This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32016D1022
Council Decision (EU) 2016/1022 of 17 June 2016 abrogating Decision 2010/401/EU on the existence of an excessive deficit in Cyprus
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1022 tas-17 ta' Ġunju 2016 li tabroga d-Deċiżjoni 2010/401/UE dwar l-eżistenza ta' żbilanċ eċċessiv f'Ċipru
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1022 tas-17 ta' Ġunju 2016 li tabroga d-Deċiżjoni 2010/401/UE dwar l-eżistenza ta' żbilanċ eċċessiv f'Ċipru
ĠU L 166, 24.6.2016, pp. 14–16
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
| Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
|---|---|---|---|---|---|
| Repeal | 32010D0401 |
|
24.6.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 166/14 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2016/1022
tas-17 ta' Ġunju 2016
li tabroga d-Deċiżjoni 2010/401/UE dwar l-eżistenza ta' żbilanċ eċċessiv f'Ċipru
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 126(12) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Fit-13 ta' Lulju 2010, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/401/UE (1) abbażi ta' rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, il-Kunsill iddeċieda, skont l-Artikolu 126(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li f'Ċipru kien jeżisti defiċit eċċessiv. Il-Kunsill innota li, skont id-data nnotifikata mill-awtoritajiet Ċiprijotti f'April 2010, id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika f'Ċipru kien jilħaq is-6,1 % tal-PDG fl-2009, li kien ogħla mill-valur referenzjarju tal-PDG skont it-Trattat ta' 3 % tal-PDG. Id-dejn gross tal-amministrazzjoni pubblika kien ippjanat li jilħaq it-62 % tal-PDG fl-2010, li kien għola mill-valur referenzjarju tal-PDG skont it-Trattat ta' 60 % tal-PDG. |
|
(2) |
Fit-13 ta' Lulju 2010, skont l-Artikolu 126(7) tat-TFUE u l-Artikolu 3(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 (2), il-Kunsill, abbażi ta' rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, indirizza rakkomandazzjoni lil Ċipru bl-għan li s-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv tal-gvern tinġieb fi tmiemha sal-2012. Dik ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill ġiet ippubblikata. |
|
(3) |
Fis-27 ta' Jannar 2011, il-Kummissjoni kkonkludiet li, abbażi tal-informazzjoni disponibbli f'dak iż-żmien, Ċipru kienet ħadet azzjoni li tirrappreżenta progress adegwat lejn il-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv fil-limitu ta' żmien stabbilit mill-Kunsill. Fil-11 ta' Jannar 2012, il-Kummissjoni reġgħet ikkonfermat li Ċipru kienet ħadet azzjoni effettiva biex tikkoreġi b'mod sostenibbli u f'waqtu d-defiċit eċċessiv. |
|
(4) |
L-awtoritajiet Ċiprijotti talbu għal assistenza finanzjarja mill-Unjoni, mill-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro u mill-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) bl-għan li jiġi appoġġat ir-ritorn tal-ekonomija ta' Ċipru lejn it-tkabbir sostenibbli. Fil-25 ta' April 2013, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2013/236/UE (3) indirizzata lil Ċipru, dwar miżuri speċifiċi għal Ċipru biex terġa' lura għal stabbiltà finanzjarja u tkabbir sostenibbli. B'mod parallel, il-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà (MES) ta faċilità ta' assistenza finanzjarja lil Ċipru. F'dak il-kuntest, fis-26 ta' April 2013 l-awtoritajiet Ċiprijotti u l-Kummissjoni, li taġixxi f'isem il-MES, iffirmaw Memorandum ta' Qbil dwar il-Kondizzjonijiet Speċifiċi ta' Politika Ekonomika. |
|
(5) |
Fis-16 ta' Mejju 2013, f'konformità mal-Artikolu 3(5) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97, il-Kunsill ikkonkluda li Ċipru kienet ħadet azzjoni effettiva iżda li, wara li kienet ġiet adottata r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2010, seħħew żviluppi ekonomiċi negattivi mhux mistennija li kellhom konsegwenzi żvantaġġużi kbar fuq il-finanzi pubbliċi. Għaldaqstant, il-Kunsill, abbażi ta' rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, qies li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3(5) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97 ġew issodisfati u adotta rakkomandazzjoni ġdida indirizzata lil Ċipru skont l-Artikolu 126(7) tat-TFUE, bl-għan li s-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv tinġieb fi tmiemha sal-2016. |
|
(6) |
Fis-6 ta' Settembru 2013, il-Kummissjoni kkonkludiet li Ċipru kienet ħadet azzjoni effettiva biex tikkoreġi d-defiċit eċċessiv sal-2016, kif kien irrakkomandat mill-Kunsill fis-16 ta' Mejju 2013. |
|
(7) |
