Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012R0193

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 193/2012 tat- 8 ta’ Marzu 2012 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 560/2005 li jimponi ċerti miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet minħabba s-sitwazzjoni fil-Côte d’Ivoire

ĠU L 71, 9.3.2012, p. 5–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 10/06/2016; Impliċitament imħassar minn 32016R0907

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2012/193/oj

9.3.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 71/5


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) Nru 193/2012

tat-8 ta’ Marzu 2012

li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 560/2005 li jimponi ċerti miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet minħabba s-sitwazzjoni fil-Côte d’Ivoire

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 560/2005 tat-12 ta’ April 2005 li jimponi ċerti miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet minħabba s-sitwazzjoni fil-Côte d’Ivoire (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 11a(2) u (5) tiegħu,

Billi:

(1)

Fit-12 ta’ April 2005, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 560/2005.

(2)

Abbażi ta’ reviżjoni tal-lista ta’ persuni u entitajiet li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi previsti fir-Regolament (KE) Nru 560/2005, il-Kunsill iqis li ma għadx hemm raġunijiet biex ċerti persuni jinżammu fuq dik il-lista.

(3)

Barra minn hekk, l-informazzjoni relatata ma’ persuna fil-lista fl-Anness I u mal-persuni fil-lista fl-Anness IA ta’ dak ir-Regolament għandha tiġi aġġornata,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 560/2005, l-entrata għall-persuna li ġejja:

Désiré Tagro

għandha tiġi sostitwita bl-entrata li tinsab fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

L-Anness IA tar-Regolament (KE) Nru 560/2005 għandu jiġi sostitwit bit-test li jinsab fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Marzu 2012.

Għall-Kunsill

Il-President

M. BØDSKOV


(1)  ĠU L 95, 14.4.2005, p. 1.


ANNESS I

Entrata msemmija fl-Artikolu 1

“Désiré TAGRO. Numru tal-passaport: PD – AE 065FH08. Data tat-twelid: 27 ta’ Jannar 1959. Post tat-twelid: Issia, Côte d’Ivoire. Miet fit-12 ta’ April 2011 f’Abidjan.

Segretarju-Ġenerali fl-hekk imsejħa “presidenza” tas-Sur GBAGBO: parteċipazzjoni fil-gvern illeġittimu tas-Sur GBAGBO, ostakolu għall-proċess ta’ paċi u rikonċiljazzjoni, rifjut tar-riżultati tal-elezzjoni presidenzjali, parteċipazzjoni f’ripressjonijiet vjolenti ta’ movimenti popolari. Data tal-indikazzjoni min-NU: 30.3.2011 (Indikazzjoni mill-Unjoni Ewropea: 22.12.2010).”


ANNESS II

“ANNESS IA

Lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet jew korpi mhux indikati mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, imsemmija fl-Artikoli 2, 4 u 7

 

Isem (u psewdonomi possibbli)

Informazzjoni ta’ identifikazzjoni

Raġunijiet għall-indikazzjoni

1.

Kadet Bertin

Mwieled fl-1957 f’Mama

Konsulent Speċjali dwar is-sigurtà, id-difiża u t-tagħmir militari ta’ Laurent Gbagbo, ex Ministru tad-Difiża ta’ Laurent Gbagbo.

Neputi ta’ Laurent Gbagbo.

Eżiljat fil-Gana. Soġġett għal mandat ta’ arrest internazzjonali.

Involut attivament f’inċidenti ta’ abbuż u ta’ għejbien forzat, u fil-finanzjament u l-armament tal-milizzji u tal-‘Patrijotti Żgħażagħ (COJEP).’

Involut fil-finanzjament u t-traffikar ta’ armi u fl-evitar tal-embargo.

Kellu rapporti mill-qrib mal-milizzji tal-punent u kien il-punt ta’ kuntatt f’isem Gbagbo ma’ dawn il-gruppi. Involut fil-ħolqien tal-iskwadri tal-mewt imsejħin ‘Forza Lima’.

Matul l-eżilju tiegħu fil-Gana baqa’ jagħmel pjanijiet għall-kisba mill-ġdid tal-poter bil-forza. Qed isejjaħ ukoll għall-ħelsien immedjat ta’ Gbagbo.

Minħabba r-riżorsi finanzjarji tiegħu, il-familjarità tiegħu mat-traffikanti illegali tal-armi u l-kuntatti kontinwi tiegħu mal-gruppi tal-milizzji li għadhom attivi partikolarment fil-Liberja, Kadet Bertin għadu ta’ theddida reali ferm għas-sigurtà u l-istabbiltà tal-Côte d’Ivoire.

2.

Oulaï Delafosse

Mwieled fit-28 ta’ Ottubru 1968

Ex sotto prefett ta’ Toulepleu. Kap tal-Unjoni Patrijottika ta’ Reżistenza tal-Grand Ouest.

Bħala Kap tal-milizzja, huwa responsabbli minn vjolenzi u reati, partikolarment fiż-żona ta’ Toulepleu.

Filwaqt li ħa l-ordnijiet tiegħu direttament minn Kadet Bertin, huwa kien attiv ferm fir-reklutaġġ ta’ merċenarji Liberjani, kif ukoll fit-traffikar illegali ta’ armi ġejjin mil-Liberja matul il-kriżi postelettorali. It-truppi tiegħu firxu t-terrur matul il-kriżi postelettorali, fejn eliminaw mijiet ta’ nies oriġinarji mit-Tramuntana tal-Côte d’Ivoire

Minħabba l-estremiżmu politiku tiegħu, ir-relazzjonijiet mill-qrib ma’ Kadet Bertin u l-kollegamenti mill-qrib li kellu mal-milizzji tal-merċenarji Liberjani, huwa għadu theddida għall-istabbiltà tal-pajjiż.

