Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013D0064

2013/64/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tal- 20 ta’ Diċembru 2012 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/344/UE dwar l-għoti ta’ assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Portugall

ĠU L 26, 26.1.2013, pp. 30–33 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2013/64/oj

26.1.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 26/30


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

tal-20 ta’ Diċembru 2012

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/344/UE dwar l-għoti ta’ assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Portugall

(2013/64/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 407/2010 tal-11 ta’ Mejju 2010 li jistabbilixxi mekkaniżmu Ewropew ta’ stabbilizzazzjoni finanzjarja (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

F’konformità mal-Artikolu 3(10) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill Nru 2011/344/UE (2), il-Kummissjoni, flimkien mal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) u f’kooperazzjoni mal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), għamlet is-sitt analiżi tal-progress tal-awtoritajiet Portugiżi fl-implimentazzjoni tal-miżuri miftiehma taħt il-programm ta’ aġġustament ekonomiku u finanzjarju (“il-Programm”) kif ukoll tal-effikaċja u l-impatt ekonomiku u soċjali tagħhom.

(2)

Wara tnaqqis qawwi ta’ 3 % fl-2012 f’termini reali, l-attività ekonomika hija mistennija li tirkupra gradwalment mill-bidu tat-tieni nofs tal-2013 b’rati ta’ tkabbir trimestrali li jirritornaw fuq in-naħa pożittiva. B’ħarsa ‘l quddiem, l-irkupru ekonomiku huwa mistenni li jħaffef il-pass fl-2014 minkejja r-riskji għall-prospettiva makroekonomika. Din tinkludi pressjonijiet kuntrarji mill-konsum domestiku u deterjorament aktar qawwi milli kien mistenni fil-klima ekonomika f’xi Stati Membri taż-żona tal-euro, li se jkollhom effetti ta’ riperkussjoni fuq il-Portugall.

(3)

Il-mira għal defiċit baġitarju ta’ 5 % tal-prodott domestiku gross (PDG) għall-2012 tibqa’ valida, anke jekk hemm xi riskji. Filwaqt li l-eżekuzzjoni baġitarja fuq in-naħa tan-nefqa tibqa’ taħt kontroll, id-dħul sa Ottubru kompla ma laħaqx il-miri diġà riveduti ‘l isfel. Miżuri addizzjonali ta’ ffrankar li jammontaw għal madwar 0,3 % tal-PDG qed jiġu implimentati biex jilħqu l-mira għad-defiċit, iżda hemm xi inċertezzi fir-rigward tar-rendiment finali tagħhom. Finalment, l-awtoritajiet tal-istatistika għadhom qed jivvalutaw jekk il-bejgħ tal-koncessjoni tal-ajruport (ANA), stmat 0,7 % tal-PDG, jistax jiġi ttrattat bħala operazzjoni ta’ tnaqqis tad-defiċit.

(4)

Il-liġi tal-baġit għall-2013, li ġiet adottata fis-27 ta’ Novembru 2012, tinkludi miżuri diskrezzjonarji ta’ aktar minn 3 % tal-PDG biex tintlaħaq il-mira tad-defiċit ta’ 4,5 % tal-PDG fl-2013. Fuq in-naħa tan-nefqa, il-baġit jipprevedi tnaqqis imdaqqas fin-nefqa fuq il-pagi tas-settur pubbliku permezz ta’ tnaqqis fl-impjiegi flimkien ma’ tnaqqis fil-pagamenti tas-sahra u kumpensi oħra. Se jkunu approfonditi l-isforzi ta’ razzjonalizzazzjoni fis-settur tas-saħħa, fl-intrapriżi tal-Istat (SOEs) u fl-isħubiji pubbliċi-privati (PPPs), filwaqt li l-infiq soċjali se jiġi razzjonalizzat aktar. Min-naħa tad-dħul, il-baġit tal-2013 jipprovdi għal ristrutturazzjoni komprensiva tat-taxxa fuq id-dħul personali li se tnaqqas l-għadd ta’ faxex u żżid ir-rata tat-taxxa medja b’konformità mal-istandards Ewropej, filwaqt li tippreserva fil-progressività u taqta’ mill-benefiċċji fiskali. Barra minn hekk, soprataxxa ta’ 3,5 % se tiġi imposta fuq il-parti tad-dħul taxxabbli ‘l fuq mill-paga minima u soprataxxa ta’ solidarjetà ta’ 2,5 % fuq fuq id-dħul ta’ aktar minn EUR 80 000 u ta’ 5 % fuq id-dħul ta’ aktar minn EUR 250 000. L-introjti mit-taxxa fuq id-dħul korporattiv se jiżdiedu billi ġiet limitata d-deduċibbiltà tal-kostijiet tal-imgħax, jitbaxxa l-limitu għall-applikazzjoni tal-ogħla sovrimposta fuq il-profitti u nbidlet il-metodoloġija għal prepagament speċjali lil kumpaniji taħt it-tassazzjoni ta’ gruppi, fost oħrajn. Il-baġit tal-2013 jinkludi wkoll tibdiliet fit-tassazzjoni indiretta, partikolarment żieda fid-dazji tas-sisa fuq it-tabakk, l-alkoħol u l-gass naturali, twessigħ tal-bażi tat-tassazzjoni fuq il-proprjetà wara rivalwazzjoni tal-proprjetajiet u l-ħolqien ta’ taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji. Barra minn hekk, il-kontribuzzjonijiet soċjali se jiżdiedu billi dawn se jkunu imposti wkoll fuq ħlasijiet supplimentari għal impjegati pubbliċi u fuq benefiċċji tal-qgħad.

