EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0830

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 830/2014 tat- 30 ta' Lulju 2014 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1890/2005, ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 2/2012 u r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 205/2013 fir-rigward tal-prodotti soġġetti għall-miżuri tal-antidumping attwali dwar qfieli tal-azzar inossidabbli u partijiet minnhom, u fir-rigward ta' talbiet għal rieżami għall-parteċipanti l-ġodda, u li jipprevedi, f'ċerti każijiet, il-possibbiltà ta' ħlas lura jew remissjoni tad-dazji

ĠU L 228, 31.7.2014, p. 16–23 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 08/01/2017: This act has been changed. Current consolidated version: 31/07/2014

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2014/830/oj

31.7.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 228/16


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 830/2014

tat-30 ta' Lulju 2014

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1890/2005, ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 2/2012 u r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 205/2013 fir-rigward tal-prodotti soġġetti għall-miżuri tal-antidumping attwali dwar qfieli tal-azzar inossidabbli u partijiet minnhom, u fir-rigward ta' talbiet għal rieżami għall-parteċipanti l-ġodda, u li jipprevedi, f'ċerti każijiet, il-possibbiltà ta' ħlas lura jew remissjoni tad-dazji

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 9(4) u 11(3), (5) u (6) tiegħu,

Billi:

A.   PROĊEDURA

1.   Il-miżuri fis-seħħ

(1)

Bis-saħħa tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1890/2005 (2) (“ir-Regolament oriġinali”) il-Kunsill impona dazju definittiv ta' antidumping (“il-miżuri oiġinali”) fuq importazzjonijiet ta' ċerti qfieli tal-azzar li ma jittebbax u partijiet minnhom (“QAI — qfieli tal-azzar inossidabbli”) li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“RPĊ”), l-Indoneżja, it-Tajwan, it-Tajlanda u l-Vjetnam.

(2)

Wara rieżami ta' skadenza (“ir-rieżami ta' skadenza”), ibbażat fuq l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 (“ir-Regolament bażiku”), li kien limitat għall-miżuri imposti fuq l-importazzjonijiet li joriġinaw mir-RPĊ u t-Tajwan, il-miżuri oriġinali li jvarjaw minn 11,4 % sa 27,4 % għar-RPĊ u minn 8,8 % sa 23,6 % għat-Tajwan ġew estiżi bir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 2/2012 (3) (“ir-Regolament ta' rieżami ta' skadenza”).

(3)

Wara investigazzjoni kontra l-evażjoni bbażata fuq l-Artikolu 13(3) tar-Regolament bażiku (“l-investigazzjoni kontra l-evażjoni”) id-dazju antidumping definittiv applikabbli għall-“kumpaniji l-oħra kollha” mir-RPĊ ġie estiż fuq l-importazzjonijiet tal-QAI konsenjati mill-Filippini, kemm jekk dikjarati li joriġinaw mill-Filippini u kemm jekk le, bir-Regolament (UE) Nru 205/2013 (4).

2.   Bidu ta' rieżami interim

(4)

Produttur esportatur mit-Tajwan, Sheh Kai Precision Co., Ltd, (“l-applikant”), ippreżenta talba għal rieżami interim parzjali skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku. L-applikant talab l-esklużjoni ta' ċerti tipi ta' qfieli, jiġifieri l-qfieli bimetalliċi (“QBM”), mill-ambitu tal-miżuri attwali minħabba l-karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u tekniċi allegatament differenti tagħhom.

(5)

Wara li ddeterminat li teżisti evidenza suffiċjenti għall-bidu ta' rieżami interim parzjali, u wara li kkonsultat mal-Kumitat Konsultattiv, fis-6 ta' Ġunju 2013 il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”), permezz ta' notifika (“in-Notifika ta' Bidu”) ippublikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (5), bdiet rieżami parzjali interim tal-miżuri antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta' ċerti qfieli tal-azzar inossidabbli u partijiet tagħhom li joriġinaw mir-RPĊ u mit-Tajwan (6).

(6)

Dan ir-rieżami huwa limitat għall-analiżi tal-ambitu tal-prodott sabiex jiġi ċċarat jekk ċerti tipi ta' prodotti ta' viti tal-azzar inossidabbli, b'mod partikolari l-QBM, jaqgħux fl-ambitu tal-miżuri oriġinali, kif prolongat u estiż.

