This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32012D0807
2012/807/EU: Commission Implementing Decision of 19 December 2012 establishing a specific control and inspection programme for pelagic fisheries in Western Waters of the North East Atlantic
2012/807/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tad- 19 ta’ Diċembru 2012 li tistabbilixxi programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni għas-sajd pelaġiku fl-Ilmijiet tal-Punent tal-Grigal tal-Atlantiku
2012/807/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tad- 19 ta’ Diċembru 2012 li tistabbilixxi programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni għas-sajd pelaġiku fl-Ilmijiet tal-Punent tal-Grigal tal-Atlantiku
ĠU L 350, 20.12.2012, p. 99–108
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(HR)
No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2018; Imħassar b' 32018D1986
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Modified by | 32015D1944 | Sostituzzjoni | anness II | 01/11/2015 | |
Modified by | 32015D1944 | Sostituzzjoni | artikolu 3 paragrafu 2 punt (b) | 01/11/2015 | |
Modified by | 32015D1944 | Sostituzzjoni | artikolu 3 paragrafu 2 punt (c) | 01/11/2015 | |
Modified by | 32015D1944 | Sostituzzjoni | artikolu 2 paragrafu 2 | 01/11/2015 | |
Modified by | 32015D1944 | Sostituzzjoni | titolu | 01/11/2015 | |
Modified by | 32015D1944 | Sostituzzjoni | artikolu 1 | 01/11/2015 | |
Modified by | 32015D1944 | Tlestija | artikolu 12 paragrafu 3 | 01/11/2015 | |
Modified by | 32017D0010 | Sostituzzjoni | artikolu 1 | 01/01/2017 | |
Modified by | 32017D0010 | Sostituzzjoni | artikolu 3 paragrafu 2 punt (b) | 01/01/2017 | |
Modified by | 32017D0010 | Sostituzzjoni | artikolu 7 paragrafu 1 | 01/01/2017 | |
Modified by | 32017D0010 | Sostituzzjoni | titolu | 01/01/2017 | |
Modified by | 32017D0010 | Sostituzzjoni | artikolu 5 | 01/01/2017 | |
Repealed by | 32018D1986 | 01/01/2019 |
20.12.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 350/99 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
tad-19 ta’ Diċembru 2012
li tistabbilixxi programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni għas-sajd pelaġiku fl-Ilmijiet tal-Punent tal-Grigal tal-Atlantiku
(2012/807/UE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006, u b’mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu (1),
Billi:
(1) |
Ir-Regulation (KE) Nru 1224/2009 japplika għall-attivitajiet kollha koperti mill-Politika Komuni tas-Sajd imwettqa fit-territorju tal-Istati Membri jew fl-ilmijiet tal-Unjoni jew minn bastimenti tas-sajd tal-Unjoni jew, bla ħsara għar-responsabbiltà primarja tal-Istat Membru tal-bandiera, minn ċittadini tal-Istati Membri, u jistabbilixxi b’mod partikulari li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kontroll, l-ispezzjoni u l-infurzar isiru fuq bażi mhux diskriminatorja f’dak li għandu x’jaqsam ma’ setturi, bastimenti jew persuni, u fuq il-bażi tal-ġestjoni tar-riskju. |
(2) |
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1300/2008 tat-18 ta’ Diċembru 2008 li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokk ta’ aringi li jinsab fil-Punent tal-Iskozja u għas-sajd li jisfrutta dak l-istokk (2), jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-isfruttar sostenibbli tal-aringi. |
(3) |
L-Artikolu 95 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 jipprevedi l-possibbiltà għall-Kummissjoni li tiddetermina, flimkien mal-Istati Membri konċernati, it-tipi ta’ sajd li huma suġġetti għal programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni. Tali programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni għandu jiddikjara l-objettivi, il-prijoritajiet u l-proċeduri kif ukoll il-punti ta’ riferiment għall-attivitajiet ta’ spezzjoni li għandhom jiġu stabbiliti fuq il-bażi tal-ġestjoni tar-riskju u għandhom jiġu riveduti perjodikament wara analiżi tar-riżultati miksuba. L-Istati Membri konċernati huma obbligati li jadottaw il-miżuri meħtieġa biex jiżguraw l-implimentazzjoni tal-programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni, b’mod partikolari fir-rigward ta’ riżorsi umani u materjali u l-perjodi u ż-żoni fejn dawn għandhom jiġu użati. |
(4) |
