EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011R0297

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 297/2011 tal- 25 ta’ Marzu 2011 li jimponi kundizzjonijiet speċjali dwar l-importazzjoni ta’ għalf u ikel li joriġina jew ġej mill-Ġappun wara l-aċċident fl-impjant nukleari ta’ Fukushima Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 80, 26.3.2011, p. 5–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/09/2011; Imħassar b' 32011R0961

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2011/297/oj

26.3.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 80/5


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 297/2011

tal-25 ta’ Marzu 2011

li jimponi kundizzjonijiet speċjali dwar l-importazzjoni ta’ għalf u ikel li joriġina jew ġej mill-Ġappun wara l-aċċident fl-impjant nukleari ta’ Fukushima

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u li jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 53(1)(b)(ii) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 53 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 jistipula l-possibbiltà li jiġu adottati miżuri ta’ emerġenza tal-Unjoni xierqa għal ikel u għalf importati minn pajjiż terz biex tkun imħarsa s-saħħa pubblika, is-saħħa tal-annimali jew l-ambjent, u dan meta r-riskju ma jistax jiġi kkontrollat b’mod sodisfaċenti permezz ta’ miżuri li jittieħdu mill-Istati Membri individwali.

(2)

Wara l-aċċident fl-impjant nukleari ta’ Fukushima fil-11 ta’ Marzu 2011, il-Kummissjoni ġiet infurmata li l-livelli radjonuklidi f’ċerti prodotti tal-ikel li joriġinaw fil-Ġappun bħal ħalib u spinaċi jaqbżu l-livelli ta’ azzjoni fl-ikel applikabbli fil-Ġappun. Din il-kontaminazzjoni tista’ tkun ta’ theddida għas-saħħa pubblika u tal-annimali fl-Unjoni u għalhekk huwa xieraq li bħala miżura ta’ prekawzjoni jittieħdu miżuri fil-livell tal-Unjoni biex tkun żgurata s-sigurtà tal-għalf u l-ikel, inklużi ħut u prodotti tal-ħut, li joriġinaw jew li ġejjin mill-Ġappun. Peress li l-aċċident għadu mhux ikkontrollat, f’dan l-istadju huwa xieraq li l-ittestjar meħtieġ qabel l-esportazzjoni japplika għal għalf u ikel li joriġina mill-prefetturi affettwati b’żona ta' lqugħ u ttestjar każwali tal-għalf u l-ikel tal-importazzjonijiet li joriġinaw mit-territorju kollu tal-Ġappun.

(3)

Il-livelli massimi ġew stabbiliti permezz tar-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 3954/87 tat-22 ta’ Diċembru 1987 li jistabbilixxi livelli massimi permissibli ta’ kontaminazzjoni radjoattiva ta’ ikel u għalf wara aċċident nukleari jew f’kull każ ieħor ta’ emerġenza radjoloġika (2), ir-Regolament tal-Kummissjoni (Euratom) Nru 944/89 tat-12 ta’ April 1989 li jistabbilixxi l-livelli massimi permessi ta’ kontaminazzjoni radjoattiva f’oġġetti tal-ikel ta’ importanza minuri wara inċident nukleari jew kull każ ieħor ta’ emerġenza radjoloġika (3) u Regolament tal-Kummissjoni (Euratom) Nru 770/90 tad-29 ta’ Marzu 1990 li jistabbilixxi l-livelli massimi permessi ta’ kontaminazzjoni radjoattiva f’għalf wara inċident nukleari jew f’xi każ ieħor ta’ emerġenza radjoloġika (4).

(4)

Dawn il-livelli massimi jistgħu jidħlu fis-seħħ wara li l-Kummissjoni tkun infurmata b’aċċident nukleari u jkun ippruvat li hemm ċans li jintlaħqu jew ikunu ntlaħqu l-livelli massimi permessi ta' kontaminazzjoni radjoattiva f’oġġetti tal-ikel u f’għalf skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/600/Euratom tal-14 ta’ Diċembru 1987 dwar arranġamenti tal-Komunita għal skambju kmieni ta’ informazzjoni fil-każ ta’ emerġenza radjoloġika (5) jew skont il-Konvenzjoni tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA) tas-26 ta’ Settembru 1986 dwar notifikazzjoni ta’ aċċident nukleari kmieni. Sadanittant huwa xieraq li jintużaw dawn il-livelli massimi stabbiliti minn qabel bħala valuri ta’ referenza biex tkun iġġudikata l-aċċettabilità tat-tqegħid fis-suq ta’ ikel u għalf.

