EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012R0363

Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 363/2012 tat- 23 ta’ Frar 2012 dwar ir-regoli proċedurali għar-rikonoxximent u l-irtirar tar-rikonoxximent ta’ organizzazzjonijiet ta’ monitoraġġ kif previst fir-Regolament (UE) Nru 995/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq injam u prodotti tal-injam Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 115, 27.4.2012, p. 12–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2012/363/oj

27.4.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 115/12


REGOLAMENT TA’ DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 363/2012

tat-23 ta’ Frar 2012

dwar ir-regoli proċedurali għar-rikonoxximent u l-irtirar tar-rikonoxximent ta’ organizzazzjonijiet ta’ monitoraġġ kif previst fir-Regolament (UE) Nru 995/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq injam u prodotti tal-injam

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 995/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ottubru 2010 li jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq injam u prodotti tal-injam (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(7) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 995/2010 għandu l-għan, b’mod partikolari, li jimminimizza r-riskju ta’ tqegħid ta’ njam illegali u prodotti ġejjin minn injam bħal dan fis-suq intern. Organizzazzjonijiet ta’ monitoraġġ għandhom jassistu lil operaturi biex jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ dak ir-Regolament. Għal dik il-fini, huma għandhom jiżviluppaw sistema ta’ diliġenza, jagħtu lill-operaturi d-dritt li jużawha, u jivverifkaw l-użu sewwa tagħha.

(2)

Il-proċedura li biha l-Kummissjoni tirrikonoxxi organizzazzjonijiet ta’ monitoraġġ għandha tkun ġusta, trasparenti u indipendenti. Għalhekk, applikanti għandhom ikunu vvalutati wara li jkunu kkonsultati l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u wara li tkun inġabret informazzjoni suffiċjenti dwar applikant. Fejn ikun meħtieġ, il-ġbir ta’ informazzjoni għandu jinkludi żjajjar fil-post tan-negozju tal-applikant.

(3)

Jeħtieġ li tkun speċifikata l-kompetenza u l-kapaċità xierqa li organizzazzjonijiet ta’ monitoraġġ għandu jkollhom biex jiddeterminaw il-konformità tal-injam ma’ leġiżlazzjoni rilevanti fil-pajjiż ta’ ħsad tiegħu u li jipproponu miżuri għall-valutazzjoni tar-riskju ta’ tqegħid ta’ njam illegali u ta’ prodotti li ġejjin minn injam bħal dan fis-suq. Fejn ir-riskju identifikat ma jkunx negliġibbli, organizzazzjoni ta’ monitoraġġ għandhom ukoll ikunu jistgħu jipproponu miżuri adegwati biex jimminimizzawh b’mod effikaċi.

(4)

Għandu jkun żgurat li organizzazzjonijiet ta’ monitoraġġ jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom b’mod trasparenti u indipendenti, jevitaw kull konflitt ta’ interess li joħroġ mill-funzjonijiet tagħhom u li jagħtu s-servizzi tagħhom lil operaturi b’mod mhux diskriminatorju.

(5)

Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar irtirar ta’ rikonoxximent wara proċedura, li tkun ġusta, trasparenti u indipendenti. Qabel ma tieħu deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-awtoritajiet kompetenti konċernati tal-Istati Membri u għandha tiġbor informazzjoni suffiċjenti, inklużi żjajjar fuq il-post fejn ikun meħtieġ. L-organizzazzjoni ta’ monitoraġġ konċernata għandha tingħata l-opportunità li tissottometti kummenti qabel ma tittieħed deċiżjoni.

(6)

B’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, il-Kummissjoni għandha tkun tista’ tirtira rikonoxximent jew fuq bażi temporanja u/jew kundizzjonali, jew b’mod permanenti, skont kif jidhrilha li jkun meħtieġ mil-livell ta’ nuqqasijiet misjuba, fejn organizzazzjoni ta’ monitoraġġ ma tkunx għadha twettaq aktar il-funzjonijiet jew tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 995/2010.