L-Artikolu 95(2) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 jistipula li l-programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni għandu jiddikjara punti ta’ riferiment għall-attivitajiet ta’ spezzjoni li għandhom jiġu stabbiliti fuq il-bażi ta’ ġestjoni tar-riskju. Għal dan il-għan, huwa xieraq li jiġu stabbiliti kriterji komuni għall-valutazzjoni u l-ġestjoni tar-riskju għall-attivitajiet ta’ kontroll, ta’ spezzjoni u ta’ verifikazzjoni sabiex l-analiżijiet tar-riskju u l-valutazzjonijiet globali tal-informazzjoni rilevanti ta’ kontroll u spezzjoni jitħallew isiru f’waqthom. Il-kriterji komuni huma maħsuba biex jiżguraw approċċ armonizzat għall-ispezzjoni u l-verifikazzjoni fl-Istati Membri kollha u sabiex jiġu stabbiliti kundizzjonijiet ugwali għall-operaturi kollha. |
(5) |
Il-programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni għandu jkun stabbilit għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2013 sal-31 ta’ Diċembru 2015 u għandu jiġi implimentat mid-Danimarka, mill-Estonja, minn Franza, mill-Ġermanja, mill-Irlanda, mil-Latvja, mil-Litwanja, mill-Pajjiżi l-Baxxi, mill-Polonja, mill-Portugall, minn Spanja, u mir-Renju Unit. |
(6) |
L-Artikolu 98(1) u (3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 404/2011 (3) jipprevedi li, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet misjuba fil-pjanijiet multiannwali, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jadottaw approċċ ibbażat fuq ir-riskju biex jagħżlu miri għall-ispezzjoni, bl-użu tal-informazzjoni kollha disponibbli u, suġġett għal strateġija ta’ kontroll u ta’ infurzar ibbażata fuq ir-riskju, għandhom iwettqu l-attivitajiet ta’ spezzjoni meħtieġa b’mod oġġettiv sabiex jevitaw iż-żamma abbord, it-trażbord, il-ħatt l-art, l-ipproċessar, it-trasport, il-ħżin, it-tqegħid fis-suq (il-kummerċjalizzazzjoni) u l-istokkjar ta’ prodotti tas-sajd li joriġinaw minn attivitajiet li mhumiex f’konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd. |
(7) |
L-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd, imwaqqfa bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 768/2005 (4) (minn issa ’l quddiem imsejħa l-“EFCA”) għandha tikkoordina l-implimentazzjoni tal-programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni permezz ta’ pjan ta’ eżerċizzju konġunt, li jagħti effett lill-għanijiet, lill-prijoritajiet, lill-proċeduri u lill-punti ta’ riferiment għall-attivitajiet ta’ spezzjoni stipulati fil-programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni, u għandha tidentifika l-mezzi ta’ kontroll u spezzjoni li jistgħu jinġabru minn kull Stat Membru konċernat. Ir-relazzjonijiet bejn il-proċeduri ddefiniti mill-programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni u dawk definiti mill-pjan ta’ eżerċizzju konġunt, għandhom għalhekk jiġu ċċarati. |
(8) |
Sabiex jiġu armonizzati l-proċeduri ta’ kontroll u spezzjoni tal-attivitajiet tas-sajd għall-aringi, il-kavalli, is-sawrell, l-inċova u l-istokkafixx fl-ilmijiet tal-UE tas-subżoni tal-ICES V, VI, VII, VIII u IX u tas-CECAF u biex jiġi żgurat is-suċċess tal-pjan multiannwali għall-istokk ta’ aringi mifrux lejn il-Punent tal-Iskozja, huwa xieraq li jitfasslu regoli komuni għall-attivitajiet ta’ kontroll u spezzjoni li għandhom jitwettqu mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri konċernati, inkluż l-aċċess reċiproku għal dejta rilevanti. Għal dak il-għan, l-intensità tal-attivitajiet ta’ kontroll u spezzjoni għandha tiġi determinata mill-punti ta’ riferiment fil-mira. |
(9) |
Attivitajiet konġunti ta’ spezzjoni u sorveljanza bejn l-Istati Membri konċernati għandhom jitwettqu, fejn applikabbli, skont il-pjanijiet ta’ eżerċizzju konġunti stabbiliti mill-EFCA bil-għan li tittejjeb l-uniformità fil-prattiki ta’ kontroll, ta’ spezzjoni u ta’ sorveljanza u sabiex jiffaċilitaw l-iżvilupp tal-koordinazzjoni tal-attivitajiet ta’ kontroll, ta’ spezzjoni u ta’ sorveljanza bejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ dawk l-Istati Membri. |
(10) |
Ir-riżultati miksuba bl-applikazzjoni tal-programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni għandhom jiġu evalwati permezz ta’ rapporti annwali ta’ evalwazzjoni li għandhom ikunu kkomunikati minn kull Stat Membru konċernat lill-Kummissjoni u lill-EFCA. |
(11) |
Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni ġew stabbiliti flimkien mal-Istati Membri konċernati. Din id-Deċiżjoni għandha għalhekk tiġi indirizzata lil dawn l-Istati Membri. |
(12) |
Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għas-Sajd u l-Akkwakultura. |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Suġġett
Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni applikabbli għall-istokkijiet tal-aringi, il-kavalli, is-sawrell, l-inċova u l-istokkafixx fl-ilmijiet tal-UE tas-subżoni tal-ICES V, VI, VII, VIII u IX u fl-ilmijiet tal-UE tas-CECAF 34.1.11 (minn issa ’l quddiem imsejħa l-“Ilmijiet tal-Punent”).
