EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0119

2010/119/CFSP: Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/119/PESK tal- 25 ta’ Frar 2010 li testendi u temenda l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Unjoni Afrikana

ĠU L 49, 26.2.2010, p. 26–27 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/08/2010

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/119(1)/oj

26.2.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 49/26


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2010/119/PESK

tal-25 ta’ Frar 2010

li testendi u temenda l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Unjoni Afrikana

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 28, 31(2) u 33 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fis-6 ta' Diċembru 2007, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2007/805/PESK (1) li taħtar lis-Sur Koen VERVAEKE bħala Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) għall-Unjoni Afrikana (UA).

(2)

Fl-1 ta' Diċembru 2008, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2008/898/PESK (2) li testendi l-mandat tar-RSUE sat-28 ta' Frar 2010.

(3)

Il-mandat tar-RSUE għandu jiġi estiż sal-31 ta' Awwissu 2010. Madankollu, il-mandat tar-RSUE jista' jiġi tterminat qabel, jekk il-Kunsill jiddeċiedi hekk, fuq rakkomandazzjoni tar- Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (RGħ) wara d-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni li tistabbilixxi s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna.

(4)

Ir-RSUE għandu jimplimenta l-mandat tiegħu fil-kuntest ta' sitwazzjoni li tista' tiddeterjora u li tista' tagħmel ħsara lill-objettivi tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni, kif stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-Trattat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Azzjoni Konġunta 2008/898/PESK hija b'dan emendata kif ġej:

(1)

l-Artikolu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 1

Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea

Il-mandat tas-Sur Koen VERVAEKE bħala RSUE għall-UA huwa b'dan estiż sat-31 ta' Awwissu 2010. Il-mandat tar-RSUE jista' jiġi tterminat qabel, jekk il-Kunsill jiddeċiedi hekk, fuq rakkomandazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (RGħ) wara d-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni li tistabbilixxi s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna.”

(2)

fl-Artikolu 3, il-kliem introduttiv tal-ewwel paragrafu u l-punti (a) u (k) huma sostitwiti b'dan li ġej:

“Sabiex jinkisbu l-aspetti tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK)/Politika ta' Sigurtà u Difiża Komuni (PSDK) tal-objettivi msemmijin fl-Artikolu 2, il-mandat tar-RSUE għandu jkun li:

(a)

isaħħaħ l-influwenza ġenerali tal-UE fi, u l-koordinazzjoni ta', id-djalogu mal-UA u l-Kummissjoni tagħha f'Addis Ababa, dwar il-firxa sħiħa ta' kwistjonijiet tal-PESK/PSDK koperti mir-relazzjoni UE-UA;

(k)

jżomm kuntatti mill-qrib u jippromwovi l-koordinazzjoni ma' msieħba internazzjonali prinċipali tal-UA preżenti f'Addis Ababa, speċjalment in-Nazzjonijiet Uniti, iżda wkoll ma' atturi mhux statali dwar il-firxa sħiħa ta' kwistjonijiet tal-PESK/PSDK koperti mir-relazzjoni UE-UA.”

(3)

l-Artikolu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 4

Implimentazzjoni tal-mandat

1.   Ir-RSUE għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-mandat waqt li jaġixxi taħt l-awtorità tar-RGħ.

2.   Il-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) għandu jżomm kollegament privileġġat mar-RSUE u għandu jkun il-punt primarju ta' kuntatt tar-RSUE mal-Kunsill. Il-KPS għandu jipprovdi gwida strateġika u direzzjoni politika lir-RSUE fil-qafas tal-mandat, mingħajr preġudizzju għas-setgħat tar-RGħ.”

(4)

l-Artikolu 5(1) u (2) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-mandat tar-RSUE fil-perijodu mill-1 ta' Jannar 2009 sal-31 ta' Awwissu 2010 għandu jkun ta' EUR 1 850 000.

2.   In-nefqa ffinanzjata mill-ammont stipulat fil-paragrafu 1 għandha tkun eleġibbli mill-1 ta' Jannar 2009. In-nefqa għandha tiġi amministrata konformement mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea.”

(5)

l-Artikolu 6(1) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Fil-limiti tal-mandat tiegħu u l-mezzi finanzjarji korrispondenti disponibbli, ir-RSUE għandu jkun responsabbli mill-istruttura tat-tim tiegħu. It-tim għandu jinkludi l-kompetenzi dwar kwistjonijiet speċifiċi ta' politika kif meħtieġ mill-mandat. Ir-RSUE għandu jżomm lill-Kunsill u lill-Kummissjoni infurmati fil-pront dwar il-kompożizzjoni tat-tim tiegħu.”

(6)

l-Artikolu 9(2) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   Id-delegazzjoni tal-Unjoni u/jew l-Istati Membri, skont il-każ, għandhom jipprovdu appoġġ loġistiku fir-reġjun.”

(7)

fl-Artikolu 10, il-punt (d) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(d)

jiżgura li jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet kollha maqbula, magħmula wara valutazzjonijiet regolari ta' sigurtà, u jippreżenta lir-RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni rapporti bil-miktub dwar l-implimentazzjoni tagħhom u dwar kwistjonijiet oħra ta' sigurtà fil-qafas tar-rapport intermedju u tar-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-mandat.”

(8)

l-Artikolu 11 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 11

Rappurtar

Ir-RSUE għandu jipprovdi regolarment lir-RGħ u lill-KPS b'rapporti bil-fomm u bil-miktub. Jekk ikun meħtieġ, ir-RSUE għandu jirrapporta wkoll lill-gruppi ta' ħidma tal-Kunsill. Rapporti regolari bil-miktub għandhom jiġu ċċirkolati permezz tan-netwerk COREU. Fuq ir-rakkomandazzjoni tar-RGħ jew tal-KPS, ir-RSUE jista’ jipprovdi rapporti lill-Kunsill Affarijiet Barranin.”

(9)

l-Artikolu 12 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 12

Il-koordinazzjoni

Ir-RSUE għandu jippromwovi l-koordinazzjoni politika ġenerali tal-Unjoni. Huwa għandu jgħin sabiex jiġi żgurat li l-istrumenti kollha tal-Unjoni fil-post jintużaw b'mod koerenti sabiex jinkisbu l-objettivi ta' politika tal-Unjoni. L-attivitajiet tar-RSUE għandhom ikunu koordinati ma' dawk tal- Kummissjoni, kif ukoll ma' dawk ta' RSUE oħrajn attivi fir-reġjun skont ma' jkun il-każ. Ir-RSUE għandu jipprovdi lill-missjonijiet tal-Istati Membri u lid-delegazzjonijiet tal-Unjoni aġġornamenti regolari ta' informazzjoni.

Fuq il-post, għandha tinżamm koperazzjoni mall-Kapijiet tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni fir-reġjun u mal-Kapijiet ta' Missjoni tal-Istati Membri li għandhom jagħmlu mill-aħjar sabiex jassistu lir-RSUE fl-implimentazzjoni tal-mandat. Ir-RSUE għandu jikkollabora wkoll ma' atturi internazzjonali u reġjonali oħra fuq il-post.”

Artikolu 2

Ir-RSUE għandu jippreżenta rapport dwar l-implimentazzjoni tal-mandat lir-RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni qabel it-tmiem tal-mandat.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Hija għandha tapplika mill-1 ta’ Marzu 2010.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Frar 2010.

Għall-Kunsill

Il-President

A. PÉREZ RUBALCABA


(1)  ĠU L 323, 8.12.2007, p. 45.

(2)  ĠU L 322, 2.12.2008, p. 50.


Top