Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014H0135

    2014/135/UE: Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat- 12 ta’ Marzu 2014 strateġija ġdida għall-falliment tan-negozju u l-insolvenza Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 74, 14.3.2014, p. 65–70 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2014/135/oj

    14.3.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 74/65


    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

    tat-12 ta’ Marzu 2014

    strateġija ġdida għall-falliment tan-negozju u l-insolvenza

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    (2014/135/UE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-għan ta’ din ir-Rakkomandazzjoni huwa li tiżgura li intrapriżi vijabbli f’diffikultajiet finanzjarji, ikunu fejn ikunu jinsabu fl-Unjoni, ikollhom aċċess għal oqfsa nazzjonali tal-insolvenza li jippermettulhom li jirristrutturaw fi stadju bikri bil-għan li tiġi evitata l-insolvenza tagħhom, u għalhekk jiġi mmassimizzat il-valur totali għall-kredituri, l-impjegati, is-sidien u l-ekonomija b’mod ġenerali. Ir-Rakkomandazzjoni għandha wkoll l-għan li tagħti opportunità oħra lil intraprendituri onesti falluti madwar l-Unjoni.

    (2)

    Ir-regoli tal-insolvenza nazzjonali jvarjaw ħafna fir-rigward tal-firxa tal-proċeduri disponibbli għad-debituri li jaffaċċjaw diffikultajiet finanzjarji sabiex jirristrutturaw in-negozju tagħhom. Xi Stati Membri għandhom firxa limitata ta’ proċeduri li jfisser li n-negozji jistgħu biss jirristrutturaw fi stadju relattivament avvanzat, fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ insolvenza formali. Fi Stati Membri oħra, ir-ristrutturazzjoni hi possibbli fi stadju iktar bikri iżda l-proċeduri disponibbli mhumiex effettivi daqs kemm jistgħu jkunu jew jinvolvu gradi li jvarjaw ta’ formalità, b’mod partikolari fir-rigward tal-użu ta’ proċessi barra mill-qorti.

    (3)

    Bl-istess mod, ir-regoli nazzjonali li jagħtu lill-intraprendituri ċans ieħor, b’mod partikolari billi dawn jingħataw kwittanza mid-djun li jkunu ġarrbu waqt in-negozju tagħhom, ivarjaw fir-rigward tat-tul tal-perjodu ta’ kwittanza u l-kondizzjonijiet li taħthom jistgħu jingħataw.

    (4)

    Id-diskrepanzi bejn l-oqfsa nazzjonali ta’ ristrutturar, u bejn regoli nazzjonali li jagħtu intraprendituri onesti t-tieni ċans iwasslu għal aktar spejjeż u inċertezza meta jiġu vvalutati r-riskji tal-investiment fi Stat Membru ieħor, jifframmentaw il-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-kreditu u jirriżultaw f’rati ta’ rkupru differenti għall-kredituri. Dawn jagħmlu t-tfassil u l-adozzjoni ta’ pjanijiet ta’ ristrutturar konsistenti għal gruppi ta’ kumpaniji transfruntieri aktar diffiċli. B’mod aktar ġenerali, id-diskrepanzi jservu bħala diżinċentivi għan-negozji li jixtiequ jistabbilixxu ruħhom fi Stati Membri differenti.

    (5)

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000 (1) jittratta biss kwistjonijiet ta’ ġuriżdizzjoni, rikonoxximent u infurzar, il-liġi applikabbli u l-kooperazzjoni fi proċedimenti transfruntieri ta’ insolvenza. Il-proposta tal-Kummissjoni għall-emenda ta’ dak ir-Regolament (2) għandha testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament għal proċeduri preventivi li jippromwovu s-salvataġġ ta’ debitur li jkun ekonomikament vijabbli u jagħtu opportunità oħra lil intraprendituri. Madankollu, l-emenda proposta ma tindirizzax id-diskrepanzi bejn dawk il-proċeduri stabbiliti fil-liġi nazzjonali.

    (6)

    Fil-15 ta’ Novembru 2011, il-Parlament Ewropew adotta Riżoluzzjoni (3) dwar proċedimenti ta’ insolvenza. Dan inkluda rakkomandazzjonijiet għall-armonizzazzjoni ta’ aspetti speċifiċi tal-liġi nazzjonali tal-insolvenza, inklużi l-kundizzjonijiet għall-istabbiliment, l-effetti u l-kontenut ta’ pjanijiet ta’ ristrutturar.

