Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0071

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 71/2014 tas- 27 ta’ Jannar 2014 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 965/2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-operazzjonijiet bl-ajru skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 23, 28.1.2014, p. 27–30 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/71/oj

    28.1.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 23/27


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 71/2014

    tas-27 ta’ Jannar 2014

    li jemenda r-Regolament (UE) Nru 965/2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-operazzjonijiet bl-ajru skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Frar 2008 dwar regoli komuni fil-kamp tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni, u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 91/670/KEE, ir-Regolament (KE) Nru 1592/2002 u d-Direttiva 2004/36/KE (1), u b’mod partikulari l-Artikoli 8(5) u 10(5) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 li jittratta l-ajrunavigabbiltà ġie estiż sabiex jinkludi l-elementi ta’ evalwazzjoni tal-adegwatezza operattiva fir-regoli ta’ implimentazzjoni dwar iċ-ċertifikazzjoni tat-tip.

    (2)

    L-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “l-Aġenzija”) sabet li kien meħtieġ li jiġi emendat ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 748/2012 (2) sabiex l-Aġenzija tkun tista’ tapprova d-dejta dwar l-adegwatezza operattiva bħala parti mill-proċess taċ-ċertifikazzjoni tat-tip.

    (3)

    Id-dejta dwar l-adegwatezza operattiva għandha tinkludi l-elementi obbligatorji għal-Lista tat-Tagħmir Minimu ta’ Referenza (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “MMEL”), it-taħriġ tal-ekwipaġġ tat-titjira u t-taħriġ tal-ekwipaġġ tal-kabina li fuqhom se jissejjes l-iżvilupp tal-Lista tat-Tagħmir Minimu (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “MEL”) u tal-korsijiet tat-taħriġ tal-ekwipaġġ mogħtija mill-operaturi.

    (4)

    Ir-rekwiżiti relatati mal-istabbiliment tal-lista tat-tagħmir minimu (il-MEL), tat-taħriġ tal-ekwipaġġ tat-titjira u tat-taħriġ tal-ekwipaġġ tal-kabina jirreferu għad-dejta dwar l-adegwatezza operattiva, iżda fejn ma tkunx disponibbli d-dejta dwar l-adegwatezza operattiva għandu jkun hemm dispożizzjoni ġenerali kif ukoll miżuri tranżizzjonali.

    (5)

    Kemm l-industrija ajrunawtika kif ukoll l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri għandhom jingħataw biżżejjed żmien biex jadattaw ruħhom għall-qafas regolatorju l-ġdid u biex jirrikonoxxu, taħt ċerti kundizzjonijiet, il-validità taċ-ċertifikati li jkunu nħarġu qabel id-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

    (6)

    L-Aġenzija ħejjiet abbozz tar-regoli ta’ implimentazzjoni dwar il-kunċett tad-dejta dwar l-adegwatezza operattiva u ressqitu bħala opinjoni (3) lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 19(1) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008.

    (7)

    Għaldaqstant, ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 965/2012 (4) għandu jiġi emendat skont dan.

    (8)

    Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 65 tar-Regolament (KE) Nru 216/2008,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (UE) Nru 965/2012 għandu jiġi emendat kif ġej:

    (1)

    l-Artikolu 9 għandu jinbidel b’dan li ġej:

    “Artikolu 9

    Listi tat-tagħmir minimu

    Il-listi tat-tagħmir minimu (‘MELs’) approvati mill-Istat tal-Operatur jew mill-Istat tar-Reġistrazzjoni qabel l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, għandhom jitqiesu bħala listi approvati skont dan ir-Regolament u jistgħu jkomplu jintużaw mill-operatur.

    Wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, kull bidla fil-listi tat-tagħmir minimu msemmija fl-ewwel subparagrafu li għalihom tkun stabbilita Lista tat-Tagħmir Minimu ta’ Referenza (‘MMEL’) bħala parti mid-dejta dwar l-adegwatezza operattiva skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 748/2012 (*), għandha ssir f’konformità mal-punt ORO.MLR.105 tat-Taqsima 2 tal-Anness III ta’ dan ir-Regolament mill-iktar fis possibbli u sa mhux aktar tard mit-18 ta’ Diċembru 2017 jew sa sentejn wara li tkun ġiet approvata d-dejta dwar l-adegwatezza operattiva, skont liema minnhom taħbat l-aħħar.

    Kwalunkwe bidla f’MEL msemmija fl-ewwel subparagrafu li għaliha ma tkun ġiet stabbilita l-ebda MMEL bħala parti mid-dejta dwar l-adegwatezza operattiva, għandha tkompli ssir skont l-MMEL aċċettata mill-Istat tal-Operatur jew mill-Istat tar-Reġistrazzjoni kif applikabbli.

