EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R1015

Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1015/2014 tat- 22 ta' Lulju 2014 li jemenda l-Annessi II u II tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li japplika skema ta' preferenzi tariffarji ġeneralizzati u li jħassar ir-Regolament Iddelegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 154/2013

ĠU L 283, 27.9.2014, p. 20–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2014/1015/oj

27.9.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 283/20


REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1015/2014

tat-22 ta' Lulju 2014

li jemenda l-Annessi II u II tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li japplika skema ta' preferenzi tariffarji ġeneralizzati u li jħassar ir-Regolament Iddelegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 154/2013

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidrat r-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li japplika skema ta' preferenzi tariffarji ġeneralizzati u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 732/2008 (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 5(3) u 10(5) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 (“ir-Regolament GSP”) jistabbilixxi l-kriterji għall-għoti tal-preferenzi tariffarji skont l-arranġament ġenerali tal-Iskema ta' Preferenzi Ġeneralizzati (GSP).

(2)

L-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament GSP jistipula li pajjiż li ġie kklassifikat mill-Bank Dinji bħala pajjiż ta' dħul għoli jew bi dħul medju superjuri għal tliet snin konsekuttivi ma għandux jibbenefika mill-preferenzi tal-GSP.

(3)

L-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament GSP jistipula li pajjiż li jibbenefika minn arranġament għal aċċess preferenzjali għas-suq li jipprovdi l-istess preferenzi tariffarji bħall-GSP, jew aħjar, sostanzjalment għall-kummerċ kollu, m'għandux igawdi minn preferenzi GSP.

(4)

Il-lista tal-pajjiżi benefiċjarji tal-GSP ġenerali hija stabbilita bl-Anness II tar-Regolament GSP. L-Artikolu 5 tar-Regolament GSP jistipula li l-Anness II għandu jiġi rieżaminat sal-1 ta' Jannar ta' kull sena biex jirrifletti l-bidliet f'relazzjoni mal-kriterji stipulati fl-Artikolu 4. Barra minn hekk, huwa jipprevedi li l-pajjiż benefiċjarju tal-GSP u l-operaturi ekonomiċi jingħataw biżżejjed żmien għal adattament ordnat għal reviżjoni tal-istatus ta' GSP tal-pajjiż. Għaldaqstant, l-arranġament tal-GSP huwa li jkompli għal sena wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-bidla fl-istatus ta' pajjiż fuq il-bażi tal-Artikolu 4(1)(a) u għal sentejn mid-data tal-applikazzjoni ta' arranġament għal aċċess preferenzjali għas-suq, kif previst fl-Artikolu 4(1)(b).

(5)

It-Turkmenistan ġie kklassifikat mill-Bank Dinji bħala pajjiż bi dħul medju superjuri fl-2012, l-2013 u l-2014. Għaldaqstant, it-Turkmenistan ma jibqax jikkwalifika għal status ta' benefiċjarju tal-GSP skont l-Artikolu 4(1)(a) u għandu jitneħħa mill-Anness II tar-Regolament GSP. Id-deċiżjoni li pajjiż benefiċjarju jitneħħa mil-lista ta' pajjiżi benefiċjarji tal-GSP għandha tibda tapplika minn sena wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dik id-deċiżjoni. Fl-interessi ta' applikazzjoni uniformi, it-Turkmenistan għandu jitneħħa mill-Anness II b'effett mill-1 ta' Jannar 2016.

(6)

Arranġamenti ta' aċċess preferenzjali għas-suq ma' dawn il-pajjiżi bdew japplikaw f'diversi dati fl-2013: Il-Perù fl-1 ta' Marzu 2013, il-Kolombja, il-Ħonduras, in-Nikaragwa u l-Panama fl-1 ta' Awwissu 2013, il-Kosta Rika u l-El Salvador fl-1 ta' Ottubru 2013 u l-Gwatemala fl-1 ta' Diċembru 2013. Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi u bidla tal-istatus tagħhom tal-GSP skont ir-Regolament tal-GSP, il-Perù, il-Kolombja, il-Ħonduras, in-Nikaragwa, il-Panama, il-Kosta Rika, l-El Salvador u l-Gwatemala għandhom jitneħħew mill-Anness II b'effett mill-1 ta' Jannar 2016.

(7)

L-Artikolu 9(1) tar-Regolament tal-GSP jistabbilixxi l-kriterji speċifiċi ta' eliġibilità għall-għoti tal-preferenzi tariffarji skont l-arranġament speċjali dwar l-inċentivi għall-iżvilupp sostenibbli u l-governanza tajba (“GSP+”). Kundizzjoni ewlenija hija li l-pajjiż għandu jkun benefiċjarju tal-GSP. Il-lista tal-benefiċjarji tal-GSP hija stabbilita fl-Anness III tar-Regolament GSP.

