This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32010D0009
2010/9/EU: Commission Decision of 6 January 2010 on the safety requirements to be met by European standards for bath rings, bathing aids and bath tubs and stands for infants and young children pursuant to Directive 2001/95/EC of the European Parliament and of the Council (notified under document C(2009) 10290) Text with EEA relevance
2010/9/UE: Dċiżjoni tal-Kummissjoni tas- 6 ta’ Jannar 2010 dwar ir-rekwiżiti ta’ sikurezza li għandhom jiġu sodisfatti mill-istandards Ewropej għal sedili tal-banju, strumenti awżiljari tal-banju u banjijiet u saqajn tagħhom għat-trabi u t-tfal iż-żgħar skont id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (notifikata bid-dokument numru C(2009) 10290) Test b’relevanza għaż-ŻEE
2010/9/UE: Dċiżjoni tal-Kummissjoni tas- 6 ta’ Jannar 2010 dwar ir-rekwiżiti ta’ sikurezza li għandhom jiġu sodisfatti mill-istandards Ewropej għal sedili tal-banju, strumenti awżiljari tal-banju u banjijiet u saqajn tagħhom għat-trabi u t-tfal iż-żgħar skont id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (notifikata bid-dokument numru C(2009) 10290) Test b’relevanza għaż-ŻEE
ĠU L 3, 7.1.2010, p. 23–29
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(HR)
In force
7.1.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 3/23 |
DĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tas-6 ta’ Jannar 2010
dwar ir-rekwiżiti ta’ sikurezza li għandhom jiġu sodisfatti mill-istandards Ewropej għal sedili tal-banju, strumenti awżiljari tal-banju u banjijiet u saqajn tagħhom għat-trabi u t-tfal iż-żgħar skont id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(notifikata bid-dokument numru C(2009) 10290)
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
(2010/9/UE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ Diċembru 2001 dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti (1), u partikolarment l-Artikolu 4(1)(a) tagħha,
Billi:
(1) |
Id-Direttiva 2001/95/KE tipprevedi l-istandards Ewropej li għandhom jiġu stabbiliti mill-korpi Ewropej ta’ standardizzazzjoni. Dawn l-istandards għandhom jiżguraw li l-prodotti jissodisfaw ir-rekwiżit ta’ sikurezza ġenerali tad-Direttiva. |
(2) |
Skont id-Direttiva 2001/95/KE, prodott jitqies mingħajr periklu, sa fejn għandhom x’jaqsmu r-riskji u l-kategoriji ta’ riskji koperti mill-istandards nazzjonali, meta jkun konformi mal-istandards nazzjonali volontarji li jittrasponu l-istandards Ewropej. |
(3) |
Fl-2006 l-Kummissjoni kkummissjonat studju (2) biex tivverifika s-sikurezza ta’ bosta oġġetti ta’ kura tat-tfal li jintużaw spiss għall-kura tat-trabi u t-tfal iż-żgħar li għandhom bejn żero u ħames snin, b’kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali, korpi nazzjonali ta’ standardizzazzjoni, assoċjazzjonijiet tal-konsumatur, organizzazzjonijiet ta’ sikurezza tal-prodotti, operaturi ekonomiċi u laboratorji ta’ ttestjar. |
(4) |
Għal dawn il-prodotti, l-istudju ġabar statistika rilevanti fuq aċċidenti u korrimenti fl-UE u madwar id-dinja kollha u wettaq stima kompluta tar-riskju, abbażi ta’ identifikazzjoni tal-perikli ewlenin u valutazzjoni tax-xenarji ta’ espożizzjoni. |
(5) |
Sedili tal-banju, strumenti awżiljari tal-banju u banjijiet, kemm jekk bis-saqajn kif ukoll mingħajrhom, huma fost il-prodotti vvalutati mill-istudju. Dawn il-prodotti jintużaw biex jinħaslu t-trabi u t-tfal iż-żgħar u ġew identifikati li għandhom riskji serji, fil-biċċa l-kbira ta’ aċċidenti ta’ għarqa li spiss iwasslu għal mewt, minħabba l-età żgħira tal-utenti. |
(6) |