3.   Partijiet ikkonċernati mill-investigazzjoni

(7)

Il-produtturi tal-Unjoni magħrufa u l-assoċjazzjonijiet tagħhom, l-importaturi u l-utenti, ir-rappreżentanti tal-pajjiżi esportaturi kif ukoll il-produtturi magħrufa kollha fir-RPĊ u t-Tajwan ġew mgħarrfa mill-Kummissjoni dwar il-bidu tar-rieżami.

(8)

Il-Kummissjoni talbet informazzjoni mill-partijiet kollha msemmija hawn fuq u minn dawk il-partijiet li introduċew ruħhom fiż-żmien stipulat fin-Notifika tal-Bidu. Il-Kummissjoni tat ukoll lill-partijiet interessati l-opportunità li jagħtu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u jitolbu seduta ta' smigħ.

(9)

Tlettax-il produttur esportatur Tajwaniż, produttur esportatur Ċiniż wieħed, produttur wieħed tal-Unjoni, seba' importaturi u utent wieħed bagħtu tweġiba għall-kwestjonarju.

(10)

Barra minn hekk, l-assoċjazzjoni li tirrappreżenta l-produtturi tal-Unjoni — l-ilmentaturi fl-investigazzjoni oriġinali u fir-rieżami ta' skadenza — ikkonfermaw li l-ebda waħda mill-kumpaniji tal-Unjoni ma tipproduċi QBM u għalhekk dawn ma għandhom l-ebda opinjoni dwar il-karatteristiċi tal-QBM.

(11)

L-ebda waħda mis-sitt assoċjazzjoni ta' produtturi Ewropej addizzjonali magħrufa mill-investigazzjoni oriġinali ma ressqet informazzjoni.

(12)

Matul l-investigazzjoni ma kienet mitluba l-ebda seduta ta' smigħ.

4.   Iż-żjarat ta' verifika

(13)

Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha li qieset meħtieġa. Saru żjarat ta' verifika fil-bini tal-kumpaniji li ġejjin:

Produttur tal-Unjoni:

Reisser Schraubentechnik GmbH, Ingelfingen-Criesbach, il-Ġermanja

Importatur tal-Unjoni:

Till and Whitehead Ltd, Cheltenham, ir-Renju Unit

Produtturi esportaturi fit-Tajwan:

Sheh Kai Precision Co., Ltd, Kaohsiung, it-Tajwan

Metalink Precision Industries Co., Ltd, Kaohsiung, it-Tajwan

Sun Through Industrial Co., Ltd, Hemei Township, it-Tajwan

B.   IL-PRODOTT IKKONĊERNAT U L-PRODOTT TAĦT RIEŻAMI

(14)

Il-prodott ikkonċernat, kif definit fl-Artikolu 1(1) tar-rieżami ta' skadenza ta' dan ir-Regolament huwa ċerti qfieli tal-azzar li ma jissaddadx u partijiet tagħhom, li bħalissa huma kklassifikati fil-kodiċi NM 7318 12 10, 7318 14 10, 7318 15 30, 7318 15 51, 7318 15 61 u 7318 15 70 li joriġinaw mir-RPĊ u t-Tajwan.

(15)

Fit-talba għar-rieżami l-applikant talab l-esklużjoni ta' ċerti qfieli tal-azzar inossidabbli mill-ambitu tal-miżura antidumping attwali. Il-prodott li għandu jiġi eskluż fit-talba għar-rieżami ġie definit mill-applikant bħala “viti bimetalliċi li jaqbdu kamin waħedhom (self-tapping u self-drilling) li jkollhom sieq u ras tal-azzar inossidabbli u ponta tal-azzar bil-karbonju li tippermetti li l-vit jiddrillja waħdu fit-toqba pilota tiegħu stess u jaqtal-kamin tiegħu stess f'metall ta' azzar iebes, u li bħalissa jaqa' taħt il-kodiċi NM ex 7318 14 10”.

(16)

Wieħed mill-importaturi li kkooperaw iddikjara li l-Kummissjoni kellha tistabbilixxi distinzjoni mhux bejn il-QBM u l-QAI iżda bejn il-qfieli self-drilling u dawk self-tapping bil-għan li teskludi l-qfieli self-drilling mill-ambitu tal-prodott tal-miżuri antidumping irrispettivament jekk humiex QBM jew QAI.

(17)

L-għan ta' dan ir-rieżami kif indikat fit-talba mressqa mill-applikant u kif imsemmi b'mod speċifiku fl-ewwel paragrafu ta' punt 4 tan-Notifika ta' Bidu huwa li janalizza jekk preċiżament il-viti bimetalliċi self-tapping u self-drilling għandhomx jiġu esklużi mill-ambitu tal-prodotti li bħalissa huma soġġetti għal miżuri antidumping. Għaldaqstant, din it-talba kellha tiġi miċħuda.