Artikolu 2
Kamp ta’ applikazzjoni
1. Il-programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni għandu jkopri b’mod partikolari l-attivitajiet li ġejjin:
(a) |
l-attivitajiet tas-sajd skont it-tifsira tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 fiż-żona/i msemmija fl-Artikolu 1, |
(b) |
attivitajiet relatati mas-sajd, inklużi l-użin, l-ipproċessar, il-kummerċjalizzazzjoni, it-trasport u l-ħżin tal-prodotti tas-sajd, |
(c) |
l-importazzjoni kif imfissra fl-Artikolu 2(11) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 (5), |
(d) |
l-esportazzjoni, kif imfissra fl-Artikolu 2(13) tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008; |
2. Il-programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni għandu japplika sal-31 ta’ Diċembru 2015.
3. Il-programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni għandu jiġi implimentat mid-Danimarka, mill-Estonja, minn Franza, mill-Ġermanja, mill-Irlanda, mil-Latvja, mil-Litwanja, mill-Pajjiżi l-Baxxi, mill-Polonja, mill-Portugall, minn Spanja u mir-Renju Unit (minn issa ’l quddiem imsejħa “l-Istati Membri konċernati”).
KAPITOLU II
OBJETTIVI, PRIJORITAJIET, PROĊEDURI U PUNTI TA’ RIFERIMENT
Artikolu 3
Objettivi
1. Il-programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni għandu jiżgura l-implimentazzjoni uniformi u effettiva tal-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ kontroll applikabbli għall-istokkijiet msemmija fl-Artikolu 1.
2. Attivitajiet ta’ kontroll u spezzjoni mwettqa skont dan il-programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni għandhom b’mod partikolari jimmiraw li jiżguraw il-konformità mad-dispożizzjonijiet li ġejjin:
(a) |
il-ġestjoni tal-opportunitajiet tas-sajd u kwalunkwe kundizzjoni speċifika assoċjata magħha, inkluż il-monitoraġġ tal-utilizzazzjoni tal-kwota u fir-reġim tal-isforz fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 1; |
(b) |
l-obbligi ta’ rappurtar li japplikaw għal attivitajiet tas-sajd fl-Ilmijiet tal-Punent, b’mod partikolari l-affidabbiltà tal-informazzjoni rreġistrata u rrappurtata; |
(c) |
dispożizzjonijiet dwar projbizzjoni fuq is-selezzjoni kwalitattiva; |
(d) |
ir-regoli speċjali għall-użin ta’ ċerti speċijiet pelaġiċi previsti fl-Artikoli 78 sa 89 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 404/2011. |
Artikolu 4
Prijoritajiet
1. L-Istati Membri konċernati għandhom iwettqu attivitajiet ta’ kontroll u spezzjoni fir-rigward ta’ attivitajiet tas-sajd minn bastimenti tas-sajd u ta’ attivitajiet relatati mas-sajd minn operaturi oħra fuq il-bażi tal-istrateġija tal-ġestjoni tar-riskju, f’konformità mal-Artikolu 4, punt (18) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 u l-Artikolu 98 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 404/2011.
2. Kull bastiment tas-sajd, grupp ta’ bastimenti tas-sajd, kategorija tal-irkaptu tas-sajd, operatur, u/jew attività relatata mas-sajd, għal kull stokk msemmi fl-Artikolu 1, għandu jkun suġġett għal kontroll u għal spezzjonijiet skont il-livell ta’ prijorità attribwita skont il-paragrafu 3.
3. Kull Stat Membru konċernat għandu jattribwixxi l-livell ta’ prijorità fuq il-bażi tar-riżultati tal-valutazzjoni tar-riskju mwettqa skont il-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 5.
Artikolu 5
Proċeduri għall-valutazzjoni tar-riskju
1. Dan l-Artikolu għandu japplika għall-Istati Membri konċernati u, għall-finijiet biss tal-applikazzjoni tal-paragrafu 4, għall-Istati Membri l-oħra kollha.
2. L-Istati Membri għandhom jevalwaw ir-riskji rigward l-istokkijiet u ż-żona(i) koperta(i), fuq il-bażi tat-tabella stabbilita fl-Anness I.
3. Il-valutazzjoni tar-riskju minn kull Stat Membru għandha tqis, fuq il-bażi tal-esperjenza tal-passat u bl-użu tal-informazzjoni kollha disponibbli u rilevanti, sa fejn huwa probabbli li jseħħ nuqqas ta’ konformità kif ukoll, li kieku dan kellu jiġri, il-konsegwenza(i) potenzjali. Billi jgħaqqad dawn l-elementi, kull Stat Membru għandu jistma livell ta’ riskju (“baxx ħafna”, “baxx”, “medju”, “għoli” jew “għoli ħafna”) għal kull kategorija ta’ spezzjoni msemmija fl-Artikolu 4(2).
4. Fil-każ fejn bastiment tas-sajd li jtajjar il-bandiera ta’ Stat Membru li mhuwiex l-Istat Membru konċernat, jew bastiment tas-sajd ta’ pajjiż terz, jopera fiż-żona(i) msemmija fl-Artikolu 1, dan għandha jkun attribwit livell ta’ riskju skont il-paragrafu 3. Fin-nuqqas ta’ informazzjoni u sakemm l-awtoritajiet tal-bandiera tiegħu jipprovdu, fil-qafas tal-Artikolu 9, ir-riżultati tal-valutazzjoni tar-riskju tagħhom stess imwettqa skont l-Artikolu 4(2) u l-paragrafu 3 li twassal għal livell differenti ta’ riskju, għandu jiġi kkunsidrat bħala bastiment tas-sajd b’livell ta’riskju “għoli ħafna”.
