Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013D0745

    2013/745/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tad- 9 ta’ Diċembru 2013 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll biex jiġi Eliminat il-Kummerċ Illeċitu tal-Prodotti tat-Tabakk fil-Konvenzjoni Qafas dwar il-Kontroll tat-Tabakk tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, bl-eċċezzjoni tad-dispożizzjonijiet tiegħu dwar l-obbligi relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, mad-definizzjoni ta’ reati kriminali, u mal-kooperazzjoni tal-pulizija

    ĠU L 333, 12.12.2013, p. 75–76 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2013/745/oj

    12.12.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 333/75


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    tad-9 ta’ Diċembru 2013

    dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll biex jiġi Eliminat il-Kummerċ Illeċitu tal-Prodotti tat-Tabakk fil-Konvenzjoni Qafas dwar il-Kontroll tat-Tabakk tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, bl-eċċezzjoni tad-dispożizzjonijiet tiegħu dwar l-obbligi relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, mad-definizzjoni ta’ reati kriminali, u mal-kooperazzjoni tal-pulizija

    (2013/745/UE)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 33, 113, 114 u 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(5) u 218(2), it-tieni subparagrafu, tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

    Billi:

    (1)

    Fit-22 ta’ Ottubru 1999, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tinnegozja, fil-kuntest tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), Konvenzjoni Qafas dwar il-Kontroll tat-Tabakk (FCTC) u protokolli relatati. Din l-awtorizzazzjoni kienet emendata mill-Kunsill fil-21 ta’ April 2001 u, fl-20 ta’ Diċembru 2007, fir-rigward tal-Protokoll biex jiġi Eliminat il-Kummerċ Illeċitu tal-Prodotti tat-Tabakk (‘il-Protokoll’). In-negozjati tmexxew mill-Kummissjoni fit-termini d-direttivi dwar in-negozjar adottati mill-Kunsill u ġew iffinalizzati b’suċċess bl-adozzjoni tal-Protokoll waqt il-ħames Konferenza tal-Partijiet għall-FCTC tad-WHO fit-12 ta’ Novembru 2012, f’Seoul, ir-Repubblika tal-Korea.

    (2)

    Il-konklużjoni tal-FCTC ġiet approvata f’isem il-Komunità permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2004/513/KE (1), li hija kondizzjoni biex l-Unjoni Ewropea ssir Parti għall-Protokoll.

    (3)

    Il-Protokoll jirrappreżenta kontribut sinifikanti għall-isforzi internazzjonali biex jiġu eliminati l-forom kollha tal-kummerċ illeċitu tal-prodotti tat-tabakk, li tikkostitwixxi komponent essenzjali tal-kontroll tat-tabakk.

    (4)

    L-Unjoni għandha kompetenza esklużiva għal numru ta’ dispożizzjonijiet tal-Protokoll li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-politika kommerċjali komuni tal-Unjoni jew fejn tkun ġiet adottata l-leġislazzjoni korrispondenti tal-Unjoni. Għalhekk, il-Protokoll għandu jiġi ffirmat f’isem l-Unjoni Ewropea, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard.

    (5)

    Meta tiffirma t-Trattat, l-Unjoni mhux ser tkun qed teżerċita kompetenza kondiviża, għalhekk l-Istati Membri jżommu l-kompetenza tagħhom fl-oqsma koperti mit-Trattat li ma jaffettwawx regoli komuni u ma jibdlux il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ tali regoli.

    (6)

    Il-Protokoll jistabbilixxi obbligi għall-partijiet kontraenti relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, mad-definizzjoni ta’ reati kriminali, u mal-kooperazzjoni tal-pulizija. Bħala konsegwenza, din id-dispożizzjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u l-Protokolli (Nru 21) dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja u (Nru 22) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, it-tnejn li huma mehmużin mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, japplikaw.

    (7)

    Deċiżjoni separata (2) relatata mal-iffirmar tal-Protokoll, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tiegħu dwar l-obbligi relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, mad-definizzjoni ta’ reati kriminali, u mal-kooperazzjoni tal-pulizija għandha tiġi adottata b’mod parallel għal din id-Deċiżjoni.

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-iffirmar tal-Protokoll biex jiġi Eliminat il-Kummerċ Illeċitu tal-Prodotti tat-Tabakk għall-Konvenzjoni Qafas tad-WTO dwar il-Kontroll tat-Tabakk, bl-eċċezzjoni tad-dispożizzjonijiet tiegħu dwar l-obbligi relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, mad-definizzjoni ta’ reati kriminali, u mal-kooperazzjoni tal-pulizija, hu b’dan awtorizzat soġġett għall-konklużjoni tal-Protokoll imsemmi (3).

    Artikolu 2

    Il-President tal-Kunsill hu b’dan awtorizzat li jinnomina l-persuna jew persuni bis-setgħa li jiffirma(w) il-Protokoll f’isem l-Unjoni, bl-eċċezzjoni tad-dispożizzjonijiet tiegħu dwar l-obbligi relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, mad-definizzjoni ta’ reati kriminali, u mal-kooperazzjoni tal-pulizija.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Diċembru 2013.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    A. PABEDINSKIENĖ


    (1)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/513/KE tat-2 ta’ Ġunju 2004 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni Qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-Kontroll tat-Tabakk (ĠU L 213, 15.6.2004, p. 8).

    (2)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/744/UE tad-9 ta’ Diċembru 2013 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll biex jiġi Eliminat il-Kummerċ Illeċitu tal-Prodotti tat-Tabakk fil-Konvenzjoni Qafas dwar il-Kontroll tat-Tabakk tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, bl-eċċezzjoni tad-dispożizzjonijiet tiegħu dwar l-obbligi relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, mad-definizzjoni ta’ reati kriminali, u mal-kooperazzjoni tal-pulizija (Ara paġna 73 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

    (3)  It-test tal-Protokoll ser jiġi ppubblikat flimkien mad-deċiżjoni dwar il-konklużjoni tiegħu.


    Top