Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0371

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 371/2014 tal- 10 ta' April 2014 li jimplimenta l-Artikolu 12(1) tar-Regolament (UE) Nru 359/2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fil-kuntest tas-sitwazzjoni fl-Iran

    ĠU L 109, 12.4.2014, p. 9–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2014/371/oj

    12.4.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 109/9


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) Nru 371/2014

    tal-10 ta' April 2014

    li jimplimenta l-Artikolu 12(1) tar-Regolament (UE) Nru 359/2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fil-kuntest tas-sitwazzjoni fl-Iran

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 359/2011 tat-12 ta' April 2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fil-kuntest tas-sitwazzjoni fl-Iran (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 12(1) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Fit-12 ta' April 2011, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 359/2011.

    (2)

    Abbażi ta' rieżami tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/235/PESK (2), il-Kunsill iddeċieda li l-miżuri restrittivi għandhom jiġġeddu sat-13 ta' April 2015.

    (3)

    Barra minn hekk, l-entrati li jikkonċernaw ċerti persuni inklużi fl-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 359/2011 għandhom jiġu aġġornati f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/205/PESK (3).

    (4)

    L-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 359/2011 għandu għaldaqstant jiġi emendat,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 359/2011 ser jiġi emendat kif stipulat fl-Anness għal dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-10 ta' April 2014.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    D. KOURKOULAS


    (1)  ĠU L 100, 14.4.2011, p. 1.

    (2)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/235/PESK tat-12 ta' April 2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fil-kuntest tas-sitwazzjoni fl-Iran (ĠU L 100, 14.4.2011, p. 51).

    (3)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/205/PESK tal-10 ta' April 2014 li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/235/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet fil-kuntest tas-sitwazzjoni fl-Iran (Ara paġna 25 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).


    ANNESS

    L-entrati tal-persuni elenkati hawn taħt għandhom jissostitwixxu l-entrati għalihom li jinsabu fl-Anness I għar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 359/2011:

    Persuni

     

    Isem

    Informazzjoni identifikattiva

    Raġunijiet

    Data tal-elenkar

    1.

    RAJABZADEH Azizollah

     

    Kap tal-Organizzazzjoni ta' Mitigazzjoni tad-Diżastri ta' Teħeran (TDMO). Ex Kap tal-Pulizija ta' Teħeran (sa Jannar 2010).

    Bħala Kmandant tal-Forzi ta' Infurzar tal-Liġi fi Greater Tehran, Azizollah Rajabzadeh huwa l-akkużat bl-aktar kariga għolja fil-kawża tal-abbużi fiċ-Ċentru ta' Detenzjoni ta' Kahrizak.

     

    2.

    DORRI-NADJAFABADI Ghorban-Ali

    Post tat-twelid: Najafabad (Iran)

    Data tat-Twelid: 1945

    Membru tal-Kunsill ta' Espendjenza u wkoll rappreżentant tal-Mexxej Suprem fil-Provinċja ta' Markazi (“Ċentrali”). Ex Prosekutur Ġenerali tal-Iran sa Settembru 2009 (ex Ministru tal-Intelligence matul il-Presidenza ta' Khatami).

    Bħala Prosekutur Ġenerali tal-Iran, huwa ordna u ssorvelja l-proċessi spettaklu b'segwitu għall-ewwel protesti ta' wara l-elezzjonijiet, fejn l-akkużati kienu miċħuda d-drittijiet tagħhom, u avukat. Huwa responsabbli wkoll għall-abbużi ta' Kahrizak.

     

    3.

    MORTAZAVI Said

    Post tat-twelid: Meybod, Yazd (Iran)

    Data tat-twelid: 1967

    Ex Kap tat-Task Force tal-Iran kontra l-Kuntrabandu, ex Prosekutur Ġenerali ta' Teħeran sa Awwissu 2009.

    Bħala Prosekutur Ġenerali ta' Teħeran, huwa kien ħareġ ordni ġenerali għad-detenzjoni ta' mijiet ta' attivisti, ġurnalisti u studenti. Huwa ġie sospiż mill-kariga f'Awwissu 2010 wara investigazzjoni mill-ġudikatura Iranjana dwar ir-rwol tiegħu fl-imwiet ta' tliet irġiel miżmuma fuq l-ordnijiet tiegħu wara l-elezzjoni.