F'konformità mal-Artikolu 10(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 472/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), Ċipru kienet eżenti minn rekwiżit ta' rappurtar separat skont il-proċedura ta' defiċit eċċessiv u minflok irrapportat fil-qafas tal-programm ta' aġġustament makroekonomiku tagħha. |
|
(8) |
F'Marzu 2016, Ċipru ħarġet mill-programm ta' aġġustament ekonomiku ta' tliet snin tagħha li kien jinkludi l-implimentazzjoni ta' aġenda ta' riforma ambizzjuża u kkontribwiet biex tiżgura stabbiltà finanzjarja, ittejjeb il-finanzi pubbliċi u jerġa' jkun hemm tkabbir ekonomiku sostenibbli. |
|
(9) |
Skont l-Artikolu 4 tal-Protokoll (Nru 12) dwar il-proċedura ta' defiċit eċċessiv anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-TFUE, il-Kummissjoni tipprovdi d-data għall-implimentazzjoni ta' din il-proċedura. Bħala parti mill-applikazzjoni ta' dak il-Protokoll, l-Istati Membri għandhom jirrappurtaw data dwar id-defiċit u d-dejn tal-gvern tagħhom kif ukoll dwar varjabbli assoċjati oħra darbtejn fis-sena, jiġifieri qabel l-1 ta' April u qabel l-1 ta' Ottubru, skont l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 (5). |
|
(10) |
Il-Kunsill għandu jieħu deċiżjoni biex tiġi abroga deċiżjoni dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv fuq il-bażi tad-data notifikata. Barra minn hekk, deċiżjoni dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv għandha tiġi abrogata biss jekk it-tbassir tal-Kummissjoni jindika li d-defiċit ma jkunx se jaqbeż il-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG skont it-Trattat, tul il-perjodu ta' tbassir (6). |
|
(11) |
Abbażi tad-data pprovduta mill-Kummissjoni (Eurostat) skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 479/2009, wara n-notifika minn Ċipru f'April 2016, u abbażi tal-Programm ta' Stabbiltà tal-2016 u t-tbassir tar-rebbiegħa tal-2016 tal-Kummissjoni, il-konklużjonijiet li ġejjin huma ġġustifikati:
|
|
(12) |
Mill-2016, li hija s-sena ta' wara dik li fiha saret il-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv, Ċipru hija soġġetta għall-parti preventiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir u għandha tiżgura konformità mal-objettiv ta' terminu medju tagħha, inkluż billi tirrispetta l-valur referenzjarju tal-infiq, u tagħmel biżżejjed progress biex tikkonforma mal-kriterju tad-dejn skont l-Artikolu 2(1a) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97. F'dak il-kuntest, jidher li Ċipru hija mistennija tikkonforma mal-objettiv ta' terminu medju tagħha fl-2016 filwaqt li hija mistennija ftit devjazzjoni fl-2017. Il-bilanċ strutturali ta' Ċipru huwa mbassar li jiddeterjora aktar minn dak li huwa permess skont ir-regola tranżitorja tad-dejn. Se jkun hemm bżonn ta' miżuri ulterjuri fl-2017. |
|
(13) |
Skont l-Artikolu 126(12) tat-TFUE, Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv għandha tiġi abrogata meta, fil-fehma tal-Kunsill, id-defiċit eċċessiv fl-Istat Membru kkonċernat ikun ġie kkoreġut. |
|
(14) |
Fil-fehma tal-Kunsill, id-defiċit eċċessiv f'Ċipru ġie kkoreġut, u għaldaqstant id-Deċiżjoni 2010/401/UE għandha tiġi abrogata, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Minn din l-evalwazzjoni ġenerali, jista' jiġi konkluż li s-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv f'Ċipru ġiet ikkoreġuta.
Artikolu 2
Id-Deċiżjoni 2010/401/UE hija abrogata.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika ta' Ċipru.
Magħmul fil-Lussemburgu, is-17 ta' Ġunju 2016.
Għall-Kunsill
Il-President
J.R.V.A. DIJSSELBLOEM
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/401/UE tat-13 ta' Lulju 2010 dwar l-eżistenza ta' żbilanċ eċċessiv f'Ċipru (ĠU L 186, 20.7.2010, p. 30).
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6).
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/236/UE tal-25 ta' April 2013 indirizzata lil Ċipru dwar miżuri speċifiċi għall-kisba mill-ġdid ta' stabbiltà finanzjarja u tkabbir sostenibbli (ĠU L 141, 28.5.2013, p. 32).
(4) Ir-Regolament (UE) Nru 472/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro li jesperjenzaw jew ikunu mhedda b'diffikultajiet gravi fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom (ĠU L 140, 27.5.2013, p. 1).
(5) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 tal-25 ta' Mejju 2009 dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura tal-iżbilanċ eċċessiv anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (ĠU L 145, 10.6.2009, p. 1).
(6) F'konformità ma' “Specifications on the implementation of the Stability and Growth Pact and Guidelines on the format and content of Stability and Convergence Programmes” tat-3 ta' Settembru 2012. Ara: http://ec.europa.eu/economy_finance/economic_governance/sgp/pdf/coc/code_of_conduct_en.pdf