    (7)

    Fil-Komunikazzjoni dwar l-Att dwar is-Suq Uniku II (4) tat-3 ta’ Ottubru 2012, il-Kummissjoni impenjat ruħha bħala azzjoni ewlenija li timmodernizza regoli tal-insolvenza tal-Unjoni sabiex tiffaċilita s-sopravivenza tan-negozji u tippreżenta t-tieni ċans lill-intraprendituri. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni ħabbret li ser tanalizza kif l-effiċjenza tal-liġijiet nazzjonali dwar l-insolvenza tista’ tkompli tiġi mtejba bil-għan li jinħoloq ambjent ekwu għall-kumpaniji, l-intraprendituri u persuni privati fi ħdan is-suq intern.

    (8)

    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Approċċ Ewropew ġdid għall-falliment u l-insolvenza tan-negozji (5) tat-12 ta’ Diċembru 2012 tenfasizza ċerti żoni fejn id-differenzi bejn il-liġijiet tal-insolvenza domestika jistgħu jtellfu l-istabbiliment ta’ suq intern effiċjenti. Huwa nnotat li l-ħolqien ta’ ambjent ekwu f’dawn l-oqsma se jwassal għal aktar fiduċja fis-sistemi ta’ Stati Membri oħra għal kumpaniji, intraprendituri u individwi privati, u jtejbu l-aċċess għall-kreditu u jħeġġu l-investiment.

    (9)

    Fid-9 ta’ Jannar 2013, il-Kummissjoni adottat il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Intraprenditorija 2020 (6) fejn l-Istati Membri huma mistiedna, fost affarijiet oħra, biex inaqqsu meta possibbli, iż-żmien tat-twettiq u l-ħlas tad-djun għal intraprendituri onesti wara falliment għal massimu ta’ tliet snin, sal-2013 u biex joffru servizzi ta’ sostenn lin-negozji għal ristrutturar bikri, pariri sabiex ikunu evitati l-fallimenti u appoġġ għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju biex jirristrutturaw u jniedu mill-ġdid.

    (10)

    Bosta Stati Membri bħalissa qed jagħmlu reviżjonijiet tal-liġijiet nazzjonali tagħhom dwar l-insolvenza bil-għan li jtejbu l-qafas ta’ salvataġġ korporattiv u t-tieni ċans għall-intraprendituri. Għalhekk huwa opportun li tkun inkoraġġita l-koerenza f’dawn u kwalunkwe inizjattivi futuri nazzjonali bħal dawn sabiex jissaħħaħ il-funzjonament tas-suq intern.

    (11)

    Jeħtieġ li nħeġġu koerenza akbar bejn l-oqfsa nazzjonali tal-insolvenza sabiex jitnaqqsu diverġenzi u ineffiċjenzi li jxekklu ristrutturar bikri ta’ kumpaniji vijabbli f’diffikultajiet finanzjarji u l-possibbiltà li jingħata t-tieni ċans lil intraprendituri onesti, u b’hekk jonqsu l-ispejjeż ta’ ristrutturar kemm għad-debituri kif ukoll għall-kredituri. Koerenza akbar u żieda fl-effiċjenza f’dawk ir-regoli nazzjonali dwar l-insolvenza jimmassimizzaw il-benefiċċji għat-tipi kollha tal-kredituri u l-investituri u jħeġġu l-investiment transfruntier. Koerenza akbar tiffaċilita wkoll ir-ristrutturar ta’ gruppi ta’ kumpaniji irrispettivament minn fejn il-membri tal-grupp jinsabu fl-Unjoni.

    (12)

    Barra minn hekk, it-tneħħija tal-ostakoli għal ristrutturar effettiv ta’ kumpaniji vijabbli f’diffikultajiet finanzjarji jikkontribwixxu biex isalvaw l-impjiegi u tibbenefika wkoll l-ekonomija aktar wiesgħa. Meta tkun aktar faċli għall-intraprendituri li jkollhom ċans ieħor iwassal ukoll għal aktar impjieg indipendenti fl-Istati Membri. Barra minn hekk, l-oqfsa ta’ insolvenza effiċjenti se jipprovdu valutazzjoni aħjar tar-riskji involuti f’deċiżjonijiet ta’ għoti u teħid b’self u aġġustament bla problemi għal ditti fi stat ta’ dejn eċċessiv, b’minimizzazzjoni tal-ispejjeż ekonomiċi u soċjali involuti fill-proċess ta’ diżingranaġġ tagħhom.