(7)

Jeħtieġ li jkun żgurat li l-livell ta’ protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta personali tagħhom fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari fir-rigward ta’ pproċessar ta’ dejta personali fl-applikazzjonijiet għal rikonoxximent bħala organizzazzjoni ta’ monitoraġġ, ikun konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data [dejta] personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data [dejta] (2) u mar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data [dejta] personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dik id-data [dejta] (3),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, flimkien mad-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 995/2010, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“awtoritajiet kompetenti konċernati” tfisser awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li fihom organizzazzjoni ta’ monitoraġġ jew applikant għal rikonoxximent bħala organizzazzjoni ta’ monitoraġġ ikunu stabbiliti legalment jew li fihom jipprovdu servizzi jew ikunu biħsiebhom jipprovdu servizzi skont it-tifsira tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4);

(2)

“evidenza ta’ kwalifiki formali” tfisser diplomi, ċertifikati u evidenza oħra maħruġa minn awtorità fi Stat, maħtura skont dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew amministrattivi ta’ dak l-Istat u li tiċċertifika li jkun tlesta b’suċċess taħriġ professjonali;

(3)

“esperjenza professjonali” tfisser li wieħed ikun qed jeżerċita fil-fatt u b’mod leċitu l-professjoni konċernata.

Artikolu 2

Applikazzjoni għal rikonoxximent

1.   Kwalunkwe entità, pubblika jew privata, kemm jekk kumpannija, korporazzjoni, ditta, impriża, istituzzjoni jew awtorità, stabbilita legalment fl-Unjoni, tista’ tissottometti lill-Kummissjoni applikazzjoni biex tkun rikonoxxuta bħala organizzazzjoni ta’ monitoraġġ.

L-entità għandha tissottometti l-applikazzjoni fi kwalunkwe lingwa uffiċjali tal-Unjoni flimkien mad-dokumenti elenkati fl-Anness.

2.   Biex ikun rikonoxxut bħala organizzazzjoni ta’ monitoraġġ, applikant għandu juri li jissodisfa r-rekwiżiti kollha msemmijin fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) Nru 995/2010 u fl-Artikoli 5 sa 8 ta’ dan ir-Regolament.

3.   Il-Kummissjoni għandha tikkonferma l-wasla ta’ applikazzjoni u tipprovdi lill-applikant b’numru ta’ referenza fi żmien 10 ijiem tax-xogħol mid-data tal-wasla.

Hija għandha tipprovdi wkoll lill-applikant b’terminu ta’ żmien indikattiv li matulu hija tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-applikant kull darba li hija tirrevedi t-terminu ta’ żmien indikattiv minħabba l-ħtieġa li tikseb informazzjoni jew dokumenti addizzjonali għall-valutazzjoni tal-applikazzjoni.

4.   Fejn ikunu għaddew tliet xhur mill-wasla ta’ applikazzjoni jew mill-aħħar komunikazzjoni bil-miktub mill-Kummissjoni lil applikant, skont liema minnhom tkun l-aħħar, u l-Kummissjoni ma tkunx adottat deċiżjoni ta’ rikonoxximent jew ċaħdet l-applikazzjoni, il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-applikant bil-miktub dwar il-progress fil-valutazzjoni tal-applikazzjoni.

L-ewwel subparagrafu jista’ japplika aktar minn darba għat-trattament ta’ applikazzjoni waħda.

5.   Il-Kummissjoni għandha tibgħat kopja tal-applikazzjoni u ta’ dokumenti ta’ prova lill-awtoritajiet kompetenti konċernati, li jistgħu jipprovdu kummenti dwar l-applikazzjoni fi żmien xahar mid-data ta’ trażmissjoni.

Artikolu 3

Dokumenti addizzjonali u aċċess għall-post tan-negozju

1.   Fuq talba tal-Kummissjoni, applikant jew l-awtoritajiet kompetenti konċernati għandhom jissottomettu kwalunkwe informazzjoni jew dokumenti addizzjonali meħtieġa mill-Kummissjoni f’terminu ta’ żmien speċifikat.

