EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0189

Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 189/2014/UE tal- 20 ta’ Frar 2014 li tawtorizza lil Franza tapplika rata mnaqqsa ta’ ċerti taxxi indiretti fuq ir-rum “tradizzjonali” prodott fil-Gwadelup, fil-Gujana Franċiża, fil-Martinique u fir-Réunion u li tħassar id-Deċiżjoni 2007/659/KE

ĠU L 59, 28.2.2014, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2020: This act has been changed. Current consolidated version: 22/11/2017

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2014/189(2)/oj

28.2.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 59/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL Nru 189/2014/UE

tal-20 ta’ Frar 2014

li tawtorizza lil Franza tapplika rata mnaqqsa ta’ ċerti taxxi indiretti fuq ir-rum “tradizzjonali” prodott fil-Gwadelup, fil-Gujana Franċiża, fil-Martinique u fir-Réunion u li tħassar id-Deċiżjoni 2007/659/KE

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 349 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxi f'konformità ma' proċedura leġislattiva speċjali,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/659/KE (2) awtorizzat lil Franza biex tapplika għar-rum “tradizzjonali” prodott fil-Gwadelup, fil-Gujana Franċiża, fil-Martinique u fir-Réunion ("l-erba' reġjuni ultraperiferiċi kkonċernati"), u mibjugħ fi Franza kontinentali b'rata mnaqqsa ta’ dazju tas-sisa li tista’ tkun aktar baxxa mir-rata minima tad-dazju tas-sisa stabbilit mid-Direttiva tal-Kunsill 92/84/KEE (3) iżda mhux aktar minn 50 % anqas mir-rata tad-dazju tas-sisa nazzjonali normali fuq l-alkoħol. Mill-1 ta' Jannar 2011, ir-rata mnaqqsa ta' dazju tas-sisa hija limitata għal kwota annwali ta' 120 000 ettolitru ta' alkoħol pur (hlpa). Dik id-deroga skadiet fil-31 ta' Diċembru 2013.

(2)

Fit-12 ta’ Marzu 2013, l-awtoritajiet Franċiżi talbu lill-Kummissjoni biex tissottometti proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill li testendi d-deroga stabbilita fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/659/KE taħt l-istess kondizzjonijiet, għal seba’ snin, sal-31 ta’ Diċembru 2020. Dik it-talba kienet issupplimenta bil-preżentazzjoni ta’ informazzjoni addizzjonali u emendata fir-rigward ta' taxxi Franċiżi differenti li għandhom jiġu koperti mid-Deċiżjoni proposta, fit-3 ta’ Lulju u fit-2 ta’ Awwissu 2013 rispettivament.

(3)

L-awtoritajiet Franċiżi infurmaw ukoll lill-Kummissjoni li Franza emendat, b'effett mill-1 ta' Jannar 2012, il-leġislazzjoni nazzjonali dwar il-“cotisation sur les boissons alcooliques”, magħrufa wkoll bħala “vignette sécurité sociale” (VSS), li hija kontribuzzjoni imposta għall-Fond Nazzjonali tal-Assigurazzjoni għall-Mard dwar xarbiet alkoħoliċi mibjugħa fi Franza kontra r-riskji għas-saħħa involuti f’użu eċċessiv ta’ dan il-prodott u li huwa impost flimkien mad-dazju nazzjonali tas-sisa. B’mod partikolari, il-bażi għat-taxxa nbidlet minn EUR 160 għal kull ettolitru għal EUR 533 għal kull hlpa, u ġiet introdotta limitazzjoni tal-ammont tal-VSS li kienet marbuta mad-dazju tas-sisa applikabbli.

(4)

Fil-kuntest tat-talba mill-awtoritajiet Franċiżi għal estensjoni tad-deroga stabbilita fid-Deċiżjoni 2007/659/KE sal-31 ta’ Diċembru 2020, l-awtoritajiet Franċiżi talbu lill-Kummissjoni biex tinkludi, b'effett mill-1 ta' Jannar 2012, il-VSS fil-lista ta’ taxxi li għalihom tista’ tiġi applikata rata anqas għar-rum “tradizzjonali” prodott fl-erba’ reġjuni ultraperiferiċi kkonċernati ta’ Franza.

(5)

Huwa aktar xieraq li tiġi adottata Deċiżjoni ġdida dwar deroga li tkopri ż-żewġ taxxi: id-differenzzazzjoni tad-dazju tas-sisa kif stabbilit fid-Direttiva 92/84/KEE u l-VSS, minflok l-estenzjoni tad-deroga stabbilita fid-Deċiżjoni 2007/659/KE.

