Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0765

    Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/765/PESK tat- 2 ta’ Diċembru 2010 dwar l-azzjoni tal-UE fil-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu ta’ armi ħfief u ta’ kalibru żgħir (SALW) bl-ajru

    ĠU L 327, 11.12.2010, p. 44–48 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/765/oj

    11.12.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 327/44


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2010/765/PESK

    tat-2 ta’ Diċembru 2010

    dwar l-azzjoni tal-UE fil-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu ta’ armi ħfief u ta’ kalibru żgħir (SALW) bl-ajru

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 26(2) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Fit-13 ta’ Diċembru 2003, il-Kunsill adotta Strateġija Ewropea ta’ Sigurtà li tidentifika ħames sfidi prinċipali li trid tiffaċċa l-Unjoni: it-terroriżmu, il-proliferazzjoni tal-armi tal-qerda massiva, il-konflitti reġjonali, il-falliment tal-Istat u l-kriminalità organizzata. Il-konsegwenzi tal-manifattura, it-trasferiment u ċ-ċirkolazzjoni illeċiti ta’ armi ħfief u ta’ kalibru żgħir (SALW) u l-akkumulazzjoni eċċessiva u t-tixrid bla kontroll tagħhom huma ċentrali għal erbgħa minn dawn il-ħames sfidi.

    (2)

    Fil-15-16 ta’ Diċembru 2005, il-Kunsill adotta l-Istrateġija tal-UE għall-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni u t-traffikar illeċiti ta’ SALW u l-munizzjoni tagħhom (Strateġija SALW tal-UE). L-Istrateġija SALW tal-UE tippromwovi l-iżvilupp ta’ politika fil-ġlieda attiva kontra n-netwerks illeċiti tat-traffikar fis-SALW (sensara u trasportaturi illeċiti) bl-użu tal-ispazju tal-ajru, il-baħar u l-art tal-Unjoni, bit-tfassil ta’ mekkaniżmi ta’ allert u kooperazzjoni.

    (3)

    Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Istrateġija SALW tal-UE jissottolinja wkoll il-ħtieġa li jittejjeb l-impatt tal-missjonijiet tal-immaniġġar ta’ kriżijiet bl-inklużjoni fil-mandat tagħhom ta’ miżuri li għandhom l-għan li jistabbilixxu l-kontrolli fuq il-fruntieri (jew il-kontroll tal-ispazju tal-ajru, l-art u l-baħar taż-żona ta’ konflitt) u d-diżarm.

    (4)

    Il-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill tal-UE dwar id-Diżarm Globali u l-Kontroll tal-Armi (CODUN) u ċ-Ċentru ta’ Sitwazzjonijiet Konġunt (SitCen) tal-UE, sa mill-2007, żviluppaw inizjattiva tal-UE li tostakola t-traffikar illeċitu tas-SALW permezz tat-trasport bl-ajru, bit-tisħiħ tal-iskambju fost l-Istati Membri, ta’ informazzjoni rilevanti dwar trasportaturi bl-ajru ssuspettati. Fl-istabbiliment ta’ din is-sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni, il-CODUN u s-SitCen kienu qegħdin jikkollaboraw mal-Istitut Internazzjonali ta’ Riċerka dwar il-Paċi ta’ Stokkolma (SIPRI) u l-Proġett tiegħu ta’ Valutazzjoni tal-Mekkaniżmu fil-Ġlieda kontra t-Traffikar Illeċitu (CIT - MAP). Fil-qafas ta’ din l-inizjattiva, reċentement il-CODUN qabel li jikkunsidra l-modi kif jista’ jtejjeb l-operattività u l-effettività ta’ din l-inizjattiva tal-UE, billi jiżgura li jkun hemm aġġornament u proċessar fil-ħin ta’ informazzjoni rilevanti.

