This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32016D1750
Council Decision (EU) 2016/1750 of 17 June 2016 on the conclusion, on behalf of the European Union, of the Protocol to Eliminate Illicit Trade in Tobacco Products to the World Health Organisation's Framework Convention on Tobacco Control, as regards its provisions on obligations related to judicial cooperation in criminal matters and the definition of criminal offences
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1750 tas-17 ta' Ġunju 2016 dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll biex jiġi Eliminat il-Kummerċ Illeċitu tal-Prodotti tat-Tabakk għall-Konvenzjoni Qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk, meta jkunu kkonċernati d-dispożizzjonijiet tiegħu dwar l-obbligi relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali u mad-definizzjoni ta' reati kriminali
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1750 tas-17 ta' Ġunju 2016 dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll biex jiġi Eliminat il-Kummerċ Illeċitu tal-Prodotti tat-Tabakk għall-Konvenzjoni Qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk, meta jkunu kkonċernati d-dispożizzjonijiet tiegħu dwar l-obbligi relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali u mad-definizzjoni ta' reati kriminali
ĠU L 268, 1.10.2016, p. 6–9
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
1.10.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 268/6 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2016/1750
tas-17 ta' Ġunju 2016
dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll biex jiġi Eliminat il-Kummerċ Illeċitu tal-Prodotti tat-Tabakk għall-Konvenzjoni Qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk, meta jkunu kkonċernati d-dispożizzjonijiet tiegħu dwar l-obbligi relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali u mad-definizzjoni ta' reati kriminali
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 82(1), u l-Artikolu 83 flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,
Billi:
(1) |
Il-konklużjoni tal-Konvenzjoni Qafas dwar il-kontroll fuq it-Tabakk (FCTC) tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) ġiet approvata f'isem il-Komunità permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/513/KE (1). |
(2) |
F'konformità mad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2013/744/UE (2) u 2013/745/UE (3), il-Protokoll biex jiġi Eliminat il-Kummerċ Illeċitu tal-Prodotti tat-Tabakk għad-WHO FCTC (“il-Protokoll”) ġie ffirmat fl-20 ta' Diċembru 2013, bil-kundizzjoni li jiġi konkluż f'data aktar tard. |
(3) |
Il-Protokoll jirrappreżenta kontribut sinifikanti għall-isforzi internazzjonali biex tiġi eliminata kull forma ta' kummerċ illeċitu tal-prodotti tat-tabakk, u biex b'hekk tiġi miġġielda ċ-ċirkomvenzjoni tal-obbligi tat-taxxa u d-dazji doganali u jonqos il-forniment ta' prodotti tat-tabakk, b'konformità mal-Artikolu 15 tal-FCTC tad-WHO. Il-Protokoll jagħti wkoll kontribut għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern tal-prodotti tat-tabakk filwaqt li jiżgura livell għoli ta' saħħa pubblika. |
(4) |
Il-Protokoll ikopri oqsma relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali, mad-definizzjoni ta' reati kriminali, u mal-kooperazzjoni tal-pulizija. Sa fejn l-Artikoli 14, 16, 19, 23, 26, 27, 29 u 30 tal-Protokoll jistgħu jiġu implimentati permezz ta' miżuri li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dawk l-oqsma, dawk id-dispożizzjonijiet jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tat-Titolu V tal-Parti Tlieta tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. |
(5) |
Permezz ta' atti legali, l-Unjoni stabbilixxiet regoli komuni fl-oqsma tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali u d-definizzjoni ta' reati kriminali (4). L-Artikoli 14, 16, 26, 29 u 30 tal-Protokoll jistgħu jaffettwaw ir-regoli komuni jew jibdlu il-kamp ta' applikazzjoni tagħhom. Il-Protokoll għandu jiġi approvat f'isem l-Unjoni Ewropea fir-rigward ta' kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Unjoni biss sa fejn il-Protokoll jista' jaffettwa tali regoli komuni jew jaltera l-kamp ta' applikazzjoni tagħhom. |
(6) |
Bil-konklużjoni tal-Protokoll, l-Unjoni mhux ser tkun qed teżerċita kompetenza kondiviża, għalhekk l-Istati Membri jżommu l-kompetenza tagħhom fl-oqsma koperti mill-Protokoll li ma jaffettwawx ir-regoli komuni u ma jalterawx il-kamp ta' applikazzjoni ta' tali regoli komuni. |
(7) |
L-Irlanda hija marbuta bl-Att tal-Kunsill tas-26 ta' Lulju 1995 u bid-Deċiżjoni Qafas 2001/500/ĠAI, u b'hekk qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni. |
(8) |
F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta' dak il-Protokoll, ir-Renju Unit mhuwiex qed jieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhuwiex marbut biha jew soġġett għall-applikazzjoni tagħha. |
(9) |
F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha. |
(10) |
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1749 (5) adottata b'mod parallel ma' din id-Deċiżjoni, tikkonċerna l-konklużjoni, f'isem l-Unjoni, tal-Protokoll, bl-eċċezzjoni tad-dispożizzjonijiet tiegħu dwar l-obbligi relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali u mad-definizzjoni ta' reati kriminali. |
(11) |
Il-Protokoll għandu jiġi approvat fir-rigward ta' materji li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Unjoni, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Protokoll biex jiġi Eliminat il-Kummerċ Illeċitu tal-Prodotti tat-Tabakk għall-Konvenzjoni Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk fir-rigward tal-Artikoli 14, 16, 26, 29 u 30, relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali u d-definizzjoni ta' reati kriminali, huwa b'dan approvat f'isem l-Unjoni.