(5)

Meta jitqiesu l-miżuri fil-baġit tal-2013, iż-żidiet fid-dħul se jikkontribwixxu għal 80 % tal-aġġustament fiskali fl-2013 filwaqt li l-20 % li jifdal se jiġi minn tnaqqis fin-nefqa (wara li jiġi kkunsidrat l-effett tal-introduzzjoni mill-ġdid tat-13-il salarju fis-settur pubbliku u ta’ pensjonijiet ta’ 1,1 kull xahar, wara d-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali). Fid-dawl tar-riskji assoċjati ma’ aġġustament ibbażat b’mod qawwi fuq id-dħul, l-awtoritajiet Portugiżi qed iħejju miżuri ta’ kontinġenza li jammontaw għal 0,5 % tal-PDG li se jiġu attivati jekk ir-riskji jimmaterjalizzaw ruħhom. Il-miżuri se jikkonsistu l-aktar f’iffrankar fin-nefqa, notevolment tnaqqis ulterjuri fl-ispejjeż fuq il-pagi, u se jiġu speċifikati aktar fil-bidu tal-2013 fil-ħin għas-seba’ analiżi.

(6)

Il-proċess ta’ aġġustament baġitarju huwa mirfud minn sensiela ta’ miżuri strutturali biex jitjieb il-kontroll fuq in-nefqa tal-gvern u jitjieb il-ġbir tad-dħul. B’mod partikolari, hija prevista riforma komprensiva tal-qafas baġitarju biex iġġibu konformi mal-aqwa prattiki fil-proċeduri u l-ġestjoni baġitarji. Is-sistema ġdida ta’ kontroll tal-impenji qed tibda turi r-riżultati iżda l-implimentazzjoni trid tiġi mmonitorjata mill-qrib biex jiġi żgurat li l-impenji huma konformi mal-finanzjament. Ir-riformi fl-amministrazzjoni pubblika, li diġà wasslu għal iffrankar sinifikanti, se jkomplu. Ir-riformi ewlenin biex jirristrutturaw l-amministrazzjoni tad-dħul kważi tlestew u l-awtoritajiet qed iżidu l-monitoraġġ u jsaħħu l-konformità tad-dħul. In-negozjar mill-ġdid tal-PPPs beda u huwa pproġettat iffrankar sinifikanti għall-2013 u wara. L-SOEs huma mistennija li jilħqu bilanċ operattiv, bħala medja, sa tmiem tal-2012. Ir-riformi fis-settur tal-kura tas-saħħa qed jipproduċu ffrankar sinifikanti u l-implimentazzjoni qed tkompli b’mod ġeneralment konformi mal-miri.