    (13)

    Intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju jistgħu jibbenefikaw minn approċċ aktar koerenti fil-livell tal-Unjoni, billi dawn ma jkollhomx ir-riżorsi meħtieġa biex ilaħħqu ma’ spejjeż għoljin tar-ristrutturar u jieħdu vantaġġ minn proċeduri ta’ ristrutturar aktar effiċjenti f’xi Stati Membri.

    (14)

    L-awtoritajiet tat-taxxa għandhom ukoll interess għal qafas ta’ ristrutturar effiċjenti għall-intrapriżi vijabbli. Fl-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jieħdu l-miżuri xierqa biex jiżguraw il-ġbir u l-irkupru ta’ dħul mit-taxxa li jirispettaw il-prinċipji ġenerali ta’ taxxa ġusta u sabiex jieħdu miżuri effiċjenti f’każijiet ta’ frodi, evażjoni jew abbuż.

    (15)

    Huwa xieraq li jiġu esklużi mill-ambitu ta’ din ir-Rakkomandazzjoni intrapriżi tal-assigurazzjoni, istituzzjonijiet ta’ kreditu, ditti tal-investiment u impriżi ta’ investiment kollettiv, kontrapartijiet ċentrali, depożitarji ċentrali tat-titoli u istituzzjonijiet finanzjarji oħra li huma soġġetti għal oqfsa ta’ rkupru u riżoluzzjoni speċjali fejn l-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza għandhom poteri vasti ta’ intervent. Għalkemm id-dejn żejjed tal-konsumatur u l-falliment tal-konsumatur ukoll mhumiex koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, l-Istati Membri huma mistiedna li jesploraw il-possibbiltà li japplikaw dawn ir-rakkomandazzjonijiet għall-konsumaturi wkoll, minħabba li xi wħud mill-prinċipji segwiti f’din ir-Rakkomandazzjoni jistgħu wkoll ikunu rilevanti għalihom.

    (16)

    Qafas ta’ ristrutturar għandu jippermetti lid-debituri li jindirizzw id-diffikultajiet finanzjarji tagħhom fi stadju bikri, meta l-insolvenza tagħhom tista’ tiġi evitata u t-tkomplija tan-negozju tagħhom ikun assigurat. Madankollu, sabiex jiġu evitati kwalunkwe riskji potenzjali tal-proċedura milli jintużaw ħażin, id-diffikultajiet finanzjarji tad-debitur irid ikun hemm probabbiltà li jwasslu għal falliment u l-pjan ta’ ristrutturar għandu jkun kapaċi li jipprevjeni l-insolvenza tad-debitur u li jiżgura l-vijabbiltà tan-negozju.

    (17)

    Biex jippromwovu l-effiċjenza u jnaqqsu d-dewmien u l-ispejjeż, l-oqfsa nazzjonali ta’ ristrutturar preventiv għandhom jinkludu proċeduri flessibbli li jillimitaw il-formalitajiet tal-qorti fejn huma meħtieġ u proporzjonati sabiex jissalvagwardjaw l-interessi tal-kredituri u l-partijiet interessati oħra li x’aktarx jiġu affettwati. Pereżempju, biex jiġu evitati spejjeż żejda u jirriflettu n-natura bikrija tal-proċedura, id-debituri għandhom fil-prinċipju jitħallew jikkontrollaw l-assi tagħhom u l-ħatra ta’ medjatur jew superviżur m’għandhiex tkun obbligatorja, iżda ssir fuq bażi ta’ każ b’każ.

    (18)

    Debitur għandu jkun jista’ jitlob lill-Qorti għal sospensjoni ta’ azzjonijiet individwali ta’ eżekuzzjoni u sospensjoni ta’ proċedimenti ta’ falliment li l-ftuħ tagħhom ġew mitluba mill-kredituri fejn azzjonijiet bħal dawn jistgħu jaffettwaw ħażin in-negozjati u jxekklu l-prospetti ta’ ristrutturar tan-negozju tad-debitur. Madankollu, sabiex jipprovdu għal bilanċ ġust bejn id-drittijiet tad-debitur u l-kredituri, u filwaqt li titqies l-esperjenza ta’ riformi riċenti fl-Istati Membri, is-sospensjoni inizjalment għandha tkun mogħtija għal perjodu ta’ mhux aktar minn erba’ xhur.