    (5)

    Ir-riskju fuq is-sigurtà internazzjonali mill-kummerċ illeċitu tas-SALW bl-ajru kien rikonoxxut ukoll minn organizzazzjonijiet oħrajn internazzjonali u reġjonali. Il-Forum tal-OSKE dwar is-Sigurtà u l-kooperazzjoni organizza sessjoni speċjali fl-2007 ddedikata għal dan is-suġġett u fl-2008 l-Assemblea Parlamentari tal-OSKE adottat riżoluzzjoni li tappella għat-tlestija, l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta’ Gwida ta’ Prattika Tajba tal-OSKE dwar it-trasport illeċitu tas-SALW bl-ajru. B’mod simili, l-Istati Parteċipanti fl-Arranġament ta’ Wassenaar adottaw fl-2007 “Prattika tajba għall-prevenzjoni ta’ trasferimenti destabbilizzanti ta’ SALW permezz tat-trasport bl-ajru” [Traduzzjoni mhux uffiċjali]. Barra minn hekk, bosta rapporti tal-Grupp ta’ Esperti tal-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU għas-Sanzjonijiet dwar l-Afrika tal-Punent u r-Reġjun tal-Lagi l-Kbar iddokumentaw ripetutament ir-rwol prinċipali li għandhom il-kumpanniji tal-ajru involuti fit-traffikar illeċitu tas-SALW.

    (6)

    L-azzjoni prevista f’din id-Deċiżjoni ma ssegwi l-ebda objettiv relatat mat-titjib tas-sikurezza tat-trasport bl-ajru,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI

    Artikolu 1

    1.   Bil-ħsieb tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE fil-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni illeċita u t-traffikar tas-SALW u l-munizzjoni tagħhom (l-Istrateġija SALW tal-UE), l-Unjoni għandha ssegwi l-objettivi li ġejjin:

    (a)

    it-titjib tal-għodod u t-tekniki, fid-disponibbiltà ta’ missjonijiet rilevanti għall-immaniġġar tal-kriżijiet, awtoritajiet internazzjonali u dawk nazzjonali ta’ pajjiżi terzi u Stati Membri, biex jeżaminaw u jimmiraw b’mod effettiv l-inġenji ssuspettati tat-trasport bl-ajru li x’aktarx li huma involuti f’kummerċ illeċitu ta’ SALW bl-ajru minn ġewwa Stati terzi, minnhom jew lejhom;

    (b)

    iż-żieda tal-għarfien u l-ħila esperta teknika min-naħa ta’ persunal rilevanti internazzjonali u nazzjonali, dwar “prattika tajba” fl-oqsma tal-monitoraġġ, il-kxif u l-analiżi tal-immaniġġar tar-riskji kontra t-trasportaturi bl-ajru ssuspettati bi traffikar ta’ SALW bl-ajru minn ġewwa Stati terzi, minnhom jew lejhom.

    2.   Sabiex jinkiseb l-objettiv imsemmi fil-paragrafu 1, l-Unjoni għandha twettaq il-miżuri li ġejjin:

    (a)

    l-iżvilupp u l-ittestjar fil-post ta’ software pilota ddedikat għall-immaniġġar tar-riskji tat-traffikar bl-ajru għal missjonijiet rilevanti tal-immaniġġar tal-kriżijiet, u awtoritajiet internazzjonali u nazzjonali, inkluża bażi ta’ data aġġornata regolarment dwar, fost l-oħrajn, il-kumpanniji tal-ajru, l-inġenji tal-ajru, in-numri tar-reġistrazzjoni u r-rotot tat-trasport;

    (b)

    l-iżvilupp u l-ittestjar fil-post ta’ sistema pilota sikura għall-immaniġġar tar-riskji u t-tixrid tal-informazzjoni;

    (c)

    l-iżvilupp u l-pubblikazzjoni ta’ manwal u materjal ta’ taħriġ li jakkumpanjah kif ukoll il-forniment ta’ assistenza teknika li jiffaċilitaw l-użu u l-adattament tas-software pilota u tas-sistema sikura ta’ informazzjoni u l-immaniġġar tar-riskji, inkluż permezz tal-organizzazzjoni ta’ seminars reġjonali għat-taħriġ ta’ missjonijiet rilevanti tal-immaniġġar ta’ kriżijiet, u awtoritajiet internazzjonali u nazzjonali.

