Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013Q1220(01)

Ftehim interistituzzjonali tat- 2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba

ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 15/12/2020; Mibdul minn 32020Q1222(01)

20.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 373/1


FTEHIM INTERISTITUZZJONALI

tat-2 ta’ Diċembru 2013

bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba

2013/C 373/01

IL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA U L-KUMMISSJONI EWROPEA,

minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-istituzzjonijiet”,

FTIEHMU DAN LI ĠEJ

1.

L-għan ta’ dan il-Ftehim adottat skont l-Artikolu 295 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) hu li tiġi implimentata d-dixxiplina baġitarja u jitjieb il-funzjonament tal-proċedura baġitarja annwali u l-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet fir-rigward ta’ materji marbuta mal-baġit, kif ukoll biex tiġi żgurata ġestjoni finanzjarja tajba.

2.

Id-dixxiplina baġitarja f'dan il-Ftehim tkopri l-infiq kollu. Il-Ftehim jorbot lill-istituzzjonijiet kollha sakemm jibqa’ fis-seħħ.

3.

Dan il-Ftehim ma jibdilx is-setgħat rispettivi li l-istituzzjonijiet għandhom fuq il-baġit kif stabbilit fit-Trattati, fir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 (1) (ir-“Regolament QFP”) u fir-Regolament (EU, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) (ir-“Regolament Finanzjarju”).

4.

Kwalunkwe emenda għal dan il-Ftehim teħtieġ li jintlaħaq qbil komuni bejn l-istituzzjonijiet kollha.

5.

Dan il-Ftehim jinqasam fi tliet partijiet:

Il-Parti I tikkonsisti f’dispożizzjonijiet komplementari marbuta mal-qafas finanzjarju pluriennali (“QFP”) u f’dispożizzjonijiet dwar strumenti speċjali li mhumiex inklużi fil-QFP.

Il-Parti II tirrigwarda l-kooperazzjoni interistituzzjonali matul il-proċedura tal-baġit.

Il-Parti III tikkonsisti f’dispożizzjonijiet marbuta mal-ġestjoni finanzjarja tajba tal-fondi tal-Unjoni.

6.

Dan il-Ftehim jidħol fis-seħħ fi 23 ta’ Diċembru 2013 u jissostitwixxi l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja tajba (3).

PARTI I

QFP U STRUMENTI SPEĊJALI

A.   Dispożizzjonijiet marbuta mal-QFP

7.

L-informazzjoni dwar l-operazzjonijiet li mhumiex inklużi fil-baġit ġenerali tal-Unjoni kif ukoll dwar l-iżvilupp prevedibbli tad-diversi kategoriji tar-riżorsi proprji tal-Unjoni hi indikata f’tabelli separati. Dik l-informazzjoni għandha tiġi aġġornata kull sena flimkien mad-dokumenti mehmuża mal-abbozz tal-baġit.

8.

L-istituzzjonijiet għandhom, għall-finijiet ta' ġestjoni finanzjarja tajba, jiżguraw li kemm jista' jkun matul il-proċedura tal-baġit u fiż-żmien tal-adozzjoni tal-baġit, jkun hemm biżżejjed marġni disponibbli taħt il-livelli massimi fid-diversi intestaturi tal-QFP, ħlief fil-każ tas-sotto-intestatura “Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali”.

Aġġornar tat-tbassir għall-approprjazzjonijiet ta' pagament għal wara l-2020

9.

Fl-2017, il-Kummissjoni għandha taġġorna t-tbassir għall-approprjazzjonijiet ta' pagament għal wara l-2020. Dak l-aġġornament għandu jqis l-informazzjoni kollha rilevanti, inkluż l-implementazzjoni reali tal-approprjazzjonijiet baġitarji għall-impenji u l-approprjazzjonijiet baġitarji għall-pagamenti, kif ukoll it-tbassir tal-implementazzjonijiet. Għandhu jqis ukoll ir-regoli mfassla biex ikun żgurat li l-approprjazzjonijiet ta' pagament jiżviluppaw b’mod regolat meta mqabbla mal-approprjazzjonijiet ta' impenn u t-tbassir tat-tkabbir tal-Introjtu Nazzjonali Gross tal-Unjoni.

B.   Dispożizzjonijiet marbuta mal-istrumenti speċjali li mhumiex inklużi fil-QFP

Riżerva għal Għajnuna ta’ Emerġenza

10.

Meta l-Kummissjoni tikkunsidra li għandha tirrikorri għar-Riżerva ta' Għajnuna f'Emerġenza, għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill proposta għal trasferiment mir-Riżerva għal-linji baġitarji korrispondenti.

Madankollu, qabel kull proposta mill-Kummissjoni għal trasferiment mir-Riżerva, għandu jkun eżaminat jekk hemmx lok għar-riallokazzjoni tal-approprjazzjonijiet.

Fil-każ ta’ nuqqas ta’ ftehim għandha titnieda proċedura ta' trilogu.

It-trasferimenti mir-Riżerva għandhom isiru skont ir-Regolament Finanzjarju.

Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea

11.

Meta l-kundizzjonijiet biex jiġi utilizzat il-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea kif stabbilit fl-att bażiku rilevanti jiġu sodisfatti, il-Kummissjoni għandha tagħmel proposta biex jiġu utilizzati l-fondi. Meta jkun hemm lok għar-riallokazzjoni ta' approprjazzjonijiet taħt l-intestatura li tkun teħtieġ infiq addizzjonali, il-Kummissjoni għandha tikkunsidrah meta tressaq il-proposta meħtieġa, skont ir-Regolament Finanzjarju, permezz tal-istrument baġitarju xieraq. Id-deċiżjoni biex il-Fond ta' Solidarjetà jibda jiġi utilizzat għandha tittieħed b’mod konġunt mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill. Il-Kunsill għandu jaġixxi fuq bażi ta’ maġġoranza kkwalifikata u l-Parlament Ewropew għandu jaġixxi fuq bażi ta’ maġġoranza tal-membri komponenti tiegħu u tlieta minn kull ħames voti mixħuta.

Fil-każ ta’ nuqqas ta’ ftehim għandha titnieda proċedura ta' trilogu.

Strument ta’ Flessibbiltà

12.

Il-Kummissjoni għandha tagħmel proposta biex jiġi utilizzat l-Istrument ta’ Flessibbiltà wara li tkun eżaminat il-possibbiltajiet kollha għar-riallokazzjoni tal-approprjazzjonijiet taħt l-intestatura li tkun teħtieġ infiq addizzjonali.

Il-proposta għandha tidentifika l-ħtiġijiet li għandhom jiġu koperti u l-ammont meħtieġ. Għal kwalunkwe sena finanzjarja speċifika, din il-proposta tista’ tiġi ppreżentata matul il-proċedura baġitarja.

Id-deċiżjoni biex l-Istrument ta’ Flessibbiltà jibda jiġi utilizzat għandha tittieħed b’mod konġunt mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. Il-Kunsill għandu jaġixxi fuq bażi ta’ maġġoranza kkwalifikata u l-Parlament Ewropew għandu jaġixxi fuq bażi ta’ maġġoranza tal-membri komponenti tiegħu u tlieta minn kull ħames voti mixħuta.

