This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32016D1859
Council Decision (EU) 2016/1859 of 13 October 2016 on the Tripartite Social Summit for Growth and Employment and repealing Decision 2003/174/EC
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1859 tat-13 ta' Ottubru 2016 dwar Summit Soċjali Tripartitiku għat-Tkabbir u l-Impjiegi u li tħassar id-Deċiżjoni 2003/174/KE
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1859 tat-13 ta' Ottubru 2016 dwar Summit Soċjali Tripartitiku għat-Tkabbir u l-Impjiegi u li tħassar id-Deċiżjoni 2003/174/KE
ĠU L 284, 20.10.2016, pp. 27–30
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
| Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
|---|---|---|---|---|---|
| Repeal | 32003D0174 | 21/10/2016 |
|
20.10.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 284/27 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2016/1859
tat-13 ta' Ottubru 2016
dwar Summit Soċjali Tripartitiku għat-Tkabbir u l-Impjiegi u li tħassar id-Deċiżjoni 2003/174/KE
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 352 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,
Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġislattiva speċjali,
Billi:
|
(1) |
L-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) jistipula li wieħed mill-għanijiet tal-Unjoni hija l-ħidma lejn ekonomija tas-suq soċjali li tkun kompetittiva ferm, bil-mira li jkun hemm impjieg sħiħ u progress soċjali |
|
(2) |
Meta tkun qiegħda tiddefinixxi u timplimenta l-politiki u l-attivitajiet tagħha, l-Unjoni trid tqis id-dimensjoni soċjali tagħhom, b'mod partikolari r-rekwiżiti marbuta mal-promozzjoni ta' livell għoli ta' impjiegi, mal-garanzija ta' protezzjoni soċjali xierqa, mal-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali, u ma' livell għoli ta' edukazzjoni, taħriġ u protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, f'konformità mal-Artikolu 9 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). |
|
(3) |
L-Unjoni tirrikonoxxi u tippromwovi r-rwol tas-sħab soċjali fil-livell tagħha, u tiffaċilita d-djalogu bejniethom filwaqt li tirrispetta l-awtonomija tagħhom, f'konformità mal-Artikolu 152 tat-TFUE. Għall-finijiet ta' konċertazzjoni ta' grad għoli mas-sħab soċjali Ewropej dwar l-istrateġija ġenerali stabbilita mill-Kunsill Ewropew ta' Lisbona tat-23 u l-24 ta' Marzu 2000, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/174/KE (1) twaqqaf Summit Soċjali Tripartitiku għat-Tkabbir u l-Impjiegi (is-“Summit”). Is-Summit issa ġie rikonoxxut fl-Artikolu 152 tat-TFUE bħala komponent integrali tad-djalogu soċjali fil-livell tal-Unjoni. |
|
(4) |
L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha huma impenjati li jikkooperaw fi ħdan il-qafas tal-istrateġija Ewropea 2020, li hija strateġija integrata maħsuba biex tagħti spinta lill-potenzjal tal-Unjoni għat-tkabbir u għall-impjiegi matul il-perjodu 2010-2020 (l-“istrateġija Ewropa 2020”). L-istrateġija Ewropea 2020 qed timmira biex iżżid il-koordinazzjoni bejn politiki nazzjonali u politiki Ewropej. Addizzjonalment, l-Unjoni rrikonoxxiet il-ħtieġa li ssaħħaħ is-sjieda u l-involviment tas-sħab soċjali f'dik l-istrateġija biex dan jippermetti lis-sħab soċjali jikkontribwixxu attivament għall-implimentazzjoni tal-objettivi ta' dik l-istrateġija. |
|
(5) |
Ir-Regolament (UE) Nru 1175/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jenfasizza li s-sħab soċjali għandhom ikunu involuti fi ħdan il-qafas tas-Simestru Ewropew, fil-kwistjonijiet ta' politika ewlenija, fejn rilevanti, f'konformità mad-dispożizzjonijiet tat-TFUE u l-arranġamenti legali u politiċi nazzjonali. |
|
(6) |