    Deskrizzjoni dettaljata tal-proġett hi mniżżla fl-Anness.

    Artikolu 2

    1.   Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (RGħ) għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

    2.   L-implimentazzjoni teknika tal-proġetti msemmija fl-Artikolu 1(2) għandha titwettaq mis- SIPRI.

    3.   Is-SIPRI għandu jwettaq il-kompitu tiegħu taħt ir-responsabbiltà tar-RGħ. Għal dan l-għan, ir-RGħ għandu jidħol fl-arranġamenti meħtieġa mas-SIPRI.

    Artikolu 3

    1.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja għall-implementazzjoni tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 1(2) għandu jkun ta’ EUR 900 000.

    2.   L-infiq iffinanzjat mill-ammont stabbilit fil-paragrafu 1 għandu jkun amministrat f’konformità mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.

    3.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-amministrazzjoni tajba tan-nefqa msemmija fil-paragrafu 1. Għal dan il-għan, hi għandha tikkonkludi ftehim ta’ finanzjament mas-SIPRI. Il-ftehim għandu jistipula li s-SIPRI għandu jiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-UE, proporzjonata skont id-daqs tagħha.

    4.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehim ta’ finanzjament imsemmi fil-paragrafu 3 malajr kemm jista’ jkun wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni. Hija għandha tinforma lill-Kunsill bi kwalunkwe diffikultà f’dak il-proċess u bid-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ finanzjament.

    Artikolu 4

    Ir-RGħ għandu jirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni abbażi ta’ rapporti regolari ta’ kull xahrejn imħejjija mis-SIPRI. Dawn ir-rapporti għandhom jiffurmaw il-bażi għall-evalwazzjoni mwettqa mill-Kunsill. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi informazzjoni dwar l-aspetti finanzjarji tal-implimentazzjoni tal-proġett kif imsemmi fl-Artikolu 1(2).

    Artikolu 5

    1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

    2.   Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi 24 xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ finanzjament imsemmi fl-Artikolu 3(3), jew sitt xhur wara d-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni jekk l-ebda ftehim ta’ finanzjament ma jkun ġie konkluż f’dak il-perijodu.

    Artikolu 6

    Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Diċembru 2010.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. WATHELET


    ANNESS

    1.   Qafas Ġenerali

    Din id-Deċiżjoni tibni fuq l-inizjattiva tal-CODUN biex tindirizza t-theddid mit-traffikar tas-SALW u prodotti bażiċi destabbilizzanti oħrajn bl-ajru. Fil-kuntest tal-inizjattiva tal-CODUN, din id-Deċiżjoni ssegwi mill-proġetti mwettqin mis-SitCen, il-Klabb ta’ Budapest u s-SIPRI. Din id-Deċiżjoni tipprovdi għal software, sistemi pilota ta’ implimentazzjoni, programmi ta’ taħriġ u sensibbilizzazzjoni, għal missjonijiet rilevanti tal-immaniġġar ta’ kriżijiet, kif ukoll awtoritajiet internazzjonali u nazzjonali, għal titjib fil-monitoraġġ, l-aġġornament u t-tixrid ta’ informazzjoni dwar atturi ssuspettati tat-trasport bl-ajru li joperaw fl-Afrika u minn reġjuni oħrajn. Fl-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, għandha tiġi żgurata koordinazzjoni tajba ma’ proġetti rilevanti oħrajn iffinanzjati fil-qafas tal-programmi Komunitarji u Deċiżjonijiet oħrajn tal-Kunsill sabiex jiżdied l-impatt tal-azzjoni tal-Unjoni fil-prevenzjoni tal-kummerċ illeċitu tas-SALW.