(18)

Fl-istess waqt, il-Kummissjoni kkunsidrat id-differenzi bejn qfieli self-drilling u dawk self-tapping. Dan jidher fl-emenda tad-definizzjoni pprovduta mill-applikant, ikkwotat fil-premessa 15, kif indikat fil-premessa 19.

(19)

Għall-finijiet ta' dan ir-rieżami “QBM” tfisser: viti bimetalliċi self-drilling li jkollhom sieq u ras tal-azzar inossidabbli u ponta u kamini ewlenin tal-azzar bil-karbonju, iwweldjati flimkien biex jippermettu li l-vit jiddrillja waħdu fit-toqba pilota tiegħu stess u jaqtal-kamin tiegħu stess f'metall ta' azzar iebes, u viti bimetalliċi self-tapping, li jkollhom sieq u ras tal-azzar inossidabbli u kamini ewlenin tal-azzar bil-karbonju, iwweldjati flimkien biex jippermettu li l-vit jaqtal-kamin tiegħu stess f'metall ta' azzar iebes; it-tnejn li huma bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 7318 14 10.

(20)

Il-QBM jikkonsistu fi prodott relattivament ġdid fis-suq li ġie żviluppat sabiex jgħaqqad l-aktar karatteristiċi importanti tal-karbonju u l-qfieli tal-azzar inossidabbli f'qafla waħda jiġifieri l-ebusija tal-azzar bil-karbonju u r-reżistenza tal-korrużjoni tal-azzar li ma jsaddadx. Il-QBM jiġu prodotti permezz tas-saldatura tal-parti tal-azzar bil-karbonju mal-parti tal-azzar inossidabbli li jiffurmaw qafla self-drilling u/jew self-tapping li jkollha ponta u kamini ewlenin (fil-każ ta' qfieli self-tapping il-kamini ewlenin biss billi ma jkunx hemm ponta) magħmula minn azzar bil-karbonju, filwaqt li s-sieq b'aktar kamini u r-ras huma magħmula minn azzar inossidabbli.

(21)

Tali QBM huma kapaċi jippenetraw pjanċi tal-metall anki sa 25 mm ta' ħxuna mingħajr il-ħtieġa ta' titqib minn qabel filwaqt li l-QAI normali jistgħu biss jippenetraw pjanċi tal-metall ta' massimu ta' 3 mm ta' ħxuna. Fl-istess ħin il-QBM iżommu r-reżistenza għall-korrużjoni tagħhom u għalhekk huma adattati għal applikazzjonijiet fuq barra, bħal twieqi u soqfa u f'ambjenti li jkollhom kimika qawwija, bħal pixxini u ċerti fabbriki.

C.   IR-RIŻULTATI TAL-INVESTIGAZZJONI

Metodoloġija

(22)

Kemm matul l-investigazzjoni oriġinali kif ukoll l-investigazzjoni tar-rieżami ta' skadenza ma kien hemm l-ebda differenza bejn il-QBM u l-QAI. Fi kliem ieħor, l-informazzjoni kienet biss miġbura fuq tipi differenti ta' azzar inossidabbli użat bħala materja prima iżda mhux fuq qfieli magħmulin minn kemm azzar inossidabbli kif ukoll azzar bil-karbonju bħala materja prima.

(23)

Wara l-iżvelar finali fir-rieżami ta' skadenza, parti interessata waħda ddikjarat li l-qfieli bimetalliċi ma għandhomx ikunu inklużi fl-ambitu ta' applikazzjoni tal-prodott minħabba d-differenzi sinifikanti rigward il-qfieli tal-azzar inossidabbli f'termini ta' prezz tal-bejgħ tal-unità, il-kost tal-produzzjoni, il-karatteristiċi fiżiċi u tekniċi bażiċi (il-materja prima tagħhom), kif ukoll l-applikazzjonijiet. (7) Madankollu, kif spjegat fil-premessa 21 tar-rieżami ta' skadenza tar-Regolament, l-ambitu tal-prodott ma jistax jiġi mmodifikat fil-kuntest ta' rieżami ta' skadenza.

(24)

Sabiex jiġi vvalutat jekk il-QBM humiex koperti bil-miżuri oriġinali ġie analizzat jekk il-QBM u l-QAI għandhomx l-istess karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u tekniċi bażiċi u l-istess tipi ta' użu finali. F'dan ir-rigward, ġie valutat ukoll kemm parti tistax tinbidel ma' oħra u l-kompetizzjoni bejn iż-żewġ tipi ta' qfieli.

