjoni li jipprovdu lid-Danimarka b'żerriegħa ta' dawk il-varjetajiet, irrispettivament minn jekk iż-żerriegħa tkunx inħasdet fi Stat Membru jew f'pajjiż terz kopert mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/17/KE (2), jenħtieġ li jkunu awtorizzati biex jippermettu l-kummerċjalizzazzjoni ta' din iż-żerriegħa biex jiġi żgurat il-funzjonament tas-suq intern u jiġi evitat it-tfixkil tiegħu.

    (5)

    Peress li din id-Deċiżjoni tintroduċi deroga mill-istandards tar-regoli tal-Unjoni, huwa xieraq li tiġi llimitata l-kwantità ta' żerriegħa li tikkonforma ma' rekwiżiti inqas stretti għall-minimu meħtieġ biex jintlaħqu l-ħtiġijiet tad-Danimarka. Sabiex jiġi żgurat li l-ammont totali ta' żerriegħa awtorizzat li jiġi introdott fis-suq skont din id-Deċiżjoni ma jaqbiżx il-kwantità massima koperta minn din id-Deċiżjoni, huwa xieraq li d-Danimarka topera bħala koordinatur peress li ppreżentat it-talba rispettiva għall-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u hija l-iktar milquta mill-kummerċjalizzazzjoni ta' dik il-varjetà.

    (6)

    Peress li l-istipular tad-deroga mill-istandards tar-regoli tal-Unjoni, il-kummerċjalizzazzjoni taż-żerriegħa li tikkonforma ma' rekwiżiti inqas stretti jenħtieġ li tkun temporanja sal-31 ta' Diċembru 2017, minħabba li dan iż-żmien huwa meħtieġ biex jippermetti l-produzzjoni ta' dik iż-żerriegħa u evalwazzjoni tas-sitwazzjoni fir-rigward tal-varjetajiet konċernati.

    (7)

    Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-kummerċjalizzazzjoni fl-Unjoni taż-żerriegħa Beta vulgaris L. (pitravi) tal-kategorija “żerriegħa bażika”, li tagħmel parti mill-varjetajiet ta' Enermax, Feldherr u Creta, li ma tissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti fil-punt 3(b)(dd) tal-Parti B tal-Anness I tad-Direttiva 2002/54/KE fir-rigward tal-materja inerti għandha tiġi permessa għal kwantità totali li ma taqbiżx il-61 kg u, għal perjodu li jiskadi fil-31 ta' Diċembru 2017, sakemm il-perċentwal massimu ta' materja inerti skont il-piż ma jaqbiżx it-2,2.

    Artikolu 2

    Kull fornitur taż-żerriegħa li jixtieq jintroduċi fis-suq iż-żerriegħa msemmija fl-Artikolu 1 għandu japplika għall-awtorizzazzjoni mill-Istat Membru li huwa stabbilit fih. L-applikazzjoni għandha tispeċifika l-kwantità ta' żerriegħa li l-fornitur ikun jixtieq jintroduċi fis-suq.

    L-Istat Membru konċernat għandu jawtoriżża lill-fornitur biex jintroduċi dik iż-żerriegħa fis-suq, sakemm:

    (a)

    ma jkunx hemm biżżejjed evidenza biex ikun hemm dubju dwar jekk fornitur huwiex kapaċi jintroduċi fis-suq l-ammont ta' żerriegħa li jkun applika għall-awtorizzazzjoni tagħha; jew

    (b)

    l-għoti tal-awtorizzazzjoni ma twassalx biex tinqabeż il-kwantità massima totali ta' żerriegħa msemmija fl-Artikolu 1.

    Artikolu 3

    L-Istati Membri għandhom jgħinu lil xulxin amministrattivament fl-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

    Id-Danimarka għandha taġixxi bħala l-Istat Membru koordinatur sabiex tiżgura li l-kwantità totali ta' żerriegħa awtorizzata għall-kummerċjalizzazzjoni fl-Unjoni mill-Istati Membri skont din id-Deċiżjoni ma taqbiżx il-kwantità massima totali ta' żerriegħa msemmija fl-Artikolu 1.

    Kull Stat Membru li jirċievi applikazzjoni skont l-Artikolu 2 għandu javża minnufih lill-Istat Membru koordinatur bl-ammont kopert mill-applikazzjoni. L-Istat Membru koordinatur għandu jgħarraf minnufih lil dak l-Istat Membru dwar jekk l-awtorizzazzjoni tistax twassal biex tinqabeż il-kwantità massima totali.

    Artikolu 4

    L-Istati Membri għandhom javżaw minnufih lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar il-kwantitajiet li tkun ingħatatilhom l-awtorizzazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni skont din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 5

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, id-9 ta' Diċembru 2016.

    Għall-Kummissjoni

    Vytenis ANDRIUKAITIS

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 193, 20.7.2002, p. 12.

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/17/KE tas-16 ta' Diċembru 2002 dwar l-ekwivalenza tal-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa fil-pajjiżi terzi fuq l-uċuħ tar-raba' li jipproduċu ż-żerriegħa u dwar l-ekwivalenza taż-żerriegħa prodotta fil-pajjiżi terzi (ĠU L 8, 14.1.2003, p. 10).


    Top