    (*)  ĠU L 224, 21.8.2012, p. 1.”;"

    (2)

    għandu jiżdied artikolu ġdid, l-Artikolu 9a:

    “Artikolu 9a

    Taħriġ tal-ekwipaġġ tat-titjira u tal-ekwipaġġ tal-kabina

    L-operaturi għandhom jiżguraw li l-membri tal-ekwipaġġ tat-titjira u tal-ekwipaġġ tal-kabina li diġà qegħdin jitħaddmu u li jkunu lestew taħriġ skont is-Subpartijiet FC u CC tal-Anness III li ma jkunx jinkludi l-elementi obbligatorji stabbiliti fid-dejta rilevanti dwar l-adegwatezza operattiva, jirċievu taħriġ li jkopri dawk l-elementi obbligatorji sa mhux aktar tard mit-18 ta’ Diċembru 2017 jew sa sentejn wara li tiġi approvata din id-dejta dwar l-adegwatezza operattiva, skont liema minnhom taħbat l-aħħar.”;

    (3)

    l-Anness III (IL-PARTI-ORO) għandu jiġi emendat skont l-Anness I ta’ dan ir-Regolament;

    (4)

    l-Anness V (IL-PARTI-SPA) għandu jiġi emendat skont l-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Jannar 2014.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 79, 19.3.2008, p. 1.

    (2)  ĠU L 224, 21.8.2012, p. 1.

    (3)  L-Opinjoni Nru 07/2011 tal-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Avjazzjoni tat-13 ta’ Diċembru 2011, li hija disponibbli fis-sit tal-Internet li ġej: http://easa.europa.eu/agency-measures/opinions.php

    (4)  ĠU L 296, 25.10.2012, p. 1.


    ANNESS I

    L-Anness III (PART-ORO) tar-Regolament (UE) Nru 965/2012 hija emendata kif ġej:

    (1)

    Fil-punt ORO.GEN.160, il-punt (b) jinbidel b’li ġej:

    “(b)

    Bla ħsara għall-punt (a), l-operatur għandu jirrapporta lill-awtorità kompetenti u lill-organizzazzjoni responsabbli għad-disinn tal-inġenju tal-ajru dwar kwalunkwe inċident, ħsara teknika, difett tekniku, qbiż tal-limiti tekniċi jew okkorrenza li tista’ turi informazzjoni mhux korretta, mhix kompluta jew ambigwa inkluża fid-dejta stabbilita skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 748/2012, jew dwar kwalunkwe ċirkostanza irregolari oħra li tkun ipperikolat, jew li setgħet tipperikola, it-tħaddim sikur tal-inġenju tal-ajru iżda li ma tkunx wasslet għal aċċident jew inċident serju.”;

    (2)

    Il-punt ORO.MLR.105 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-punt (a) jinbidel b’li ġej:

    “(a)

    Għandha tiġi stabbilita lista tat-tagħmir minimu (‘MEL’) kif speċifikat fil-punt 8.a.3. tal-Anness IV għar-Regolament (KE) Nru 216/2008, ibbażata fuq il-lista rilevanti ta’ tagħmir minimu ta’ referenza (‘MMEL’), kif iddefinit fil-parti mandatorja tad-dejta tal-adegwatezza operattiva stabbilita skont ir-Regolament (UE) Nru 748/2012.”;

    (b)

    Fil-punt (j), il-punt (1) jinbidel b’li ġej:

    “(1)

    l-istrumenti kkonċernati, l-oġġetti tat-tagħmir jew tal-funzjonijiet jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-MMEL, kif iddefinit fil-punt (a);”;

    (3)

    Fil-punt ORO.FC.140, il-punt (a) jinbidel b’li ġej:

    “(a)

    Il-membri tal-ekwipaġġ tat-titjira li jħaddmu iktar minn tip wieħed jew varjant wieħed ta’ inġenju tal-ajru għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti preskritti f’din is-Subparti għal kull tip jew varjant, ħlief jekk il-krediti relatati mar-rekwiżiti tat-taħriġ, tal-kontrolli u tal-esperjenza riċenti jkunu ddefiniti fid-dejta stabbilita skont ir-Regolament (UE) Nru 748/2012 għat-tipi u l-varjanti rilevanti.”;

    (4)

    Fil-punt ORO.GEN.145, il-punt (b) jinbidel b’li ġej:

    “(b)

    Meta jkun qed jistabbilixxi l-programmi u s-sillabi tat-taħriġ, l-operatur għandu jinkludi l-elementi rilevanti iddefiniti fil-parti mandatorja tad-dejta tal-adegwatezza operattiva stabbilita skont ir-Regolament (UE) Nru 748/2012.”;

    (5)

    Il-punt ORO.FC.220, il-punt (e) jinbidel b’li ġej:

    “(e)