Il-karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u tekniċi bażiċi

Karatteristiċi fiżiċi

(25)

Id-differenza fiżika ewlenija bejn il-QBM u l-QAI huwa l-fatt li l-QBM huma magħmulin minn żewġ tipi differenti ta' azzar iwweldjati flimkien filwaqt li l-QAI standard huma maqtugħin u magħmula minn wajer wieħed tal-azzar inossidabbli. Fil-każ tal-QBM, it-tliet jew erba' kamini ewlenin u l-ponta użata għat-titqib huma magħmula minn azzar bil-karbonju, filwaqt li r-ras u s-sieq huma magħmula minn azzar inossidabbli.

(26)

Sakemm ma tiġix applikata kisja speċjali, id-differenza bejn il-parti tal-azzar inossidabbli u l-parti tal-azzar bil-karbonju tal-QBM tkun tidher. Għandu jiġi osservat li f'bosta każijiet, il-qfieli jgħaddu minn proċess ta' kisi sabiex tittejjeb ir-reżistenza għall-korrużjoni tagħhom u għalhekk il-QAI u l-QBM jistgħu ma jkunux jintgħarfu mad-daqqa ta' għajn.

(27)

Madankollu, il-QBM ikollhom proprjetajiet manjetiċi fil-parti tal-azzar bil-karbonju tagħhom, li hija karatteristika importanti użata sabiex dawn jiġu distinti mill-QAI.

Karatteristiċi tekniċi

(28)

Il-QBM għandhom il-kapaċità li jtaqqbu u jidħlu fi pjanċi tal-metall iebsin u ħoxnin permezz tal-materjal tagħhom tal-azzar bil-karbonju. Il-QAI ma għandhomx din il-kapaċità minħabba l-karatteristiċi tal-azzar inossidabbli.

Karatteristiċi kimiċi

(29)

Minħabba l-kontenut tal-azzar bil-karbonju tagħhom, il-kompożizzjoni tal-element kimiku tal-QBM hija differenti meta mqabbla mal-QAI li jkunu magħmulin biss minn azzar inossidabbli.

Konklużjoni

(30)

Fuq il-bażi ta' dan ta' hawn fuq, jiġi konkluż li anki jekk il-QBM jidhru fiżikament bħall-QAI (meta miksija), dawn għandhom karatteristiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi bażiċi differenti minn dawk tal-QAI.

L-użu finali u l-interskambjalità

(31)

Il-Kummissjoni vvalutat jekk id-differenzi identifikati f'karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u tekniċi differenti jwasslux għal użu aħħari u perċezzjoni tas-suq differenti tal-QBM u tal-QAI.

(32)

Ġie stabbilit li l-QBM jintużaw primarjament għal xogħlijiet ta' tisqif fuq barra u kisi bl-użu tal-metall, kisi tat-twieqi u xogħlijiet fuq ġewwa f'ambjenti li jkollhom kimika qawwija bħal pixxini u ċerti fabbriki. Dawn ix-xogħlijiet kollha normalment jeħtieġu pjanċi tal-metall ta' ħxuna differenti li jitwaħħlu flimkien jew ma' materjali oħra bħas-saffi tal-insulazzjoni ta' diversi kompożizzjonijiet. F'dawn ix-xogħlijiet kollha l-użu ta' qfieli li huma reżistenti għall-korrużjoni huwa importanti ħafna mill-perspettiva tal-klijent u f'xi każijiet/pajjiżi huwa saħansitra rekwiżit legali.

(33)

Il-QBM huma speċifikament żviluppati biex jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' xogħlijiet bħal dawn minħabba li dawn jistgħu jtaqqbu t-tipi kollha ta' uċuh inklużi pjanċi tal-metall ħoxnin (bħall-qfieli tal-azzar bil-karbonju) u fl-istess ħin jirreżistu għall-korrużjoni (bħall-qfieli tal-azzar inossidabbli).

(34)

Il-produttur uniku kooperattiv tal-Unjoni sostna li l-istess riżultat, jiġifieri t-twaħħil ta' uċuħ differenti flimkien, jista' jinkiseb mit-tnejn li huma kemm mill-QBM kif ukoll mill-QAI. Skont din il-kumpanija l-unika differenza hija l-mod kif jiddaħħal il-vit, jiġifieri b'titqib minn qabel jew mingħajru. Titqib minn qabel ifisser li, bħala l-ewwel pass jiġu mtaqqba toqob bi trapani li jvarjaw skont il-materjal. Il-viti jiddaħħlu wara, b'hekk jinvolvi pass ieħor. It-titqib minn qabel ikun meħtieġ meta jintużaw il-QAI u pjanċi tal-metall. Għal din ir-raġuni l-kumpanija msemmija tikkunsidra li l-għażla bejn il-QAI u l-QBM hija biss deċiżjoni ekonomika bejn li taċċetta aktar kostijiet ta' xogħol jew materjal.