(7)

Inbdiet analiżi komprensiva tan-nefqa bl-għan li tżdied l-effiċjenza u l-ekwità tas-servizzi pubbliċi, filwaqt li jiġi ġġenerat iffrankar fl-infiq ta’ madwar EUR 4 biljun jew 2,5 % tal-PDG. L-eżerċizzju għandu l-għan li jnaqqas is-sensji fil-funzjonijiet u entitajiet tas-settur pubbliku, u li jalloka mill-ġdid riżorsi lejn oqsma ta’ nfiq li jiffavorixxu t-tkabbir. L-identifikazzjoni, il-kwantifikazzjoni u l-iskeda tal-implimentazzjoni tal-miżuri għandhom jiġu speċifikati sa Frar 2013. Il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2013 se jagħti aktar informazzjoni dwar pjan ta’ konsolidazzjoni fiskali fuq medda ta’ żmien medja.

(8)

Bil-projezzjonijiet attwali tal-Kummissjoni għat-tkabbir tal-PDG nominali (- 1,0 % fl-2011, - 2,7 % fl-2012, 0,3 % fl-2013 u 2 % fl-2014) u l-miri fiskali ta’ 5 % tal-PDG fl-2012, 4,5 % fl-2013 u 2,5 % fl-2014, il-proporzjon tad-dejn mal-PDG huwa mistenni li jiżviluppa kif ġej: 108,1 % fl-2011, 120 % fl-2012, 122,2 % fl-2013 u 122,3 % fl-2014. Il-proporzjon tad-dejn mal-PDG se jistabbilizza mill-2012 ‘il quddiem u jitqiegħed fuq perkors ‘l isfel wara l-2014, dejjem jekk ikun hemm progress ulterjuri fit-tnaqqis tad-defiċit. Id-dinamika tad-dejn hija affetwata minn diversi operazzjonijiet barra mill-baġit, inkluż akkwiżizzjonijiet imdaqqsa ta’ assi finanzjarji, b’mod partikolari għall-possibbiltà tar-rikapitalizzazzjoni bankarja u l-finanzjament tal-SOEs u d-differenzi bejn il-pagamenti fi flus ta’ imgħax dovut u mħallas.

(9)

L-eżerċizzju ta’ żieda kapitali li jammonta għal EUR 8,2 biljun kważi tlesta u se jippermetti lill-banek parteċipanti li jilħqu l-bafers kapitali regolatorji tal-Awtorità Bankarja Ewropea kif ukoll il-mira għall-aħħar tas-sena tal-2012 ta’ proporzjon ta’ Core Tier 1 ta’ 10 %. Il-mira indikattiva ta’ self għal depożitu ta’ 120 % sal-2014 x’aktarx se tintlaħaq billi xi banek diġà qiegħdin taħt il-limitu f’dan l-istadju. L-isforzi biex jiġu ddiversifikati s-sorsi ta’ finanzjament għas-settur korporattiv qegħdin jissaħħu. L-atti legali dwar ir-riżoluzzjoni bankarja inklużi pjanijiet ta’ rkupru, banek tranżitorji u fond tar-riżoluzzjoni qegħdin jiġu ffinalizzati.

(10)

Sar aktar progress fl-implimentazzjoni tar-riformi strutturali għat-tisħiħ tat-tkabbir u l-kompetittività. Minbarra t-tisħiħ tal-politiki tas-suq tax-xogħol attiv, l-awtoritajiet huma impenjati li jnaqqsu l-ħlasijiet relatati mas-sensji biex jippromwovu l-flessibbiltà tas-suq tax-xogħol u l-ħolqien tal-impjiegi. L-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ azzjoni għall-iskejjel sekondarji u t-taħriġ vokazzjonali b’mod ġenerali qed tavvanza kif skedat.

(11)

It-traspożizzjoni tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (3) bl-għan li jitnaqqsu l-ostakli għad-dħul u tingħata spinta lill-kompetizzjoni u l-attività ekonomika, billi jiġi ffaċilitat l-aċċess għal parteċipanti ġodda biex jidħlu fis-suq f’reġimi ekonomiċi differenti, għaddejja b’ritmu tajjeb. Proċeduri ta’ ħruġ ta’ liċenzji u piżijiet amministrattivi oħra wkoll qed jiġu semplifikati f’setturi ekonomiċi differenti bħall-ambjent u l-ippjanar territorjali, l-agrikoltura u l-iżvilupp rurali, l-industrija, u l-ġeoloġija. Qed titħejja liġi qafas sabiex jiġu stabbiliti l-prinċipji ġenerali tal-funzjonament tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali l-aktar importanti, inklużi billi jingħataw indipendenza u awtonomija b’saħħithom.

