Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010R0811

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 811/2010 tal- 15 ta’ Settembru 2010 li jissoġġetta l-importazzjoni ta’ modems tat-tip WWAN (wireless wide area networking) li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għar-reġistrazzjoni b’applikazzjoni tal-Artikolu 24(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea

ĠU L 243, 16.9.2010, p. 37–39 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 01/03/2011; Imħassar b' 32011R0209

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/811/oj

16.9.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 243/37


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 811/2010

tal-15 ta’ Settembru 2010

li jissoġġetta l-importazzjoni ta’ modems tat-tip WWAN (wireless wide area networking) li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għar-reġistrazzjoni b’applikazzjoni tal-Artikolu 24(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 tal-11 ta’ Ġunju 2009 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”) u b’mod partikolari l-Artikoli 16(4) u 24(5) tiegħu,

Wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

(1)

Il-Kummissjoni rċeviet talba, skont l-Artikolu 24(5) tar-Regolament bażiku, biex tagħmel l-importazzjoni ta’ modems tat-tip wireless wide area networking (WWAN) li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina suġġetta għal reġistrazzjoni.

A.   IL-PRODOTT IKKONĊERNAT

(2)

Il-prodott ikkonċernat b’din ir-reġistrazzjoni huwa modem tat-tip wireless wide area networking (WWAN) b’antenna tar-radju u li jipprovdi konnettività tad-dejta tal-Protokoll tal-Internet (PI) għat-tagħmir tal-computing u li jinkludi r-routers Wi-Fi li fihom modem WWAN (WWAN/Wi-Fi routers), li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (‘il-prodott ikkonċernat’), li bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċi tan-NM ex 8471 80 00 u ex 8517 62 00.

B.   IT-TALBA

(3)

Wara li rċeviet ilment mingħand Option NV (minn hawn ’il quddiem ‘l-applikant’), il-Kummissjoni ddeterminat li hemm biżżejjed evidenza biex tiġġustifika l-bidu ta’ proċediment u għalhekk, b’konformità mal-Artikolu 10 tar-Regolament bażiku, ħabbret permezz ta’ avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (l-“Avviż ta’ Bidu”) il-bidu ta’ proċediment antisussidji li jikkonċerna l-importazzjoni ta’ modems tat-tip wireless wide area networking (WWAN) li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina.

(4)

Rigward il-kwalità għat-tressiq tal-ilment, l-applikant huwa l-produttur uniku tal-prodott ikkonċernat fl-Unjoni Ewropea, li jirrappreżenta 100 % tat-total tal-produzzjoni tal-Unjoni.

(5)

Fir-rigward tal-eżistenza ta’ sussidji kumpensatorji, il-kwerelant ipprovda lill-Kummissjoni Ewropea x-xhieda ta’ programmi speċifiċi ta’ sussidju fir-rigward ta’ self preferenzjali, rati preferenzjali tat-taxxa fuq id-dħul, benefiċċji mill-istabbiliment ta’ żoni ta’ kummerċ ħieles, programmi ta’ tariffi fuq l-importazzjoni u ta’ taxxa indiretta, programmi ta’ għotjiet, rati preferenzjali ta’ forniment governattiv ta’ oġġetti u servizzi u politiki preferenzjali fil-livell ta’ gvern lokali.

(6)

L-applikant jitlob ukoll li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat isiru suġġetti għal reġistrazzjoni skont l-Artikolu 24(5) tar-Regolament bażiku ħalli l-miżuri jkunu jistgħu jiġu sussegwentement applikati fuq dawk l-importazzjonijiet mid-data ta’ dik ir-reġistrazzjoni.

C.   IR-RAĠUNIJIET GĦAR-REĠISTRAZZJONI

(7)

Skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament bażiku, ma jistgħux jiġu imposti miżuri provviżorji qabel 60 jum mill-bidu. Madankollu, skont l-Artikolu 16(4) tar-Regolament bażiku, dazju definittiv kumpensatorju jista’ jiġi ntaxxat fuq prodotti li jkunu ddaħħlu għall-konsum mhux iktar minn 90 jum qabel id-data tal-applikazzjoni tal-miżuri provviżorji, sakemm il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu jiġu sodisfatti, u l-importazzjonijiet ikunu ġew irreġistrati b’konformità mal-Artikolu 24(5). Skont l-Artikolu 24(5) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni tista’, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, titlob lill-awtoritajiet tad-dwana jieħdu l-passi meħtieġa għar-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet, ħalli l-miżuri jkunu jistgħu jiġu sussegwentement applikati fuq dawk l-importazzjonijiet mid-data ta’ dik ir-reġistrazzjoni. L-importazzjonijiet jistgħu jsiru soġġetti għal reġistrazzjoni wara talba mill-industrija tal-Unjoni li jkun fiha biżżejjed evidenza biex tiġġustifika azzjoni bħal din.