Artikolu 6
Strateġija tal-ġestjoni tar-riskju
1. Fuq il-bażi tal-valutazzjoni tar-riskju tiegħu, kull Stat Membru konċernat għandu jiddefinixxi strateġija tal-ġestjoni tar-riskju ffukata fuq l-iżgurar tal-konformità. Strateġija bħal din għandha tinkludi l-identifikazzjoni, id-deskrizzjoni u l-allokazzjoni ta’ strumenti ta’ kontroll u mezzi oħra ta’ spezzjoni xierqa u kosteffettivi, b’rabta man-natura u l-livell stmat ta’ kull riskju, kif ukoll il-kisba tal-punti ta’ riferiment fil-mira.
2. L-istrateġija tal-ġestjoni tar-riskju msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi kkoordinata fil-livell reġjonali permezz ta’ pjan ta’ eżerċizzju konġunt kif definit fl-Artikolu 2(c) tar-Regolament (KE) Nru 768/2005.
Artikolu 7
Rabta ma’ proċeduri ta’ pjanijiet ta’ eżerċizzju konġunti
1. Fil-qafas ta’ pjan ta’ eżerċizzju konġunt, fejn applikabbli, kull Stat Membru konċernat għandu jikkomunika lill-EFCA r-riżultati tal-valutazzjoni tar-riskju tiegħu mwettqa skont l-Artikolu 5(3) u, b’mod partikolari, lista ta’ livelli tar-riskju stmati flimkien ma’ miri korrispondenti għall-ispezzjoni.
2. Fejn xieraq, il-livelli tar-riskju u l-listi tal-miri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu aġġornati billi tintuża l-informazzjoni miġbura matul l-attivitajiet konġunti ta’ spezzjoni u ta’ sorveljanza. L-EFCA għandha tiġi informata immedjatament wara t-tlestija ta’ kull aġġornament.
3. L-EFCA għandha tuża l-informazzjoni li tkun waslet mill-Istati Membri konċernati biex tikkoordina l-istrateġija tal-ġestjoni tar-riskju fil-livell reġjonali, skont l-Artikolu 6(2).
Artikolu 8
Punti ta’ riferiment fil-mira
1. Bla ħsara għall-punti ta’ riferiment fil-mira definiti fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 u fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008, il-punti ta’ riferiment fil-mira fil-livell tal-Unjoni għal bastimenti tas-sajd u/jew operaturi oħra b’livell ta’ riskju “għoli” u “għoli ħafna” huma stipulati fl-Anness II.
2. Il-punti ta’ riferiment fil-mira għal bastimenti tas-sajd u/jew operaturi oħra b’livell ta’ riskju “baxx ħafna”, “baxx”, u “medju” għandhom jiġu determinati mill-Istati Membri konċernati permezz tal-programmi ta’ azzjoni nazzjonali għall-kontroll imsemmija fl-Artikolu 46 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 u tal-miżuri nazzjonali msemmija fl-Artikolu 95(4) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.
3. B’deroga mill-paragrafi 1 u 2, l-Istati Membri jistgħu japplikaw alternattivament il-punti ta’ riferiment fir-mira differenti, espressi f’termini ta’ livelli ta’ konformità mtejba, sakemm:
(a) |
analiżi dettaljata tal-attivitajiet tas-sajd jew tal-attivitajiet relatati mas-sajd u tal-kwistjonijiet tal-infurzar relatati tiġġustifika l-ħtieġa tal-iffissar ta’ punti ta’ riferiment fil-mira fil-forma ta’ livelli ta’ konformità mtejba, |
(b) |
il-punti ta’ riferiment espressi f’termini ta’ livelli ta’ konformità mtejba huma nnotifikati lill-Kummissjoni, u sakemm din ma toġġezzjonax għalihom fi żmien 90 jum, ma jkunux diskriminatorji, u ma jaffettwawx l-għanijiet, il-prijoritajiet u l-proċeduri bbażati fuq ir-riskju definiti mill-programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni. |
4. Il-punti ta’ riferiment fil-mira kollha għandhom jiġu eżaminati kull sena fuq il-bażi tar-rapporti tal-evalwazzjoni msemmija fl-Artikolu 13(1) u, fejn xieraq, għandhom jiġi riveduti kif meħtieġ fil-qafas tal-evalwazzjoni msemmija fl-Artikolu 13(4).
5. Fejn applikabbli, pjan ta’ eżerċizzju konġunt għandu jagħti effett lill-punti ta’ riferiment fil-mira msemmija f’dan l-Artikolu.
KAPITOLU III
IMPLIMENTAZZJONI
Artikolu 9
Kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u mal-pajjiżi terzi
1. L-Istati Membri konċernati għandhom jikkooperaw fl-implimentazzjoni tal-programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni.
2. Fejn xieraq, l-Istati Membri l-oħra kollha għandhom jikkooperaw mal-Istati Membri konċernati.
3. L-Istati Membri jistgħu jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi terzi għall-implimentazzjoni tal-programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni.
Artikolu 10
Attivitajiet konġunti ta’ spezzjoni u ta’ sorveljanza
1. Sabiex jiżdiedu l-effiċjenza u l-effettività tas-sistemi nazzjonali tal-kontroll tas-sajd tagħhom, l-Istati Membri konċernati għandhom iwettqu spezzjonijiet konġunti u attivitajiet ta’ sorveljanza fl-ilmijiet taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom u, fejn xieraq, fuq it-territorju tagħhom. Fejn applikabbli, dawn l-attivitajiet għandhom jitwettqu fil-qafas ta’ pjanijiet ta’ eżerċizzju konġunti msemmija fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 768/2005.