Għandu jintlaħaq ftehim fi ħdan il-qafas tal-proċedura baġitarja annwali.

Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni

13.

Meta l-kundizzjonijiet biex jiġi utilizzat il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, kif stipulat fl-att bażiku rilevanti jiġu sodisfatti l-Kummissjoni għandha tagħmel proposta biex jiġi utilizzat il-Fond. Id-deċiżjoni biex il-Fond ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni jibda jiġi utilizzat għandha tittieħed b’mod konġunt mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. Il-Kunsill għandu jaġixxi fuq bażi ta’ maġġoranza kkwalifikata u l-Parlament Ewropew għandu jaġixxi fuq bażi ta’ maġġoranza tal-membri komponenti tiegħu u tlieta minn kull ħames voti mixħuta.

Fl-istess waqt li tippreżenta l-proposta tagħha għal deċiżjoni biex il-Fond ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni jiġi utilizzat, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill proposta għal trasferiment għal-linji baġitarji rilevanti.

Fil-każ ta’ nuqqas ta’ ftehim għandha titnieda proċedura ta' trilogu.

It-trasferimenti marbuta mal-Fond ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandhom isiru skont ir-Regolament Finanzjarju.

Marġni ta' Kontinġenza

14.

L-utilizzazzjoni tal-Marġni ta’ Kontinġenza, jew parti minnu, għandha tiġi proposta mill-Kummissjoni wara analiżi bir-reqqa tal-possibbiltajiet finanzjarji l-oħra kollha. Tali proposta tista' ssir biss fir-rigward ta' abbozz ta' baġit emendatorju jew annwali, li l-adozzjoni tiegħu toħloq il-ħtieġa għal tali proposta. Mal-proposta għall-utilizzazzjoni tal-Marġni ta’ Kontinġenza, il-Kummissjoni għandha tressaq proposta għar-riallokazzjoni, fil-baġit eżistenti, ta’ ammont sostanzjali, sakemm dan l-ammont ikun sostnut mill-analiżi li tkun wettqet il-Kummissjoni.

Id-deċiżjoni li jiġi utilizzat il-Marġni ta' Kontinġenza għandha tittieħed b'mod konġunt mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill simultanjament mal-approvazzjoni tagħhom tal-baġit emendatorju jew tal-baġit ġenerali tal-Unjoni, li l-adozzjoni tagħhom tiġi faċilitata mill-Marġni ta' Kontinġenza. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jaġixxu skont ir-regoli tal-votazzjoni previsti fl-Artikolu 314 TFUE għall-approvazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni.

PARTI II

TITJIB FIL-KOOPERAZZJONI INTERISTITUZZJONALI DWAR MATERJI MARBUTA MAL-BAĠIT

A.   Proċedura dwar kooperazzjoni interistituzzjonali

15.

Id-dettalji tal-kooperazzjoni interistituzzjonali matul il-proċedura tal-baġit huma stipulati fl-Anness.

Trasparenza Baġitarja

16.

Il-Kummissjoni għandha tħejji rapport annwali li jiġi mehmuż mal-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jgħaqqad flimkien informazzjoni disponibbli u mhux kunfidenzjali relatata ma':

l-attivi u l-passivi tal-Unjoni, inklużi dawk li jirriżultaw minn operazzjonijiet ta' self minn u lill-Unjoni skont is-setgħat tagħha skont it-Trattati;

id-dħul, l-infiq, l-attivi u l-passivi tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ), tal-Faċilità Ewropea ta' Stabbiltà Finanzjarja (EFSF), tal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà (MES), u ta' mekkaniżmi oħrajn possibbli futuri, inklużi fondi fiduċjarji;

in-nefqa imġarrba mill-Istati Membri fil-qafas tal-kooperazzjoni msaħħa, sakemm din ma tkunx inkluża fil-baġit ġenerali tal-Unjoni.

B.   Inkorporazzjoni tad-dispożizzjonijiet finanzjarji f'atti leġislattivi

17.

Kull att leġislattiv, li għandu x’jaqsam ma’ programm pluriennali, adottat skont il-proċedura leġislattiva ordinarja għandu jinkludi dispożizzjoni li biha l-leġislatur jistabbilixxi l-pakkett finanzjarju għall-programm.

Dak l-ammont għandu jikkostitwixxi l-ammont ta' referenza primarja għall-Parlament Ewropew u għall-Kunsill matul il-proċedura baġitarja annwali.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, u l-Kummissjoni meta din tħejji l-abbozz tal-baġit, jintrabtu li ma jitbegħdux minn dak l-ammont b’aktar minn 10 % għall-medda kollha tal-programm ikkonċernat, sakemm ma jinqalgħux ċirkustanzi ġodda, oġġettivi u għat-tul li għalihom jingħataw raġunijiet espliċiti u preċiżi filwaqt li jiġu kkunsidrati r-riżultati li nġabru wara l-implimentazzjoni tal-programm, imsejsa b’mod partikolari fuq valutazzjonijiet. Kwalunkwe żieda li tirriżulta minn dik il-varjazzjoni għandha tibqa’ taħt il-livell massimu eżistenti fl-intestatura kkonċernata, bla preġudizzju għall-użu tal-istrumenti msemmija fir-Regolament QFP u f’dan il-Ftehim.

Dan il-Punt la japplika għall-approprjazzjonijiet ta’ koeżjoni adottati skont il-proċedura leġislattiva ordinarja u allokati minn qabel minn Stati Membri, li jkun fihom ammont ta' referenza finanzjarja għall-medda sħiħa tal-programm u lanqas ma japplika għall-proġetti ta’ skala kbira msemmija fl-Artikolu 16 tar-Regolament QFP.

18.

L-atti leġislattivi, li jirrigwardaw programmi pluriennali, li mhumiex suġġetti għall-proċedura leġislattiva ordinarja, m’għandux ikun fihom “ammont meqjus neċessarju”.

Jekk il-Kunsill ikun jixtieq jinkludi ammont ta' referenza finanzjarja, dak l-ammont għandu jitqies bħala turija tar-rieda tal-leġislatur u m’għandux jaffettwa s-setgħat baġitarji tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill kif stabbiliti fit-TFUE. Fl-atti leġislattivi kollha li fihom dak l-ammont ta' referenza finanzjarja għandha tiġi inkluża dispożizzjoni għal dak il-għan.

Jekk l-ammont ta' referenza finanzjarja kkonċernat kien is-suġġett ta’ ftehim skont il-proċedura ta’ konċiljazzjoni stabbilita fid-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni tal-4 ta’ Marzu 1975 (4), dan għandu jitqies bħala ammont ta’ referenza fit-tifsira tal-Punt 17 ta’ dan il-Ftehim.

C.   Infiq rigward ftehimiet dwar is-sajd

19.

In-nefqa marbuta ma’ ftehimiet dwar is-sajd għandha tkun suġġetta għal dawn ir-regoli speċifiċi li ġejjin.

Il-Kummissjoni tintrabat li żżomm lill-Parlament Ewropew infurmat regolarment dwar it-tħejjija u l-andament tan-negozjati, inklużi l-implikazzjonijiet baġitarji tagħhom.