It-test tal-Protokoll huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Il-President tal-Kunsill għandu jinnomina l-persuna/persuni awtorizzata/i biex tiddepożita/jiddepożitaw l-istrument ta' ratifika, f'isem l-Unjoni:
(a) |
l-istrument provduta fl-Artikolu 44(1) tal-Protokoll; |
(b) |
id-dikjarazzjoni tal-kompetenzi stipulata fl-Anness għal din id-Deċiżjoni, f'konformità mal-Artikolu 44(3) tal-Protokoll. |
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fil-Lussemburgu, is-17 ta' Ġunju 2016.
Għall-Kunsill
Il-President
J.R.V.A. DIJSSELBLOEM
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/513/KE tat-2 ta' Ġunju 2004 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni Kwadru tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-kontroll fuq it-Tabakk (ĠU L 213, 15.6.2004, p. 8).
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/744/UE tad-9 ta' Diċembru 2013 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll biex jiġi Eliminat il-Kummerċ Illeċitu tal-Prodotti tat-Tabakk għall-Konvenzjoni Qafas dwar il-kontroll fuq it-Tabakk tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tiegħu dwar l-obbligi relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali, mad-definizzjoni ta' reati kriminali, u mal-kooperazzjoni tal-pulizija (ĠU L 333, 12.12.2013, p. 73).
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/745/UE tad-9 ta' Diċembru 2013 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll biex jiġi Eliminat il-Kummerċ Illeċitu tal-Prodotti tat-Tabakk fil-Konvenzjoni Qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk, bl-eċċezzjoni tad-dispożizzjonijiet tiegħu dwar l-obbligi relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali, mad-definizzjoni ta' reati kriminali, u mal-kooperazzjoni tal-pulizija (ĠU L 333, 12.12.2013, p. 75).
Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/500/ĠAI tas-26 ta' Ġunju 2001 dwar il-ħasil tal-flus, l-identifikazzjoni, l-intraċċar, l-iffriżar, il-qbid u l-konfiska tal-mezzi u l-qligħ mill-kriminalità (ĠU L 182, 5.7.2001, p. 1);
(4) L-Att tal-Kunsill tas-26 ta' Lulju 1995 li jfassal il-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU C 316, 27.11.1995, p. 48).
(5) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1749 tas-17 ta' Ġunju 2016 dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll biex jiġi Eliminat il-Kummerċ Illeċitu tal-Prodotti tat-Tabakk tal-Konvenzjoni Qafas dwar il-kontroll fuq it-Tabakk (FCTC) tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, rigward id-dispożizzjonijiet tiegħu dwar l-obbligi relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali u d-definizzjoni ta' reati kriminali (ara l-paġna 1 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).
ANNESS
DIKJARAZZJONI TAL-KOMPETENZI MILL-UNJONI EWROPEA RIGWARD IL-MATERJI KOPERTI MILL-PROTOKOLL BIEX JIĠI ELIMINAT IL-KUMMERĊ ILLEĊITU TAL-PRODOTTI TAT-TABAKK
(F'KONFORMITÀ MAL-ARTIKOLU 44 TAL-PROTOKOLL)
L-Unjoni Ewropea (UE) tissottometti, f'konformità mal-Artikolu 44 tal-Protokoll biex jiġi Eliminat il-Kummerċ Illeċitu fil-Prodotti tat-Tabakk fil-Konvenzjoni Qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk (“il-Protokoll FCTC”), id-Dikjarazzjoni ta' Kompetenzi segwenti li tispeċifika l-kategoriji u l-oqsma ta' politika li għalihom l-Istati Membri tal-UE taw kompetenzi lill-UE fl-oqsma koperti mill-Protokoll FCTC.