    (19)

    Il-konferma ta’ pjan ta’ ristrutturazzjoni hija meħtieġa biex tiżgura li t-tnaqqis tad-drittijiet tal-kredituri hija proporzjonata mal-benefiċċji ta’ ristrutturar u li l-kredituri jkollhom aċċess għal rimedju effettiv, b’konformità sħiħa mal-libertà tal-intrapriża li tmexxi n-negozju u d-dritt għall-proprjetà kif minqux fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Il-Qorti għandha għalhekk tirrifjuta pjan fejn it-tentattiv ta’ ristrutturar x’aktarx li jkun naqqas id-drittijiet ta’ kredituri li oġġezzjonaw hawn taħt għal dak li jistgħu raġonevolment jistennew li jirċievu fin-nuqqas ta’ ristrutturar tan-negozju tad-debitur.

    (20)

    L-effetti ta’ falliment, b’mod partikolari l-istigma soċjali, konsegwenzi legali u l-inkapaċità kontinwa li jitħallsu lura d-djun jikkostitwixxu diżinċentivi importanti għall-intraprendituri li jixtiequ jibdew negozju jew jingħataw ċans ieħor, anke jekk l-evidenza turi li l-intraprendituri li fallew għandhom aktar ċans li jirnexxu t-tieni darba. Għalhekk għandhom jittieħdu passi biex jitnaqqsu l-effetti negattivi tal-falliment fuq l-intraprendituri, billi jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet għal maħfra tad-djun wara perjodu massimu ta’ żmien,

    ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

    I.   GĦAN U SUĠĠETT

    1.

    L-għan ta’ din ir-Rakkomandazzjoni huwa li tħeġġeġ lill-Istati Membri biex idaħħlu fis-seħħ qafas effiċjenti li jippermetti r-ristrutturar ta’ intrapriżi vijabbli f’diffikultà finanzjarja u tagħti lill-intraprendituri onesti ċans ieħor, u b’hekk tippromwovi l-intraprenditorija, l-investiment u l-impjiegi u tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-ostakoli għat-tħaddim bla skossi tas-suq intern.

    2.

    Billi jitnaqqsu dawk l-ostakli, ir-Rakkomandazzjoni għandha l-għan b’mod partikolari li:

    (a)

    tnaqqas l-ispejjeż ta’ valutazzjoni tar-riskji tal-investiment fi Stat Membru ieħor,

    (b)

    iżżid ir-rati ta’ rkupru għal kredituri, u

    (c)

    tneħħi d-diffikultajiet fir-ristrutturar tal-gruppi ta’ kumpaniji transfruntieri.

    3.

    Din ir-Rakkomandazzjoni tipprovdi għal standards minimi fuq:

    (a)

    oqfsa ta’ ristrutturar preventivi; u

    (b)

    kwittanza ta’ dejn ta’ imprendituri falluti.

    4.

    Meta jimplimentaw din ir-Rakkomandazzjoni, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jieħdu miżuri xierqa u effiċjenti biex jiġi żgurat l-infurzar tat-taxxi, partikolarment f’każi ta’ frodi, evażjoni jew abbuż.

    II.   DEFINIZZJONIJIET

    5.

    Għall-finijiet ta’ din ir-Rakkomandazzjoni:

    (a)

    “debitur” tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika f’diffikultajiet finanzjarji meta jkun hemm probabbiltà ta’ insolvenza;

    (b)

    “ristrutturazzjoni” tfisser tibdil fil-kompożizzjoni, il-kundizzjonijiet, jew l-istruttura tal-assi u l-obbligazzjonijiet tad-debituri, jew kombinazzjoni ta’ dawn l-elementi, bil-għan li tippermetti l-kontinwazzjoni, b’mod sħiħ jew f’parti, tal-attività tad-debituri;

    (c)

    “sospensjoni ta’ azzjonijiet ta’ infurzar individwali” tfisser li l-qorti ordnat sospensjoni tad-dritt li tiġi infurzata talba minn kreditur kontra debitur;

    (d)

    “qrati” tinkludi kwalunkwe korp ieħor b’kompetenza fi kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ proċeduri preventivi li għalihom l-Istati Membri fdaw ir-rwol lill-qrati, u li d-deċiżjonijiet tagħhom jistgħu jkunu suġġetti għal appell jew reviżjoni minn awtorità ġudizzjarja.

    III.   OQFSA TA’ RISTRUTTURAR PREVENTIV

    A.   Disponibilità ta’ qafas għar-ristrutturar preventiv

    6.