2. Għall-fini tal-attivitajiet konġunti ta’ spezzjoni u ta’ sorveljanza, l-Istati Membri konċernati għandhom:
(a) |
jiżguraw li l-ispetturi mill-Istati Membri konċernati l-oħra jkunu mistiedna sabiex jipparteċipaw fl-attivitajiet konġunti ta’ spezzjoni u ta’ sorveljanza; |
(b) |
jistabbilixxu proċeduri operattivi konġunti li jkunu applikabbli għad-dgħajjes ta’ sorveljanza tagħhom; |
(c) |
jinnominaw punti tal-kuntatt kif imsemmi fl-Artikolu 80(5) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, fejn xieraq. |
3. L-uffiċjali u l-ispetturi tal-Unjoni jistgħu jipparteċipaw f’attivitajiet konġunti ta’spezzjoni u ta’ sorveljanza.
Artikolu 11
Skambju ta’ dejta
1. Għall-fini tal-implimentazzjoni ta’ dan il-programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni, kull Stat Membru konċernat għandu jiżgura l-iskambju dirett elettroniku ta’ dejta kif imsemmi fl-Artikolu 111 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 u fl-Anness XII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 404/2011 mal-Istati Membri l-oħra konċernati u mal-EFCA.
2. Id-dejta msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun relatata ma’ attivitajiet tas-sajd u mal-attivitajiet relatati mas-sajd li jsiru fiż-żona(i) koperti b’dan il-programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni.
Artikolu 12
Informazzjoni
1. Sakemm issir l-implimentazzjoni sħiħa tat-Titolu XII, tal-Kapitolu III tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, u skont il-format stabbilit fl-Anness III ta’ din id-Deċiżjoni, kull Stat Membru konċernat għandu jikkomunika b’mezzi elettroniċi lill-Kummissjoni u lill-EFCA, sal-għaxar (10) jum wara kull tliet xhur, l-informazzjoni li ġejja dwar it-tliet xhur preċedenti:
(a) |
l-identifikazzjoni, id-data, u t-tip ta’ kull operazzjoni ta’ kontroll u/jew ta’ spezzjoni mwettqa matul it-tliet xhur ta’ qabel; |
(b) |
l-identifikazzjoni ta’ kull bastiment tas-sajd (in-numru tar-reġistru tal-flotta tal-Unjoni), vettura u/jew operatur (l-isem tal-kumpanija) suġġett għal kontroll u/jew għal spezzjoni; |
(c) |
fejn xieraq, it-tip ta’ rkaptu tas-sajd spezzjonat, u; |
(d) |
fil-każ fejn ġie osservat ksur serju wieħed jew aktar:
|
2. L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi kkomunikata għal kull kontroll u/jew spezzjoni u għandha tkompli tiġi elenkata u aġġornata f’kull rapport sakemm l-azzjoni tiġi konkluża skont il-liġijiet tal-Istat Membru konċernat. Fejn ma tittieħed l-ebda azzjoni wara l-iskoperta ta’ ksur serju, għandha tiġi inkluża spjegazzjoni.
Artikolu 13
Evalwazzjoni
1. Kull Stat Membru konċernat għandu, sal-31 ta’ Marzu tas-sena ta’ wara s-sena kalendarja rilevanti, jibgħat lill-Kummissjoni u lill-EFCA rapport ta’ evalwazzjoni dwar l-effettività tal-attivitajiet ta’ kontroll u spezzjoni mwettqa skont dan il-programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni.
2. Ir-rapport ta’ evalwazzjoni msemmi fil-paragrafu 1 għandu jinkludi tal-anqas l-informazzjoni elenkata fl-Anness IV. L-Istati Membri konċernati jistgħu wkoll jinkludu fir-rapport ta’ evalwazzjoni tagħhom, azzjonijiet oħra bħal sessjonijiet ta’ taħriġ jew ta’ informazzjoni maħsuba biex ikollhom impatt fuq il-konformità mill-bastimenti tas-sajd u minn operaturi oħra.
3. Għall-valutazzjoni annwali tagħha tal-effikaċja ta’ pjanijiet ta’ eżerċizzju konġunti msemmija fl-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 768/2005, l-EFCA, għandha tqis ir-rapporti ta’ evalwazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.
4. Darba fis-sena, il-Kummissjoni għandha ssejjaħ laqgħa tal-Kumitat tas-Sajd u l-Akkwakultura sabiex tiġi evalwata l-konvenjenza, l-adegwatezza u l-effikaċja tal-programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni u l-impatt globali tiegħu fuq il-konformità mill-bastimenti tas-sajd u minn operaturi oħra, fuq il-bażi tar-rapporti ta’ evalwazzjoni msemmija fil-paragrafu 1. Il-punti ta’ riferiment fil-mira stabbiliti fl-Anness II jistgħu jiġu riveduti skont dan.
Artikolu 14
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Diċembru 2012.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1.
(2) ĠU L 344, 20.12.2008, p. 6
(3) ĠU L 112, 30.4.2011, p. 1.
(4) ĠU L 128, 21.5.2005, p. 1.