(5)

L-awtoritajiet Ġappuniżi infurmaw lis-servizzi tal-Kummissjoni li qed isir l-ittestjar xieraq fuq prodotti tal-ikel mir-reġjun affettwat esportati mill-Ġappun

(6)

Flimkien mal-ittestjar magħmul mill-awtoritajiet Ġappuniżi, huwa xieraq li jsiru kontrolli każwali fuq it-tali importazzjonijiet.

(7)

Huwa xieraq li l-Istati Membri jinfurmaw lill-Kummissjoni bir-riżultati analitiċi kollha permezz tas-Sistema ta' Twissija Rapida għall-Ikel u l-Għalf (RASFF) u s-sistema ta' Skambju ta' Informazzjoni Radjoloġika Urġenti tal-Unjoni Ewropea (ECURIE). Il-miżuri se jkunu vvalutati mill-ġdid abbażi ta’ dawn ir-riżultati analitiċi.

(8)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ambitu

Dan ir-Regolament għandu japplika għal prodotti tal-għalf u tal-ikel skont l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 3954/87 li joriġinaw jew li ġejjin mill-Ġappun, għajr għal prodotti li telqu mill-Ġappun qabel it-28 ta’ Marzu 2011 u għal prodotti li nħasdu u/jew ġew ipproċessati qabel il-11 ta' Marzu 2011.

Artikolu 2

Attestazzjoni

1.   Il-kunsinni kollha tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 1 għandhom ikunu soġġetti għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament.

2.   Il-kunsinni tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 1 li jaqgħu barra l-ambitu tad-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE tat-18 ta' Diċembru 1997 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi (6) għandhom jiġu introdotti fl-UE permezz ta' punt ta' dħul magħżul (minn hawn 'il quddiem “PDM”) fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 3 (b) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 669/2009 tal-24 ta' Lulju 2009 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar iż-żieda fil-livell tal-kontrolli uffiċjali mwettqa fuq l-importazzjoni ta’ ċertu għalf u ikel ta’ oriġini mhux mill-annimali u li jemenda d-Deċiżjoni 2006/504/KE (7).

3.   Kull kunsinna tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 1 għandha tkun akkumpanjata b'dikjarazzjoni, li tafferma li

il-prodott ġie maħsud u/jew ipproċessat qabel il-11 ta' Marzu 2011, jew

il-prodott joriġina minn prefettura għajr Fukushima, Gunma, Ibaraki, Tochigi, Miyagi, Yamagata, Niigata, Nagano, Yamanashi, Saitama, Tokyo u Chiba, jew

f'każ li l-prodott joriġina mill-prefetturi Fukushima, Gunma, Ibaraki, Tochigi, Miyagi, Yamagata, Niigata, Nagano, Yamanashi, Saitama, Tokyo u Chiba, il-prodott ma fihx livelli ta' radjonuklidi jodju-131, ċeżju-134 and ċeżju-137 aktar mil-livelli massimi stipulati fir-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 3954/87 tat-22 ta' Diċembru 1987, ir-Regolament tal-Kummissjoni (Euratom) Nru 944/89 tat-12 ta' April 1989 u r-Regolament tal-Kummissjoni (Euratom) Nru 770/90 tad-29 ta' Marzu 1990.

4.   Il-mudell tad-dikjarazzjoni msemmi fil-paragrafu 3 huwa stipulat fl-Anness. Id-dikjarazzjoni għandha tiġi ffirmata mir-rappreżentant awtorizzat tal-awtoritajiet Ġappuniżi kompetenti u għandha għall-prodotti li jaqgħu taħt it-tielet inċiż tal-paragrafu 3, tkun akkumpanjata minn rapport analitiku.

Artikolu 3

Identifikazzjoni

Kull kunsinna tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 1 għandha tkun identifikata permezz ta' kodiċi li għandu jkun indikat fuq id-dikjarazzjoni, jew fuq ir-rapport analitiku li jinkludi r-riżultati tat-teħid ta' kampjuni u l-analiżi, ċertifikat tas-saħħa u fuq dokumenti kummerċjali oħra li jakkumpanjaw il-kunsinna.