    Id-debituri għandu jkollhom aċċess għal qafas li jippermettilhom li jirristrutturaw in-negozju tagħhom bl-għan li jimpedixxu falliment. Dan il-qafas għandu jkun fih l-elementi li ġejjin:

    (a)

    id-debitur għandu jkun jista’ jirristruttura fi stadju bikri, hekk kif jidher li hemm probabbiltà ta’ falliment;

    (b)

    id-debitur għandu jżomm il-kontroll fuq l-operat ordinarju tan-negozju tiegħu;

    (c)

    id-debitur għandu jkun jista’ jitlob sospensjoni temporanja ta’ azzjonijiet individwali ta’ eżekuzzjoni;

    (d)

    pjan ta’ ristrutturar adottat bil-maġġoranza preskritta mil-liġi nazzjonali għandu jorbot fuq il-kredituri kollha sakemm il-pjan ikun ikkonfermat minn qorti;

    (e)

    finanzjament ġdid li huwa meħtieġ għall-implimentazzjoni ta’ pjan ta’ ristrutturar m’għandux ikun iddikjarat null, annullabbli jew mhux infurzabbli bħala att detrimentali għal entità ġenerali tal-kredituri.

    7.

    Il-proċedura ta’ ristrutturazzjoni ma għandhiex tieħu fit-tul u tkun għalja u għandha tkun flessibbli sabiex aktar passi jistgħu jittieħdu b’mod extraġudizzjarju. L-involviment tal-qorti għandu jkun limitat għal fejn huwa neċessarju u proporzjonat bl-iskop li tissalvagwardja d-drittijiet tal-kredituri u partijiet oħra interessati milquta mill-pjan ta’ ristrutturazzjoni.

    B.   Faċilitar tan-negozjati dwar il-pjanijiet ta’ ristrutturar

    Il-ħatra ta’ medjatur jew superviżur

    8.

    Id-debituri għandhom ikunu jistgħu jidħlu fi proċess ta’ ristrutturar tan-negozju tagħhom mingħajr il-ħtieġa li formalment jiftħu proċedimenti tal-qorti.

    9.

    Il-ħatra ta’ medjatur jew superviżur mill-qorti m’għandhiex tkun obbligatorja, iżda pjuttost issir fuq bażi ta’ każ b’każ meta tali ħatra titqies meħtieġa:

    (a)

    fil-każ ta’ medjatur, biex jassisti d-debitur u l-kredituri fit-tħaddim b’suċċess tan-negozjati dwar pjan ta’ ristrutturar;

    (b)

    fil-każ ta’ superviżur, sabiex jissorvelja l-attività tad-debitur u l-kredituri u biex jittieħdu l-miżuri meħtieġa biex jitħarsu l-interessi leġittimi ta’ kreditur wieħed jew aktar jew parti oħra interessata.

    Sospensjoni ta’ azzjonijiet individwali ta’ eżekuzzjoni u sospensjoni ta’ proċedimenti ta’ falliment

    10.

    Id-debituri għandu jkollhom id-dritt li jitolbu lil qorti li tagħti sospensjoni temporanja għal azzjonijiet individwali ta’ eżekuzzjoni (minn hawn’ il quddiem “sospensjoni”) ippreżentata mill-kredituri, inkluż kredituri assigurati u privileġġjati, li inkella jistgħu jxekklu l-prospetti ta’ pjan ta’ ristrutturar. Is-sospensjoni ma għandhiex tinterferixxi mat-twettiq ta’ kuntratti li jkun għaddejjin

    11.

    Fl-Istati Membri li jagħmlu l-għoti tas-sospensjoni suġġetta għal ċerti kundizzjonijiet, id-debituri għandhom ikunu jistgħu jingħataw sospensjoni fiċ-ċirkostanzi kollha meta:

    (a)

    il-kredituri jirrappreżentaw ammont sinifikanti tat-talbiet li x’aktarx ikunu affettwati mill-pjan ta’ ristrutturar jappoġġjaw in-negozjati dwar l-adozzjoni ta’ pjan ta’ ristrutturar; u

    (b)

    pjan ta’ ristrutturar ikollu prospett raġonevoli li jiġi implimentat u li jipprevjeni l-falliment tad-debitur.

    12.

    Fejn previst mil-liġijiet tal-Istati Membri, l-obbligu tad-debitur biex japplika għall-falliment, kif ukoll applikazzjonijiet minn kredituri li jitolbu l-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ falliment kontra d-debitur iddepożitati wara li tkun ingħatat sospensjoni għandhom ukoll jiġu sospiżi għal waqt il-perjodu tas-sospensjoni.

