Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D1522

    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1522 tal-14 ta' Settembru 2015 li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat dwar l-Akkwisti Pubbliċi dwar l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Moldova għall-Ftehim Rivedut dwar l-Akkwisti Pubbliċi

    ĠU L 239, 15.9.2015, p. 144–145 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/1522/oj

    15.9.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 239/144


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/1522

    tal-14 ta' Settembru 2015

    li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat dwar l-Akkwisti Pubbliċi dwar l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Moldova għall-Ftehim Rivedut dwar l-Akkwisti Pubbliċi

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Fis-7 ta' Jannar 2002, ir-Repubblika tal-Moldova applikat għall-adeżjoni mal-Ftehim Rivedut dwar l-Akkwisti Pubbliċi (“il-GPA Rivedut”),

    (2)

    L-impenji tar-Repubblika tal-Moldova dwar il-kopertura huma stabbiliti fl-offerta finali tagħha, kif imressqa lill-Partijiet għall-GPA Rivedut fis-27 ta' Mejju 2015.

    (3)

    L-offerta finali tar-Repubblika tal-Moldova tipprovdi kopertura estensiva ta' entitajiet ċentrali, subċentrali u entitajiet oħrajn li joperaw fis-settur tal-utilitajiet, prodotti, servizzi tal-kostruzzjoni u servizzi f'setturi oħrajn oħrajn. Għalhekk, hija sodisfaċenti u aċċettabbli. It-termini tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Moldova, kif riflessi fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni, se jkunu riflessi fid-deċiżjoni adottata mill-Kumitat dwar l-Akkwisti Pubbliċi (“il-Kumitat GPA”) dwar l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Moldova.

    (4)

    L-adeżjoni tar-Repubblika tal-Moldova għall-GPA Rivedut hija mistennija li tkun ta' kontribut pożittiv għal aktar ftuħ tas-swieq tal-akkwist pubbliku internazzjonali.

    (5)

    L-Artikolu XXII(2) tal-GPA Rivedut jipprevedi li kull Membru tad-WTO jista' jaderixxi mal-GPA Rivedut dwar it-termini li għandhom jiġu miftiehma bejn dak il-Membru u l-Partijiet, b'tali termini ddikjarati f'deċiżjoni tal-Kumitat tal-GPA.

    (6)

    Huwa għalhekk neċessarju li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fi ħdan il-Kumitat tal-GPA fir-rigward l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Moldova,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fi ħdan il-Kumitat dwar l-Akkwisti Pubbliċi hija li tapprova l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Moldova tal-Ftehim Rivedut dwar l-Akkwisti Pubbliċi mill-Gvern, suġġett għal termini speċifiċi ta' adeżjoni stabbiliti fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Settembru 2015.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. ASSELBORN


    ANNESS

    TERMINI TAL-UE GĦALL-ADEŻJONI TAR-REPUBBLIKA TAL-MOLDOVA MAL-GPA RIVEDUT  (1)

    Mal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Moldova għallGPA Rivedut, il-punt 2 tat-taqsima 2 (“L-awtoritajiet kontraenti tal-Gvern Ċentrali tal-Istati Membri tal-UE”) tal-Anness 1 tal-Appendiċi I tal-Unjoni Ewropea għandu jaqra kif ġej:

    “2.

    Għall-oġġetti, servizzi, fornituri u provdituri ta' servizzi ta' Iżrael, tal-Montenegro, u tar-Repubblika tal-Moldova, l-akkwist mill-awtoritajiet kontraenti tal-gvern ċentrali li ġejjin.”.


    (1)  In-numerazzjoni tal-iskedi ta' kopertura tal-Partijiet għall-GPA Rivedut inbidlet mis-segretarjat tad-WTO bi qbil mal-Partijiet għall-GPA Rivedut. In-numerazzjoni użata f'dan l-Anness tikkorrispondi man-numerazzjoni tal-aħħar kopja ċertifikata bħala awtentika tal-iskedi ta' kopertura tal-Partijiet għall-GPA Rivedut, li ntbagħtet mid-WTO lill-Partijiet għall-GPA permezz ta' notifika uffiċjali li tinsab disponibbli hawn http://www.wto.org/english/tratop_e/gproc_e/gp_app_agree_e.htm#revisedGPA. In-numerazzjoni tal-iskedi ta' kopertura tal-Partijiet għall-GPA Rivedut ippubblikata fil-ĠU L 68, 7.3.2014, p. 2 ma għadhiex tintuża.


    Top