(5) ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1
ANNESS I
PROĊEDURI GĦALL-VALUTAZZJONI TAR-RISKJU
Kull bastiment tas-sajd, grupp ta’ bastimenti tas-sajd, kategorija tal-irkaptu tas-sajd, operatur, u/jew attività relatata mas-sajd, fi stokkijiet differenti u fiż-żona(i) msemmija fl-Artikolu 1, għandhom ikunu suġġetti għal kontroll u spezzjonijiet skont il-livell tal-prijorità attribwit. Il-livell ta’ prijorità għandu jingħata skont ir-riżultati tal-valutazzjoni tar-riskju mwettqa minn kull Stat Membru konċernat, jew minn kwalunkwe Stat Membru ieħor għall-finijiet biss tal-applikazzjoni tal-Artikolu 5(4), fuq il-bażi tal-proċedura li ġejja:
Deskrizzjoni tar-riskju [skont ir-riskju/is-sajd/iż-żona u d-dejta disponibbli] |
Indikatur [skont ir-riskju/is-sajd/iż-żona u d-dejta disponibbli] |
Fażi fil-katina tas-sajd/tal-kummerċjalizzazzjoni (Meta u fejn jidher ir-riskju) |
Punti li għandhom jitqiesu [skont ir-riskju/is-sajd/iż-żona u d-dejta disponibbli] |
Okkorrenza fis-sajd (*) |
Konsegwenza(i) potenzjali (*) |
Livell tar-riskju (*) |
[Nota: ir-riskji identifikati mill-Istati Membri għandhom ikunu konformi mal-objettivi definiti fl-Artikolu 3] |
|
|
Livelli ta’ qabdiet/ħatt l-art distribwiti skont il-bastimenti tas-sajd, l-istokkijiet, u l-irkapti, Disponibbiltà tal-kwota għall-bastimenti tas-sajd, distribwiti skont il-bastimenti tas-sajd, l-istokkijiet u l-irkapti, Użu ta’ kaxex standardizzati; Livell u varjazzjoni fil-prezzijiet tas-suq għall-prodotti tas-sajd li nħattu l-art (l-ewwel bejgħ), L-għadd ta’ spezzjonijiet imwettqa preċedentement u l-għadd ta’ ksur osservat għall-bastiment tas-sajd u/jew għal operatur ieħor ikkonċernat, Sfond, u/jew periklu potenzjali, ta’ frodi b’rabta mal-port/mal-lok/maż-żona u mal-mestier. Kwalunkwe informazzjoni jew sejbien importanti rilevanti oħra. |
Każijiet Frekwenti/Medju/Rari/jew Mhux sinifikanti |
Serju/Sinifikanti/Aċċettabbli/jew Marġinali |
Baxx ħafna/baxx/medju/għoli/jew għoli ħafna |
(*) Nota: Għandhom jiġu vvalutati mill-Istati Membri. Il-valutazzjoni tar-riskju għandha tqis, fuq il-bażi tal-esperjenza tal-passat u bl-użu tal-informazzjoni kollha disponibbli, sa fejn huwa probabbli li jseħħ nuqqas ta’ konformità u, li kieku dan kellu jiġri, il-konsegwenza potenzjali.
ANNESS II
PUNTI TA’ RIFERIMENT FIL-MIRA
1. Livell ta’ spezzjonijiet fuq il-baħar (inkluż sorveljanza mill-ajru, fejn applikabbli)
Fuq bażi annwali, il-punti ta’ riferiment fil-mira (1) li ġejjin għandhom jintlaħqu għal spezzjonijiet fuq il-baħar tal-bastimenti tas-sajd impenjati fis-sajd għall-aringi, il-kavalli, is-sawrell, l-inċova u l-istokkafixx fiż-żona, fil-każ li l-ispezzjonijiet fuq il-baħar huma rilevanti b’rabta mal-fażi fil-katina tas-sajd u sakemm jiffurmaw parti mill-istrateġija tal-ġestjoni tar-riskju:
Punti ta’ riferiment kull sena (*) |
Livell ta’ riskju stmat għal bastimenti tas-sajd skont l-Artikolu 5(2) |
|
għoli |
għoli ħafna |
|
Sajd Nru 1 Aringi, kavalli u sawrell |
Spezzjoni fuq il-baħar ta’ mill-inqas 5 % tal-vjaġġi tas-sajd minn bastimenti tas-sajd b’livell ta’ riskju “għoli” li għandhom fil-mira s-sajd konċernat |
Spezzjoni fuq il-baħar ta’ mill-inqas 10 % tal-vjaġġi tas-sajd minn bastimenti tas-sajd b’livell ta’ riskju “għoli ħafna” li għandhom fil-mira s-sajd konċernat |
Sajd Nru 2 Inċova |
Spezzjoni fuq il-baħar ta’ mill-inqas 2,5 % tal-vjaġġi tas-sajd minn bastimenti tas-sajd b’livell ta’ riskju “għoli” li għandhom fil-mira s-sajd konċernat |
Spezzjoni fuq il-baħar ta’ mill-inqas 5 % tal-vjaġġi tas-sajd minn bastimenti tas-sajd b’livell ta’ riskju “għoli ħafna” li għandhom fil-mira s-sajd konċernat |
Sajd Nru 3 Stokkafixx |
Spezzjoni fuq il-baħar ta’ mill-inqas 5 % tal-vjaġġi tas-sajd minn bastimenti tas-sajd b’livell ta’ riskju “għoli” li għandhom fil-mira s-sajd konċernat |
Spezzjoni fuq il-baħar ta’ mill-inqas 10 % tal-vjaġġi tas-sajd minn bastimenti tas-sajd b’livell ta’ riskju “għoli ħafna” li għandhom fil-mira s-sajd konċernat |
2. Livell ta’ spezzjonijiet fuq l-art (inklużi kontrolli u spezzjonijiet iddokumentati fil-portijiet jew mal-ewwel bejgħ)
Fuq bażi annwali, il-punti ta’ riferiment fil-mira (2) li ġejjin għandhom jintlaħqu għal spezzjonijiet fuq l-art (inkluż kontrolli u spezzjonijiet iddokumentati fil-portijiet jew mal-ewwel bejgħ) ta’ bastimenti tas-sajd u ta’ operaturi oħra involuti fis-sajd tal-aringi, tal-kavalli, tas-sawrell, tal-inċova u tal-istokkafixx fiż-żona, fil-każ li l-ispezzjonijiet fuq l-art huma rilevanti b’rabta mal-fażi fil-katina tas-sajd/tal-kummerċjalizzazzjoni u huma parti tal-istrateġija tal-ġestjoni tar-riskju.
