EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012R1216

Regolament (UE) Nru 1216/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 12 ta’ Diċembru 2012 li jintroduċi, fl-okkażjoni tal-adeżjoni tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea, miżuri temporanji speċjali għar-reklutaġġ ta’ uffiċjali u ta’ aġenti temporanji tal-Unjoni

ĠU L 351, 20.12.2012, p. 33–33 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/1216/oj

20.12.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 351/33


REGOLAMENT (UE) Nru 1216/2012 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-12 ta’ Diċembru 2012

li jintroduċi, fl-okkażjoni tal-adeżjoni tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea, miżuri temporanji speċjali għar-reklutaġġ ta’ uffiċjali u ta’ aġenti temporanji tal-Unjoni

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 336 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea, li ġiet ippreżentata wara konsultazzjoni mal-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġislattiv lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Fl-okkażjoni tal-adeżjoni tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Lulju 2013, jaqbel li jiġu adottati miżuri partikolari u temporanji, li jidderogaw mir-Regolamenti tal-Persunal għall-uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (“Ir-Regolamenti tal-Persunal”) u mill-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea, stipulati fir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (4).

(2)

Minħabba d-daqs tal-Kroazja u n-numru ta’ nies li huma potenzjalment involuti, il-miżuri temporanji speċjali għandhom jibqgħu fis-seħħ għal perjodu sostanzjali. It-30 ta’ Ġunju 2018 tidher li hija l-aktar data ta’ skadenza xierqa għalihom.

(3)

Minħabba l-ħtieġa li r-reklutaġġi ippjanati isiru mill-aktar fis possibbli wara l-adeżjoni, dan ir-Regolament għandu jiġi adottat qabel id-data effettiva tal-adeżjoni,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Reklutaġġ ta’ uffiċjali

1.   Minkejja t-tieni u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 4, l-Artikolu 7(1), l-Artikolu 27 u l-punti (a) u (b) tal-Artikolu 29(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, wara d-data effettiva tal-adeżjoni tal-Kroazja sat-30 ta’ Ġunju 2018, jistgħu jimtlew il-postijiet vakanti, sal-limitu tan-numru allokat, wara li jiġu meqjusa d-diskussjonijiet baġitarji, permezz ta’ ħatra ta’ ċittadini Kroati, bħala uffiċjali.

2.   Tali uffiċjali għandhom jiġu reklutati mid-data effettiva tal-adeżjoni, apparti fil-każ ta’ uffiċjali għolja (Diretturi Ġenerali jew l-ekwivalenti tagħhom fi grad AD 16 jew AD 15 u Diretturi jew l-ekwivalenti tagħhom fi grad AD 15 jew AD 14), isiru wara kompetizzjonijiet ibbażati fuq il-kwalifiki jew fuq testijiet, jew wara kompetizzjonijiet ibbażati jew fuq kwalifiki jew fuq testijiet, jew wara kompetizzjonijiet ibbażati fuq kwalifiki u testijiet, organizzati skont l-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal.

Artikolu 2

Reklutaġġ ta’ aġenti temporanji

1.   L-Artikolu 1(1) għandu japplika mutatis mutandis għar-reklutaġġ ta’ ċittadini tal-Kroazja bħala persunal temporanju.

2.   Tali persunal temporanju għandu jiġi reklutat mid-data effettiva tal-adeżjoni.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, it-12 ta’ Diċembru 2012.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

A. D. MAVROYIANNIS


(1)  Opinjoni tat-12 ta’ Novembru 2012 (għadha mhux ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  ĠU C 364, 23.11.2012, p. 1.

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta’ Novembru 2012 (għadha mhux ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012.

(4)  ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1.


Top