    2.   Objettivi

    Il-proġetti deskritti hawn taħt ser jindirizzaw tliet oqsma identifikati mill-CODUN u partijiet interessati oħrajn involuti fl-inizjattiva tal-UE fil-ġlieda kontra t-traffikar tas-SALW bl-ajru:

    (a)

    il-ħtieġa li tiġi żviluppata sistema sikura għall-forniment ta’ aġġornamenti dwar kumpanniji u inġenji tal-ajru li regolarment jerġgħu jirreġistraw l-assi u jallokaw in-negozji mill-ġdid fl-isforzi tagħhom biex jevitaw li jinkixfu;

    (b)

    il-forniment ta’ software u taħriġ dwar il-manniġġar tar-riskji li jippermettu li jkun hemm missjonijiet rilevanti tal-immaniġġar tar-riskji, u awtoritajiet internazzjonali u nazzjonali biex ikun hemm monitoraġġ u eżami aktar effettivi tan-numru dejjem jiżdied ta’ atturi fit-trasport bl-ajru ssuspettati b’involviment fit-traffikar tas-SALW jew fil-moviment ta’ flussi ta’ prodotti bażiċi destabbilizzanti oħrajn bl-ajru;

    (c)

    il-ħtieġa li jiġu pprovduti taħriġ u appoġġ tekniku sabiex jitqajjem għarfien dwar organizzazzjonijiet multilaterali, missjonijiet, korpi reġjonali u stati fl-Afrika u reġjuni oħrajn sabiex tissaħħaħ il-kapaċità tagħhom li jimmonitorjaw u jikxfu l-atturi involuti fit-traffikar tas-SALW jew fil-moviment ta’ prodotti bażiċi destabbilizzanti oħrajn bl-ajru.

    3.   Deskrizzjoni tal-proġett

    3.1.   Proġett 1: Il-ħolqien ta’ pakkett ta’ software u l-implimentazzjoni ta’ proġett pilota għall-monitoraġġ, l-aġġornament u t-tixrid ta’ informazzjoni dwar atturi fit-trasport bl-ajru ssuspettati fit-traffikar illeċitu tas-SALW

    3.1.1.   Objettiv tal-proġett

    Il-proġett għandu l-għan li jtejjeb l-għodod u t-tekniki, fid-disponibbiltà ta’ missjonijiet rilevanti għall-immaniġġar tal-kriżijiet, awtoritajiet internazzjonali u dawk nazzjonali ta’ pajjiżi terzi u Stati Membri, biex jeżaminaw u jimmiraw b’mod effettiv l-inġenji ssuspettati tat-trasport bl-ajru li x’aktarx li huma involuti f’kummerċ illeċitu ta’ SALW bl-ajru minn ġewwa Stati terzi, minnhom jew lejhom;

    3.1.2.   Deskrizzjoni tal-proġett

    Fil-qafas ta’ dan il-proġett ser jitwettqu l-attivitajiet li ġejjin:

    (a)

    l-iżvilupp ta’ pakkett ta’ software dwar l-immaniġġar tar-riskji tat-traffikar bl-ajru għal organizzazzjonijiet multilaterali, missjonijiet u pajjiżi terzi magħżulin;

    (b)

    l-iżvilupp ta’ sistema pilota sikura ta’ pakkett għall-immaniġġar tar-riskji u t-tixrid tal-informazzjoni;

    (c)

    l-ittestjar fil-post tal-pakkett ta’ software f’konsultazzjoni mar-RGħ u korpi rilevanti tal-Kunsill u l-Istati Membri;

    (d)

    l-ittestjar fil-post tas-sistema tal-pakkett dwar it-tixrid tal-informazzjoni f’konsultazzjoni mar-RGħ u korpi rilevanti tal-Kunsill;