(12)

Ir-riformi tas-sistema ġudizzjarja tkompli tavvanza skont l-iskeda miftiehma. Sar iktar progress fit-tnaqqis ta’ każijiet pendenti u f’riformi usa’ bħar-riorganizzazzjoni ġeografika tad-distretti tal-qrati u r-riforma tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili.

(13)

Kull miżura meħtieġa minn din id-Deċiżjoni hija strumentali biex tiġi stabbilita mill-ġdid qagħda ekonomika u finanzjarja soda fil-Portugall u biex terġa’ tiġi rrestawrata l-kapaċità tiegħu li jiffinanzja lilu nnifsu fis-swieq.

(14)

Fid-dawl ta’ dawn l-iżviluppi, jeħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/344/UE tiġi emendata,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/344/UE huwa b’dan emendat kif ġej:

(1)

il-paragrafu 7 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“7.   Il-Portugall għandu jadotta l-miżuri li ġejjin matul l-2013, f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet fil-Memorandum ta’ Qbil:

(a)

id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika ma għandux jaqbeż l-4,5 % tal-PDG fl-2013. Il-baġit għall-2013 għandu jinkludi miżuri ta’ konsolidazzjoni fiskali permanenti li jammontaw għal tal-anqas 3 % tal-PDG bil-għan li jitnaqqas id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika fi ħdan il-perjodu ta’ żmien stipulat fil-paragrafu 3. Il-Gvern Portugiż għandu jesplora modi kif iżid is-sehem tat-tnaqqis tan-nefqa fil-pakkett kumplessiv ta’ konsolidazzjoni għall-2013 sabiex ikun żgurat aġġustament fiskali li jiffavorixxi t-tkabbir fuq terminu medju ta’ żmien li jxaqleb lejn in-naħa tan-nefqa. Fid-dawl ta’ riskji fl-eżekuzzjoni baġitarja, il-Gvern Portugiż għandu jħejji miżuri ta’ kontinġenza ta’ 0,5 % tal-PDG sa kmieni fl-2013 li għandhom jiġu attivati f’każ tal-materjalizzazzjoni ta’ dawn ir-riskji;

(b)

il-baġit għall-2013 għandu jinkludi miżuri li jżidu d-dħul, partikolarment ristrutturazzjoni fit-taxxa fuq id-dħul personali bis-simplifikazzjoni tal-istruttura tat-taxxa, b’żieda fir-rata tat-taxxa medja filwaqt li tiġi ppreservata l-progressività u billi titwessa’ l-bażi tat-taxxa permezz tal-eliminazzjoni ta’ xi benefiċċji fiskali; it-twessigħ tal-bażi tat-taxxa fuq id-dħul korporattiv; żieda fir-rata tat-taxxa fuq id-dħul mill-investiment; żieda fid-dazji tas-sisa; u l-introduzzjoni ta’ bidliet fit-tassazzjoni rikorrenti fuq il-proprjetà;

(c)

il-baġit għall-2013 għandu jinkludi miżuri għall-iffrankar min-nefqa, partikolarment razzjonalizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika, l-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa u l-benefiċċji soċjali; tnaqqis fin-nefqa fuq il-pagi billi jitnaqqas il-persunal permanenti u dak temporanju u billi jonqos il-ħlas għas-sahra; razzjonalizzazzjoni tat-trasferimenti u s-sussidji soċjali pubbliċi u privati; tnaqqis fit-trasferimenti lill-awtoritajiet lokali u reġjonali; u tnaqqis tan-nefqa kapitali u operattiva mill-SOEs;

(d)

il-Portugall għandu jkompli jimplimenta l-programm ta’ privatizzazzjoni tiegħu;

(e)

il-Portugall għandu jiżviluppa linji gwida komuni ta’ previżjoni tad-dħul għall-awtoritajiet reġjonali u lokali;

(f)

il-Portugall għandu japprofondixxi l-użu ta’ servizzi kondiviżi fl-amministrazzjoni pubblika;

(g)

il-Portugall għandu jnaqqas l-għadd ta’ fergħat lokali ta’ ministeri rilevanti (eż. taxxa, sigurtà soċjali, ġustizzja) billi jgħaqqadhom f’“Lojas do Cidadão” (punti ta’ kuntatt waħdieni tas-settur amministrattiv u tas-settur tas-servizz) u jiżviluppa aktar l-amministrazzjoni elettronika tul il-perjodu tal-Programm;