Fil-konklużjonijiet tiegħu tat-28 ta' Ġunju 2013, il-Kunsill Ewropew innota li d-dimensjoni soċjali tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja għandha tiġi msaħħa, u f'dan il-kuntest enfasizza r-rwol ewlieni tas-sħab soċjali u tad-djalogu soċjali. Għaldaqstant, il-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha tat-2 ta' Ottubru 2013 intitolata “Tisħiħ tad-dimensjoni soċjali tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja”, indirizzat il-kwistjoni li jiġi promoss id-djalogu soċjali fil-livell nazzjonali u fil-livell tal-Unjoni u ħabbret proposta biex issir reviżjoni tad-Deċiżjoni 2003/174/KE b'referenza għas-Summit bħala opportunità biex jiġu involuti s-sħab soċjali fil-proċess tas-Simestru Ewropew. |
|
(7) |
Mit-twaqqif tiegħu taħt id-Deċiżjoni 2003/174/KE, is-Summit laħaq l-għan ewlieni tiegħu li jippermetti konċertazzjoni ta' livell għoli. Huwa kkontribwixxa b'mod pożittiv għall-iżvilupp tad-djalogu soċjali f'livell tal-Unjoni taħt l-Istrateġija ta' Lisbona matul il-perjodu 2000-2010, u taħt l-istrateġija Ewropa 2020. |
|
(8) |
Fid-Dikjarazzjoni konġunta tagħhom dwar l-Involviment tas-Sħab Soċjali fil-Governanza Ekonomika Ewropea tal-24 ta' Ottubru 2013, iffirmat mill-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions (KETU) min-naħa tal-ħaddiema, u l-Konfederazzjoni tan-Negozji Ewropej (BUSINESSEUROPE), iċ-Ċentru Ewropew ta' Intrapriżi b'Parteċipazzjoni Pubblika u ta' Intrapriżi ta' Interess Ekonomiku Ġenerali (CEEP) u l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Artiġjanat u tal-Intrapriżi Żgħar u Medji (UEAPME) min-naħa ta' min iħaddem, is-Sħab Soċjali Ewropej sejħu għal proċess koerenti ta' konsultazzjoni mas-sħab soċjali fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, u kkonfermaw l-appoġġ tagħhom għas-Summit. |
|
(9) |
Il-kompiti u s-sħubija tas-Summit għandhom jiġu addattati biex iqisu t-tibdiliet istituzzjonali introdotti mit-Trattat ta' Lisbona, b'mod partikolari l-ħolqien tal-funzjoni ta' President tal-Kunsill Ewropew, kif stipulat fl-Artikolu 15 tat-TUE. |
|
(10) |
Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għall-organizzazzjoni u t-tħaddim tas-sistemi nazzjonali ta' relazzjonijiet industrijali u djalogu soċjali. |
|
(11) |
It-TUE ma jipprovdix, għall-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni, setgħat għajr dawk taħt l-Artikolu 352 tat-TUE. |
|
(12) |
Id-Deċiżjoni 2003/174/KE għandha għalhekk titħassar, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Kompitu
Il-kompitu tas-Summit Soċjali Tripartitiku għat-Tkabbir u l-Impjiegi, f'konformità mat-TFUE u t-TUE u b'attenzjoni dovuta għas-setgħat tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni, għandu jkun li jiżgura li jkun hemm konċertazzjoni kontinwa bejn il-Kunsill Ewropew, il-Kunsill, il-Kummissjoni u s-sħab soċjali. Is-Summit għandu jippermetti lis-sħab soċjali fil-livell Ewropew li jikkontribwixxu, fil-kuntest tad-djalogu soċjali tagħhom, għall-komponenti diversi tal-istrateġija tal-Unjoni għat-tkabbir u l-impjiegi. Huwa għandu jgħin jiffaċilita s-sinerġiji bejn l-azzjonijiet tal-Kunsill Ewropew, il-Kunsill, il-Kummissjoni u s-sħab soċjali bil-għan tal-promozzjoni tat-tkabbir, livell għoli ta' imjiegi, il-garanzija ta' protezzjoni soċjali xierqa, il-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali u livell għoli ta' edukazzjoni, taħriġ u protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem. Għal dak il-għan, għandu jibbaża fuq ix-xogħol tal-bidu u d-diskussjonijiet bejn il-Kunsill, il-Kummissjoni u s-sħab soċjali fil-forums differenti ta' konċertazzjoni dwar materji ekonomiċi, soċjali u ta' impjiegi.
Artikolu 2
Sħubija
1. Is-Summit għandu jikkonsisti mill-Presidenti tal-Kunsill Ewropew u l-Kummissjoni, u, rappreżentati fl-ogħla livell, il-Presidenza attwali tal-Kunsill, iż-żewġ presidenzi sussegwenti tal-Kunsill u s-sħab soċjali. Il-Ministri mit-tliet Presidenzi tal-Kunsill u l-Kummissarju responsabbli mill-impjiegi u l-affarijiet soċjali għandhom jieħdu sehem ukoll fis-Summit. Skont l-aġenda, Ministri oħrajn mit-tliet Presidenzi tal-Kunsill u Kummissarji oħrajn jistgħu wkoll jiġu mistiedna biex jieħdu sehem fis-Summit.