    (e)

    l-iżvilupp ta’ manwal u materjal ta’ taħriġ li jakkumpanjah li jiffaċilitaw l-użu u l-adozzjoni tas-sistemi deskritti fil-punti (a) u (b) minn missjonijiet rilevanti tal-immaniġġar ta’ kriżijiet, awtoritajiet internazzjonali u nazzjonali ta’ pajjiżi terzi, u Stati Membri tal-Unjoni;

    (f)

    il-preżentazzjoni tas-software finali u l-manwal assoċjat u l-materjal ta’ taħriġ f’sezzjoni ta’ ħidma konkludenti fejn il-partijiet interessati rilevanti ser ikunu mistiedna jipparteċipaw (mhux aktar minn 80 persuna).

    Il-proġett ser ikun implimentat matul perijodu ta’ żmien adatt li jqis il-ħtieġa ta’ konsultazzjoni u koordinazzjoni mad-diversi partijiet interessati, taħt il-kontroll tar- RGħ. Il-proġett ser jiġi implimentat f’sitt fażijiet.

    Fażi Preparatorja

    Is-SIPRI, f’konsultazzjoni mal-korpi rilevanti tal-Kunsill u taħt il-kontroll tar-RGħ, ser jiżviluppa pakkett ta’ software, għodod għall-immaniġġar tar-riskji, kif ukoll sistema ta’ informazzjoni u pakkett għat-tixrid ta’ data disaggregata, bl-użu ta’ għażliet rilevanti ta’ teknoloġija tal-informazzjoni (IT).

    Fażi ta’ Input ta’ Data

    Bl-użu ta’ informazzjoni minn sors miftuħ biss, il-proġett ser jikkontribwixxi data minn sorsi rilevanti biex jinbnew bażijiet ta’ data komprensivi, li huma kapaċi jipprovdu informazzjoni biżżejjed għall-appoġġ ta’ għodod preċiżi għall-kxif u l-profiling fl-immaniġġar tar-riskji.

    Fażi ta’ Valutazzjoni

    Is-SIPRI, f’konsultazzjoni ma’ korpi rilevanti tal-Kunsill u taħt il-kontroll tar-RGħ, ser iwettaq valutazzjoni ta’ diversi siti, reġjuni, organizzazzjonijiet u missjonijiet fejn il-pakkett pilota li juża data minn sors miftuħ jista’ jiġi ttestjat fil-post fl-aħjar kondizzjonijiet.

    Fażi tal-Ittestjar fil-Post

    Is-SIPRI, f’konsultazzjoni ma’ korpi rilevanti tal-Kunsill u taħt il-kontroll tar-RGħ, ser iwettaq fażi tal-ittestjar fil-post flimkien mas-sħab identifikati fil-fażi ta’ valutazzjoni.

    Fażi ta’ evalwazzjoni u adattament

    Wara l-ittestjar fil-post, is-SIPRI ser jevalwa u jadatta s-software biex jieħu kont tal-esperjenza u l-lezzjonijiet meħuda mill-fażi tal-ittestjar fil-post. Dan ser jirriżulta fi prodott finali li għandu jkun disponibbli bil-qbil tad-diversi partijiet interessati.

    Fażi ta’ preżentazzjoni

    Il-verżjoni finali tas-software u tal-materjal ta’ taħriġ ser tiġi ppreżentata f’avveniment iddedikat għall-partijiet interessati rilevanti (mhux aktar minn 80 persuna) li kienu involuti fl-iżvilupp tagħha u li ġew identifikati bħala utenti finali tas-software.