(35)

Madankollu, l-investigazzjoni wriet li fil-prattika l-metodu ta' titqib minn qabel mhux biss huwa ħela ta' ħin u jinvolvi xogħol żejjed iżda f'ċerti xogħlijiet (notevolment fil-kisi ta' twieqi) lanqas huwa fattibbli. Ir-raġuni hija li dan il-metodu jeħtieġ tliet uċuħ differenti jew saħansitra aktar li jiġu mtaqqba minn qabel, kull wieħed b'tip differenti ta' trapan, imbagħad jitpoġġew eżatt flimkien biex tkun tista' tiddaħħal il-QAI. Għaldaqstant, f'dan il-każ, jintużaw biss qfieli magħmulin minn azzar bil-karbonju biss bħala alternattiva għall-QBM, aktar milli QAI biss. Is-soluzzjoni tal-qfieli tal-azzar bil-karbonju biss ma tissodisfax ir-rekwiżit tar-reżistenza kontra l-korrużjoni.

(36)

Barra minn hekk, meta jsir it-titqib minn qabel, fil-każ ta' uċuħ tal-metall eħxen, il-QAI mdaħħlin ma jkunux jistgħu jiffurmaw il-kamini minn ġewwa tagħhom stess u għalhekk is-saħħa fil-ġbid tkun inqas milli meta jintużaw il-QBM (jew qafla tal-azzar bil-karbonju).

(37)

Abbażi ta' li ntqal hawn fuq it-talba stabbilita fil-premessa 34 għandha tiġi miċħuda.

(38)

Huwa konkluż li d-differenzi identifikati fil-karatteristiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi jkollhom impatt fuq l-użu aħħari tal-QBM. Għall-kuntrarju tal-QAI, il-QBM jissodisfaw aktar funzjonijiet speċifiċi u l-użu tagħhom huwa limitat għal segmenti tas-suq definiti sew, bħal xogħlijiet fuq barra bl-użu tal-metall, kisi tat-twieqi u ċerti xogħlijiet fuq ġewwa f'ambjenti li jkollhom kimika qawwija.

Differenzi fil-proċess tal-produzzjoni, il-kostijiet u l-prezzijiet

(39)

L-investigazzjoni wriet li l-proċess tal-produzzjoni tal-QBM huwa differenti ħafna minn dak tal-QAI minħabba li jinvolvi għadd ta' passi addizzjonali ta' produzzjoni, makkinarju u teknika differenti. B'mod partikolari l-iwweldjar u t-tisħin tal-induzzjoni jistgħu jitqiesu bħala għaljin, uniċi u passi tal-produzzjoni teknoloġikament sensittivi li huma rilevanti biss għall-QBM.

(40)

Ġie kkonfermat ukoll li dawn id-differenzi fil-proċess tal-produzzjoni jirriżulta f'kostijiet tal-manifattura u l-prezzijiet ogħla ħafna tal-QBM. Id-differenza fil-kost tal-manifattura għal tip simili ta' QBM u QAI tista' tvarja bejn 40 % sa 150 % skont il-metodu ta' produzzjoni u t-tip/it-tul tal-qafla, filwaqt li d-differenzi fil-prezzijiet jistgħu jaqbżu l-400 %.

(41)

Id-differenza konsiderevoli fil-prezzijiet (u l-kostijiet) bejn il-QBM u l QAI timplika li l-QBM ma jintużawx għal finijiet li l-QAI jistgħu jintużaw bl-istess riżultat, partikolarment biex jitwaħħlu uċuħ differenti minn dawk ta' metall oħxon. Dan jappoġġa l-konklużjoni tal-premessa 38 li l-konsumaturi jagħrfu d-differenzi bejn dawn iż-żewġ tipi ta' qfieli u jarawhom bħala prodotti differenti.

D.   KONKLUŻJONI DWAR L-AMBITU TAL-PRODOTT

(42)

Is-sejbiet ta' hawn fuq juru li l-QBM għandhom karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u tekniċi differenti meta mqabbla mal-QAI u li dawn id-differenzi huma rilevanti għall-użu aħħari u l-perċezzjoni tas-suq tal-QBM.