Matul il-proċedura leġislattiva marbuta ma' ftehimiet dwar is-sajd, l-istituzzjonijiet jintrabtu li jagħmlu kull sforz biex jiżguraw li l-proċeduri kollha jitwettqu mill-aktar fis possibbli.

Ammonti previsti fil-baġit għal ftehimiet ġodda dwar is-sajd jew għat-tiġdid ta’ ftehimiet dwar is-sajd li jidħlu fis-seħħ wara l-1 ta’ Jannar tas-sena finanzjarja kkonċernata għandhom jitqiegħdu f’riżerva.

Jekk jirriżulta li l-approprjazzjonijiet marbuta ma’ ftehimiet dwar is-sajd (inkluża r-riżerva) ma jkunux biżżejjed, il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bl-informazzjoni meħtieġa biex isir skambju ta’ fehmiet permezz ta’ trilogu, possibbilment f'forma ssimplifikata, dwar il-kawżi tas-sitwazzjoni, u dwar miżuri li jistgħu jiġu adottati skont proċeduri stabbiliti. Fejn meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tipproponi miżuri xierqa.

Kull tliet xhur, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill informazzjoni ddettaljata dwar l-implementazzjoni ta' ftehimiet dwar is-sajd fis-seħħ u tbassir finanzjarju għall-bqija tas-sena.

20.

Filwaqt li jitqiesu s-setgħat tal-Parlament Ewropew fil-qasam tal-ftehimiet dwar is-sajd u f'konformità mal-punti 25 u 26 tal-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea (5), ir-rappreżentanti tal-Parlament Ewropew jistgħu jieħdu sehem, bħala osservaturi, f'konferenzi bilaterali u multilaterali fejn jiġu nnegozjati ftehimiet internazzjonali dwar is-sajd.

21.

Mingħajr preġudizzju għall-proċedura rilevanti li tirregola n-negozjar ta' ftehimiet dwar is-sajd, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jintrabtu li, fil-qafas tal-kooperazzjoni baġitarja, jilħqu qbil f'waqtu dwar il-finanzjament adegwat tal-ftehimiet dwar is-sajd.

D.   Infiq marbut mar-riżerva għal kriżijiet fis-settur agrikolu

22.

L-Approprjazzjonijiet għar-Riżerva għal kriżijiet fis-settur agrikolu previsti fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) għandhom jiddaħħlu direttament fil-baġit ġenerali tal-Unjoni. Kwalunkwe ammont tar-Riżerva li ma jsirx disponibbli għal miżuri ta' kriżi għandu jiġi rimborżat fil-pagamenti diretti.

Infiq b'rabta ma' miżuri għal kriżijiet li jseħħu bejn is-16 ta' Ottubru u tmiem is-sena finanzjarja jista' jiġi ffinanzjat mir-riżerva tas-sena finanzjarja ta' wara skont ir-rekwiżiti stabbiliti fit-tielet paragrafu ta' dan il-punt.

Jekk il-Kummissjoni tqis li jinħtieġ li tintuża r-Riżerva, f'konformità mal-att leġislattiv rilevanti, għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill proposta għal trasferiment mir-Riżerva favur il-linji tal-baġit li jiffinanzjaw il-miżuri, skont il-ħtieġa. Qabel kull proposta mill-Kummissjoni għal trasferiment mir-Riżerva għandu jiġi eżaminat jekk hemmx lok għar-riallokazzjoni tal-approprjazzjonijiet.

It-trasferimenti mir-Riżerva għandhom isiru f'konformità mar-Regolament Finanzjarju.

Fil-każ ta’ nuqqas ta’ ftehim, għandha tinbeda proċedura ta' trilogu.

E.   Il-finanzjament tal-politika estera u ta' sigurtà komuni (PESK)

23.

L-ammont totali tan-nefqa operattiva tal-PESK għandha tiddaħħal kollha kemm hi f’kapitolu wieħed tal-baġit, intitolat PESK. Dak l-ammont għandu jkopri l-bżonnijiet reali prevedibbli, evalwati fil-qafas li jistabbilixxil-abbozz tal-baġit, fuq il-bażi ta’ tbassir imħejji kull sena mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”), u marġni raġonevoli għall-azzjonijiet mhux previsti. L-ebda fondi ma jistgħu jiddaħħlu f'riżerva.

24.

Rigward in-nefqa tal-PESK li tiġi addebitata mill-baġit ġenerali tal-Unjoni skont l-Artikolu 41 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea, l-istituzzjonijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex fil-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni, u fuq il-bażi tal-abbozz tal-baġit stabbilit mill-Kummissjoni, kull sena jilħqu ftehim dwar l-ammont tan-nefqa operattiva li għandha tiġi addebitata mill-baġit ġenerali tal-Unjoni, u dwar it-tqassim ta’ dak l-ammont bejn l-artikoli tal-kapitolu baġitarju tal-PESK skont kif issuġġerit fir-raba’ paragrafu ta’ dan il-Punt. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ ftehim, huwa mifhum li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom idaħħlu fil-baġit l-ammont li jidher fil-baġit preċedenti jew l-ammont propost fl-abbozz tal-baġit, skont liema minnhom ikun l-aktar baxx.

L-ammont totali tan-nefqa operattiva tal-PESK għandu jitqassam bejn l-artikoli tal-kapitolu baġitarju tal-PESK skont kif issuġġerit fir-raba’ paragrafu. Kull artikolu għandu jkopri strumenti li jkunu diġà adottati, strumenti li huma previsti iżda li għadhom mhumiex adottati u l-istrumenti l-oħra futuri kollha li mhumiex previsti iżda li jiġu adottati mill-Kunsill matul is-sena finanzjarja kkonċernata.

Minħabba li skont ir-Regolament Finanzjarju l-Kummissjoni għandha l-awtorità, li tittrasferixxi l-approprjazzjonijiet b’mod awtonomu bejn l-artikoli inklużi fil-kapitolu baġitarju tal-PESK, il-flessibbiltà meqjusa meħtieġa għall-implementazzjoni fi żmien qasir tal-azzjonijiet PESK għandha, għaldaqstant, tiġi assigurata. F’każ li jinsab li matul is-sena finanzjarja l-ammont tal-kapitolu baġitarju tal-PESK ma jkunx biżżejjed biex ikopri l-ispejjeż meħtieġa, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom isibu soluzzjoni b’urġenza, fuq proposta mill-Kummissjoni, filwaqt li jqisu l-Artikolu 3 tar-Regolament QFP u l-Punt 10 ta’ dan il-Ftehim.

Fil-kapitolu baġitarju tal-PESK, l-artikoli li fihom għandhom jiddaħħlu l-azzjonijiet tal-PESK jistgħu jkunu fit-termini li ġejjin:

missjonijiet ewlenin individwali kif imsemmijin fl-Artikolu 49(1)(g) tar-Regolament Finanzjarju,

operazzjonijiet ta’ mmaniġġar ta’ kriżi, prevenzjoni ta’ konflitti, soluzzjonijiet u stabilizzazzjoni, u monitoraġġ u implementazzjoni ta’ proċessi ta’ paċi u sigurtà,

kontroll tal-proliferazzjoni u diżarmament,

miżuri ta’ emerġenza,

miżuri preparatorji u ta’ azzjonijiet ta’ segwitu,

Rappreżentanti Speċjali tal-Unjoni Ewropea.

