Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0378

    Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 378/2014/UE tat- 12 ta' Ġunju 2014 li temenda d-Deċiżjoni 2004/162/KE dwar id-dazji tal-baħar fid-Dipartimenti Franċiżi extra -Ewropej, fir-rigward tal-perjodu ta' applikazzjoni tagħha

    ĠU L 182, 21.6.2014, p. 9–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2014/378/oj

    21.6.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 182/9


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL Nru 378/2014/UE

    tat-12 ta' Ġunju 2014

    li temenda d-Deċiżjoni 2004/162/KE dwar id-dazji tal-baħar fid-Dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej, fir-rigward tal-perjodu ta' applikazzjoni tagħha

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Europea, u b'mod partikolari l-Artikolu 349 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

    Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġiżlattiva speċjali,

    Billi:

    (1)

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/162/KE (1) tawtorizza lill-awtoritajiet Franċiżi biex japplikaw eżenzjonijiet jew rati mnaqqsa tad-dazji tal-baħar għal ċerti prodotti maħduma lokalment fid-Dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej u li huma elenkati fl-Anness ta' dik id-Deċiżjoni. Id-differenza bejn it-tassazzjoni ta' prodotti manifatturati lokalment u t-tassazzjoni ta' prodotti oħra ma tistax taqbeż l-10, il-20 jew il-30 punt perċentwali, skont il-prodott. Dawk l-eżenzjonijiet jew tnaqqis huma miżuri speċifiċi mmirati biex jikkumpensaw għal-limitazzjonijiet speċifiċi li jiffaċċaw ir-reġjuni ultraperiferiċi fl-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Europea (TFUE) bl-effett li jżidu l-ispejjeż tal-produzzjoni għall-intrapriżi lokali u għalhekk il-prodotti tagħhom diffiċilment jistgħu jikkompetu mal-istess prodotti importati minn Franza metropolitana u Stati Membri oħrajn jew pajjiżi li mhumiex Stati Membri. L-eżenzjonijiet minn jew it-tnaqqis fid-dazji applikabbli għall-prodotti lokali jappoġġaw il-ħolqien, il-manteniment u l-iżvilupp tal-produzzjoni lokali. Taħt id-Deċiżjoni 2004/162/KE, l-awtoritajiet Franċiżi huma awtorizzati sal-1 ta' Lulju 2014 biex japplikaw dawk l-eżenzjonijiet u tnaqqis.

    (2)

    L-awtoritajiet Franċiżi huma tal-opinjoni li l-iżvantaġġi li jiffaċċaw ir-reġjuni ultraperiferiċi Franċiżi jippersistu u bagħtet talba lill-Kummissjoni Ewropea biex tinżamm sistema ta' tassazzjoni differenzjata simili għas-sistema attwali wara l-1 ta' Lulju 2014 sal-31 ta' Diċembru 2020.

    (3)

    L-analiżi tal-listi tal-prodotti li għalihom Franza talbet l-applikazzjoni ta' tassazzjoni differenzjata hi proċess twil li teħtieġ il-verifika, għal kull prodott, tar-raġunijiet għat-tassazzjoni differenzjata u l-proporzjonalità tagħha, sabiex tiġi żgurata li tali tassazzjoni differenzjata ma timminax l-integrità u l-koerenza tal-ordni ġuridiku tal-Unjoni, inklużi l-politika tas-suq intern u l-politiki komuni.

    (4)

    Tali analiżi għadha ma tlestietx, minħabba n-numru kbir ta' prodotti involuti u l-kwantità ta' informazzjoni li trid tinġabar, b'mod partikolari l-kwantifikazzjoni tal-ispejjeż ogħla ta' produzzjoni li jxekklu l-prodotti lokali u l-istruttura tas-swieq tal-prodott ikkonċernati.

    (5)

    In-nuqqas tal-adozzjoni ta' proposta qabel l-1 ta' Lulju 2014 jista' joħloq lakuna ġuridika, għaliex l-applikazzjoni ta' kwalunkwe tassazzjoni differenzjata fir-reġjuni ultraperiferiċi Franċiżi wara l-1 ta' Lulju 2014 ma tkunx possibbli.

    (6)

    Hu meħtieġ perjodu ulterjuri ta' sitt xhur biex titlesta l-analiżi tal-prodotti li għalihom Franza talbet l-applikazzjoni ta' tassazzjoni differenzjata u biex jingħata lill-Kummissjoni żmien biex tippreżenta proposta bbilanċjata li tqis l-interessi varji kkonċernati.

    (7)

    Id-Deċiżjoni 2004/162/KE għandha għalhekk tiġi emendata kif meħtieġ,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2004/162/KE, id-data “1 ta' Lulju 2014” hija mibdula bid-data “31 ta' Diċembru 2014”.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta' Lulju 2014.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Franċiża.

    Magħmul fil-Lussemburgu, it-12 ta' Ġunju 2014.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    Y. MANIATIS


    (1)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/162/KE tal-10 ta' Frar 2004 dwar l-iskema tad-dazji tal-baħar fid-Dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej u li testendi l-perjodu ta' validità tad-Deċiżjoni 89/688/KEE (ĠU L 52, 21.2.2004, p. 64).


    Top