Artikolu 4

Notifika minn qabel

Operaturi tan-negozji tal-ikel u l-għalf jew ir-rappreżentanti tagħhom għandhom jagħtu notifika minn qabel tal-wasla ta' kull kunsinna tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 1, minn tal-inqas jumejn tax-xogħol qabel il-wasla fiżika tal-kunsinna, lill-awtoritajiet kompetenti fuq il-Post tal-Ispezzjoni fuq il-Fruntiera (minn hawn 'il quddiem “PIF”) jew fil-PDM.

Artikolu 5

Kontrolli Uffiċjali

1.   L-awtoritajiet kompetenti tal-PIF jew tal-PDM għandhom iwettqu verifiki tad-dokumenti u tal-identità fuq il-kunsinni kollha ta' prodotti msemmija fl-Artikolu 1, u verifiki fiżiċi, inkluża analiżi laboratorja, fuq il-preżenza ta' jodju-131, ċeżju-134 u ċeżju-137, fuq minn tal-inqas 10 % ta' kunsinni bħal dawn tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 2 (3), it-tielet inċiż u fuq minn tal-inqas 20 % ta' kunsinni bħal dawn tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 2 (3) it-tieni inċiż.

2.   Il-kunsinni għandhom jinżammu taħt kontroll uffiċjali, għal massimu ta' ħamest ijiem tax-xogħol, sakemm ikunu disponibbli r-riżultati tal-analiżi laboratorja.

3.   Ir-rilaxx tal-kunsinni għaċ-ċirkulazzjoni ħielsa għandu jkun soġġett għall-preżentazzjoni mill-operatur tan-negozju tal-ikel u l-għalf jew mir-rappreżentant tagħhom lill-awtoritajiet doganali tad-dikjarazzjoni msemmija fl-Anness, li tkun ġiet approvata kif xieraq mill-awtorità kompetenti fil-PIF jew fil-PDM, li tagħti prova li l-kontrolli uffiċjali msemmija fil-paragrafu 1 twettqu u li r-riżultati mill-verifiki fiżiċi, fejn saru tali verifiki, kienu favorevoli.

Artikolu 6

Kostijiet

Il-kostijiet kollha li jirriżultaw mill-kontrolli uffiċjali msemmija fl-Artikolu 5(1) u 5(2) u kwalunkwe miżura li tittieħed wara li jkun hemm nuqqas ta' konformità, għandhom ikunu responsabbiltà tal-operatur tan-negozju tal-ikel u l-għalf.

Artikolu 7

Prodotti li ma jkunux konformi

Skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (Euratom) Nru 3954/87 l-affarijiet tal-ikel u tal-għalf li ma jkunux konformi mal-livelli massimi permessi msemmija fl-Anness mar-Regolament (Euratom) Nru 3954/87, ir-Regolament (Euratom) Nru 944/89 u r-Regolament tal-Kummissjoni (Euratom) Nru 770/90 ma għandhomx jitqiegħdu fuq is-suq u għandhom jintremew b'mod sikur jew jintbagħtu lura fil-pajjiż tal-oriġini.

Artikolu 8

Rapporti

L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b'mod regolari permezz tas-Sistema ta' Twissija Rapida għall-Ikel u l-Għalf (RASFF) u s-sistema tal-Iskambju ta' Informazzjoni Radjoloġika Urġenti tal-Unjoni Ewropea (ECURIE) bir-riżultati analitiċi kollha miksuba.

Artikolu 9

Dħul fis-seħħ u l-perjodu ta' applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-ġurnata ta' wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan għandu japplika mid-data tad-dħul fis-seħħ sat-30 ta' Ġunju 2011. Ir-Regolament għandu jiġi rivedut kull xahar abbażi tar-riżultati analitiċi miksuba.

Dan ir-Regolament għandu jkun vinkolanti fl-intier tiegħu u jkun applikabbli b'mod dirett fl-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Marzu 2011.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.

(2)  ĠU L 371, 30.12.1987, p. 11.

(3)  ĠU L 101, 13.4.1989, p. 17.

(4)  ĠU L 83, 30.3.1990, p. 78.

(5)  ĠU L 371, 30.12.1987, p. 76.

(6)  ĠU L 24, 30.1.1998, p. 9.

(7)  ĠU L 194, 25.7.2009, p. 11.


ANNESS

Image

Test ta 'immaġni

Top