     

    4.

    ZARGAR Ahmad

     

    Kap tal-“Organizzazzjoni għall-Preservazzjoni tal-Moralità”. Ex Imħallef, Qorti ta' Appell ta' Teħeran, fergħa 36.

    Huwa kkonferma mandati ta' priġunerija fit-tul u mandati kapitali kontra persuni li pprotestaw.

     

    5.

    ABBASZADEH-MESHKINI, Mahmoud

     

    Gvernatur tal-Provinċja ta' Ilam. Ex Direttur politiku tal-Ministeru tal-Intern.

    Bħala Kap tal-Kumitat tal-Artikolu 10 tal-Liġi dwar Attivitajiet ta' Partiti u Gruppi Politiċi huwa kien jieħu ħsieb l-awtorizzazzjoni ta' dimostrazzjonijiet u avvenimenti pubbliċi oħra u r-reġistrazzjoni ta' partiti politiċi.

    Fl-2010, huwa ssospenda l-attivitajiet ta' żewġ partiti politiċi riformisti marbuta ma' Mousavi — il-Front Iżlamiku għall-Parteċipazzjoni tal-Iran u l-Organizzazzjoni ta' Mujahedeen għar-Rivoluzzjoni Iżlamika.

    Mill-2009 'l quddiem huwa rrifjuta b'mod konsistenti u kontinwu l-laqgħat kollha mhux governattivi, u b'hekk ċaħħad dritt kostituzzjonali għall-protesta u wassal għal ħafna arresti ta' dimostraturi paċifiċi bi ksur tad-dritt għal-libertà ta' assemblea.

    Fl-2009 huwa ċaħħad ukoll l-oppożizzjoni minn permess għal ċerimonja biex tibki t-telfa tan-nies maqtula fi protesti matul l-elezzjonijiet Presidenzjali.

    10.10.2011

    6.

    FIRUZABADI Maj-Gen Dr Seyyed Hasan (Magħruf ukoll bħala: FIRUZABADI Maj-Gen Dr Seyed Hassan; FIROUZABADI Maj-Gen Dr Seyyed Hasan; FIROUZABADI Maj-Gen Dr Seyed Hassan)

    Post tat-twelid: Mashad

    Data tat-twelid: 3.2.1951

    Bħala Kap tal-Persunal tal-Forzi Armati tal-Iran, huwa l-ogħla kmand militari responsabbli mit-tmexxija tad-diviżjonijiet u l-politiki kollha militari, fosthom il-Korpi tal-Gwardji tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC) u l-pulizija. Il-forzi taħt il-katina ta' kmand formali tiegħu wettqu repressjoni brutali tad-dimostraturi paċifiċi kif ukoll detenzjonijiet tal-massa.

    Membru wkoll tal-Kunsill Suprem tas-Sigurtà Nazzjonali (SNSC) u l-Kunsill ta' Espedjenza.

    10.10.2011

    7.

    JOKAR Mohammad Saleh

     

    Mill-2011 deputat parlamentari għall-Provinċja ta' Yazd. Ex Kmandant tal-Forzi tal-Istudenti ta' Basij.

    Fil-kapaċità tiegħu ta' Kmandant tal-Forzi tal-Istudenti ta' Basij huwa kien involut b'mod attiv fit-trażżin ta' protesti fl-iskejjel u l-universitajiet u d-detenzjoni extraġudizzjarja ta' attivisti u ġurnalisti.

    10.10.2011

    8.

    SALARKIA Mahmoud

    Direttur tal-Klabb tal-Futbol ta' Teħeran “Persepolis”

    Kap tal-Kummissjoni tal-Petrol u tat-Trasport tal-Belt ta' Teħeran. Viċi Prosekutur Ġenerali ta' Teħeran għall-Affarijiet tal-Ħabs matul ir-repressjoni tal-2009.