(6)

Minħabba l-iskala żgħira tas-suq lokali, id-distilleriji fl-erba' reġjuni ultraperiferiċi kkonċernati jistgħu jiżviluppaw l-attivitajiet tagħhom biss jekk ikollhom aċċess suffiċjenti għas-suq kontinentali ta' Franza, li huwa s-suq ewlieni għar-rum tagħhom (71 %). Id-diffikultà li r-rum “tradizzjonali” għandu biex jikkompeti fis-suq tal-Unjoni, minbarra s-sitwazzjoni strutturali soċjali u ekonomika speċifika ta' dawn ir-reġjuni ultraperiferiċi, li hija aggravata mil-limitazzjonijiet speċjali msemmija fl-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), hija attribwibbli għal żewġ parametri: spejjeż ogħla ta' produzzjoni u taxxa ogħla għal kull flixkun peress li r-rum “tradizzjonali” huwa tipikament ikkummerċjalizzat b'livelli ogħla ta' saħħa alkoħolika u fi fliexken akbar.

(7)

L-ispejjeż ta' produzzjoni tal-katina tal-valur tal-kannamieli-zokkor-rum fl-erba' reġjuni ultraperiferiċi kkonċernati huma ogħla milli f’reġjuni oħra tad-dinja. L-ispejjeż tal-pagi, b’mod partikolari, huma ogħla, peress li l-leġislazzjoni soċjali Franċiża hija applikabbli fl-erba' reġjuni ultraperiferiċi kkonċernati. Dawk ir-reġjuni ultraperiferiċi huma soġġetti wkoll għal standards ambjentali u ta’ sikurezza tal-Unjoni, li jinvolvu investimenti konsiderevoli u spejjeż li mhumiex marbuta direttament mal-produttività, anke jekk parti minn dawk l-investimenti hiaa koperta mill-fondi strutturali tal-Unjoni. Barra minn hekk, id-distilleriji fl-erba' reġjuni ultraperiferiċi kkonċernati huma iżgħar mid-distilleriji ta’ gruppi internazzjonali. Dan jiġġenera spejjeż ta' produzzjoni ogħla għal kull unità ta’ produzzjoni. Skont l-awtoritajiet Franċiżi, dawk l-ispejjeż kollha ta' produzzjoni addizzjonali diretta, inkluż it-trasport ta' merkanzija u l-assigurazzjoni jikkorrispondu, b'mod globali, għal madwar 12 % tad-dazju tas-sisa Franċiża applikabbli normalment għal alkoħol qawwi fl-2012.

(8)

Ir-rum “tradizzjonali” mibjugħ fi Franza kontinentali huwa tipikament ikkummerċjalizzat fi fliexken akbar (60 % tar-rum jinbiegħ fi fliexken li jesgħu litru) u f’livelli ogħla ta’ alkoħol (li jvarjaw minn 40° sa 59°) minn rum tal-kompetituri, li tipikament huwa kkummerċjalizzat fi fliexken ta’ 0,7 litru f’37,5°. Il-livelli ogħla ta' kontenut tal-alkoħol min-naħa tagħhom jattivaw dazji tas-sisa ogħla, VSS ogħla u, barra minn hekk, taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) ogħla għal kull litru ta’ rum mibjugħ. Għalhekk, l-ispejjeż addizzjonali kumulattivi, jiġifieri spejjeż tal-produzzjoni ogħla, spejjeż ogħla tat-trasport ta' merkanzija u taxxi ogħla (id-dazju tas-sisa u l-VAT), jikkorrispondu għal bejn 40 % u 50 % tad-dazju tas-sisa Franċiż applikabbli normalment fuq alkoħol qawwi fl-2012. Barra minn hekk, il-bidla fil-bażi tal-kalkolu tal-VSS minn EUR 160 EUR għal kull ettolitru għal EUR 533 għal kull hlpa mill-1 ta’ Jannar 2012 kien ikollha, inkluża l-VAT, impatt negattiv addizzjonali fuq il-prezz ta’ rum “tradizzjonali”, li jinbiegħ f’livelli ogħla ta’ alkoħol li jikkorrispondu għal madwar 10 % tar-rata tad-dazju standard. Sabiex isir kumpens għal dan l-effett negattiv addizjonali, li għandu rabta mill-qrib mas-sitwazzjoni strutturali soċjali u ekonomiċi speċifiċi tal-erba' reġjuni ultraperiferiċi kkonċernati, li huwa aggravat bil-limitazzjonijiet speċjali msemmija fl-Artikolu 349 TFUE, għandu jiddaħħal ukoll tnaqqis tar-rata tal-VSS għall-benefiċċju tar-rum “tradizzjonali” tal-erba' reġjuni ultraperiferiċi kkonċernati.