(8)

It-talba fiha biżżejjed evidenza biex ir-reġistrazzjoni tkun iġġustifikata.

(9)

Is-sussidji allegati jikkonsistu, inter alia, minn programmi tat-taxxa fuq id-dħul (eż. eżenzjonijiet tat-taxxa tad-dħul jew tnaqqis skont il-programm tnejn b’xejn/tlieta bin-nofs, tnaqqis fit-taxxa fuq id-dħul fuq industrijiet tat-teknoloġija avvanzata jew ġdida, krediti tat-taxxa fuq id-dħul għal kumpaniji b’sidien domestiċi li jixtru tagħmir prodott domestikament), programmi ta’ taxxa indiretta u ta’ tariffi fuq l-importazzjoni (eż. eżenzjonijiet fuq it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) u t-tariffi applikabbli għal tagħmir importat), skemi ta’ self preferenzjali (eż. self skont politika li jinkludi l-finanzjament tal-esportazzjoni minn banek kummerċjali proprjetà tal-Istat u banek politiċi tal-gvern), programmi ta’ għotjiet (eż. il-Fond tal-Iżvilupp għall-Industrija tal-Elettronika u l-Informatika (Fond tal-IT), il-fond għall-proġetti ta’ rinnovazzjoni teknoloġika ewlenija statali, il-premjijiet għad-ditti famużi), il-forniment governattiv ta’ oġġetti u servizzi għal numerazzjoni anqas minn adegwata (eż. provediment ta’ jeddijiet għall-użu tal-art) kif ukoll politiki preferenzjali fil-livell ta’ gvern lokali, inklużi benefiċċji f’żoni speċjali u parks industrijali (eż. politiki preferenzjali f’Shenzhen, Shanghai, Beijing u Xian).

(10)

Huwa allegat li dawn l-iskemi ta’ hawn fuq huma sussidji billi dawn jinvolvu kontribuzzjoni finanzjarja mill-Gvern tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina jew minn Gvernijiet reġjonali oħra u (inklużi l-entitajiet pubbliċi) u jikkonferixxu benefiċċju lid-destinatarji, jiġifieri lill-produtturi esportaturi tal-prodott li qed jiġi investigat. Huwa allegat li dawn huma kontinġenti fuq il-prestazzjoni tal-esportazzjoni u/jew fuq l-użu ta’ prodotti domestiċi fuq dawk importati u/jew limitati għal ċerti intrapriżi jew gruppi ta’ intrapriżi u/jew prodotti u/jew reġjuni, u għalhekk huma speċifiċi u kumpensatorji.

(11)

It-talba tipprovdi biżżejjed xhieda ta’ ċirkostanzi kritiċi fejn għall-prodott issussidjat inkwistjoni qed jiġi kkawżat dannu li diffiċli li jiġi msewwi minħabba importazzjoni massiċċa ta’ prodotti li jibbenefikaw minn sussidji kumpensatorji f’medda ta’ żmien relattivament qasira. Xhieda ta’ dawn iċ-ċirkolstanzi tinkludi n-natura rapida tat-tagħwir tal-qagħda tal-industrija tal-Unjoni, il-fatt li jeżisti produttur waħdieni fl-Unjoni u l-ammont sinifikanti ta’ spejjeż fir-Riċerka u l-Iżvilupp li jridu jiġġarrbu sabiex jiġi ġġenerat il-prodott inkwistjoni. F’dan il-kuntest, il-kwerelant ipprovda xhieda li l-importazzjoni tal-prodott li qed jiġi investigat mill-pajjiż ikkonċernat żdiedet konsiderevolment b’mod ġenerali f’termini assoluti u f’termini ta’ sehem mis-suq. Fir-rigward tad-dannu kkawżat minn din l-importazzjoni massiċċa, ix-xhieda pprovduta mill-kwerelant turi li l-volum u l-prezzijiet tal-prodott importat li qed jiġi investigat kellhom, fost konsegwenzi oħra, impatt negattiv fuq il-kwantitajiet mibjugħa, il-livell tal-prezzijiet mitluba u s-sehem tas-suq miżmum mill-industrija tal-Unjoni, bir-riżultat ta’ effetti negattivi sostanzjali fuq il-prestazzjoni ġenerali, il-qagħda finanzjarja u l-qagħda tal-impjiegi fl-industrija tal-Unjoni. Minn dan isegwi li l-Kummissjoni għandha għad-dispożizzjoni tagħha biżżejjed xhieda li, biex tipprekludi milli jfeġġ mill-ġdid dannu bħal dan, tista’ tagħmilha neċessarja li jiġu vvalutati d-dazji kumpensatorji b’mod retroattiv.