(h)

il-Portugall għandu jkompli r-riorganizzazzjoni u r-razzjonalizzazzjoni tan-netwerk tal-isptarijiet permezz tal-ispeċjalizzazzjoni, il-konċentrazzjoni u t-tnaqqis ta’ servizzi tal-isptar, il-ġestjoni konġunta u l-operazzjoni konġunta ta’ sptarijiet, u għandu jiffinalizza l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni sa tmiem l-2013;

(i)

bl-appoġġ ta’ esperti b’reputazzjoni internazzjonali u wara l-adozzjoni tal-emendi fil-Liġi 6/2006 dwar il-Kera Urbana Ġdida u tad-digriet liġi li jissemplifika l-proċedura amministrattiva għar-rinnovazzjoni, il-Portugall għandu jwettaq reviżjoni komprensiva tal-funzjonament tas-suq tad-djar;

(j)

il-Portugall għandu jiżviluppa sistema mifruxa mal-pajjiż kollu ta’ reġistrazzjoni tal-artijiet li tippermetti distribuzzjoni aktar ekwa tal-benefiċċji u l-kostijiet fl-eżekuzzjoni tal-ippjanar urban;

(k)

il-Portugall għandu jagħmel operattivi bis-sħiħ l-għodda maniġerjali biex janalizza, jimmonitorja u jivvaluta r-riżultati u l-impatti tal-politiki tal-edukazzjoni u t-taħriġ u jistabbilixxi l-iskejjel professjonali ta’ referenza;

(l)

il-Portugall għandu jlesti l-adozzjoni tal-emendi settorjali pendenti meħtieġa sabiex jimplimenta bis-sħiħ id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (*1);

(m)

il-Portugall għandu jimplimenta miżuri mmirati biex jintlaħaq tnaqqis kostanti fil-każijiet pendenti ta’ infurzar bl-għan li jissolvew il-kawżi pendenti fil-qrati;

(n)

il-Portugall għandu jadotta Liġi qafas dwar l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali ewlenin sabiex jiggarantixxi l-indipendenza sħiħa u l-awtonomija finanzjarja, amministrattiva u ta’ ġestjoni tagħhom;

(o)

il-Portugall għandu jtejjeb l-ambjent kummerċjali billi jlesti ir-riformi pendenti dwar it-tnaqqis tal-piż amministrattiv (Punti ta’ Kuntatt Waħdieni previsti fid-Direttiva 2006/123/KE u l-proġetti “Bla Ħtieġa ta’ Awtorizzazzjoni”) u billi jwettaq semplifikazzjoni ulterjuri ta’ proċeduri, regolamenti u piżijiet ammnistrattivi oħra eżistenti ta’ ħruġ ta’ liċenzji fl-ekonomija li huma ostaklu kbir għall-iżvilupp ta’ attivitajiet ekonomiċi;

(p)

il-Portugall għandu jlesti r-riforma tal-leġiżlazzjoni tax-xogħol portwali u s-sistema ta’ governanza tal-portijiet, inkluża r-reviżjoni totali tal-konċessjonijiet l-operat portwali;

(q)

il-Portugall għandu jimplimenta l-miżuri li jtejbu l-funzjonament tas-sistema tat-trasport;

(r)

il-Portugall għandu jimplimenta l-miżuri li jeliminaw id-dejn tariffarju tal-enerġija u jittrasponi bis-sħiħ it-Tielet Pakkett tal-Enerġija tal-UE.

(*1)   ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36.” "

(2)

il-paragrafu 9 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“9.   Bil-għan li tiġi restawrata l-fiduċja fis-settur finanzjarju, il-Portugall għandu jirrikapitalizza b’mod adegwat is-settur bankarju tiegħu u jiżgura proċess ta’ diżingranaġġ b’mod ordinat. F’dak ir-rigward, il-Portugall għandu jimplimenta l-istrateġija għas-settur bankarju Portugiż kif miftiehem mal-Kummissjoni, il-BĊE u l-FMI biex tiġi mħarsal-istabbiltà finanzjarja. B’mod partikolari, il-Portugall għandu:

(a)

jagħti pariri lill-banek biex jissaħħu l-bafers kollaterali tagħhom fuq bażi sostenibbli;