25.

Kull sena, ir-Rappreżentant Għoli għandu jikkonsulta lill-Parlament Ewropew dwar dokument li jħares ’il quddiem, li għandu jintbagħat sal-15 ta’ Ġunju tas-sena inkwistjoni. Dan id-dokument jistabbilixxi l-aspetti ewlenin u l-għażliet bażiċi tal-PESK, inklużi l-implikazzjonijiet finanzjarji għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, evalwazzjoni tal-miżuri mnedija fis-sena n-1 u valutazzjoni tal-koordinazzjoni u l-komplementarjetà tal-PESK mal-istrumenti finanzjarji esterni l-oħrajn tal-Unjoni. Barra minn hekk, ir-Rappreżentant Għoli għandu jżomm lill-Parlament Ewropew infurmat regolarment billi jorganizza laqgħat konsultattivi konġunti mill-inqas ħames darbiet fis-sena, fil-qafas tad-djalogu politiku regolari dwar il-PESK, li għandu jintlaħaq ftehim dwarhom mhux aktar tard minn meta jiltaqa’ l-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni. Il-parteċipazzjoni f'dawk il-laqgħat għandha tkun iddeterminata mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill rispettivament, billi jitqiesu l-għan u n-natura tal-informazzjoni skambjata f'dawk il-laqgħat.

Il-Kummissjoni għandha tiġi mistiedna tipparteċipa f’dawk il-laqgħat.

Jekk il-Kunsill jadotta deċiżjoni fil-qasam tal-PESK li tinvolvi nefqa, ir-Rappreżentant Għoli għandu immedjatament, u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn ħamest ijiem tax-xogħol wara, jibgħat lill-Parlament Ewropew stima tal-ispejjeż previsti (“rendikont finanzjarju”), b’mod partikolari dawk l-ispejjeż marbuta maż-żmien meħtieġ, il-persunal impjegat, l-użu tal-bini u infrastruttura oħra, il-faċilitajiet tat-trasport, il-ħtiġijiet għat-taħriġ u l-arranġamenti ta’ sigurtà.

Darba kull tliet xhur, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implementazzjoni tal-azzjonijiet tal-PESK u t-tbassir finanzjarju għall-bqija tas-sena finanzjarja.

F.   L-involviment tal-istituzzjonijiet fir-rigward tal-kwistjonijiet tal-politika tal-iżvilupp u tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp

26.

Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi djalogu informali mal-Parlament Ewropew dwar kwistjonijiet tal-politika tal-iżvilupp indipendentement mis-sors ta’ ffinanzjar tagħhom. L-iskrutinju tal-Parlament Ewropew fir-rigward tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) ser jiġi allinejat, fuq bażi volontarja, mad-drittijiet ta’ skrutinju li jeżistu skont il-baġit ġenerali tal-Unjoni, b’mod speċifiku fir-rigward tal-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp, skont arranġamenti dettaljati li għandhom jiġu stabbiliti fid-djalogu informali.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jinnotaw li l-Kummissjoni, bil-ħsieb li, fost oħrajn, ittejjeb l-iskrutinju demokratiku tal-politika tal-iżvilupp, għandha l-intenzjoni li tipproponi l-baġitizzazzjoni tal-FEŻ mill-2021.

G.   Il-kooperazzjoni tal-istituzzjonijiet fil-proċedura baġitarja dwar in-nefqa amministrattiva

27.

L-iffrankar implikat mil-limitu massimu għall-intestatura nru 5 kif stipulat fl-Anness għar-Regolament QFP, għandu jinqasam b'mod proporzjonali bejn l-istituzzjonijiet kollha kif ukoll korpi oħra tal-Unjoni skont is-sehem rispettiv tagħhom tal-baġits amministrattivi.

Kull istituzzjoni, korp jew aġenzija hija mistennija tippreżenta stimi tan-nefqa fil-proċedura baġitarja annwali b'mod konsistenti mal-orjentazzjonijiet msemmija fl-ewwel paragrafu ta' dan il-punt.

Biex tkun newtralizzata l-kapaċità addizzjonali akkumulata minħabba ż-żieda tal-ħin tax-xogħol għal 40 siegħa fil-ġimgħa, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jaqblu li progressivament inaqqsu 5 % tal-persunal imsemmi fl-organigramma fl-1 ta' Jannar 2013 (7). Dan it-tnaqqis għandu japplika għall-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji kollha u għandu jitwettaq bejn l-2013 u l-2017. Dan ma jippreġudikax id-drittijiet baġitarji tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

PARTI III

ĠESTJONI FINANZJARJA TAJBA TAL-FONDI TAL-UNJONI

A.   Ġestjoni konġunta

28.

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li fuq talba tagħhom, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Qorti tal-Awdituri jirċievu kwalunkwe informazzjoni u dokumentazzjoni relatati mal-fondi tal-Unjoni li ntefqu permezz ta' organizzazzjonijiet internazzjonali, li ġew akkwistati skont il-ftehimiet ta' verifika konklużi ma' dawk l-organizzazzjonijiet, li huma meqjusa neċessarji biex il-Parlament Ewropew, il-Kunsill jew il-Qorti tal-Awdituri jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom skont it-TFUE.

Rapport ta' evalwazzjoni

29.

Fir-rapport ta' evalwazzjoni previst mill-Artikolu 318 TFUE, il-Kummissjoni għandha tiddistingwi bejn il-politiki interni, iffukati fuq l-istrateġija Ewropa 2020, u l-politiki esterni u għandha tuża aktar informazzjoni dwar il-prestazzjoni, inkluż riżultati tal-verifika tal-prestazzjoni, biex tevalwa l-finanzi tal-Unjoni skont ir-riżultati miksuba.

Programmar finanzjarju

30.

Darbtejn fis-sena, l-ewwel darba f’April jew f'Mejju (flimkien mad-dokumenti mehmuża mal-abbozz tal-baġit) u t-tieni darba f’Diċembru jew f'Jannar (wara l-adozzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni), il-Kummissjoni għandha tippreżenta pprogrammar finanzjarju sħiħ għall-intestaturi 1 (ħlief għas-sotto-intestatura għall-“Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali”), 2 (għall-“ambjent” u s-“sajd” biss), 3 u 4 tal-QFP. Dak l-ipprogrammar, li jiġi strutturat skont l-intestatura, oqsma ta’ politika u linji baġitarji, għandu jidentifika:

(a)

il-leġislazzjoni fis-seħħ, b’distinzjoni bejn il-programmi pluriennali u l-azzjonijiet annwali:

għall-programmi pluriennali, il-Kummissjoni għandha tispeċifika l-proċedura li permezz tagħha dawk il-programmi kienu ġew adottati (proċedura ordinarja jew proċedura leġislattiva speċjali), it-tul ta’ żmien tagħhom, il-pakkett finanzjarju totali u s-sehem allokat għan-nefqa amministrattiva;

għall-azzjonijiet annwali (li jirrigwardaw proġetti pilota, azzjonijiet ta’ tħejjija u aġenziji) u azzjonijiet iffinanzjati taħt il-prerogattivi tal-Kummissjoni, il-Kummissjoni għandha tipprovdi stimi pluriennali u tindika l-marġni li jifdal taħt il-livelli massimi awtorizzati ffissati fir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 (8);

(b)

il-proposti leġislattivi pendenti: proposti tal-Kummissjoni li jkunu għaddejjin, bl-aħħar aġġornamenti.

Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra modi kif tagħmel kontroreferenzi bejn l-ipprogrammar finanzjarju u l-ipprogrammar leġislattiv biex jiġi pprovdut tbassir iktar preċiż u fattibbli. Għal kull proposta leġislattiva, il-Kummissjoni għandha tindika jekk din tkunx inkluża fil-programm ta’ April jew fil-programm ta' Diċembru. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom b’mod partikolari jiġu infurmati dwar:

(a)

l-atti leġislattivi ġodda kollha u l-proposti pendenti kollha ppreżentati iżda mhux inklużi fil-programm ta’ April jew fil-programm ta' Diċembru (bl-ammonti korrispondenti);

(b)

leġislazzjoni prevista fil-programm ta’ ħidma leġislattiv annwali tal-Kummissjoni, b’indikazzjoni dwar jekk hemmx il-possibbiltà li l-azzjonijiet ikollhom impatt finanzjarju.

Kull meta jkun meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tispeċifika l-ipprogrammar mill-ġdid li jkun mitlub minn proposti leġislattivi ġodda.

B.   Aġenziji u Skejjel Ewropej

31.

Qabel ma tressaq proposta għall-ħolqien ta’ aġenzija ġdida, il-Kummissjoni għandha tipproduċi valutazzjoni tal-impatt soda, kompleta u oġġettiva, filwaqt li tikkunsidra, fost l-oħrajn, il-massa kritika tal-persunal u tal-kompetenzi, aspetti tal-ispejjeż f'termini ta' benefiċċju, is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, l-impatt fuq l-attivitajiet nazzjonali u tal-Unjoni, u l-implikazzjonijiet baġitarji għall-intestatura ta’ nefqa kkonċernata. Fuq il-bażi ta’ dik l-informazzjoni u mingħajr preġudizzju għall-proċeduri leġislattivi li jirregolaw it-twaqqif tal-aġenzija, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jintrabtu, fil-qafas tal-kooperazzjoni baġitarja, li jilħqu ftehim f’waqtu dwar l-iffinanzjar tal-aġenzija proposta.

Għandhom jiġu applikati l-passi proċedurali li ġejjin:

l-ewwel nett, b’mod sistematiku, il-Kummissjoni għandha tippreżenta kwalunkwe proposta għat-twaqqif ta’ aġenzija ġdida lill-ewwel trilogu li jsir wara l-adozzjoni tal-proposta tagħha, u għandha tippreżenta r-rendikont finanzjarju mehmuż mal-abbozz tal-att legali li jipproponi l-ħolqien tal-aġenzija u għandha tispjega l-konsegwenzi tiegħu fuq il-bqija tal-perijodu tal-ipprogrammar finanzjarju;

it-tieni, waqt il-proċess leġislattiv, il-Kummissjoni għandha tassisti lill-leġislatur fil-valutazzjoni tal-konsegwenzi finanzjarji tal-emendi proposti. Dawk il-konsegwenzi finanzjarji għandhom jiġu kkunsidrati matul it-trilogi leġislattivi rilevanti;

it-tielet, qabel il-konklużjoni tal-proċess leġislattiv, il-Kummissjoni għandha tippreżenta dikjarazzjoni finanzjarja aġġornata li tqis il-modifiki potenzjali li jsiru mil-leġislatur; din id-dikjarazzjoni finanzjarja finali għandha titqiegħed fuq l-aġenda tat-trilogu leġislattiv finali u tiġi approvata formalment mil-leġislatur. Għandha titqiegħed ukoll fuq l-aġenda ta' trilogu baġitarju sussegwenti (f'każijiet urġenti, tista' ssir f'forma simplifikata), bil-għan li jintlaħaq ftehim dwar il-finanzjament;

ir-raba', il-ftehim milħuq waqt trilogu, li jqis il-valutazzjoni baġitarja tal-Kummissjoni fir-rigward tal-kontenut tal-proċess leġislattiv, għandu jiġi kkonfermat f'dikjarazzjoni konġunta. Dak il-ftehim għandu jkun soġġett għall-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, kull wieħed f'konformità mar-regoli ta' proċedura tiegħu.

L-istess proċedura għandha tiġi applikata fil-każ ta’ kwalunkwe emenda għal att legali li jikkonċerna aġenzija, li jista' jkollha impatt fuq ir-riżorsi tal-aġenzija kkonċernata.

Jekk il-ħidma ta’ aġenzija tiġi mmodifikata b’mod sostanzjali mingħajr ma ssir emenda fl-att legali li jistabbilixxi l-aġenzija ikkonċernata, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill permezz ta’ rendikont finanzjarju rivedut, sabiex il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu jistgħu jilħqu ftehim f’waqtu dwar l-iffinanzjar tal-aġenzija.

32.

Id-dispożizzjonijiet rilevanti mill-Approċċ Komuni anness mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-UE u l-Kummissjoni Ewropea dwar l-aġenziji deċentralizzati ffirmata fid-19 ta' Lulju 2012 għandhom jitqiesu b'mod xieraq fil-proċedura baġitarja.

33.

Meta l-Bord tal-Gvernaturi jipprevedi l-ħolqien ta’ Skola Ewropea ġdida, għandha tiġi applikata proċedura simili, mutatis mutandis, għall-implikazzjonijiet baġitarji tagħha fuq il-baġit ġenerali tal-Unjoni.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Diċembru 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BERNATONIS

Għall-Kummissjoni

J. LEWANDOWSKI

Membru tal-Kummissjoni

Magħmul fi Strasburgu, l-10 ta’ Diċembru 2013.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ


(1)  Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tal-20 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Qafas Finanzjarju Pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).

(2)  Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

(3)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

(4)  ĠU C 89, 22.4.1975, p. 1.

(5)  ĠU L 304, 20.11.2010, p. 47.

(6)  Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-Politika Agrikola Komuni (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549).

(7)  Il-Kunsill u l-Kummissjoni diġà implimentaw l-ewwel tnaqqis ta' 1 % tal-persunal kif kien jidher fl-organigramma tagħhom fl-1 ta' Jannar 2013.

(8)  Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 362, 31.12.2012, p. 1).


ANNESS

Kooperazzjoni interistituzzjonali waqt il-proċedura tal-baġit

Parti A.   Kalendarju tal-proċedura baġitarja

1.

L-istituzzjonijiet għandhom jaqblu dwar kalendarju prammatiku kull sena suffiċjentament qabel il-bidu tal-proċedura baġitarja skont il-prattika attwali.

Parti B.   Prijoritajiet għall-proċedura baġitarja

2.

Fi żmien xieraq qabel l-adozzjoni tal-abbozz tal-baġit mill-Kummissjoni, għandu jissejjaħ trilogu li fih jiġu diskussi l-prijoritajiet possibbli għall-baġit tas-sena finanzjarja li jmiss.