(43)

Huwa pjuttost limitat li l-QBM jistgħu jintużaw minflok il-QAI u viċiversa minħabba li fil-maġġoranza tal-każijiet il-QAI ma jistgħux jintużaw bl-istess riżultat bħall-QBM. Fin-nuqqas tal-QBM, l-utenti jippreferu jduru għal qfieli tal-azzar bil-karbonju. Barra minn hekk, il-fatt jekk il-QAI jistgħux jintużaw minflok il-QBM jiġi affettwat minn differenza sostanzjali fil-prezz ta' dawn iż-żewġ prodotti.

(44)

Fid-dawl tad-differenzi msemmija, jiġi konkluż li l-QBM ma jaqgħux fl-ambitu tal-prodott tal-investigazzjoni oriġinali u li l-miżuri imposti mill-investigazzjoni oriġinali ma kellhomx jiġu applikati għall-importazzjonijiet tal-QBM. Għaldaqstant, l-ambitu tal-applikazzjoni tal-miżuri eżistenti għandu jiġi ċċarat b'mod retroattiv permezz ta' emendi għar-Regolament (KE) Nru 1890/2005, ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 2/2012 u r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 205/2013.

E.   RIEŻAMI GĦALL-PARTEĊIPANTI L-ĠODDA

(45)

Skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku għandha ssir dispożizzjoni fir-rieżami ta' skadenza tar-Regolament biex takkomoda talbiet għal rieżami mill-parteċipanti l-ġodda.

F.   APPLIKAZZJONI RETROATTIVA

(46)

Billi din l-investigazzjoni ta' rieżami preżenti kienet limitata għall-kjarifika tal-ambitu tal-prodott u billi l-QBM ma kellhomx ikunu koperti bil-miżuri oriġinali, biex jiġi evitat li ssir ħsara konsegwenti lill-importaturi tal-prodott, jitqies xieraq li l-konklużjonijiet jibdew japplikaw b'mod retroattiv mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament oriġinali, inklużi kull importazzjoni soġġetta għal dazji proviżorji bejn it-22 ta' Mejju 2005 u d-19 ta' Novembru 2005.

(47)

Fin-Notifika ta' Bidu, il-partijiet interessati kienu espliċitament mistiedna biex jikkummentaw dwar effett possibbli retroattiv li l-konklużjonijiet jista' jkollhom. Żewġ importaturi esprimew l-appoġġ tagħhom għall-applikazzjoni retroattiva u ħadd mill-partijiet interessati ma esprimew oppożizzjoni għall-applikazzjoni tar-retroattività tar-riżultati tar-rieżami.

(48)

Għaldaqstant, id-dazji proviżorji miġbura definittivament u d-dazji antidumping definittivi mħallsa fuq l-importazzjoni tal-QBM fl-Unjoni skont ir-Regolament Nru (KE) Nru 1890/2005 kif ukoll id-dazji antidumping definittivi mħallsa fuq l-importazzjonijiet tal-QBM fl-Unjoni skont ir-Regolament Nru (UE) Nru 2/2012, kif estiż bir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 205/2013 fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti qfieli tal-azzar li ma jissaddadx konsenjat mill-Filippini, kemm jekk dikjarati li joriġinaw mill-Filippini u kemm jekk le, għandhom jitħallsu lura jew jiġu rimessi. Il-ħlas lura jew ir-remissjoni jridu jintalbu mingħand l-awtoritajiet doganali nazzjonali skont il-leġiżlazzjoni doganali applikabbli.

(49)

Dan ir-rieżami ma jaffettwax id-data ta' meta r-Regolament (UE) Nru 2/2012 jintemm skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.

(50)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku.

G.   DIVULGAZZJONI

(51)

Il-partijiet kollha interessati ġew mgħarrfa bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li wasslu għall-konklużjonijiet imsemmija u ġew mistiedna biex jikkummentaw. Huma ngħataw ukoll perjodu biex jissottomettu l-kummenti wara d-divulgazzjoni. L-ebda sottomissjoni u kummenti ma waslu.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 1890/2005, il-paragrafu 1 jiġi mibdul b'dan li ġej:

“1.   Qed jiġi hawnhekk impost dazju definittiv ta' antidumping fuq importazzjonijiet ta' ċerti qfieli tal-azzar li ma jittebbax u partijiet tagħhom, li jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 7318 12 10, ex 7318 14 10, 7318 15 30, 7318 15 51, 7318 15 61 u 7318 15 70 u li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, l-Indoneżja, it-Tajwan, it-Tajlandja u l-Vjetnam.