    Bħala Viċi Prosekutur Ġenerali ta' Teħeran għall-Affarijiet tal-Ħabs huwa kien direttament responsabbli għal ħafna mill-mandati għall-arrest kontra dimostranti u attivisti innoċenti u paċifiċi. Ħafna rapporti minn difensuri tad-drittijiet tal-bniedem juru li virtwalment dawk kollha arrestati huma, fuq struzzjonijiet tiegħu, miżmuma f'iżolament mingħajr aċċess għall-avukat jew il-familji tagħhom, u mingħajr akkuża, għal tul ta' żmien li jvarja, spiss f'kondizzjonijiet li jammontaw għal għajbien sfurzat. Il-familji tagħhom ħafna drabi ma jiġux notifikati bl-arrest.

    10.10.2011

    9.

    SOURI Hojatollah

     

    Deputat parlamentari għall-Provinċja ta' Lorestan. Membru tal-Kummissjoni Parlamentari għall-Politika Barranija u ta' Sigurtà. Ex Kap tal-Ħabs ta' Evin.

    Bħala kap tal-ħabs ta' Evin matul l-2009, huwa kien responsabbli għal abbużi gravi tad-drittijiet tal-bniedem li għaddejjin f'dan il-ħabs fi żmienu, bħal swat, u abbużi mentali u sesswali. Skont informazzjoni konsistenti minn sorsi differenti, it-tortura hija prassi komuni fil-ħabs ta' Evin. Fis-Sala 209, qed jinżammu bosta attivisti għall-attivitajiet paċifiċi tagħhom f'oppożizzjoni għall-partit fil-gvern.

    10.10.2011

    10.

    TALA Hossein (Magħruf ukoll bħala: TALA Hosseyn)

     

    Viċi Gvernatur Ġenerali (“Farmandar”) tal-Provinċja ta' Teħeran sa Settembru 2010, b'mod partikolari responsabbli għall-intervent tal-forzi tal-pulizija u għalhekk għar-repressjoni tad-dimostrazzjonijiet.

    F'Diċembru 2010 huwa rċieva premju għar-rwol tiegħu fir-repressjoni ta' wara l-elezzjoni.

    10.10.2011

    11.

    TAMADDON Morteza (Magħruf ukoll bħala: TAMADON Morteza)

    Post tat-twelid: Shahr Kord-Isfahan

    Data tat-Twelid: 1959

    Ex Gvernatur Ġenerali tal-Provinċja ta' Teħeran, u kap tal-Kunsill tas-Sigurtà Pubblika provinċjali ta' Teħeran, membru tal-IRGC.

    Fil-kapaċità tiegħu bħala gvernatur u kap tal-Kunsill tas-Sigurtà Pubblika provinċjali ta' Teħeran, kellu r-responsabbiltà ġenerali għall-attivitajiet kollha ta' repressjoni, inkluż ir-repressjoni ta' protesti politiċi minn Ġunju 2009. Huwa magħruf għall-involviment personali tiegħu fil-molestja tal-mexxejja tal-oppożizzjoni Karroubi u Moussavi.

    10.10.2011

    12.

    BAKHTIARI Seyyed Morteza

    Post tat-twelid: Mashad (Iran)

    Data tat-Twelid: 1952

    Ex Ministru tal-Ġustizzja (2009-2013), ex gvernatur ġenerali tal-Isfahan u direttur tal-Organizzazzjoni tal-Ħabsijiet tal-Istat (sa Ġunju 2004).

    Bħala Ministru tal-Ġustizzja, huwa kellu rwol ewlieni fit-theddid u l-molestja tad-diaspora Iranjana billi ħabbar l-istabbiliment ta' qorti speċjali biex titratta speċifikament Iranjani li jgħixu barra mill-pajjiż. Bl-isforzi tal-Prosekutur ta' Teħeran, żewġ fergħat tal-qorti tal- prim istanza u dik tal-appelli u diversi fergħat tal-qrati tal-maġistrati ser jiġu assenjati biex jindirizzaw affarijiet ta' dawk li jgħixu barra mill-pajjiż.

    10.10.2011

    13.