Parti C.   Stabbiliment tal-Abbozz tal-Baġit u l-Aġġornar tal-Istimi

3.

L-istituzzjonijiet, iżda mhux il-Kummissjoni, huma mistiedna jadottaw ir-rendikont tal-istimi tagħhom sal-aħħar ta’ Marzu.

4.

Kull sena, il-Kummissjoni għandha tippreżenta abbozz tal-baġit li fih jidhru l-ħtiġijiet finanzjarji attwali tal-Unjoni.

F’dan l-abbozz il-Kummissjoni għandha tikkunsidra:

(a)

it-tbassir imressaq mill-Istati Membri marbut mal-Fondi Strutturali,

(b)

il-kapaċità għall-utilizzar tal-approprjazzjonijiet, waqt li jsir sforz biex tinżamm rabta stretta bejn l-approprjazzjonijiet ta' impenn u l-approprjazzjonijiet ta' pagament,

(c)

il-possibbiltajiet li jitniedu politiki ġodda permezz ta’ proġetti pilota, azzjonijiet preparatorji ġodda, jew it-tnejn, jew it-tkomplija ta’ azzjonijiet pluriennali li jkunu waslu biex jintemmu, wara li jiġi vvalutat jekk huwiex possibbli li jiġi żgurat li jkun hemm att bażiku, fit-tifsira tar-Regolament Finanzjarju (id-definizzjoni ta’ att bażiku, il-ħtieġa ta’ att bażiku għall-implementazzjoni u l-eċċezzjonijiet),

(d)

il-ħtieġa li jiġi żgurat li kwalunkwe bidla fin-nefqa marbuta mas-sena ta’ qabel tkun skont l-obbligi tad-dixxiplina baġitarja.

5.

Sa fejn hu possibbli, l-istituzzjonijiet għandhom jevitaw li jdaħħlu elementi fil-baġit li jinvolvu ammonti insinifikanti ta’ nfiq għall-operazzjonijiet.

6.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jintrabtu wkoll li jżommu f’moħħhom il-valutazzjoni tal-possibbiltajiet għall-implementazzjoni tal-baġit li l-Kummissjoni inkludiet fl-abbozzi tagħha u f’rabta mal-implimentazzjoni tal-baġit attwali.

7.

Fl-interessi ta’ ġestjoni finanzjarja tajba u minħabba bidliet maġġuri fit-titoli u l-kapitoli tan-nomenklatura baġitarja konnessi mar-responsabbiltajiet tad-dipartimenti tal-Kummissjoni rigward ir-rappurtar, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jintrabtu li jiddiskutu mal-Kummissjoni kwalunkwe bidla maġġuri matul il-perijodu ta’ konċiljazzjoni.

8.

Fl-interess ta' kooperazzjoni istituzzjonali leali u soda, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jimpenjaw ruħhom li jżommu kuntatti regolari u attivi fil-livelli kollha, permezz tan-negozjaturi rispettivi tagħhom, matul il-proċedura baġitarja kollha, u b'mod partikolari matul il-perijodu ta' konċiljazzjoni. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jimpenjaw ruħhom li jiżguraw li jkun hemm skambju reċiproku, f'waqtu u kontinwu, ta' informazzjoni rilevanti u dokumenti kemm f'livelli formali u informali, kif ukoll li jagħmlu laqgħat tekniċi jew informali, skont il-ħtieġa, matul il-perijodu ta' konċiljazzjoni, f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikollhom aċċess ugwali u f'waqtu għal informazzjoni u dokumenti.

9.

Sa dak iż-żmien meta jiltaqa’ l-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni, il-Kummissjoni tista’, jekk ikun meħtieġ, temenda l-abbozz tal-baġit skont l-Artikolu 314(2) TFUE u tista’ wkoll, permezz ta’ ittra ta’ emenda, taġġorna l-istimi tan-nefqa għall-agrikoltura. Il-Kummissjoni għandha tissottometti informazzjoni dwar aġġornamenti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex tiġi kkunsidrata minnhom, hekk kif dik l-informazzjoni tkun disponibbli. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill ir-raġunijiet iġġustifikati kif xieraq li jistgħu jkunu meħtieġa minnhom.

Parti D.   Proċedura baġitarja qabel il-proċedura ta' konċiljazzjoni

10.

Għandu jsir trilogu f’data li tantiċipa sewwa dik tal-qari tal-Kunsill sabiex l-istituzzjonijiet ikollhom żmien jiskambjaw il-fehmiet tagħhom dwar l-abbozz tal-baġit.

11.

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’, fi żmien xieraq, tivvaluta l-implimentabbiltà tal-emendi previsti mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill li joħolqu azzjonijiet jew proġetti pilota preparatorji ġodda jew li jtawlu dawk eżistenti, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar l-intenzjonijiet tagħhom f’dak ir-rigward, sabiex l-ewwel diskussjoni tkun tista' ssir f’dak it-trilogu.

12.

Jista' jitlaqqa' trilogu qabel il-votazzjoni fil-plenarja tal-Parlament Ewropew.

Parti E.   Proċedura ta' konċiljazzjoni

13.

Jekk il-Parlament Ewropew jadotta emendi għall-pożizzjoni tal-Kunsill, il-President tal-Kunsill għandu, matul l-istess seduta plenarja, jieħu nota tad-differenzi fil-pożizzjoni taż-żewġ istituzzjonijiet u jinforma lill-President tal-Parlament Ewropew li jaqbel li immedjatament jitlaqqa' l-Kumitat ta' Konċiljazzjoni. L-ittra li ssejjaħ il-laqgħa tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni għandha tintbagħat sa mhux aktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol tal-ġimgħa ta’ wara t-tmiem tas-sessjoni parzjali parlamentari li matulha jkun ittieħed il-vot plenarju, u l-perijodu ta’ konċiljazzjoni għandu jibda l-għada. Il-perijodu ta' żmien ta' 21 jum għandu jiġi kkalkolat skont ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1182/71 (1).

14.

Jekk il-Kunsill ma jkunx jista’ jaqbel dwar l-emendi kollha adottati mill-Parlament Ewropew, għandu jikkonferma l-pożizzjoni tiegħu permezz ta’ ittra mibgħuta qabel l-ewwel laqgħa prevista għal matul il-perijodu ta’ konċiljazzjoni. F’dak il-każ, il-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni għandu jipproċedi skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-punti li ġejjin.

15.

Il-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni għandu jiġi ppresedut b’mod konġunt mir-rappreżentanti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Il-laqgħat tal-Kumitat ta' Konċiljazzjoni għandhom jiġu ppreseduti mill-presidenza konġunta mill-istituzzjoni li tkun qed tospita l-laqgħa. Kull istituzzjoni għandha, skont ir-regoli ta’ proċedura tagħha stess, tinnomina l-parteċipanti tagħha għal kull laqgħa u tistabbilixxi l-mandat tagħha għan-negozjati. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom ikunu rappreżentati f'livell xieraq fil-Kumitat ta' Konċiljazzjoni, b'mod li kull delegazzjoni tkun tista' timpenja politikament lill-istituzzjoni rispettiva tagħha, u li jista' jsir progress reali lejn ftehim finali.