(9)

Il-vantaġġ fiskali li jkopri kemm id-dazji tas-sisa armonizzati u l-VSS li għandu jiġi awtorizzat jeħtieġ li jibqa’ proporzjonat sabiex ma jimminax l-integrità u l-koerenza tal-ordni legali tal-Unjoni, inklużi is-salvagwardja ta’ kompetizzjoni mingħajr xkiel fis-suq intern u politiki ta’ għajnuna mill-Istat.

(10)

L-ispejjeż żejda li jirriżultaw mill-prattika ta' kummerċjalizzazzjoni ta' għaxar snin ta’ bejgħ tar-rum “tradizzjonali” f’livelli ogħla ta’ alkoħol u, għalhekk, jiskattaw taxxi ogħla għandu għalhekk jittieħed kont tagħhom.

(11)

Fl-2012, Franza applikat dazju tas-sisa ta’ EUR 903 għal kull hlpa għar-rum “tradizzjonali”, li jikkorrispondi għal 54,4 % tar-rata tad-dazju standard. Applikat ukoll VSS ta’ EUR 361,20 għal kull hlpa, li jikkorrispondi għal 67,8 % tar-rata standard tal-VSS. It-tnaqqis tat-tnejn meħud flimkien jikkorrispondi għal vantaġġ fiskali ta’ EUR 928,80 għal kull hlpa, jew benefiċċju fuq it-taxxa meta mqabbel mar-rati standard aggregati (id-dazju tas-sisa u l-VSS) ta’ 42,8 %.

(12)

Id-Deċiżjoni 2007/659/KE awtorizzat lil Franza biex tnaqqas id-dazju tas-sisa nazzjonali applikabbli fuq ir-rum “tradizzjonali” sa 50 % tad-dazju tas-sisa nazzjonali standard fuq l-alkoħol. Dik id-Deċiżjoni ma inkludietx ir-rata mnaqqsa tal-VSS għar-rum “tradizzjonali” li ġiet introdotta biss bħala miżura kompensatorja għall-piż addizzjonali maħluq għal dak ir-rum bir-riforma tas-sistema tal-VSS mill-1 ta’ Jannar 2012.

(13)

Huwa neċessarju dik is-sitwazzjoni li tiġi rimedjata bl-applikazzjoni tal-istess prinċipji li kienu ġew applikati għal deroga mill-Artikolu 110 TFUE għal dazji tas-sisa armonizzati wkoll għall-VSS. Fl-istess ħin, il-benefiċċju fiskali li jista’ jingħata għandu jkun limitat mill-1 ta’ Jannar 2014 għal perċentwal massimu tar-rati standard għal kull hlpa tad-dazju tas-sisa armonizzat fuq l-alkoħol qawwi u tal-VSS.

(14)

Għandha tingħata deroga ġdida għal seba’ snin, mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2020.

(15)

Franza għandha tissottometti rapport intermedju sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tevalwa jekk ir-raġunijiet li jiġġustifikaw id-deroga għadhomx jeżistu, jekk il-benefiċċju fuq it-taxxa mogħti minn Franza għadux proporzjonat u jekk miżuri alternattivi għal sistema ta’ deroga għat-taxxa li huma wkoll suffiċjenti biex jappoġġaw katina tal-valur tal-kannamieli-zokkor-rum kompetittiva tista’ tkun prevista, filwaqt li jittieħed kont tad-dimensjoni internazzjonali tagħhom.

(16)

Id-Deċiżjoni 2007/659/KE ma setgħetx inizjalment tieħu kont taċ-ċirkostanzi ġodda wara r-riforma tas-sistema tal-VSS. B'mod eċċezzjonali, u filwaqt li jittieħed kont tal-imsemmija sitwazzjoni strutturali soċjali u ekonomika speċifika tal-erba' reġjuni ultraperiferiċi kkonċernati, huwa, għalhekk, ġustifikat li jiġi applikat l-imsemmi reġim ta' rata mnaqqsa tal-VSS mill-1 ta' Jannar 2012.

(17)

Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni possibbli tal-Artikoli 107 u 108 TFUE.