    Fil-każ tal-ajruplani, il-bdoti li tkun inħarġitilhom klassifikazzjoni tat-tip ibbażata fuq kors tat-taħriġ bl-ebda ħin tat-titjir (‘ZFTT’) għandhom:

    (1)

    jibdew it-titjir tal-linja tal-ajru taħt superviżjoni mhux iktar tard minn 21 jum wara li jlestu t-test tal-ħiliet jew wara li jsegwu taħriġ xieraq mogħti mill-operatur. Il-kontenut ta’ dan it-taħriġ għandu jkun deskritt fil-manwal tal-operat;

    (2)

    mhux iktar tard minn 21 jum wara li jlestu t-test tal-ħiliet, jitilqu u jinżlu sitt darbiet f’FSTD taħt is-superviżjoni ta’ għalliem tal-klassifikazzjoni tat-tip għall-ajruplani (‘TRI(A)’), li jkun bilqiegħda fis-sit tal-bdot l-ieħor. L-għadd ta’ tlugħ u nżul jista’ jitnaqqas meta l-krediti jkunu ddefiniti fil-parti mandatorja tad-dejta tal-adegwatezza operattiva stabbilita skont ir-Regolament (UE) Nru 748/2012. Jekk dawn il-proċeduri ta’ tlugħ u nżul ma jitwettqux fi żmien 21 jum, l-operatur għandu jipprovdi taħriġ ta’ aġġornament, li l-kontenut tiegħu għandu jkun deskritt fil-manwal tal-operat;

    (3)

    iwettqu l-ewwel erba’ proċeduri ta’ tlugħ u nżul tal-LIFUS fl-ajruplan taħt is-superviżjoni ta’ TRI(A) li jkun bilqiegħda fis-sit tal-bdot l-ieħor. L-għadd ta’ tlugħ u nżul jista’ jitnaqqas meta l-krediti jkunu ddefiniti fil-parti mandatorja tad-dejta tal-adegwatezza operattiva stabbilita skont ir-Regolament (UE) Nru 748/2012.”;

    (6)

    Fil-punt ORO.GEN.125, il-punt (b) jinbidel b’li ġej:

    “(b)

    Meta jkun qed jistabbilixxi l-programmi u s-sillabi tat-taħriġ speċifiku għat-tip ta’ inġenju tal-ajru u tat-taħriġ ta’ adattament organizzat mill-operatur, l-operatur għandu jinkludi l-elementi rilevanti ddefiniti fil-parti mandatorja tad-dejta tal-adegwatezza operattiva stabbilita skont ir-Regolament (UE) Nru 748/2012, meta dawn ikunu disponibbli.”;

    (7)

    Fil-punt ORO.CC.130, il-punt (c) jinbidel b’dan li ġej:

    “(c)

    Meta jkun qed jistabbilixxi l-programm u s-sillabu tat-taħriġ dwar id-differenzi għal varjant ta’ inġenju tal-ajru mħaddem dal-ħin, l-operatur għandu jinkludi l-elementi rilevanti ddefiniti fil-parti mandatorja tad-dejta tal-adegwatezza operattiva stabbilita skont ir-Regolament (EU) Nru 748/2012, fejn dawn ikunu disponibbli.”;

    (8)

    Fil-punt ORO.CC.250(b), il-punt (1) jinbidel b’li ġej:

    “(1)

    kull inġenju tal-ajru bħala tip jew varjant filwaqt li jqis, fejn din tkun disponibbli, l-elementi rilevanti ddefiniti fil-parti mandatorja tad-dejta tal-adegwatezza operattiva stabbilita skont ir-Regolament (UE) Nru 748/2012 għat-tip jew il-varjant ta’ inġenju tal-ajru rilevanti; u”.


    ANNESS II

    L-Anness V (PART-SPA) huwa emendat kif ġej:

    (1)

    Fil-punt SPA.GEN.105(b), il-punt (2) jinbidel b’dan li ġej:

    “(2)

    li jitqiesu l-elementi rilevanti ddefiniti fil-parti mandatorja tad-dejta tal-adegwatezza operattiva stabbilita f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 748/2012.”;

    (2)

    Il-punt SPA.GEN.120 jinbidel b’dan li ġej:

    SPA.GEN.120   Validità kontinwa ta’ approvazzjoni speċifika

    L-approvazzjonijiet speċifiċi għandhom jinħarġu għal perjodu taż-żmien mhux limitat u għandhom jibqgħu validi sakemm l-operatur jibqa’ jikkonforma mar-rekwiżiti marbutin mal-approvazzjoni speċifika u sakemm huwa jibqa’ jqis l-elementi rilevanti ddefiniti fil-parti mandatorja tad-dejta tal-adegwatezza operattiva stabbilita skont ir-Regolament (UE) Nru 748/2012.”.


    Top