Punti ta’ riferiment kull sena (**) |
Livell ta’ riskju għal bastimenti tas-sajd u/jew għal operaturi oħra (l-ewwel xerrej) |
|
għoli |
għoli ħafna |
|
Sajd Nru 1 Aringi, kavalli u sawrell |
Spezzjoni fil-port ta’ mill-inqas 15 % tal-kwantitajiet totali li jinħattu l-art minn bastimenti tas-sajd b’livell ta’ riskju “għoli” |
Spezzjoni fil-port ta’ mill-inqas 15 % tal-kwantitajiet totali li jinħattu l-art minn bastimenti tas-sajd b’livell ta’ riskju “għoli ħafna” |
Sajd Nru 2 Inċova |
Spezzjoni fil-port ta’ mill-inqas 5 % tal-kwantitajiet totali li jinħattu l-art minn bastimenti tas-sajd b’livell ta’ riskju “għoli” |
Spezzjoni fil-port ta’ mill-inqas 10 % tal-kwantitajiet totali li jinħattu l-art minn bastimenti tas-sajd b’livell ta’ riskju “għoli ħafna” |
Sajd Nru 3 Stokkafixx |
Spezzjoni fil-port ta’ mill-inqas 5 % tal-kwantitajiet totali li jinħattu l-art minn bastimenti tas-sajd b’livell ta’ riskju “għoli” |
Spezzjoni fil-port ta’ mill-inqas 10 % tal-kwantitajiet totali li jinħattu l-art minn bastimenti tas-sajd b’livell ta’ riskju “għoli ħafna” |
B’mod partikolari, spezzjonijiet li jsiru wara l-ħatt l-art jew wara t-trasbord għandhom jintużaw bħala mekkaniżmu ta’ kontroverifika biex tiġi vverifikata l-affidabbiltà tal-informazzjoni rreġistrata u rrappurtata għall-qabdiet u għall-ħatt l-art.
(1) Għall-bastimenti li jdumu inqas minn 24 siegħa fuq il-baħar għal kull vjaġġ tas-sajd, u skont l-istrateġija tal-ġestjoni tar-riskju, il-punti ta’ riferiment fil-mira jistgħu jitnaqqsu bin-nofs.
(*) espress f’% tal-vjaġġi tas-sajd fiż-żona (meta jsir sajd b’irkaptu tad-daqsijiet tal-malji li għalihom l-ispeċi hija speċi mmirata) minn bastimenti tas-sajd b’riskju għoli/għoli ħafna/fis-sena
(2) Għall-bastimenti li jħottu l-art inqas minn 10 tunnellati f’kull azzjoni tal-ħatt l-art, u skont l-istrateġija tal-ġestjoni tar-riskju, il-punti ta’ riferiment fil-mira jistgħu jitnaqqsu bin-nofs.