(18)

Għaldaqstant, id-Deċiżjoni 2007/659/KE għandha, titħassar,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

B’deroga mill-Artikolu 110 TFUE, Franza hija awtorizzata testendi l-applikazzjoni fuq Franza kontinentali, għar-rum “tradizzjonali” prodott fil-Gwadelup, fil-Gujana Franċiża, fil-Martinique jew fir-Réunion, ta’ rata tad-dazju tas-sisa anqas mir-rata sħiħa fuq l-alkoħol stabbilita bl-Artikolu 3 tad-Direttiva 92/84/KEE u tapplika rata ta’ imposta imsejjħa “cotisation sur les boissons alcooliques” (VSS) anqas mir-rata sħiħa applikabbli skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali Franċiża.

Artikolu 2

Id-deroga stabbilita fl-Artikolu 1 għandha tkun limitata għar-rum kif iddefinit fil-punt 1(f) tal-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) li jiġi prodott fil-Gwadelup, fil-Gujana Franċiża, fil-Martinique u fir-Réunion miz-zokkor tal-kannamieli miġbur fil-post tal-manifattura, li jkollu kontenut ta’ sustanzi volatili minbarra l-etanol u l-metanol li jkun ugwali għal 225 gramma jew taqbiżhom għal kull ettolitru ta’ alkoħol pur u qawwa alkoħolika bil-volum ta’ 40° jew aktar.

Artikolu 3

1.   Ir-rati mnaqqsa tad-dazju tas-sisa u tal-VSS imsemmija fl-Artikolu 1 u applikabbli għar-rum imsemmi fl-Artikolu 2 għandhom ikunu limitati għal kwota annwali ta’ 120 000 ettolitru ta’ alkoħol pur.

2.   Ir-rati mnaqqsa tad-dazju tas-sisa u l-VSS msemmija fl-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni jistgħu jkunu anqas mir-rata minima tad-dazju tas-sisa fuq l-alkoħol stabbilita mid-Direttiva 92/84/KEE, iżda ma għandhiex tkun aktar minn 50 % anqas mir-rata sħiħa fuq l-alkoħol stabbilita f'konformità mal-Artikolu 3 tad-Direttiva 92/84/KEE jew ir-rata sħiħa għall-alkoħol għall-VSS.

3.   Il-vantaġġ fiskali kumulattiv awtorizzat f'konformità mal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu ma għandux ikun aktar minn 50 % tar-rata sħiħa fuq l-alkoħol stabbilita f'konformità mal-Artikolu 3 tad-Direttiva 92/84/KEE.

Artikolu 4

Sal-31 ta’ Lulju 2017, Franza għandha tippreżenta rapport lill-Kummissjoni sabiex din tkun tista’ tevalwa jekk ir-raġunijiet li jiġġustifikaw id-deroga għadhomx jeżistu u jekk il-vantaġġ fiskali mogħti minn Franza baqgħet u huwa mistenni li jibqa’ proporzjonat u suffiċjenti biex jappoġġa l-katina tal-valur kompettitiv tal-kannamieli-zokkor-rum fil-Gwadelup, il-Gujana Franċiża, Martinique u Réunion.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2014 sal-31 ta' Diċembru 2020, ħlief għall-Artikolu 1 u l-Artikolu 3(1) u (2) li għandhom japplikaw mill-1 ta' Jannar 2012.

Artikolu 6

1.   Id-Deċiżjoni 2007/659/KE hija b'dan imħassra.

2.   Ir-referenzi għal dik id-Deċiżjoni mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 7

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Franċiża.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Frar 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

K. HATZIDAKIS


(1)  Opinjoni tas-16 ta' Jannar 2014 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/659/KE tad-9 ta’ Ottubru 2007 li tawtorizza lil Franza tapplika rata ta’ dazju tas-sisa mnaqqsa fuq ir-rum “tradizzjonali” prodott fil-Gwadelup, fil-Gujana Franċiża, fil-Martinique u fir-Réunion (ĠU L 270, 13.10.2007, p. 12).

(3)  Direttiva tal-Kunsill 92/84/KEE tad-19 ta' Ottubru 1992 dwar l-approssimazzjoni tar-rati tat-taxxa tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku (ĠU L 316, 31.10.1992, p. 29).

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Jannar 2008 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar, u l-protezzjoni ta' indikazzjonijiet ġeografiċi, ta' xorb spirituż (ĠU L 39, 13.2.2008, p.16).


Top