EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010R0158

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 158/2010 tal- 25 ta’ Frar 2010 li jistabbilixxi l-ammont ta’ għajnuna minn qabel għall-ħżin privat tal-butir għall-2010

ĠU L 49, 26.2.2010, p. 14–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 26/02/2011; Imħassar b' 32011R0172

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/158/oj

26.2.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 49/14


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 158/2010

tal-25 ta’ Frar 2010

li jistabbilixxi l-ammont ta’ għajnuna minn qabel għall-ħżin privat tal-butir għall-2010

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 43(a) u (d) flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 28 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 jipprovdi għall-għotja ta’ għajnuna għall-ħżin privat tal-butir.

(2)

Żviluppi fil-prezzijiet u l-ħażniet tal-butir jindikaw żbilanċ fis-suq li jista’ jiġi eliminat jew imnaqqas mill-ħżin staġjonali. Minħabba s-sitwazzjoni preżenti tas-suq huwa xieraq li tingħata għajnuna għall-ħżin privat tal-butir b’seħħ mill-1 ta’ Marzu 2010.

(3)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 826/2008 tal-20 ta’ Awwissu 2008 li jipprovdi regoli komuni għall-għotja ta’ għajnuna għall-ħażna privata ta’ ċerti prodotti agrikoli (2) stabbilixxa regoli komuni għall-implimentazzjoni ta’ skema tal-għajnuna għall-ħżin privat.

(4)

Skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 826/2008, għandha tingħata għajnuna stabbilita minn qabel skont ir-regoli u l-kundizzjonijiet dettaljati kif ipprovduti fil-Kapitolu III ta’ dak ir-Regolament.

(5)

Biex tkun iffaċilitata l-implimentazzjoni tal-miżura preżenti waqt li tkun ikkunsidrata l-prattika eżistenti fl-Istati Membri, l-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 826/2008 għandu jirrigwarda biss prodotti li tpoġġew kompletament fil-ħżin. Konsegwentement, għandha tiġi introdotta deroga minn dak l-Artikolu.

(6)

Skont l-Artikolu 29 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 l-għajnuna għandha tiġi ffissata fid-dawl tal-ispejjeż tal-ħżin u x-xejra mistennija fil-prezzijiet għall-butir frisk u l-butir mill-ħażniet.

(7)

Huwa xieraq li tkun iffissata għajnuna għall-ispejjeż tad-dħul u l-ħruġ ta’ prodotti konċernati u għall-ispejjeż ta’ kuljum għall-ħżin fil-friża u l-iffinanzjament.

(8)

Għal raġunijiet ta’ effiċjenza u simplifikazzjoni amministrattivi, meta t-tagħrif meħtieġ dwar id-dettalji tal-ħżin ikun diġà inkluż fl-applikazzjoni għall-għajnuna, huwa xieraq li ma ssirx it-talba biex l-istess tagħrif ikun innotifikat wara li l-kuntratt ikun konkluż, kif ipprovdut fl-Artikolu 20, l-ewwel paragrafu, il-punt (a) tar-Regolament (KE) Nru 826/2008.

(9)

Għal raġunijiet ta’ effikaċja u simplifikazzjoni amministrattivi, u b’qies għas-sitwazzjoni partikolari tal-ħżin tal-butir, il-kontrolli kif provduti fl-Artikolu 36(6) tar-Regolament (KE) Nru 826/2008 għandhom jitwettqu mill-anqas fuq nofs il-kuntratti. Konsegwentement, għandha tiġi introdotta deroga minn dak l-Artikolu. Din id-deroga għandha tapplika wkoll għal tneħħija mill-ħżin kif imsemmi fl-Artikolu 4(3)(b) tar-Regolament tal-Kummisssjoni (KE) Nru 1182/2008 tat-28 ta’ Novembru 2008 li jistabbilixxi l-ammonti ta’ għajnuna minn qabel għall-ħżin privat tal-butir għall-2009 (3).

(10)

Għal raġunijiet ta’ simplifikazzjoni u effiċjenza loġistika, il-ħtieġa li kull unità maħżuna tkun immarkata bin-numru tal-kuntratt tista’ titneħħa meta n-numru tal-kuntratt ikun iddaħħal fir-reġistru tal-ħażniet.