    13.

    Id-dewmien tas-sospensjoni għandha ssib bilanċ ġust bejn l-interessi tad-debitur u l-kredituri, u b’mod partikolari l-kredituri garantiti. Id-dewmien tas-sospensjoni għalhekk għandu jiġi ddeterminat fuq il-bażi tal-kumplessità prevista tar-ristrutturazzjoni, u m’għandux jaqbeż l-erba’ xhur. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-perjodu jista’ jiġġedded fuq evidenza ta’ progress fin-negozjati dwar pjan ta’ ristrutturar. B’kollox il-kuntratt ma jistax ikun ta’ aktar minn 12-il xahar.

    14.

    Meta s-sospensjoni ma tkunx meħtieġa bil-ħsieb li titħaffef l-adozzjoni tal-pjan ta’ ristrutturar, is-sospensjoni għandha titneħħa.

    C.   Pjanijiet ta’ ristrutturar

    Il-kontenut tal-pjanijiet ta’ ristrutturar

    15.

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qrati jkunu jistgħu jikkonfermaw pjanijiet b’espedjenza u fil-prinċipju bi proċedura bil-miktub. Huma għandhom jistipulaw dispożizzjonijiet ċari u speċifiċi dwar il-kontenut ta’ pjanijiet ta’ ristrutturar. Pjanijiet ta’ ristrutturar għandu jkun fihom deskrizzjoni dettaljata tal-elementi li ġejjin:

    (a)

    identifikazzjoni ċara u sħiħa tal-kredituri li jkunu effettwati mill-pjan;

    (b)

    l-effetti tar-ristrutturar propost fuq djun individwali jew kategoriji ta’ djun;

    (c)

    il-pożizzjoni meħuda mill-kredituri affettwati fuq il-pjan ta’ ristrutturar;

    (d)

    fejn applikabbli, il-kondizzjonijiet għal finanzjament ġdid; u

    (e)

    il-potenzjal tal-pjan biex jipprevjeni l-insolvenza tad-debitur u tiġi żgurata l-vijabbiltà tan-negozju.

    L-adozzjoni tal-pjanijiet ta’ ristrutturar mill-kredituri

    16.

    Biex jiżdiedu l-prospetti ta’ ristrutturar u għalhekk in-numru ta’ negozji vijabbli li jiġu salvati, għandu jkun possibbli li jiġi adottat pjan ta’ ristrutturar mill-kredituri affettwati, inkluż kredituri assigurati u mhux assigurati.

    17.

    Kredituri b’interessi differenti għandhom jiġu ttrattati fi klassijiet separati li jirriflettu dawk l-interessi. Bħala minimu, għandu jkun hemm klassijiet separati fil-konfront tal-kredituri garantiti u dawk mhux garantiti.

    18.

    Pjan ta’ ristrutturar għandu jiġi adottat bil-maġġoranza fl-ammont tat-talbiet tal-kredituri f’kull klassi, kif preskritt mil-liġi nazzjonali. Fejn hemm aktar minn żewġ klassijiet ta’ kredituri, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet li jagħtu s-setgħa lill-qrati biex jikkonfermaw il-pjanijiet ta’ ristrutturar li huma sostnuti b’maġġoranza ta’ dawk il-klassijiet ta’ kredituri, filwaqt li jittieħed kont b’mod partikolari tal-piż tar-rikjesti tal-klassijiet rispettivi ta’ kredituri.

    19.

    Il-kredituri għandhom igawdu kundizzjonijiet ekwi irrispettivament minn fejn jinsabu. Għalhekk, fejn il-liġijiet tal-Istati Membri jeħtieġu proċess ta’ votazzjoni formali, il-kredituri għandhom fil-prinċipju jitħallew jivvotaw b’mezzi ta’ komunikazzjoni mill-bogħod bħal ittra reġistrata jew teknoloġiji elettroniċi sikuri.

    20.

    Biex l-adozzjoni tal-pjanijiet ta’ ristrutturar issir aktar effettiva, l-Istati Membri għandhom ukoll jiżguraw li jkun possibbli għal pjanijiet ta’ ristrutturar li jiġu adottati minn ċerti kredituri jew ċerti tipi jew klassijiet ta’ kredituri biss, sakemm kredituri oħra ma jkunux affettwati.

