Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0741

    2014/741/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tal- 21 ta' Ottubru 2014 li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat dwar l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern dwar l-irtirar tal-oġġezzjoni tal-Unjoni għat-tneħħija mill-elenkar ta' tliet entitajiet mill-Anness 3 tal-Ġappun tal-Appendiċi I tal-Ftehim dwar l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern

    ĠU L 308, 29.10.2014, p. 97–98 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2014/741/oj

    29.10.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 308/97


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    tal-21 ta' Ottubru 2014

    li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat dwar l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern dwar l-irtirar tal-oġġezzjoni tal-Unjoni għat-tneħħija mill-elenkar ta' tliet entitajiet mill-Anness 3 tal-Ġappun tal-Appendiċi I tal-Ftehim dwar l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern

    (2014/741/UE)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Fid-29 ta' Awwissu 2001, in-notifika tal-Ġappun taħt il-paragrafu 6(b) tal-Artikolu XXIV tal-Ftehim dwar l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern (“il-GPA tal-1994”) dwar it-tneħħija mill-elenkar ta' East Japan Railway Company, Central Japan Railway Company u West Japan Railway Company (“it-tliet kumpaniji ferrovjarji”) mill-Anness 3 tal-Ġappun tal-Appendiċi I ġiet iċċirkolata lill-Partijiet għall-GPA tal-1994.

    (2)

    Fl-1 ta' Ottubru 2001, l-Unjoni oġġezzjonat, taħt il-paragrafu 6(b) tal-Artikolu XXIV tal-GPA tal-1994, għall-modifiki proposti kif innotifikati mill-Ġappun sabiex teżamina bir-reqqa r-raġunijiet għat-tneħħija maħsuba mill-elenkar tat-tliet kumpaniji ferrovjarji billi ġie espress xi tħassib.

    (3)

    Minkejja l-konsultazzjonijiet li saru bejn l-Unjoni u l-Ġappun, u b'kuntrast mal-Partijiet l-oħrajn kollha li oġġezzjonaw, l-Unjoni ma rtiratx l-oġġezzjoni tagħha.

    (4)

    Matul ir-reviżjoni tal-GPA tal-1994, ittieħed kont tal-oġġezzjoni tal-Unjoni. Il-Ġappun ma elenkax it-tliet kumpaniji ferrovjarji fl-Anness 3 tal-Ġappun tal-Appendiċi I, iżda inkluda nota li tispeċifika li t-tliet kumpaniji ferrovjarji huma meqjusin bħala inklużi fl-Anness 3 tal-Ġappun sa meta l-Unjoni tirtira l-oġġezzjoni tagħha kontra t-tneħħija mill-elenkar ta' dawk il-kumpaniji.

    (5)

    Fil-qafas tal-eżerċizzju dwar il-kamp ta' applikazzjoni ta' ftehim ta' kummerċ ħieles bejn l-UE u l-Ġappun u fl-isfond tan-negozjati dwar l-akkwist pubbliku mill-gvern relattivament għal dak il-ftehim, l-Unjoni indikat li kienet lesta li tirtira l-oġġezzjoni tagħha għat-tneħħija mill-elenkar tat-tliet kumpaniji ferrovjarji, f'konformità mal-approċċ adottat mill-Kunsill rigward il-Pjan Direzzjonali dwar il-ferroviji u t-trasport urban u bla ebda ħsara għal kull valutazzjoni dwar il-livell ta' kompetizzjoni fis-suq ferrovjarju Ġappuniż.

    (6)

    Fid-dawl tal-konferma mill-Ġappun li huwa għandu l-intenzjoni li jirrivedi b'mod sinifikanti l-kondizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-klawsola dwar is-sikurezza operazzjonali fin-nota 4 tal-Anness 2 tal-Ġappun u fin-nota 3(a) tal-Anness 3 tal-Ġappun tal-Appendiċi I u li jippromwovi prattiki ta' akkwist li jkunu trasparenti u mhux diskriminatorji mit-tliet kumpaniji ferrovjarji, l-Unjoni għandha tirtira l-oġġezzjoni tagħha għat-tneħħija mill-elenkar ta' dawk il-kumpanniji.

    (7)

    L-irtirar tal-oġġezzjoni għandu jkun bla ħsara għall-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat dwar l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern dwar id-deċiżjoni fuq il-kriterji indikattivi li juru l-eliminazzjoni, effettivament, tal-kontroll jew tal-influwenza mill-gvern fuq l-akkwist kopert ta' entità, skont il-paragrafiu 8 tal-Artikolu XIX tal-GPA rivedut, b'mod partikolari jekk il-kontroll jew l-influwenza mill-gvern hijiex effettivament eliminata fejn l-entitajiet ikkonċernati mhumiex joperaw f'ambjent kompetittiv.

    (8)

    Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni fil-Kumitat dwar l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern dwar l-irtirar tal-oġġezzjoni,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat dwar l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern hija li l-Unjoni tirrevoka l-oġġezzjoni kontra t-tneħħija mill-elenkar ta' East Japan Railway Company, Central Japan Railway Company u West Japan Railway Company mill-Anness 3 tal-Ġappun tal-Appendiċi I tal-Ftehim dwar l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fil-Lussemburgu, il-21 ta' Ottubru 2014.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    S. GOZI


    Top