2.   L-applikant għandu jagħti lill-Kummissjoni aċċess għall-post tan-negozju tiegħu biex tivverifika li r-rekwiżiti kollha msemmija fl-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 995/2010 u fl-Artikoli 5 sa 8 jkunu ssodisfati. Il-Kummissjoni għandha tgħarraf bil-quddiem lill-applikant dwar żjara. L-awtoritajiet kompetenti konċernati jistgħu jipparteċipaw fiż-żjara.

L-applikant għandu joffri l-assistenza kollha meħtieġa biex żjajjar bħal dawn ikunu ffaċilitati.

Artikolu 4

Deċiżjoni ta’ rikonoxximent

Fejn il-Kummissjoni tkun adottat deċiżjoni ta’ rikonoxximent skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament (UE) Nru 995/2010, għandha tinnotifika lill-applikant konċernat fi żmien 10 ijiem tax-xogħol mid-data tal-adozzjoni ta’ dik id-deċiżjoni.

Il-Kummissjoni għandha tipprovdi wkoll lill-applikant b’ċertifikat ta’ rikonoxximent mingħajr dewmien u għandha tikkomunika d-deċiżjoni tagħha lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kollha skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament (UE) Nru 995/2010 fit-terminu ta’ żmien imsemmi fl-ewwel paragrafu.

Artikolu 5

Personalità ġuridika u stabbiliment legali fl-Unjoni

1.   Fejn applikant ikun stabbilit legalment f’aktar minn Stat Membru wieħed, huwa għandu jipprovdi informazzjoni dwar l-uffiċċju reġistrat, l-amministrazzjoni ċentrali jew il-post prinċipali tan-negozju tiegħu fl-Unjoni, kif ukoll dwar l-aġenziji, fergħat jew sussidjarji kollha tiegħu stabbiliti fit-territorju ta’ kwalunkwe Stat Membru. L-applikant għandu jiddikjara wkoll f’liema Stati Membri huwa jkun biħsiebu jipprovdi servizzi.

2.   Applikant li jkun, jew li jifforma parti minn awtorità ta’ Stat Membru ma jkunx meħtieġ li jġib prova tal-personalità ġuridika jew tal-istabbiliment legali tiegħu fl-Unjoni.

Artikolu 6

Kompetenza xierqa

1.   Għall-fini li jkun żgurat eżerċitar xieraq tal-funzjonijiet ta’ organizzazzjoni ta’ monitoraġġ kif previst mill-Artikolu 8(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 995/2010, il-persunal teknikament kompetenti ta’ applikant għandu jissodisfa l-kriterji minimi li ġejjin, ikkonfermati minn evidenza ta’ kwalifiki formali u esperjenza professjonali:

(a)

taħriġ professjonali formali f’dixxiplina rilevanti għall-funzjonijiet ta’ organizzazzjoni ta’ monitoraġġ;

(b)

għal pożizzjonijiet tekniċi ogħla, mill-inqas ħames snin ta’ esperjenza professjonali f’funzjoni relatata mal-funzjonijiet ta’ organizzazzjoni ta’ monitoraġġ.

Għall-finijiet tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu, dixxiplini relatati ma’ forestrija, ambjent, liġi, ġestjoni ta’ negozju, ġestjoni ta’ riskju, kummerċ, awditjar, kontroll finanzjarju jew ġestjoni ta’ katina ta’ provvista għandhom jitqiesu dixxiplini relatati.

2.   Applikant għandu jżomm rekords li jiddokumentaw id-dmirijiet u r-responsabbiltajiet tal-persunal tiegħu. L-applikant għandu jkollu lesti proċeduri għall-monitoraġġ tal-prestazzjoni u l-kompetenza teknika tal-persunal tiegħu.