16.

Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 314(5) TFUE, il-Kummissjoni għandha tieħu sehem fil-proċeduri tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni u għandha tieħu l-inizjattivi kollha meħtieġa biex tirrikonċilja l-pożizzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

17.

It-trilogi għandhom isiru tul il-perijodu kollu tal-proċedura ta’ konċiljazzjoni, f’livelli differenti ta’ rappreżentanza, bil-għan li jiġu solvuti l-kwistjonijiet pendenti u titħejja l-bażi biex jintlaħaq ftehim fil-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni.

18.

Il-laqgħa tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni u tat-trilogi għandhom isiru alternattivament fil-bini tal-Parlament Ewropew u f’dak tal-Kunsill, bil-għan li l-faċilitajiet jinqasmu ndaqs, inklużi l-faċilitajiet ta' interpretazzjoni.

19.

Id-dati tal-laqgħat tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni u tat-trilogi għandhom jiġu miftiehma minn qabel bi ftehim bejn it-tliet istituzzjonijiet.

20.

Għandu jkun hemm sett komuni ta’ dokumenti (“input documents”) li jqabblu d-diversi stadji tal-proċedura baġitarja disponibbli għall-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni (2). Dawk id-dokumenti għandhom jinkludu ċifri “linja b’linja”, totali skont l-intestaturi tal-QFP u dokument konsolidat b’ċifri u rimarki dwar il-linji baġitarji kollha meqjusa teknikament “miftuħa”. Bla ħsara għad-deċiżjoni finali tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni, għandu jkun hemm dokument speċjali li jelenka l-linji baġitarji kollha meqjusa teknikament magħluqa (3). Dawk id-dokumenti għandhom jiġu kklassifikati skont in-nomenklatura baġitarja.

Għandhom jiġu mehmuża wkoll dokumenti oħrajn mad-dokumenti inizjali għall-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni, inklużi ittra ta’ implimentabbiltà mill-Kummissjoni dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill u l-emendi tal-Parlament Ewropew; u kwalunkwe ittra jew ittri minn istituzzjonijiet oħrajn li jirrigwardaw il-pożizzjoni tal-Kunsill jew l-emendi tal-Parlament Ewropew.

21.

Bil-għan li jintlaħaq ftehim sal-aħħar tal-perijodu ta’ konċiljazzjoni, it-trilogi għandhom:

jiddefinixxu l-ambitu tan-negozjati dwar il-kwistjonijiet baġitarji li għandhom jiġu indirizzati;

japprovaw il-lista tal-linji baġitarji meqjusa bħala teknikament magħluqin, suġġett għall-ilħuq ta' ftehim finali dwar il-baġit sħiħ tas-sena finanzjarja;

jiddiskutu l-kwistjonijiet identifikati taħt l-ewwel inċiż bil-ħsieb li jintlaħqu ftehimiet li possibbilment jiġu approvati mill-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni;

jindirizzaw kwistjonijiet tematiċi, anki skont l-intestaturi tal-QFP.

Għandhom jintlaħqu konklużjonijiet tentattivi b’mod konġunt matul jew immedjatament wara kull trilogu, u simultanjament, għandha tiġi miftiehma l-aġenda tal-laqgħa ta’ wara. Dawk il-konklużjonijiet għandhom jiġu rreġistrati mill-istituzzjoni li tkun qed tospita t-trilogu u jitqies li jkunu ġew approvati provviżorjament wara 24 siegħa, bla ħsara għad-deċiżjoni finali tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni.

22.

Waqt il-laqgħa tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni għandu jkun hemm għad-dispożizzjoni tiegħu l-konklużjonijiet tat-trilogi u dokument li possibbilment jiġi approvat, kif ukoll il-linji baġitarji li dwarhom ikun intlaħaq ftehim tentattiv matul it-trilogi.

23.

It-test konġunt stabbilit fl-Artikolu 314(5) tat-TFUE għandu jiġi stabbilit mis-segretarjati tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill bl-għajnuna tal-Kummissjoni. Dak it-test għandu jkun kompost minn ittra ta' trażmissjoni indirizzata mill-presidenti taż-żewġ delegazzjonijiet lill-President tal-Parlament Ewropew u dak tal-Kunsill, li fiha tidher id-data tal-ftehim milħuq fil-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni, kif ukoll l-annessi li għandhom jinkludu:

iċ-ċifri linja b’linja għall-elementi kollha tal-baġit u ċifri sommarji skont l-intestaturi tal-QFP;

dokument konsolidat li jindika ċ-ċifri u t-test finali għal-linji kollha li jkunu ġew modifikati waqt il-proċedura ta' konċiljazzjoni;

il-lista tal-linji mhux modifikati fir-rigward tal-abbozz tal-baġit jew il-pożizzjoni tal-Kunsill dwaru.

Il-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni jista’ wkoll japprova konklużjonijiet u dikjarazzjonijiet konġunti possibbli dwar il-baġit.

24.

It-test konġunt għandu jiġi tradott fil-lingwi uffiċjali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni (permezz tas-servizzi pprovduti mill-Parlament Ewropew) u għandu jiġi ppreżentat għall-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fi żmien 14-il jum mid-data tal-ftehim dwar it-test konġunt skont il-Punt 23.

Il-baġit għandu jkun suġġett għal finalizzazzjoni lingwistika legali wara l-adozzjoni tat-test konġunt, billi l-annessi tat-test konġunt jiġu integrati mal-linji baġitarji li ma jkunux ġew modifikati matul il-proċedura ta' konċiljazzjoni.

25.

L-istituzzjoni li tkun qed tospita l-laqgħa (it-trilogu jew il-konċiljazzjoni) għandha tipprovdi faċilitajiet ta' interpretazzjoni komprensivi li jkopru l-lingwi kollha fil-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni kif ukoll arranġamenti lingwistiċi ad hoc fit-trilogi.

L-istituzzjoni li tkun qed tospita l-laqgħa għandha tieħu ħsieb il-kopji tad-dokumenti tal-kamra u t-tqassim tagħhom.

Is-servizzi tat-tliet istituzzjonijiet għandhom jikkooperaw biex ir-riżultati tan-negozjati jiġu traskritti sabiex ikun jista’ jiġi ffinalizzat it-test konġunt.

Parti F.   Baġits Emendatorji

Prinċipji ġenerali

26.

Konsapevoli li ħafna drabi l-baġits emendatorji jiffukaw fuq kwistjonijiet speċifiċi u xi kultant urġenti, l-istituzzjonijiet jaqblu dwar il-prinċipji li ġejjin biex jiżguraw li jkun hemm kooperazzjoni interistituzzjonali xierqa biex il-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet dwar baġits emendatorji jkun mingħajr diffikultajiet u ma jdumx, filwaqt li kemm jista’ jkun jiġi evitat li jkollha tissejjaħ laqgħa ta’ konċiljazzjoni għall-baġits emendatorji.

27.

Kemm jista’ jkun, l-istituzzjonijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex jillimitaw l-għadd ta’ baġits emendatorji.

Kalendarju

28.