(12)

Minħabba f’hekk, il-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni f’dan il-każ ġew issodisfati.

D.   IL-PROĊEDURA

(13)

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li t-talba tal-applikant fiha biżżejjed evidenza biex l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat isiru suġġetti għar-reġistrazzjoni, b’konformità mal-Artikolu 24(5) tar-Regolament bażiku.

(14)

Il-partijiet interessati kollha huma mistiedna jippreżentaw il-fehmiet tagħhom bil-miktub u li jipprovdu evidenza ta’ sostenn. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista’ tisma’ lill-partijiet interessati, sakemm ikunu għamlu talba bil-miktub u wrew li hemm raġunijiet partikolari għalfejn għandhom jinstemgħu.

E.   IR-REĠISTRAZZJONI

(15)

Skont l-Artikolu 24(5) tar-Regolament bażiku, l-importazzjoni tal-prodott ikkonċernat (2) għandha ssir suġġetta għal reġistrazzjoni sabiex jiġi żgurat li, jekk l-investigazzjoni tirriżulta f’sejbiet li jwasslu għall-impożizzjoni ta’ dazji kumpensatorji, dawk id-dazji jkunu jistgħu, jekk il-kundizzjonijiet neċessarji jiġu ssodisfati, jiġu ntaxxati retroattivament skont id-dispożizzjonijiet legali applikabbli.

(16)

Kull responsabilità għall-ġejjieni tiġi mis-sejbiet tal-investigazzjoni antisussidji. Mhux possibbli li jingħata ammont ta’ stima tal-lijabilità futura possibbli billi din tkun tiddependi mill-ammont ta’ sussidji kumpensatorji li jinstabu li jeżistu u l-mod kif dawn ikunu jridu jiġu allokati għall-prodott li qed jiġi investigat.

F.   L-IPPROĊESSAR TA’ DEJTA PERSONALI

(17)

Kwalunkwe dejta personali miġbura f’din l-investigazzjoni se tiġi ttrattata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta (3),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   L-awtoritajiet Doganali qed jiġu b’dan mitluba, skont l-Artikolu 24(5) tar-Regolament (KE) 597/2009, biex jieħdu l-passi xierqa biex jirreġistraw l-importazzjoni lejn l-Unjoni ta’ modems tat-tip WWAN (wireless wide area networking) b’antenna tar-radju u li jipprovdu konnettività tad-dejta tal-Protokoll tal-Internet (PI) għat-tagħmir tal-computing u li jinkludu r-routers Wi-Fi li fihom modem WWAN (WWAN/Wi-Fi routers), li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċi tan-NM ex 8471 80 00 u ex 8517 62 00 (kodiċi TARIC 8471800010, 8517620011 u 8517620091). Ir-reġistrazzjoni għandha tiskadi disa’ xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

2.   Il-partijiet interessati kollha huma mistiedna jippreżentaw il-fehmiet tagħhom bil-miktub, u li jipprovdu evidenza ta’ sostenn jew li jitolbu li jinstemgħu fi żmien 20 jum mid-data ta’ pubblikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ dakinhar tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Settembru 2010.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 188, 18.7.2009, p. 93.

(2)  Għal finijiet ta’ informazzjoni, nitolbuk tinnota li r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 570/2010, ĠU L 163, 30.6.2010, p. 34, diġà ddirezzjona lill-awtoritajiet doganali sabiex jieħdu l-passi xierqa biex jirreġistraw l-importazzjoni tal-prodott inkwistjoni mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina. Din l-azzjoni ttieħdet fir-rigward tat-talba għal reġistrazzjoni li saret fil-kuntest tal-ilment għal proċedura antidumping (għal aktar dettalji, nistednuk tagħti ħarsa lill-Avviż ta’ bidu ta’ proċedura antidumping li jikkonċerna l-importazzjoni ta’ modems tat-tip WWAN (wireless wide area networking) li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, (ĠU C 171 tat-30.6.2010, p. 9)

(3)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


Top