    Il-konferma tal-Qorti tal-pjan ta’ ristrutturar

    21.

    Biex tiżgura li d-drittijiet tal-kredituri li ma jiġux affettwati b’mod eċċessiv minn pjan ta’ ristrutturazzjoni u fl-interess taċ-ċertezza legali, il-pjanijiet ta’ ristrutturar li jaffettwaw l-interessi ta’ kredituri li ma jkunux jaqblu mal-maġġoranza jew li jagħmlu dispożizzjoni għal finanzjament ġdid għandhom jiġu kkonfermati minn qorti sabiex isiru vinkolanti.

    22.

    Il-kondizzjonijiet li taħthom il-pjanijiet ta’ ristrutturar jistgħu jiġu kkonfermati minn qorti għandhom ikunu speċifikati b’mod ċar fil-liġijiet tal-Istati Membri u għandhom tal-inqas jinkludu dan li ġej:

    (a)

    il-pjan ta’ ristrutturar ikun ġie adottat f’kondizzjonijiet li jiżguraw il-ħarsien tal-interessi leġittimi tal-kredituri;

    (b)

    il-pjan ta’ ristrutturar ikun ġie nnotifikat għall-kredituri kollha li x’aktarx jiġu affettwati minnu;

    (c)

    il-pjan ta’ ristrutturar ma għandux inaqqas id-drittijiet ta’ kredituri li ma jaqblux anqas milli raġonevolment ikunu mistennija li jirċievu fin-nuqqas ta’ ristrutturazzjoni, jekk in-negozju tad-debitur jiġi likwidat jew mibjugħ bħala negozju avvjat, skont il-każ;

    (d)

    kwalunkwe finanzjament ġdid previst fil-pjan ta’ ristrutturar irid ikun meħtieġ biex jiġi implimentat il-pjan u ma jippreġudikax b’mod inġust l-interessi tal-kredituri li ma jaqblux.

    23.

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qrati jistgħu jirrifjutaw pjanijiet ta’ ristrutturar li b’mod ċar ma jkollhom l-ebda prospett li jipprevjenu l- insolvenza tad-debitur u li jiżguraw il-vijabbiltà tan-negozju, pereżempju minħabba li finanzjament ġdid meħtieġ biex titkompla l-attività ma jkunx previst.

    Id-drittijiet tal-kredituri

    24.

    Il-kredituri kollha li x’aktarx jiġu affettwati mill-pjan ta’ ristrutturar għandhom jiġu nnotifikati bil-kontenut tal-pjan u jingħataw id-dritt li jifformulaw oġġezzjonijiet u li jappellaw kontra l-pjan ta’ ristrutturar. Madankollu, fl-interess tal-kredituri li jappoġġjaw il-pjan, l-appell fil-prinċipju m’għandux jissospendi l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturar.

    L-effetti tal-pjan ta’ ristrutturar

    25.

    Il-pjanijiet ta’ ristrutturar li huma adottati bl-unanimità tal-kredituri affettwati għandhom jorbtu fuq dawk il-kredituri affettwati kollha.

    26.

    Il-pjanijiet ta’ ristrutturar li huma kkonfermati minn qorti għandhom ikunu jorbtu fuq kull kreditur affettwat u identifikat fil-pjan.

    D.   Protezzjoni għal finanzjament ġdid

    27.

    Finanzjament ġdid, inkluż self ġdid, il-bejgħ ta’ ċerti assi mid-debitur u tpartit bejn dejn u ekwità, miftiehma fil-pjan ta’ ristrutturar u kkonfermati minn qorti m’għandux ikunu iddikjarati nulli, annullabbli jew mhux infurzabbli bħala att detrimentali għall-korp ġenerali tal-kredituri.

    28.

    Il-fornituri ta’ finanzjament ġdid bħala parti minn pjan ta’ ristrutturar li huwa kkonfermat minn qorti għandhom jiġu eżentati minn responsabbiltà ċivili u kriminali marbuta mal-proċess ta’ ristrutturar.

    29.

    Eċċezzjonijiet għar-regoli dwar il-protezzjoni ta’ finanzjament ġdid għandhom isiru fejn ikun sussegwentement stabbilit frodi fir-rigward ta’ finanzjament ġdid.

    IV.   OPPORTUNITÀ OĦRA GHALL-IMPRENDITURI

    Perjodi ta’ kwittanza

    30.