    3.1.3.   Riżultati tal-proġett

    Il-proġett ser:

    (a)

    isaħħaħ il-kapaċità ta’ missjonijiet rilevanti tal-immaniġġar ta’ kriżijiet, awtoritajiet internazzjonali u nazzjonali ta’ pajjiżi terzi, u l-Istati Membri, li jimmonitorjaw l-attivitajiet tal-atturi fit-trasport bl-ajru ssuspettati bi traffikar ta’ SALW bl-ajru;

    (b)

    jipprovdi l-għodod u s-sistemi pilota meħtieġa biex jiżdied in-numru ta’ interdizzjonijiet ta’ merkanzija fejn hemm suspett ta’ traffikar illeċitu ta’ SALW, traffikati bl-ajru minn organizzazzjonijiet multilaterali, missjonijiet u stati fl-Afrika u reġjuni oħrajn;

    (c)

    iżid il-kapaċità tal-Istati Membri li jikkondividu b’mod sikur informazzjoni dwar atturi fit-trasport bl-ajru permezz ta’ tekniki ta’ data disaggregata u mekkaniżmi oħrajn ta’ profiling.

    3.1.4.   Benefiċjarji tal-proġett

    Il-benefiċjarji tal-proġett ser ikunu l-persunal rilevanti minn missjonijiet tal-immaniġġar tal-kriżijiet u awtoritajiet nazzjonali u internazzjonali. L-għażla ta’ benefiċjarji speċifiċi li jittestjaw il-pakkett ta’ software pilota ser tqis varjazzjonijiet bħall-preżenza ta’ missjonijiet Ewropej jew multilaterali tal-immaniġġar ta’ kriżijiet fuq il-post, il-ħtieġa li jsir l-aħjar użu mir-riżorsi, id-disponibbilità ta’ assistenza fil-livell lokali, ir-rieda politika u l-kapaċità tal-awtoritajiet lokali u nazzjonali fil-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu ta’ SALW bl-ajru. Is-SIPRI ser jipproponi lista qasira ta’ benefiċjarji li imbagħad ser tkun approvata mir-RGħ f’konsultazzjoni mal-korpi kompetenti tal-Kunsill.

    3.2.   Proġett 2: It-tisħiħ tal-għarfien ta’ prattiki ta’ monitoraġġ, kxif u maniġġar ta’ riskji kontra t-trasportaturi bl-ajru involuti fit-traffikar tas-SALW bl-ajru u flussi ta’ prodotti bażiċi destabbilizzanti oħrajn permezz ta’ pubblikazzjonijiet, taħriġ u sensibbilizzazzjoni.

    3.2.1.   Objettiv tal-proġett

    Il-proġett għandu l-għan li jżid l-għarfien u l-ħila esperta teknika tal-persunal rilevanti internazzjonali u nazzjonali dwar “prattika tajba” fl-oqsma tal-monitoraġġ, il-kxif u l-analiżi tal-immaniġġar tar-riskji kontra t-trasportaturi bl-ajru ssuspettati bi traffikar ta’ SALW bl-ajru.

    3.2.2   Deskrizzjoni tal-proġett

    Fil-qafas ta’ dan il-proġett ser jitwettqu l-attivitajiet li ġejjin:

    (a)

    l-iżvilupp u l-pubblikazzjoni ta’ manwal u materjal ta’ taħriġ li jakkumpanjah biex jitqassmu lil sa 250 individwi li jaħdmu għal organizzazzjonijiet multilaterali, missjonijiet jew stati;

    (b)

    permezz tal-organizzazzjoni ta’ mhux aktar minn tliet seminars reġjonali, it-taħriġ u s-sensibbilizzazzjoni ta’ bejn 80-100 membru tal-persunal li jaħdem għal dipartiment jew ċelloli speċifiċi fi ħdan missjonijiet tal-immaniġġar ta’ kriżijiet, u awtoritajiet internazzjonali jew nazzjonali ta’ pajjiżi terzi, b’effett multiplikatur previst permezz tal-forniment ta’ materjali “għat-taħriġ ta’ min iħarreġ”;

    (c)

    l-ipproċessar ta’ riżultati u evalwazzjonijiet mill-attivitajiet ta’ taħriġ u sensibbilizzazzjoni, u l-iżvilupp abbażi ta’ dan ta’ mudell ta’ “prattika tajba” għall-kondiviżjoni ta’ informazzjoni dwar dan is-suġġett fost persunal rilevanti internazzjonali u nazzjonali;

    (d)

    il-preżentazzjoni tar-riżultati tal-mudell ta’ “prattika tajba” f’sezzjoni ta’ ħidma konkludenti finali fejn il-partijiet interessati rilevanti (sa 80 persuna) ser ikunu mistiedna jipparteċipaw.