3.

Pasteur Gammi

 

Kap tal-milizzja ‘Moviment Ivorjan għal-Liberazzjoni tal-Punent’ (MILOCI), stabbilita fl-2004. Bħala kap tal-MILOCI, milizzja favur Gbagbo, huwa kien involut f’ħafna massakri u atti ta’ brutalità.

Ħarab lejn il-Gana (probabbilment qiegħed Takoradi). Taħt mandat ta’ arrest internazzjonali.

Mill-eżilju tiegħu ‘l hawn, huwa ngħaqad mal-Koalizzjoni Internazzjonali għal-Liberazzjoni tal- Côte d’Ivoire (CILCI) li tħeġġeġ l-użu tar-reżistenza armata biex Gbagbo jerġa’ jkun fil-poter.

4.

Marcel Gossio

Mwieled fit-18 ta’ Frar 1951 f’Adjamé

Numru tal-passaport: 08AA14345 (li jiskadi fis-6 ta’ Ottubru 2013)

Maħrub ’il barra mill-Côte d’Ivoire. Taħt mandat ta’ arrest internazzjonali.

Involut fil-frodi tal-fondi pubbliċi u fil-finanzjament u l-armament tal-milizzji.

Persuna li serviet għall-finanzjament tal-klann Gbagbo u tal-milizzji. Huwa anke persunaġġ ċentrali fil-qafas tat-traffikar illegali ta’ armi.

Minħabba l-fondi sostanzjali li kiseb illegalment, u l-familjarità tiegħu man-netwerks illegali ta’ armamenti, huwa baqa’ theddida kontinwa għas-sigurtà u stabbiltà tal-Côte d’Ivoire.

5.

Justin Koné Katina

 

Maħrub fil-Gana. Taħt mandat ta’ arrest internazzjonali.

Involut fis-serqa armata tal-Bank Ċentrali tal-Istati tal-Afrika tal-Punent (BCEAO).

Mill-post ta’ eżilju tiegħu, għadu jqis lilu nnifsu bħala l-kelliem ta’ Gbagbo. Fi stqarrija għall-istampa tat-12.12.2011, huwa saħaq li Ouattara qatt ma rebaħ l-elezzjonijiet u jqis ir-reġim ġdid bħala illeġittimu. Jappella għar-reżistenza, filwaqt li jqis li Gbagbo ser jieħu lura l-poter.

6.

Ahoua Don Mello

Mwieled fit-23 ta’ Ġunju 1958 f’Bongouanou

Numru tal-passaport: PD-AE/044GN02 (li jiskadi fit-23 ta’ Frar 2013)

Kelliem ta’ Laurent Gbagbo. Ex Ministru tal-Infrastruttura u Sanità fil-gvern illeġittimu.

Eżiljat fil-Gana. Taħt mandat ta’ arrest internazzjonali.

Mill-post ta’ eżilju tiegħu, huwa baqa’ jiddikjara li l-elezzjoni tal-President Ouattara hija frawdolenti u ma jirrikonoxxix l-awtorità tiegħu. Huwa rrifjuta li jwieġeb għall-appell tal-Gvern Ivorjan għar-rikonċiljazzjoni u jappella regolarment għall-insurrezzjoni fl-istampa, idur il-kampjijiet tar-refuġjati fil-Gana biex iħeġġeġ il-‘mobilizzazzjoni’.

F’Diċembru 2011, huwa ddikjara li l-Côte d’Ivoire huwa ‘stat tribali taħt assedju’ u li ‘r-reġim ta’ Ouattara’ ser ‘jintemm’.

7.

Moussa Touré Zéguen

Mwieled fid-9 ta’ Settembru 1944

Passaport qadim: AE/46CR05

Kap tar-Raggruppament tal-Patrijotti għall-Paċi (GPP)

Fundatur tal-‘Koalizzjoni Internazzjonali għal-Liberazzjoni tal-Côte d’Ivoire’ (CILCI)

Sar kap ta’ milizzja fl-2002 u ilu jmexxi l-GPP mill-2003. Taħt it-tmexxija tiegħu, il-GPP sar l-id armata ta’ Gbagbo f’Abidjan u fin-nofsinhar tal-pajjiż.

Mal-GPP huwa sar responsabbli ta’ bosta atti ta’ vjolenza, immirati prinċipalment lejn il-popli oriġinarji mit-tramuntana u dawk li jopponu r-reġim.

Involut personalment fi vjolenza postelettorali (partikolarment fil-kwartieri ta’ Abobo u Adjamé).

Waqt li kien eżiljat f’Accra, Touré Zéguen ħoloq il-‘Koalizzjoni Internazzjonali għal-Liberazzjoni tal-Côte d’Ivoire’, bil-għan li Gbagbo jerġa’ jikseb il-poter.

Mill-post ta’ eżilju tiegħu, huwa għamel bosta dikjarazzjonijiet provokatorji (pereżempju, il-konferenza stampa tad-9 ta’ Diċembru 2011), filwaqt li baqa’ jżomm pożizzjoni ta’ kunflitt u ta’ vendetta bl-armi. Huwa jqis li l-Côte d’Ivoire taħt Ouattara hija illeġittima u li ġiet ‘ikkolonizzata mill-ġdid’ u għamel sejħa li ‘tistieden lill-Ivorjani biex ikeċċu lill-imposturi’ (Jeune Afrique, Lulju 2011).

Iżomm blogg li jsejjaħ għall-insurrezzjoni vjolenti tal-poplu Ivorjan kontra Ouattara.”


Top