(8)

Bħala konsegwenza tal-fatt li ma jibqgħux benefiċjarji tal-GSP, il-Kosta Rika, il-Gwatemala, l-El Salvador, il-Panama u l-Perù ma jibqgħux lanqas benefiċjarji tal-GSP + skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament tal-GSP. Dawk il-pajjiżi għalhekk għandhom jitneħħew mill-Anness III tar-Regolament GSP b'applikazzjoni mill-1 ta' Jannar 2016.

(9)

Bl-istess mod, kif preskritt bir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1421/2013 (2), l-Ekwador ma jibqax benefiċjarju tal-GSP mill-1 ta' Jannar 2015. Konsegwentement, f'konformità mal-Artikolu 9 tar-Regolament GSP, l-Ekwador, ma jibqax benefiċjarju tal-GSP + u għandu jitneħħa mill-Anness III tar-Regolament GSP b'effett mill-istess data.

(10)

Wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 1421/2013 fl-1 ta' Jannar 2014, ir-Regolament Iddelegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 154/2013 (3) li pprovda verżjoni kkonsolidata tal-Anness II u wkoll għat-tneħħija tal-Iran u l-Ażerbajġan mil-lista ta' pajjiżi benefiċjarji tas-GSP ma jibqax japplika. Għalhekk, għal raġunijiet ta' ċarezza ġuridika, ir-Regolament ta' Delega (UE) Nru 154/2013/KE għandu jitħassar. Madankollu, b'deroga mir-Regolament ta' Delega (UE) Nru 1421/2013, ir-Regolament ta' Delega (UE) Nru 154/2013 għandu jibqa' japplika sat-22 ta' Frar 2014 fir-rigward tal-Azerbajġan u l-Iran. Konsegwentement għandu jiġi ċċarat li l-Iran u l-Azerbajġan kienu żammew l-status ta' benefiċjarji tal-GSP mill-1 ta' Jannar 2014 sat-22 ta' Frar 2014.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament (UE) No 978/2012

Ir-Regolament (UE) Nru 978/2012 huwa emendat kif ġej:

1.

Fl-Anness II, il-pajjiżi li ġejjin u l-kodiċi alfabetiku korrispondenti jitneħħew minn kolonni A u B, rispettivament:

CO

Il-Kolombja

CR

Il-Kosta Rika

GT

Il-Gwatemala

SV

L-El Salvador

HN

Il-Ħonduras

NI

In-Nikaragwa

PA

Il-Panama

PE

Il-Perù

TM

It-Turkmenistan

2.

L-Anness III hu emendat kif ġej:

(a)

il-pajjiż li ġej u l-kodiċi alfabetiku korrispondenti jitneħħew minn kolonni A u B, rispettivament:

EC

L-Ekwador

(b)

il-pajjiżi li ġejjin u l-kodiċi alfabetiku korrispondenti jitneħħew minn kolonni A u B, rispettivament:

CR

Il-Kosta Rika

GT

Il-Gwatemala

SV

L-El Salvador

PA

Il-Panama

PE

Il-Perù

Artikolu 2

Tħassir

Ir-Regolament ta' Delega (UE) Nru 154/2013 huwa mħassar b'effett mill-1 ta' Jannar 2014.

B'deroga mir-Regolament ta' Delega (UE) Nru 1421/2013, it-tħassir jidħol fis-seħħ fit-23 ta' Frar 2014 fir-rigward tal-Ażerbajġan u l-Iran.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 1(1) japplika mill-1 ta' Jannar 2016.

L-Artikolu 1(2)(a) japplika mill-1 ta' Jannar 2015.

L-Artikolu 1(2)(b) japplika mill-1 ta' Jannar 2016.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmula fi Brussell, it-22 ta' Lulju 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 303, 31.10.2012, p. 1.

(2)  Ir-Regolament Iddelegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1421/2013 tat-30 ta' Ottubru 2013 li jemenda l-Anness I, II u IV tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li japplika skema ta' preferenzi tariffarji ġeneralizzati (ĠU L 355, 31.12.2013, p. 1).

(3)  Ir-Regolament Iddelegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 154/2013 tat-18 ta' Diċembru 2012 li jemenda l-Anness II, tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li japplika skema ta' preferenzi tariffarji ġeneralizzati (ĠU L 48, 21/02/2013, p. 1).


Top