(**) espress f’% tal-kwantitajiet li jinħattu l-art minn bastimenti tas-sajd b’riskju għoli/għoli ħafna/fis-sena
ANNESS III
INFORMAZZJONI PERJODIKA DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM SPEĊIFIKU TA’ KONTROLL U SPEZZJONI
Format għall-komunikazzjoni tal-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta skont l-Artikolu 12 għal kull spezzjoni li għandha tiġi inkluża fir-rapport:
Isem |
Kodiċi |
Deskrizzjoni u kontenut |
Identifikazzjoni ta’ spezzjoni |
II |
Kodiċi ISO alfa2 tal-pajjiż + 9 numri, eż. DK201200000. |
Data ta’ spezzjoni |
DA |
SSSS-XX-JJ |
Tip ta’ spezzjoni jew kontroll |
IT |
Il-baħar, ix-xatt, it-trasport, id-dokument (indika). |
Identifikazzjoni ta’ kull bastiment tas-sajd, vettura jew operatur |
ID |
In-numru tar-reġistru tal-flotta tal-Unjoni tal-bastiment tas-sajd, l-identifikazzjoni tal-vettura, u/jew l-isem tal-kumpanija tal-operatur. |
Tip ta’ rkaptu tas-sajd |
GE |
Il-kodiċi tal-irkaptu skont il-Klassifikazzjoni Statistika Standard Internazzjonali tal-Irkaptu tas-Sajd. |
Ksur serju |
SI |
I = iva, L = le |
Tip ta’ ksur serju osservat |
TS |
Indika t-tip ta’ ksur serju osservat, b’riferenza għan-numru (kolonna tax-xellug) fl-Anness XXX tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 404/2011. Barra minn hekk, ksur serju msemmi fl-Artikolu 90(1)(a), (b) u (c) tar-Regolament ta’ Kontroll għandu jiġi identifikat rispettivament bin-numri “13”, “14” u “15”. |
Qagħda attwali tas-segwitu |
FU |
Indika l-qagħda attwali: PENDENTI, APPELL MAGĦLUQ. |
Multa |
SF |
Multa f’EUR, eżempju 500. |
Konfiska |
SC |
QABDA/IRKAPTU għal konfiska fiżika. L-ammont sekwestrat fil-każ tal-valur tal-qabda/irkaptu f’EUR, eżempju 10 000 . |
Oħrajn |
SO |
Fil-każ tal-irtirar tal-liċenzja/tal-awtorizzazzjoni, indika LI jew AU + l-għadd ta’ jiem, eżempju AU30. |
Punti |
SP |
Numru ta’ punti assenjati, eżempju 12. |
Rimarki |
RM |
F’każ ta’ ebda azzjoni meħuda wara l-iskoperta ta’ ksur serju, spjegazzjoni għaliex fil-forma ta’ test liberu. |
ANNESS IV
KONTENUT TAR-RAPPORTI TA’ EVALWAZZJONI
Ir-rapporti ta’ evalwazzjoni għandhom mill-inqas jinkludu l-informazzjoni li ġejja:
I. Analiżi ġenerali tal-attivitajiet imwettqa ta’ kontroll, ta’ spezzjoni u ta’ infurzar (għal kull Stat Membru konċernat)
— |
Deskrizzjoni tar-riskji identifikati mill-Istat Membru konċernat u kontenut dettaljat tal-istrateġija tiegħu tal-ġestjoni tar-riskju, inkluża deskrizzjoni tal-proċess ta’ eżami u ta’ reviżjoni, |
— |
Tqabbil tat-tip ta’ għodod ta’ kontroll u spezzjoni użati u l-għadd ta’ mezzi ta’ spezzjoni impenjati/l-għadd ta’ mezzi pprovduti fl-esekuzzjoni tal-programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni, inklużi t-tul u l-oqsma ta’ eżerċizzju, |
— |
Tqabbil tat-tip ta’ għodod ta’ kontroll u spezzjoni użati u l-għadd ta’ attivitajiet ta’ kontroll u ta’ spezzjonijiet imwettqa (imla fuq il-bażi tal-informazzjoni mibgħuta skont l-Anness III)/l-għadd ta’ ksur serju osservat u, fejn possibbli, analiżi dwar ir-raġunijiet li waslu għal dan il-ksur, |
— |
Sanzjonijiet imposti għal ksur serju (imla fuq il-bażi tal-informazzjoni mibgħuta skont l-Anness III), |
— |
Analiżi ta’ azzjonijiet oħra (separatament minn dawk ta’ kontroll, ta’ spezzjoni u ta’ infurzar, eżempju sessjonijiet ta’ taħriġ jew ta’ informazzjoni) maħsuba biex ikollhom impatt fuq il-konformità minn bastimenti tas-sajd u/jew minn operaturi oħra [EŻEMPJU: l-għadd ta’ titjib fl-irkaptu selettiv użat, l-għadd ta’ kampjuni ta’ merluzz/ta’ ħut żgħir, eċċ.]. |
II. Analiżi dettaljata tal-attivitajiet imwettqa ta’ kontroll, ta’ spezzjoni u ta’ infurzar (għal kull Stat Membru konċernat)
1. |
Analiżi ta’ attivitajiet ta’ spezzjoni fuq il-baħar (inkluż sorveljanza mill-ajru, fejn xieraq), b’mod partikolari:
|
2. |
Analiżi ta’ attivitajiet ta’ spezzjoni fuq l-art (inkluż kontrolli u spezzjonijiet iddokumentati fil-portijiet jew mal-ewwel bejgħ, jew trasbordi), b’mod partikolari:
|
3. |
Analiżi tal-punti ta’ riferiment fil-mira espressi f’termini ta’ livelli ta’ konformità (fejn applikabbli), b’mod partikolari:
|
4. |
Analiżi ta’ attivitajiet oħra ta’ spezzjoni u kontroll: trasbord, sorveljanza mill-ajru, importazzjoni/esportazzjoni, eċċ., kif ukoll azzjonijiet oħra bħal sessjonijiet ta’ taħriġ jew ta’ informazzjoni maħsuba biex ikollhom impatt fuq il-konformità mill-bastimenti tas-sajd u minn operaturi oħra |
III. Proposta/i sabiex titjieb l-effettività tal-attivitajiet imwettqa ta’ kontroll, ta’ spezzjoni u ta’ infurzar (għal kull Stat Membru konċernat)