Il-qfieli bimetalliċi, iddefiniti bħala: viti bimetalliċi self-drilling, li jkollhom sieq u ras tal-azzar inossidabbli u ponta u kamini ewlenin tal-azzar bil-karbonju, iwweldjati flimkien biex jippermettu li l-vit jiddrillja waħdu fit-toqba pilota tiegħu stess u jaqtal-kamin tiegħu stess f'metall ta' azzar iebes; u viti bimetalliċi self-tapping, li jkollhom sieq u ras tal-azzar inossidabbli u kamini ewlenin tal-azzar bil-karbonju, iwweldjati flimkien biex jippermettu li l-vit jaqtal-kamin tiegħu stess f'metall ta' azzar iebes; it-tnejn li huma bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 7318 14 10, ma jkunux koperti mid-dazju definittiv ta' antidumping.”

Artikolu 2

Fir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 2/2012, l-Artikolu 1 jiġi emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Qed jiġi hawnhekk impost dazju definittiv ta' antidumping fuq importazzjonijiet ta' ċerti qfieli tal-azzar li ma jissaddadx u partijiet tagħhom, li jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 7318 12 10, ex 7318 14 10 (il-kodiċi TARIC mill-jum wara l-publikazzjoni tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 830/2014 (*)7318141051, 7318141059, 7318141081 u 7318141089), 7318 15 30, 7318 15 51, 7318 15 61 u 7318 15 70 u li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u t-Tajwan.

Il-qfieli bimetalliċi, iddefiniti bħala: viti bimetalliċi self-drilling, li jkollhom sieq u ras tal-azzar inossidabbli u ponta u kamini ewlenin tal-azzar bil-karbonju, iwweldjati flimkien biex jippermettu li l-vit jiddrillja waħdu fit-toqba pilota tiegħu stess u jaqtal-kamin tiegħu stess f'metall ta' azzar iebes; u viti bimetalliċi self-tapping, li jkollhom sieq u ras tal-azzar inossidabbli u kamini ewlenin tal-azzar bil-karbonju, iwweldjati flimkien biex jippermettu li l-vit jaqtal-kamin tiegħu stess f'metall ta' azzar iebes; it-tnejn li huma bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 7318 14 10, ma jkunux koperti mid-dazju definittiv ta' antidumping.

(*)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 830/2014 tat-30 ta' Lulju 2014 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1890/2005, ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 2/2012 u Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 205/2013 fir-rigward tal-prodotti soġġetti għall-miżuri tal-antidumping attwali dwar qfieli tal-azzar inossidabbli u partijiet minnhom, u fir-rigward ta' talbiet għal rieżami għall-parteċipanti l-ġodda, u li jipprevedi, f'ċerti każijiet, il-possibbiltà ta' ħlas lura jew remissjoni tad-dazji (ĠU L 226, 31.7.2014, p. 16).”"

(b)

jiżdied il-paragrafu 4 li ġej:

“4.   Fejn kull produttur esportatur ġdid fit-Tajwan jipprovdi xhieda suffiċjenti lill-Kummissjoni li:

(a)

ma jkunx esporta lejn l-Unjoni l-prodott deskritt fl-Artikolu 1(1) matul il-perjodu ta' investigazzjoni (mill-1 ta' Lulju 2003 sat-30 ta' Ġunju 2004);

(b)

mhuwiex relatat ma' xi wieħed mill-esportaturi jew produtturi fit-Tajwan li huma soġġetti għall-miżuri imposti minn dan ir-Regolament; kif ukoll

(c)

ikun effettivament esporta lejn l-Unjoni l-prodott ikkonċernat wara l-perjodu ta' investigazzjoni jew li jkun daħal f'obbligu kuntrattwali irrevokabbli sabiex jesporta kwantità sinifikanti lejn l-Unjoni,

l-Anness jista' jiġi emendat billi jiżdied il-produttur esportatur il-ġdid mal-kumpaniji li jikkooperaw mhux inklużi fil-kampjun u għalhekk soġġetti għar-rata tad-dazju medja differenzjata ta' 15,8 %.”