(11)

Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Dan ir-Regolament jipprovdi għal għajnuna għall-ħżin privat tal-butir, kemm jekk mielaħ jew mingħajr melħ, kif imsemmi fl-Artikolu 28(a) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 għall-kuntratti konklużi mill-1 ta’ Marzu 2010 ‘l quddiem.

Artikolu 2

1.   Ir-Regolament (KE) Nru 826/2008 għandu japplika, sakemm ma jkunx ipprovdut mod ieħor f’dan ir-Regolament.

2.   B’deroga mill-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 826/2008 l-applikazzjonijiet għandhom isiru biss għall-prodotti li tqiegħdu kompletament fil-ħżin.

Artikolu 3

L-unità tal-miżura tal-kwantitajiet imsemmija fl-Artikolu 16(2)(c) tar-Regolament (KE) Nru 826/2008 hija l-“lott tal-ħżin” li tikkorrispondi mal-kwantità tal-prodotti koperti minn dan ir-Regolament, li jiżnu tal-lanqas tunnellata u huma ta’ kompożizzjoni u kwalità omoġena, prodotti f’fabbrika unika, maħżunin f’maħżen uniku f’ġurnata unika.

Artikolu 4

1.   L-għajnuna għall-prodotti msemmija fl-Artikolu 1 għandha tkun:

EUR 18,31 għal kull tunnellata ta’ ħżin għall-ispejjeż fissi tal-ħżin,

EUR 0,34 għal kull tunnellata għal kull ġurnata ta’ ħżin kuntrattwali.

2.   Id-dħul fil-ħżin kuntrattwali għandu jsir bejn l-1 ta’ Marzu u l-15 ta’ Awwissu 2010. It-tneħħija mill-ħżin tista’ ssir biss mis-16 ta’ Awwissu 2010 ’l quddiem. Ħżin kuntrattwali għandu jispiċċa fil-jum ta’ qabel il-ġurnata li jitneħħa mill-ħżin jew mhux aktar tard mill-aħħar jum ta’ Frar tas-sena ta’ wara d-dħul fil-ħżin.

3.   L-għajnuna tista’ tingħata biss meta l-perjodu kuntrattwali tal-ħżin huwa bejn 90 u 210 ġurnata.

Artikolu 5

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni kull nhar ta’ Tlieta sa 12:00 nofsinhar (ħin ta’ Brussell) il-kwantitajiet li għalihom ġew konklużi l-kuntratti kif meħtieġ skont l-Artikolu 35(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 826/2008, kif ukoll il-kwantitajiet ta’ prodotti li għalihom intbagħtu applikazzjonijiet għall-konklużjoni tal-kuntratti.

Artikolu 6

1.   L-Artikolu 20, l-ewwel paragrafu, il-punt (a) tar-Regolament (KE) Nru 826/2008 ma għandux japplika.

2.   L-Istati Membri jistgħu jneħħu r-rekwiżiti imsemmija fl-Artikolu 22(1)(e) tar-Regolament (KE) Nru 862/2008 li jimmarkaw in-numru tal-kuntratt sakemm il-maniġer tal-maħżen ikun responsabbli li jiddaħħal in-numru tal-kuntratt fir-reġistru msemmi fl-Anness I, il-punt III ta’ dak ir-Regolament.

3.   Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 36(6) tar-Regolament (KE) Nru 826/2008, fit-tmiem tal-perjodu tal-ħżin kuntrattwali, l-awtorità responsabbli għall-kontroll għandha, tul il-perjodu kollu tat-tneħħija mill-ħżin bejn Awwissu 2010 u Frar 2011, fir-rigward ta’ mill-anqas nofs l-għadd tal-kuntratti, tivverifika permezz ta’ kampjuni, il-piż u l-identifikazzjoni tal-butir maħżun.

Is-subparagrafu 1 għandu japplika għal kontrolli matul il-perjodu tat-tneħħija mill-ħżin mis-16 ta’ Awwissu 2010 kif imsemmi fl-Artikolu 4(3)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1182/2008.

Artikolu 7

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, il-25 ta’ Frar 2010.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 223, 21.8.2008, p. 3.

(3)  ĠU L 319, 29.11.2008, p. 49.


Top