    3.2.3.   Riżultati tal-proġett

    Il-proġett ser:

    (a)

    iżid l-għarfien min-naħa tal-persunal li jservi f’organizzazzjonijiet multilaterali, missjonijiet u stati ta’ “prattika tajba” fl-oqsma tal-monitoraġġ, il-kxif u l-analiżi tal-immaniġġar tar-riskji kontra atturi fit-trasport bl-ajru ssuspettati bi traffikar ta’ SALW bl-ajru u flussi ta’ prodotti bażiċi destabbilizzanti oħrajn;

    (b)

    jikkontribwixxi għall-istandardizzazzjoni ta’ “prattika tajba” f’dan il-qasam permezz tal-pubblikazzjoni u t-tixrid ta’ manwal dwar tekniki ta’ monitoraġġ, kxif u analiżi tal-immaniġġar tar-riskji;

    (c)

    jiggwida l-istabbiliment ta’ “prattika tajba” ta’ koordinazzjoni ta’ informazzjoni permezz ta’ attivitajiet ta’ taħriġ u sensibbilizzazzjoni għal persunal li jaħdem f’dipartimenti jew ċelloli speċifiċi fi ħdan organizzazzjonijiet multilaterali, missjonijiet jew stati.

    3.2.4.   Benefiċjarji tal-proġett

    Il-benefiċjarji tal-proġett ser ikunu l-persunal rilevanti minn missjonijiet tal-immaniġġar tal-kriżijiet u awtoritajiet nazzjonali u internazzjonali. L-għażla ta’ benefiċjarji speċifiċi li jibbenefikaw mit-taħriġ ser issir abbażi ta’ lista qasira ta’ benefiċjarji proposti mis-SIPRI, li ser tkun approvata mir-RGħ f’konsultazzjoni mal-korpi kompetenti tal-Kunsill.

    4.   Postijiet

    Il-postijiet għall-proġett 3.1 l-ittestjar fil-post u s-sezzjoni ta’ ħidma konkludenti, kif ukoll l-attivitajiet ta’ taħriġ u sensibbilizzazzjoni u s-sezzjoni ta’ ħidma konkludenti tal-proġett 3.2, ser jiġu determinati bit-teħid f’konsiderazzjoni tax-xewqa li jsir l-aħjar użu mir-riżorsi, it-tnaqqis tal-marka tal-karbonju u l-assistenza disponibbli fil-livell lokali. Is-SIPRI ser jipproponi lista qasira ta’ postijiet rakkomandati li ser tiġi approvata mir-RGħ f’konsultazzjoni mal-korpi kompetenti tal-Kunsill.

    5.   Tul ta’ żmien

    It-tul ta’ żmien totali tal-proġetti hu stmat li jkun ta’ 24 xahar.

    6.   Entità ta’ implementazzjoni

    L-implimentazzjoni teknika ta’ din id-Deċiżjoni ser tkun fdata lis-SIPRI. Is-SIPRI ser jiżgura l-viżibbiltà tal-kontribut tal-UE u ser iwettaq il-kompitu tiegħu taħt ir-responsabbiltà tar-RGħ.

    7.   Rappurtar

    Is-SIPRI ser iħejji rapporti regolari ta’ kull xahrejn u wara li titlesta kull waħda mill-attivitajiet deskritti. Ir-rapporti għandhom ikunu ppreżentati lir-RGħ mhux aktar tard minn sitt ġimgħat wara li jitlestew l-attivitajiet rilevanti.


    Top