Artikolu 7

Kapaċità ta’ eżerċitar ta’ funzjonijiet bħala organizzazzjoni ta’ monitoraġġ

1.   Applikant għandu juri li jkollu stabbilit dan kollu li ġej:

(a)

struttura organizzattiva li tiżgura eżerċitar xieraq tal-funzjonijiet ta’ organizzazzjoni ta’ monitoraġġ;

(b)

sistema ta’ diliġenza li għandha tkun disponibbli għall-operaturi u użata minnhom;

(c)

politiki u proċeduri li jippermettu l-evalwazzjoni u t-titjib tas-sistema ta’ diliġenza;

(d)

proċeduri u proċessi għall-verifika tal-użu xieraq tas-sistema ta’ diliġenza tiegħu minn operaturi;

(e)

proċeduri għal azzjonijiet korrettivi li jkollhom jittieħdu f’każ ta’ nuqqas minn operatur li juża b’mod xieraq is-sistema ta’ diliġenza tiegħu.

2.   Flimkien mar-rekwiżiti tal-paragrafu 1, applikant għandu juri li jkollu kapaċità finanzjarja u teknika biex jeżerċita l-funzjonijiet ta’ organizzazzjoni ta’ monitoraġġ.

Artikolu 8

Nuqqas ta’ konflitt ta’ interess

1.   Applikant għandu jkun organizzat biex jissalvagwardja l-oġġettività u l-imparzjalità tal-attivitajiet tiegħu.

2.   Applikant għandu jidentifika, janalizza u jżomm rekords li jiddokumentaw riskji ta’ konflitt ta’ interess li jinqalgħu b’riżultat tal-eżerċitar tiegħu ta’ funzjonijiet bħala organizzazzjoni ta’ monitoraġġ, inkluż kull konflitt li joħroġ mir-relazzjonijiet tiegħu ma’ korpi jew sottokuntratturi relatati.

3.   Fejn riskju ta’ konflitt ta’ interess ikun identifikat l-applikant għandu jkollu lesti politiki u proċeduri miktubin biex jevita konflitti ta’ interess f’livell organizzattiv u individwali. Il-politiki u l-proċeduri miktubin għandhom ikunu miżmuma u jkunu implimentati. Dawk il-politiki u proċeduri jistgħu jinkludu awditjar minn partijiet terzi.

Artikolu 9

Informazzjoni dwar bidliet sussegwenti

1.   Organizzazzjoni ta’ monitoraġġ għandha tgħarraf lill-Kummissjoni mingħajr dewmien dwar kwalunkwe waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet li ġejjin li jseħħu wara r-rikonoxximent tagħha:

(a)

bidla li tista’ taffettwa l-ħila ta’ dik l-organizzazzjoni ta’ monitoraġġ biex tkun konformi mar-rekwiżiti fl-Artikoli 5 sa 8, li tkun seħħet wara r-rikonoxximent tagħha;

(b)

l-organizzazzjoni ta’ monitoraġġ tistabbilixxi aġenziji, fergħat jew sussidjarji fl-Unjoni, minbarra dawk iddikjarati fl-applikazzjoni tagħha;

(c)

l-organizzazzjoni ta’ monitoraġġ tiddeċiedi li tipprovdi servizzi fi Stat Membru barra minn kif iddikjarat fl-applikazzjoni tagħha jew fi Stat Membru fejn tkun iddikjarat li tkun waqfet tipprovdi s-servizzi tagħha skont il-punt (d);

(d)

l-organizzazzjoni ta’ monitoraġġ tieqaf tipprovdi servizzi f’xi Stat Membru.

2.   Il-Kummissjoni għandha tikkomunika l-informazzjoni kollha miksuba skont il-paragrafu 1 lill-awtoritajiet kompetenti konċernati.