2. Ir-rappreżentanti tas-sħab soċjali għandhom jiġu maqsumin f'żewġ delegazzjonijiet indaqs, waħda b'10 rappreżentanti tal-ħaddiema fiha u l-oħra b'10 rappreżentanti ta' min iħaddem fiha, b'kont meħud tal-ħtieġa li tkun żgurata parteċipazzjoni bilanċjata bejn l-irġiel u n-nisa.
3. Iż-żewġ delegazzjonijiet għandhom jikkonsistu minn rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet transindustrijali Ewropej, jew li jirrappreżentaw l-interessi ġenerali jew l-interessi aktar speċifiċi tal-persunal ta' superviżjoni u maniġerjali u ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju fil-livell Ewropew.
Il-koordinazzjoni teknika għandha tingħata lid-delegazzjoni tal-ħaddiema mill-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions (KETU) u lid-delegazzjoni ta' min iħaddem mill-Konfederazzjoni tan-Negozji Ewropej (BUSINESSEUROPE). Il-KETU u l-BUSINESSEUROPE għandhom jiżguraw li l-fehmiet espressi mill-organizzazzjonijiet speċifiċi u settorjali jkunu meqjusa bis-sħiħ fil-kontributi tagħhom u għandhom, fejn xieraq, jinkludu r-rappreżentanti ta' wħud minn dawk l-organizzazzjonijiet fid-delegazzjonijiet tagħhom.
Artikolu 3
Tħejjija
1. L-aġenda tas-Summit għandha tkun iddeterminata b'mod konġunt mill-Kunsill, mill-Kummissjoni u mill-organizzazzjonijiet transindustrijali li jirrapreżentaw lill-ħaddiema u lil min iħaddem li jkunu qed jieħdu sehem fix-xogħol tas-Summit. Għal dan il-għan, għandhom isiru għadd ta' laqgħat preparatorji bejn il-Kunsill, il-Kummissjoni, il-KETU u l-BUSINESSEUROPE.
2. Il-materji fuq l-aġenda għandhom ikunu diskussi mil-laqgħa tal-Kunsill fil-konfigurazzjoni tiegħu ta' Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur skont kif xieraq mill-kontribuzzjoni tal-korpi preparatorji tiegħu.
3. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi appoġġ ta' segretarjat lis-Summit. Is-segretarjat għandu jiżgura b'mod partikolari li d-dokumenti jitqassmu f'ħin propizju. Għall-finijiet ta' tħejjija u l-organizzar ta' laqgħat, is-segretarjat tas-Summit għandu jistabbilixxi l-kuntatti xierqa mal-KETU u l-BUSINESSEUROPE, li t-tnejn għandhom ikunu responsabbli mill-koordinazzjoni tad-delegazzjonijiet rispettivi tagħhom.
Artikolu 4
Operat
1. Is-Summit għandu jiltaqa' mill-inqas darbtejn fis-sena. Il-laqgħat għandhom isiru qabel is-seduti rispettivi tar-rebbiegħa u tal-ħarifa tal-Kunsill Ewropew.
2. Is-Summit għandu jkun presedut b'mod konġunt mill-President tal-Kunsill Ewropew u l-President tal-Kummissjoni, bil-parteċipazzjoni tal-Presidenza attwali tal-Kunsill.
3. Il-laqgħat tas-Summit għandhom jissejħu mill-presidenti konġunti fuq inizjattiva tagħhom stess, b'konsultazzjoni mas-sħab soċjali.
4. Il-President tal-Kunsill Ewropew għandu jirrapporta lill-Kunsill Ewropew dwar id-diskussjonijiet u l-eżiti tas-Summit.
Artikolu 5
Informazzjoni
Il-presidenti konġunti għandhom iħejju sommarju tad-diskussjonijiet tas-Summit biex jinfurmaw lill-konfigurazzjonijiet rilevanti tal-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-pubbliku ġenerali.
Artikolu 6
Tħassir
Id-Deċiżjoni 2003/174/KE hija b'dan imħassra b'effett mill-21 ta' Ottubru 2016.
Artikolu 7
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fil-Lussemburgu, it-13 ta' Ottubru 2016.
Għall-Kunsill
Il-President
J. RICHTER
(1) Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/174/KE tas-6 ta' Marzu 2003 li tistabbilixxi Summit Tripartit Soċjali għall-Iżvilupp u x-Xogħol (ĠU L 70, 14.3.2003, p. 31).
(2) Regolament (UE) Nru 1175/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet tal-budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 12).