    L-effetti negattivi ta’ falliment fuq l-intraprendituri għandu jkun limitat sabiex jagħtihom ċans ieħor. L-intraprendituri għandhom ikunu meħlusa b’mod totali mid-djun tagħhom li kienu suġġett ta’ falliment wara mhux aktar tard minn tliet snin li jibdew minn:

    (a)

    fil-każ ta’ proċedura li tispiċċa bil-likwidazzjoni tal-assi tad-debitur, id-data li fiha l-qorti ddeċidiet dwar ir-rikors biex tiftaħ proċeduri ta’ falliment;

    (b)

    fil-każ ta’ proċedura li tinkludi pjan ta’ ħlas lura, id-data li fiha bdiet l-implimentazzjoni tal-pjan għall-ħlas lura.

    31.

    Meta jiskadi l-perjodu ta’ kwittanza, l-intraprendituri għandhom jiġu meħlusa mid-djun tagħhom mingħajr il-ħtieġa fil-prinċipju li jirrikorru mill-ġdid fil-qorti.

    32.

    Kwittanza sħiħa wara perjodu qasir ta’ żmien ma tkunx xierqa fiċ-ċirkostanzi kollha. Għalhekk l-Istati Membri għandhom ikunu kapaċi jżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet aktar stretti li huma meħtieġa biex:

    (a)

    jiskoraġġixxu lill-intraprendituri li aġixxew b’mod diżonest jew in mala fede, kemm qabel kif ukoll wara li jkunu nfetħu l-proċeduri ta’ falliment;

    (b)

    jiskoraġġixxu lill-intraprendituri li ma jimxux ma’ pjan ta’ ħlas lura jew ma’ xi obbligu legali ieħor li għandu l-għan li jissalvagwardjaw l-interessi tal-kredituri; jew

    (c)

    jissalvagwardjaw l-għajxien tal-intraprenditur u l-familja tiegħu billi jippermettu lill-intraprenditur li jżomm ċerti assi.

    33.

    L-Istati Membri jistgħu jeskludu kategoriji speċifiċi ta’ dejn, bħal dawk li ġejjin minn responsabbiltà tat-tort, mir-regola ta’ kwittanza sħiħa.

    V.   SUPERVIŻJONI U RAPPORTAĠĠ

    34.

    L-Istati Membri huma mistiedna jimplimentaw il-prinċipji stabbiliti f’din ir-Rakkomandazzjoni sal-14 ta’ Marzu 2015.

    35.

    L-Istati Membri huma mistiedna biex jiġbru statistika annwali affidabbli dwar l-għadd ta’ proċeduri ta’ ristrutturar preventiv miftuħa, it-tul tal-proċeduri u informazzjoni dwar id-daqs tad-debituri involuti u r-riżultat tal-proċeduri miftuħa, u jikkomunikaw din l-informazzjoni lill-Kummissjoni fuq bażi annwali u, għall-ewwel darba sal-14 ta’ Marzu 2015.

    36.

    Il-Kummissjoni se tivvaluta l-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni fl-Istati Membri mill-14 ta’ Settembru 2015. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni se tevalwa l-impatt tagħha fuq li ssalva kumpaniji f’diffikultajiet finanzjarji u biex intraprendituri onesti jingħataw ċans ieħor, l-interazzjoni tagħha ma’ proċeduri oħra ta’ insolvenza f’oqsma oħra bħal perjodi ta’ kwittanza għal persuni naturali li mhux qed jeżerċitaw kummerċ, negozju, sengħa jew attività professjonali, l-impatt tagħha fuq il-funzjonament tas-suq intern u fuq l-impriżi żgħar u medji u l-kompetittività tal-ekonomija tal-Unjoni. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta wkoll jekk għandhomx jiġu proposti miżuri ulterjuri biex jiġi kkonsolidat u msaħħaħ l-approċċ rifless fir-Rakkomandazzjoni.

    Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Marzu 2014.

    Għall-Kummissjoni

    Viviane REDING

    Viċi President


    (1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000 tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar proċeduri ta’ insolvenza (ĠU L 160, 30.6.2000, p. 1).

    (2)  COM(2012) 744 finali.

    (3)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Novembru 2011 b’rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar proċedimenti ta’ insolvenza fil-kuntest tal-liġi tal-kumpaniji tal-UE, P 7_TA (2011) 0484.

    (4)  COM(2012) 573 finali.

    (5)  COM(2012) 742 finali.

    (6)  COM(2012) 795 finali.


    Top