Artikolu 3

Fl-Artikolu 1 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 205/2013, il-paragrafu 1 jinbidel b'dan li ġej:

“1.   Id-dazju antidumping definittiv applikabbli għall-‘kumpaniji l-oħra kollha’ mir-RPĊ impost mill-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) Nru 2/2012, kif emendat bl-Artikolu 2 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 830/2014 (**), fuq importazzjonijiet ta' ċerti qfieli tal-azzar li ma jissaddadx u partijiet tagħhom li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, permezz ta' dan huwa estiż għal importazzjonijiet ta' ċerti qfieli tal-azzar li ma jissaddadx u partijiet tagħhom konsenjati mill-Filippini, kemm jekk dikjarati bħala li joriġinaw mill-Filippini u kemm jekk le, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 7318 12 10, ex 7318 14 10, ex 7318 15 30, ex 7318 15 51, ex 7318 15 61 u ex 7318 15 70 (kodiċijiet TARIC 7318121011, 7318121091, 7318141051, 7318141081, 7318153011, 7318153061, 7318153081, 7318155111, 7318155161, 7318155181, 7318156111, 7318156161, 7318156181, 7318157011, 7318157061 u 7318157081), minbarra dawk prodotti mill-kumpaniji elenkati hawn taħt:

Kumpanija

Il-kodiċi Taric Addizzjonali

Multi-Tek Fasteners Inc., Clark Freeport Zone, Pampanga, il-Filippini

B355

Rosario Fasteners Corporation, Cavite Economic Area, il-Filippini

B356

Artikolu 4

Għal oġġetti li mhumiex koperti bl-Artikolu 1(1) tar-Regolament (KE) Nru 1890/2005 u l-Artikolu 1(1) tar-Regolament (UE) Nru 2/2012 kif estiż bir-Regolament (UE) Nru 205/2013 u emendat b'dan ir-Regolament, id-dazji definittivi ta' antidumping imħallsa jew imdaħħlin fil-kontijiet skont l-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1890/2005 u l-Artikolu 1(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 2/2012 kif estiż bir-Regolament (UE) Nru 205/2013 qabel l-emenda b'dan ir-Regolament, jitħallsu lura jew jiġu rimessi.

Il-ħlas lura u r-remissjoni jintalbu mill-awtoritajiet doganali nazzjonali skont il-leġiżlazzjoni doganali applikabbli. F'każijiet fejn il-limiti ta' żmien stipulati fl-Artikolu 236(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 (8) jkunu skadew qabel jew fid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan ir-Regolament, jew jekk ikunu skadew fi żmien sitt xhur wara dik id-data, qed jiġu b'dan estiżi biex jiskadu sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 5

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan japplika b'mod retroattiv mill-20 ta' Novembru 2005.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta' Lulju 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1890/2005 tal-14 ta' Novembru 2005 jimponi dazju definittiv ta' antidumping u li jiġbor b'mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq importazzjonijiet ta' ċerti qfieli tal-azzar li ma jittebbax u partijiet tagħhom li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, l-Indoneżja, it-Tajwan, it-Tajlandja u l-Vjetnam u li jtemm il-proċediment fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti qfieli tal-azzar li ma jittebbax u partijiet tagħhom li joriġinaw fil-Malasja u l-Filippini (ĠU L 302, 19.11.2005 p. 1).

(3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 2/2012 tal-4 ta' Jannar 2012 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta' ċerti qfieli tal-azzar li ma jissaddadx u partijiet tagħhom li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u t-Tajwan wara reviżjoni ta' skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 5, 7.1.2012 p. 1).

(4)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 205/2013 tas-7 ta' Marzu 2013 li jestendi d-dazju antidumping definittiv impost mir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 2/2012 fuq importazzjonijiet ta' ċerti qfieli tal-azzar li ma jissaddadx u partijiet tagħhom li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għal importazzjonijiet ta' ċerti qfieli tal-azzar li ma jissaddadx konsenjat mill-Filippini, kemm jekk dikjarat li joriġina mill-Filippini u kemm jekk le, u li jtemm l-investigazzjoni dwar evażjoni possibbli ta' miżuri antidumping imposti minn dak ir-regolament permezz ta' importazzjonijiet ta' ċerti qfieli tal-azzar li ma jissaddadx u partijiet tagħhom konsenjati mill-Malasja u t-Tajlandja, kemm jekk dikjarati bħala li joriġinaw fil-Malasja u fit-Tajlandja u kemm jekk le (ĠU L 68, 12.3.2013 p. 1).

(5)  ĠU C 160, 6.6.2013, p. 3.

(6)  Ir-rieżami interim beda ex officio għar-RPĊ minħabba li l-miżuri attwalment japplikaw kemm għat-Tajwan kif ukoll għar-RPĊ.

(7)  Il-Premessa 22 tar-rieżami ta' skadenza tar-Regolament.

(8)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1).


Top