Artikolu 10

Reviżjoni tad-deċiżjoni ta’ rikonoxximent

1.   Il-Kummissjoni tista’ tirrevedi, fi kwalunkwe ħin, deċiżjoni li tirrikonoxxi organizzazzjoni ta’ monitoraġġ.

Il-Kummissjoni għandha tagħmel reviżjoni bħal din f’kull waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

(a)

awtorità kompetenti konċernata tgħarraf lill-Kummissjoni li hija tkun qieset li organizzazzjoni ta’ monitoraġġ ma tkunx għadha twettaq il-funzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) Nru 995/2010 jew li ma tkunx għadha konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) Nru 995/2010 kif speċifikat fl-Artikoli 5 sa 8 ta’ dan ir-Regolament;

(b)

il-Kummissjoni jkollha informazzjoni rilevanti, inkluż tħassib sostnut minn partijiet terzi, li organizzazzjoni ta’ monitoraġġ ma tkunx għadha konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 8(1) u (2) tar-Regolament (UE) Nru 995/2010 u fl-Artikoli 5 sa 8 ta’ dan ir-Regolament;

(c)

organizzazzjoni ta’ monitoraġġ tkun għarrfet lill-Kummissjoni dwar bidliet imsemmija fl-Artikolu 9(1)(a) ta’ dan ir-Regolament.

2.   Fejn tkun inbdiet reviżjoni, il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn tim ta’ reviżjoni biex tmexxi reviżjoni u twettaq kontrolli.

3.   Applikant għandu jagħti lit-tim ta’ reviżjoni aċċess għall-post tan-negozju tiegħu biex jivverifika li r-rekwiżiti kollha msemmijin fl-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 995/2010 u fl-Artikoli 5 sa 8 ta’ dan ir-Regolament ikunu ssodisfati. L-awtoritajiet kompetenti konċernati jistgħu jipparteċipaw fiż-żjara.

L-applikant għandu joffri l-assistenza kollha meħtieġa biex żjajjar bħal dawn ikunu ffaċilitati.

4.   It-tim ta’ reviżjoni għandu jagħmel abbozz ta’ rapport li fih jiddikjara x’ikun sab. Evidenza ta’ prova għandha tinhemeż mar-rapport ta’ reviżjoni.

Ir-rapport ta’ reviżjoni għandu jinkludi rakkomandazzjoni dwar jekk ir-rikonoxximent ta’ organizzazzjoni ta’ monitoraġġ għandux ikun irtirat.

It-tim ta’ reviżjoni għandu jibgħat ir-rapport ta’ reviżjoni lill-awtoritajiet kompetenti konċernati. Dawk l-awtoritajiet jistgħu jipprovdu kummenti fi żmien tliet ġimgħat mid-data tat-trażmissjoni tar-rapport.

It-tim ta’ reviżjoni għandu jipprovdi lill-organizzazzjoni ta’ monitoraġġ konċernata b’sommarju tas-sejbiet u tal-konklużjonijiet tar-rapport. L-organizzazzjoni tista’ tipprovdi kummenti lit-tim ta’ reviżjoni fi żmien tliet ġimgħat mid-data tat-trażmissjoni tas-sommarju.

5.   It-tim ta’ reviżjoni għandu jirrakkomanda fir-rapport ta’ reviżjoni tiegħu l-irtirar tar-rikonoxximent fuq bażi temporanja u/jew kundizzjonali, jew b’mod permanenti, skont kif jidhirlu li jkun meħtieġ mil-livel ta’ nuqqasijiet misjuba, fejn iqis li organizzazzjoni ta’ monitoraġġ ma tkunx għadha qed twettaq il-funzjonijiet jew tħares ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 995/2010.

It-tim ta’ reviżjoni jista’ minflok jirrakkomanda li l-Kummissjoni toħroġ avviż ta’ azzjonijiet rimedjali jew twissija uffiċjali, jew li l-Kummissjoni ma tieħu ebda azzjoni ulterjuri.

Artikolu 11

Deċiżjoni biex rikonoxximent ikun irtirat

1.   Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi jekk tirtirax rikonoxximent ta’ organizzazzjoni ta’ monitoraġġ fuq bażi temporanja u/jew kundizzjonali, jew b’mod permanenti, wara li tqis ir-rapport ta’ reviżjoni msemmi fl-Artikolu 10.