Il-Kummissjoni għandha tinforma bil-quddiem lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar id-dati possibbli għall-adozzjoni tal-abbozzi tal-baġits emendatorji bla ħsara għad-data finali tal-adozzjoni.

29.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, skont ir-regoli interni tal-proċedura rispettivi tagħhom, għandhom jagħmlu ħilithom biex jeżaminaw l-abbozz tal-baġit emendatorju propost mill-Kummissjoni mal-ewwel opportunità wara l-adozzjoni tiegħu mill-Kummissjoni.

30.

Sabiex titħaffef il-proċedura, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jiżguraw li l-kalendarji ta' ħidma rispettivi tagħhom ikunu kemm jista’ jkun ikkoordinati sabiex il-proċeduri jkunu jistgħu jsiru b’mod koerenti u konverġenti. Għalhekk, mill-aktar fis possibbli, huma għandhom ifittxu li jistabbilixxu kalendarju indikattiv għad-diversi stadji li jwasslu għall-adozzjoni finali tal-baġit emendatorju.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom iqisu l-urġenza relattiva tal-baġit emendatorju u l-ħtieġa li jiġi approvat fi żmien xieraq sabiex ikun effettiv matul is-sena finanzjarja kkonċernata.

Kooperazzjoni matul il-qari

31.

L-istituzzjonijiet għandhom jikkooperaw b'rieda tajba tul il-proċedura kollha biex, kemm jista’ jkun, iwittu t-triq għall-adozzjoni tal-baġits emendatorji f’fażi bikrija tal-proċedura.

Meta jkun xieraq u meta tinqala’ l-possibbiltà ta’ diverġenza, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, qabel ma kull wieħed minnhom jieħu l-pożizzjoni finali tiegħu dwar il-baġit emendatorju, jew il-Kummissjoni fi kwalunkwe ħin, jistgħu jipproponu li jissejjaħ trilogu speċifiku biex jiġu diskussi d-diverġenzi u jippruvaw jilħqu kompromess.

32.

L-abbozzi kollha tal-baġits emendatorji proposti mill-Kummissjoni, iżda li ma jkunux għadhom ġew approvati b’mod finali, għandhom jiddaħħlu sistematikament fl-aġenda tat-trilogi ppjanati għall-proċedura baġitarja annwali. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta l-abbozzi tal-baġits emendatorji u l-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom, kemm jista’ jkun, jgħarrfu l-pożizzjonijiet rispettivi tagħhom qabel ma jitlaqqa’ t-trilogu.

33.

Jekk jintlaħaq kompromess matul it-trilogu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jintrabtu li jikkunsidraw ir-riżultati tat-trilogu waqt id-deliberazzjoni dwar il-baġit emendatorju skont it-TFUE u r-regoli ta’ proċedura tagħhom.

Kooperazzjoni wara l-qari

34.

Jekk il-Parlament Ewropew japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill mingħajr emendi, il-baġit emendatorju għandu jiġi adottat skont it-TFUE.

35.

Jekk il-maġġoranza tal-membri komponenti tal-Parlament Ewropew jadottaw l-emendi, japplika l-Artikolu 314(4)(c) TFUE. Madankollu, qabel jiltaqa’ l-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni għandu jissejjaħ trilogu:

jekk jintlaħaq ftehim matul it-trilogu u suġġett li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jaqblu dwar ir-riżultati tat-trilogu, il-konċiljazzjoni għandha tintemm permezz ta’ skambju ta’ ittri mingħajr ma jkollha ssir laqgħa tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni.

jekk matul it-trilogu ma jintlaħaqx ftehim, il-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni għandu jiltaqa’ u jorganizza l-ħidma tiegħu skont iċ-ċirkustanzi, bil-ħsieb li jagħlaq kemm jista’ jkun il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet qabel l-iskadenza ta' wieħed u għoxrin jum stabbilita fl-Artikolu 314(5) tat-TFUE. Il-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni jista’ jintemm bi skambju ta’ ittri.

Parti G.   Impenji pendenti (“Reste à liquider (‘RAL’)”)

36.

Minħabba l-ħtieġa li jiġi żgurat li jsir progress ordnat tal-approprjazzjonijiet totali ta' pagament b'rabta mal-approprjazzjonijiet ta' impenn sabiex tiġi evitata kwalunkwe riport anormali tar-RAL minn sena għal oħra, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jaqblu li jissorveljaw mill-qrib il-livell tar-RAL sabiex jitnaqqas ir-riskju li tiġi ostakolata l-implimentazzjoni tal-programmi tal-Unjoni minħabba nuqqas ta' approprjazzjonijiet ta' pagament fi tmiem il-QFP.

Sabiex jiġi żgurat li jkun hemm livell u profil maniġġabbli għall-pagamenti fl-intestaturi kollha, ir-regoli ta' diżimpenn għandhom jiġu applikati b'mod strett fl-intestaturi kollha, b'mod parikolari r-regoli għad-diżimpenji awtomatiċi.

Matul il-proċedura baġitarja, l-istituzzjonijiet għandhom jiltaqgħu b'mod regolari bil-ħsieb li jivvalutaw b'mod konġunt is-sitwazzjoni attwali u l-prospetti għall-implimentazzjoni baġitarja fis-sena attwali u fis-snin futuri. Dan għandu jsir permezz ta' laqgħat interistituzzjonali speċifiċi fil-livell xieraq, li qabilhom il-Kummissjoni għandha tinforma b'mod dettaljat dwar is-sitwazzjoni attwali, skont il-Fond u l-Istat Membru, tal-implimentazzjoni tal-pagamenti, tat-talbiet għal rimborżi riċevuti u tal-previżjonijiet riveduti. B'mod partikolari, sabiex jiġi żgurat li l-Unjoni tkun tista' tissodisfa l-obbligi finanzjarji kollha tagħha li jirriżultaw mill-impenji eżistenti u dawk futuri fil-perijodu 2014-2020 f'konformità mal-Artikolu 323 tat-TFUE, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom janalizzaw u jiddiskutu l-estimi tal-Kummissjoni fir-rigward tal-livell ta' approprjazzjonijiet ta' pagament meħtieġ.


(1)  Regolament (KEE, Euratom) Nru 1182/71 tal-Kunsill tat-3 ta' Ġunju 1971 li jistabbilixxi r-regoli applikabbli għal perijodi, dati u limiti ta' żmien (ĠU L 124, 8.6.1971, p. 1).

(2)  Id-diversi stadji jinkludu: il-baġit tas-sena finanzjarja kurrenti (inklużi baġits emendatorji adottati); l-abbozz tal-baġit inizjali; il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz tal-baġit; l-emendi tal-Parlament Ewropew għall-pożizzjoni tal-Kunsill u l-ittri ta’ emenda ppreżentati mill-Kummissjoni (jekk ma jkunux diġà ġew approvati b’mod sħiħ mill-istituzzjonijiet kollha).

(3)  Linja baġitarja meqjusa bħala teknikament magħluqa hija linja li dwarha ma jkun hemm l-ebda nuqqas ta’ qbil bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, u li fir-rigward tagħha ma tkun ġiet ippreżentata l-ebda ittra ta’ emenda.


Top