(b)

jiżgura diżingranaġġ bilanċjat u ordinat tas-settur bankarju, li jibqa’ kruċjali għall-eliminazzjoni permanenti ta’ żbilanċi fil-finanzjamenti. Il-pjanijiet ta’ finanzjament tal-banek għandhom l-għan li jnaqqsu l-proporzjon tas-self mad-depożiti għal valur indikattiv ta’ madwar 120 % fl-2014 u li jnaqqsu d-dipendenza fuq il-finanzjament mill-Eurosistema fuq terminu medju ta’ żmien. Dawk il-pjanijiet ta’ finanzjament għandhom jiġu riveduti kull tliet xhur;

(c)

jinkoraġġixxi d-diversifikazzjoni ta’ alternattivi ta’ finanzjament għas-settur korporattiv, u b’mod partikolari l-SMEs, permezz ta’ sensiela ta’ miżuri li għandhom l-għan li jtejbu l-aċċess tagħhom għas-swieq kapitali u l-assigurazzjoni fuq kreditu għall-esportazzjoni;

(d)

ikompli jirrazzjonalizza il-grupp CGD tal-Istat;

(e)

jottimizza l-proċess għall-irkupru tal-assi trasferiti mill-BPN għat-tliet vetturi bi skop speċjali tal-Istat permezz ta’ esternalizzazzjoni tal-ġestjoni tal-assi lil parti terza professjonali, b’mandat li gradwalment tirkupra l-assi maż-żmien; jagħżel il-parti li timmaniġġja l-krediti permezz ta’ proċess kompetittiv ta’ offerti u fil-mandat għandu jinkludi inċentivi adegwati biex jimmassimizza l-irkupri u jimminimizza l-ispejjeż operattivi; u jiżgura t-trasferiment f’waqtu tas-sussidjarji u l-assi fiż-żewġ vetturi bi skop speċjali l-oħra tal-Istat;

(f)

abbażi tas-sett ta’ proposti preliminari biex jinkoraġġixxu d-diversifikazzjoni tal-alternattivi ta’ finanzjament ippreżentati għas-settur korporattiv, jiżviluppa u jimplimenta soluzzjonijiet li jipprovdu alternattivi ta’ finanzjament għal kreditu bankarju tradizzjonali għas-settur korporattiv; u jivvaluta l-effikaċja ta’ skemi ta’ assigurazzjoni fuq kreditu għall-esportazzjoni sponsorjat mill-gvern bil-ħsieb li jittieħdu miżuri xierqa kompatibbli mal-liġi tal-Unjoni li jippromwovu l-esportazzjonijiet;

(g)

jiżgura l-arranġamenti ta’ finanzjament inizjali u perjodiċi għall-Fond ta’ Riżoluzzjoni f’żewġ stadji, l-ewwel bl-approvazjoni ta’ digriet liġi dwar il-kontribuzzjonijiet tal-banek lill-Fond ta’ Riżoluzzjoni, u t-tieni, bl-approvazzjoni ta’ avviż superviżorju dwar il-kontribuzzjonijiet perjodiċi speċifiċi mill-banek; jadotta avviżi superviżorji dwar il-pjanijiet tar-riżoluzzjoni; u jipprijoritizza, fl-implimentazzjoni ta’ pjanijiet ta’ rkupru u riżoluzzjoni tal-banek, dawk il-banek li huma ta’ importanza sistemika;

(h)

jimplimenta l-qafas għal istituzzjonijiet finanzjarji li jidħlu f’ristrutturar tad-dejn barra l-qorti għall-unitajiet domestiċi, jiffaċilta l-applikazzjoni għar-ristrutturar ta’ dejn korporattiv, u jimplimenta pjan ta’ azzjoni għas-sensibilizzazzjoni dwar l-għodod ta’ ristrutturar;

(i)

jippreżenta lill-Parlament emendi għall-qafas legali li jirregola l-aċċess għall-kapital pubbliku biex jippermetti lill-Istat jeżerċita, taħt ċirkostanzi stretti u skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, kontroll fuq istituzzjoni u jwettaq rikapitalizzazzjonijiet mandatorji.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Portugiża.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Diċembru 2012.

Għall-Kunsill

Il-President

M. NOONAN


(1)   ĠU L 118, 12.5.2010, p. 1.

(2)   ĠU L 159, 17.6.2011, p. 88.

(3)   ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36.


Top