2.   Il-Kummissjoni tista’ toħroġ avviż ta’ azzjonijiet rimedjali jew twissija uffiċjali fejn il-livell ta’ nuqqasijiet misjuba ma jwassalx għal determinazzjoni, skont l-Artikolu 8(6) tar-Regolament (UE) Nru 995/2010, li l-organizzazzjoni ta’ monitoraġġ ma tkunx aktar qed twettaq il-funzjonijiet jew tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 8(2) ta’ dak ir-Regolament.

3.   Deċiżjoni ta’ rtirar ta’ rikonoxximent ta’ organizzazzjoni ta’ monitoraġġ, kif ukoll avviż jew twissija skont il-paragrafu 2 għandhom ikunu nnotifikati lill-organizzazzjoni ta’ monitoraġġ konċernata u kkomunikati lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kollha skont l-Artikolu 8(6) tar-Regolament (UE) Nru 995/2010 fi żmien 10 ijiem tax-xogħol mill-adozzjoni tagħha.

Artikolu 12

Protezzjoni ta’ dejta

Dan ir-Regolament għandu jkun mingħajr ħsara għar-regoli li jikkonċernaw l-ipproċessar ta’ dejta personali stabbiliti fid-Direttiva 95/46/KE u fir-Regolament (KE) Nru 45/2001.

Artikolu 13

Dispożizzjonijiet finali

Dan ir-Regolament Delegat għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Frar 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 295, 12.11.2010, p. 23.

(2)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

(3)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(4)  ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36.


ANNESS

Lista ta’ dokumenti ta’ prova

 

Personalità ġuridika; stabbiliment legali; għoti ta’ servizzi:

kopji ċċertifikati ta’ evidenza kif previst fil-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti;

lista tal-Istati Membri li fihom l-applikant ikun biħsiebu jagħti servizzi.

 

Kompetenza xierqa:

deskrizzjoni tal-organizzazzjoni u struttura tal-entità;

lista ta’ persunal kompetenti teknikament b’kopji ta’ CVs;

deskrizzjoni ta’ dmirijiet u responsabbiltajiet u t-tqassim tagħhom;

deskrizzjoni dettaljata ta’ proċeduri għal monitoraġġ tal-prestazzjoni u l-kompetenzi tal-persunal kompetenti teknikament.

 

Kapaċità ta’ eżerċitar ta’ funzjonijiet bħala organizzazzjoni ta’ monitoraġġ:

Deskrizzjoni dettaljata ta’ dan li ġej:

sistema ta’ diliġenza;

politiki u proċeduri għal evalwazzjoni u titjib tas-sistema ta’ diliġenza;

politiki u proċeduri għal trattament ta’ lmenti minn operaturi jew partijiet terzi;

proċeduri u proċessi għal verifika tal-użu sewwa tas-sistema ta’ diliġenza minn operaturi;

proċeduri għal azzjonijiet korrettivi li għandhom jittieħdu fil-każ ta’ nuqqas, minn operatur, ta’ użu xieraq tas-sistema ta’ diliġenza;

sistema ta’ żamma ta’ rekords.

 

Kapaċità finanzjarja:

kopji ta’ dikjarazzjonijiet finanzjarji għall-aħħar sena finanzjarja jew

dikjarazzjoni dwar il-fatturat ta’ bejgħ jew

dokumenti sostantivi oħra jekk l-applikant ma jkunx jista’, għal raġunijiet validi, jipprovdi dawk indikati hawn fuq;

prova ta’ assigurazzjoni ta’ obbligazzjoni.

 

Nuqqas ta’ konflitt ta’ interess:

dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ konflitt ta’ interess;

deskrizzjoni tal-politiki u proċeduri miktubin biex ikun evitat konflitt ta’ interess f’livell organizzattiv u individwali, li tista’ tinkludi awditjar minn partijiet terzi.

 

Sottokuntrattar:

deskrizzjoni tax-xogħlijiet sottokuntrattati;

evidenza li s-sottokuntratturi kollha jew is-sussidjarji, fejn dawn ikunu stabbiliti, jissodisfaw ir-rekwiżiti rilevanti ta’ hawn fuq.


Top