    HOSSEINI Dr Mohammad (Magħruf ukoll bħala: HOSSEYNI, Dr Seyyed Mohammad; Seyed, Sayyed u Sayyid)

    Post tat-twelid: Rafsanjan, Kerman

    Data tat-Twelid: 1961

    Ex Ministru tal-Kultura u l-Gwida Iżlamika (2009-2013).

    Ex-IRGC, kompliċi fir-repressjoni tal-ġurnalisti.

    10.10.2011

    14.

    MOSLEHI Heydar (Magħruf ukoll bħala: MOSLEHI Heidar; MOSLEHI Haidar)

    Post tat-twelid: Isfahan (Iran)

    Data tat-Twelid: 1956

    Ex Ministru tal-Intelligence (2009-2013).

    Taħt it-tmexxija tiegħu, il-Ministeru tal-Intelligence kompla l-prassi ta' detenzjoni arbitrarja u persekuzzjoni mifruxin ta' dimostranti u dissidenti. Il-Ministeru tal-Intelligence għadu jmexxi s-Sala 209 tal-Ħabs ta' Evin, fejn ħafna attivisti qed jinżammu għall-attivitajiet paċifiċi tagħhom f'oppożizzjoni għall-gvern. Interrogaturi mill-Ministeru tal-Intelligence ssoġġettaw lill-ħabsin tas-Sala 209 għal swat u abbużi mentali u sesswali. Bħala ex Ministru tal-Intelligence, Moslehi huwa responsabbli għall-abbużi matul il-mandat tiegħu.

    10.10.2011

    15.

    TAGHIPOUR Reza

    POB: Maragheh (Iran)

    DOB: 1957

    Post tat-twelid: Maragheh (Iran)

    Data tat-Twelid: 1957

    Membru tal-Kunsill tal-Belt ta' Teħeran. Ex Ministru tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (2009-2012).

    Bħala Ministru tal-informazzjoni, huwa kien wieħed mill-ogħla uffiċjali responsabbli miċ-ċensura u l-kontroll tal-attivitajiet fuq l-Internet u anke kwalunkwe tip ta' komunikazzjoni (partikolarment it-telefons ċellulari). Matul l-interrogazzjonijiet ta' priġunieri politiċi, l-interrogaturi jużaw id-data, l-emails u l-komunikazzjonijiet personali tagħhom. F'diversi okkażjonijiet mill-aħħar elezzjoni presidenzjali u matul id-dimostrazzjonijiet fit-toroq, il-linji tat-telefons ċellulari u s-servizzi tal-sms inqatgħu, il-kanali tat-televiżjoni satellitari ġew iġġamjati, l-Internet ġie sospiż lokalment jew mill-anqas, tnaqqsitlu r-rapidità tiegħu.

    23.3.2012

    16

    EMADI, Hamid Reza (magħruf ukoll bħala: Hamidreza Emadi)

    Data tat-Twelid: madwar 1973

    Post tat-Twelid: Hamedan

    Post tar-residenza: Teħeran

    Post tax-xogħol: Press TV HQ, Teħeran

    Direttur ta' Press TV Newsroom. Ex Produttur Għoli ta' Press TV.

    Responsabbli għall-produzzjoni u x-xandir tal-konfessjonijiet furzati tad-detenuti, inklużi l-ġurnalisti, l-attivisti politiċi, persuni li jagħmlu parti mill-minoranzi Kurdi u Għarab, il-ksur ta' drittijiet internazzjonali rikonoxxuti għal smigħ ġust u proċess korrett. Ir-regolatur indipendenti tax-xandir OFCOM immulta lil Press TV GBP 100 000 fir-Renju Unit talli xandar il-konfessjoni furzata mill-ġurnalist u produttur tal-films Iranjan-Kanadiż Maziar Bahari fl-2011, li ġiet iffilmjata fil-ħabs waqt li Bahari kien mhedded. L-NGOs irrapportaw aktar eżempji ta' konfessjonijiet furzati fuq it-TV minn Press TV. Emadi għalhekk huwa assoċjat mal-ksur tad-dritt għal proċess korrett u smigħ ġust.

    12.3.2013


    Top