Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0529

2014/529/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 12 ta' Awwissu 2014 dwar miżura meħuda mill-Belġju skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva tal-Kunsill 89/686/KEE li titlob l-irtirar mingħand l-utent finali ta' tip ta' plaggijiet protettivi għall-widnejn (notifikata bid-dokument C(2014) 5670)

ĠU L 242, 14.8.2014, p. 29–30 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2014/529/oj

14.8.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 242/29


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-12 ta' Awwissu 2014

dwar miżura meħuda mill-Belġju skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva tal-Kunsill 89/686/KEE li titlob l-irtirar mingħand l-utent finali ta' tip ta' plaggijiet protettivi għall-widnejn

(notifikata bid-dokument C(2014) 5670)

(2014/529/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/686/KEE tal-21 ta' Diċembru 1989 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri rigward l-apparat personali protettiv (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 7 tagħha,

Billi:

(1)

F'Ġunju 2013, l-awtoritajiet Belġjani nnotifikaw lill-Kummissjoni Ewropea miżura li tordna l-irtirar mingħand l-utent finali ta' plaggijiet protettivi għall-widnejn tat-tip Climax 13 (mudell li jista' jerġa' jintuża), manifatturati minn Productos Climax S.A., Polígono Industrial Sector Mollet, c/Llobregat no 1, 08150 Parets del Valles (Barcelona), Spanja. Skont id-dokumenti mressqa lill-Kummissjoni, dan l-apparat personali protettiv kien soġġett għal proċedura tal-valutazzjoni tal-konformità stabbilita fl-Artikolu 11 A tad-Direttiva, iċċertifikata miċ-ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip KE maħruġ mill-Korp Notifikat Spanjol “Centro Nacional de Medios de Protección — Instituto Nacional de Seguridad e Higiene en el Trabajo” (NB Nru 0159), li jagħmel referenza għall-klawżoli rilevanti tal-istandard armonizzat EN 352-2:1993.

(2)

Il-prodott ġie nnotifikat mill-awtoritajiet Belġjani f'RAPEX f'Jannar 2013 (notifika Nru A12/0039/13).

(3)

Ir-raġuni mogħtija mill-awtoritajiet Belġjani għall-miżura hija n-nuqqas ta' konformità tal-prodott mal-klawżoli § 4.1.1, 4.2.2, 4.3.6, 5 u 6 tal-istandard armonizzat EN 352-2:1993 Protetturi tas-smigħRekwiżiti tas-sikurezza u ittestjarParti 2: Plaggijiet għall-widnejn, jirreferu għar-rekwiżiti bażiċi ta' saħħa u sikurezza (BHSR) li ġejjin, stabbiliti fl-Anness II tad- Direttiva 89/686/KEE:

1.4. It-tagħrif provdut mill-manifattur: L-istruzzjonijiet mhumiex fil-lingwa nazzjonali tal-Belġju;

3.5. Protezzjoni kontra l-effetti perikolużi tal-istorbju: il-laboratorju li eżamina l-prodott għall-awtoritajiet Belġjani ma setax jivvalida l-ittestjar fuq il-livell ta' protezzjoni ddikjarat, minħabba n-nuqqas ta' omoġenejtà tal-prodott (differenzi fid-djametru tal-plaggijiet). Din il-varjazzjoni hija sinifikanti ħafna u taffettwa l-protezzjoni tal-utent.

(4)

L-awtoritajiet Belġjani kkonkludu li, billi l-livell ta' protezzjoni ma jistax jiġi ddeterminat, il-prodotti kienu kkunsidrati li huma perikolużi għax jistgħu jikkawżaw il-ħsara meta jintużaw. Dan huwa inkonsistenti mar-rekwiżiti ta' tagħmir personali protettiv (kategorija ta' riskju: ħsara għas-smigħ).

(5)

Il-Kummissjoni kitbet lill-manifattur u lid-distributur fil-Belġju u stednithom jibagħtu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-miżura meħuda mill-awtoritajiet Belġjani. Fit-tweġiba tiegħu, il-manifattur indika li, wara li rċieva r-rapport mingħand l-awtoritajiet Belġjani u wara żjara ta' spettur mill-“Agència Catalana del Consum” (korp pubbliku marbut mal-Gvern Reġjonali ta' Catalonja, Spanja) li kkonfiska l-istokk li kien għad fadal tal-prodotti kkonċernati, il-prodott kien ġie rtirat mis-suq nazzjonali u internazzjonali. Il-klijenti kienu sussegwentement mogħtija struzzjonijiet kif xieraq. Ladarba ttieħdet azzjoni, l-istokk tal-prodott li kien għad fadal ġie meqrud.

(6)

Fir-risposta għan-notifika tal-awtoritajiet Belġjani, l-awtoritajiet Spanjoli kkomunikaw li ttieħdet miżura għall-irtirar tal-prodott mis-suq, u li l-kumpanija Productos Climax, S.A. ħabbret l-irtirar tal-prodott mis-suq.

(7)

Fid-dawl tad-dokumentazzjoni disponibbli, il-kummenti espressi u l-azzjoni meħuda mill-partijiet ikkonċernati, il-Kummissjoni tqis li l-plaggijiet protettivi għall-widnejn tat-tip Climax 13 (mudell li jista' jerġa' jintuża) jonqsu milli jikkonformaw mal-klawżoli § 4.1.1, 4.2.2, 4.3.6, 5 u 6 tal-istandard armonizzat EN 352-2:1993 imsemmi għar-rekwiżiti bażiċi ta' saħħa u ta' sikurezza (BHSR) 1.4 u 3.5 stabbiliti fl-Anness II tad-Direttiva 89/686/KEE, peress li jistgħu jikkawżaw ħsara meta jdaħħlu fil-widnejn,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-miżura meħuda mill-awtoritajiet Belġjani, li titlob l-irtirar tal-prodott mingħand l-utent finali ta' plaggijiet protettivi għall-widnejn tat-tip Climax 13 (mudell li jista' jerġa' jintuża), manifatturati minn Productos Climax S.A., hija ġġustifikata.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta' Awwissu 2014.

Għall-Kummissjoni

Ferdinando NELLI FEROCI

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 399, 30.12.1989, p. 18.


Top