1. Prinċipji Ġenerali
Il-kategoriji u l-oqsma ta' kompetenza tal-Unjoni huma stipulati fl-Artikoli 2 sa 6 TFUE. Meta t-Trattati jagħtu kompetenza esklużiva lill-UE f'qasam speċifiku, l-UE biss tista' tilleġiżla u tadotta atti legalment vinkolanti, u l-Istati Membri jkunu jistgħu jagħmlu dan biss jekk jingħataw is-setgħa mill-UE jew sabiex jimplimentaw l-atti tal-UE. Meta t-Trattati jagħtu lill-UE kompetenza kondiviża mal-Istati Membri f'qasam speċifiku, l-UE u l-Istati Membri jistgħu jilleġiżlaw u jadottaw atti legalment vinkolanti f'dak il-qasam. L-Istati Membri jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom sakemm l-UE ma tkunx eżerċitat il-kompetenza tagħha. L-Istati Membri jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom mill-ġdid sakemm l-Unjoni tkun iddeċidiet li tieqaf teżerċita l-kompetenza tagħha.
Fir-rigward tal-konklużjoni tal-ftehimiet internazzjonali, għall-oqsma ta' politika elenkati fl-Artikolu 3(1) TFUE, hija l-UE biss li għandha l-kompetenza li taġixxi. Għall-oqsma ta' politika elenkati fl-Artikolu 4(2) TFUE, l-UE tikkondividi l-kompetenza mal-Istati Membri, iżda hija l-UE biss li għandha l-kompetenza li taġixxi meta l-azzjoni maħsuba hija neċessarja biex tippermetti li l-Unjoni teżerċita l-kompetenza interna tagħha, jew sakemm id-dispożizzjonijiet fil-ftehim jistgħu jaffettwaw regoli komuni jew jalteraw l-kamp ta' applikazzjoni tagħhom fit-tifsira tal-Artikolu 3(2) TFUE; sakemm dan ma jkunx il-każ (jiġifieri il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 3(2) TFUE ma jkunux issodisfati), l-Istati Membri jistgħu jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom li jaġixxu f'dawn l-oqsma ta' politika.
Il-kompetenzi li mhumiex attribwiti lill-UE mit-Trattati jaqgħu fil-kompetenzi tal-Istati Membri tal-UE.
Kif suppost, l-UE tinnotifika kwalunkwe modifika sostanzjali fil-firxa tal-kompetenzi tagħha, b'konformità mal-Artikolu 44 tal-Protokoll, mingħajr ma dan jikkostitwixxi prerekwiżit għall-eżerċizzju tal-kompetenza tagħha fi kwistjonijiet koperti mill-Protokoll FCTC.
2. Kompetenza esklużiva tal-UE
2.1. |
L-UE għandha kompetenza esklużiva sabiex taġixxi fir-rigward tal-materji koperti mill-Protokoll FCTC li jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni tal-politika kummerċjali komuni tal-UE (l-Artikolu 207 tat-TFUE). |
2.2. |
Barra minn hekk, l-UE għandha l-kompetenza esklużiva biex taġixxi fir-rigward ta' materji koperti mill-Protokoll FCTC li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-kooperazzjoni doganali (Art. 33 TFUE), l-approssimazzjoni tal-liġijiet fis-suq intern (Artikoli 113 u 114 TFUE), il-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali (Artikolu 82 TFUE) u d-definizzjoni ta' reati kriminali (Artikolu 83 TFUE), biss sa fejn id-dispożizzjonijiet ta' att tal-Unjoni jistabbilixxu regoli komuni li jistgħu jiġu affettwati jew alterati fir-rigward tal-kamp ta' applikazzjoni tagħhom peremzz tad-dispożizzjonijiet tal-Protokoll FCTC. Il-lista ta' atti tal-Unjoni ta' hawn taħt turi l-punt sa fejn l-Unjoni eżerċitat il-kompetenza interna tagħha f'dawn l-oqsma f'konformità mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. L-ambitu tal-kompetenza esklużiva tal-Unjoni li jirriżulta minn dawn l-atti jrid ikun ivvalutat b'referenza għad-dispożizzjonijiet preċiżi ta' kull miżura, u b'mod partikolari l-punt sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet jistabbilixxu regoli komuni li jirriskjaw li jiġu affettwati jew alterati fir-rigward tal-kamp ta' applikazzjoni tagħhom, mid-dispożizzjonijiet tal-Protokoll FCTC jew xi att adottat fl-implimentazzjoni tagħhom.
|
3. Kompetenza tal-Istati Membri
L-Istati Membri jibqgħu kompetenti biex jaġixxu fir-rigward ta' kwistjonijiet oħrajn koperti mill-Protokoll FCTC li mhumiex imsemmija fit-taqsimiet 2.1 u 2.2, u li l-UE ma għandhiex il-kompetenza esklużiva biex taġixxi fuqhom.