L-evidenza u l-istatistika miġbura mill-aċċidenti konsistentement urew li r-riskju ta’ għarqa huwa dovut għal twissijiet u struzzjonijiet insuffiċjenti, inkonklussivi u li ma jagħtux fil-għajn dwar l-użu bla periklu ta’ prodotti u minħabba l-integrità u r-reżistenza strutturali dgħajfa. Aċċidenti u l-istatistika żvelaw ukoll riskji ta’ waqgħat, korrimenti u inġestjoni ta’ partijiet żgħar assoċjati mal-użu ta’ dawn il-prodotti kif ukoll superviżjoni mhux adattata min-naħa ta’ min jieħu ħsiebhom. |
(7) |
Għalkemm teżisti informazzjoni estensiva madwar id-dinja dwar l-aċċidenti ta’ għarqa fil-banju fit-tfulija bikrija, korrelazzjoni diretta bejn l-użu tat-tagħmir awżiljari tal-banju u l-imwiet u l-aċċidenti fil-banju mhijiex konfermata. Ir-riċerkaturi u l-letteratura xjentifika mad-dinja kollha jaqblu li ma hemm l-ebda evidenza deċisiva li turi r-rabta bejn iż-żieda tal-għadd ta’ aċċidenti u l-użu tat-tagħmir awżiljari tal-banju. (3) Uħud mir-riċerkaturi, waqt li kienu qed jeżaminaw l-aħħar xejriet taż-żieda fil-bejgħ ta’ sedili tal-banju u t-tnaqqis fl-aċċidenti relatati mal-banjijiet u l-għarqa, saħansitra sostnew “effett protettiv ċkejken” minħabba l-użu tas-sedili tal-banju. (4) |
(8) |
Ma jeżisti l-ebda standard Ewropew għal dawn it-tliet tipi ta’ prodotti. Għalhekk jeħtieġ li jiġu determinati r-rekwiżiti speċifiċi skont l-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 2001/95/KE, bil-ħsieb li l-korpi ta’ standardizzazzjoni jintalbu jiżviluppaw standards biex inaqqsu r-riskji assoċjati mal-użu tas-sedili tal-banjijiet, strumenti awżiljari tal-banju u banjijiet (kemm jekk għandhom is-saqajn kif ukoll jekk ma għandhomx) waqt li t-trabi jew it-tfal iż-żgħar ikunu qed jingħataw banju. L-istandards għandhom jiġu żviluppati skont il-proċedura stipulata fid-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informazzjoni. (5) Ir-referenza tal-istandard adottat għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/95/KE. |
(9) |
Meta l-istandards rilevanti jkunu disponibbli, u bil-kundizzjoni li l-Kummissjoni tiddeċiedi li tippubblika r-referenza tagħhom fil-Ġurnal Uffiċjali, skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/95/KE, sedili tal-banju, strumenti awżiljari tal-banju u banjijiet (kemm jekk bis-saqajn kif ukoll mingħajrhom) manifatturati b’konformità ma’ standards bħal dawn għandhom jitqiesu li jikkonformaw mar-rekwiżit ta’ sikurezza ġenerali tad-Direttiva 2001/95/KE, sal-punt fejn huma kkonċernati r-rekwiżiti ta’ sikurezza koperti mill-istandards. |
(10) |
Biex jittejbu l-livelli attwali ta’ sikurezza waqt l-użu ta’ dawn il-prodotti jeħtieġ, kemm li tittieħed azzjoni fuq standards u tingħata informazzjoni lill-ġenituri u lill-adulti inkarigati mit-tfal dwar l-iskop u l-użu bla periklu ta’ dawn il-prodotti. |
(11) |
Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2001/95/KE, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Id-definizzjonijiet
Għall-iskopijiet ta’ din id-Deċiżjoni:
— |
“sedili għat-trabi” (“siġġu għall-banju”) tfisser prodotti li jżommu lit-tfal f’pożizzjoni sedentarja waqt li jkunu qed jinħaslu. Dawn il-prodotti huma maħsuba għall-użu biss fil-każ ta’ tfal li kapaċi joqogħdu bilqiegħda b’mod wieqaf mingħajr għajnuna u ma għandhomx jintużaw meta t-tfal jibdew jistiraw biex iqumu bilwieqfa. |
— |
“strumenti awżiljari tal-banju għat-trabi” tfisser prodotti li jippermettu li t-tfal jinżammu f’pożizzjoni inklinata jew mimdudin waqt li qed jieħdu l-banju. Dawn il-prodotti maħsuba għall-użu mit-twelid sakemm it-tfal ikunu kapaċi joqogħdu bilqiegħda f’mod wieqaf mingħajr għajnuna. |
— |
“banjijiet għat-trabi u t-tfal iż-żgħar” tfisser prodotti mfassla biex jinħaslu t-tfal mit-twelid sa 12-il xahar. Dawn il-prodotti jistgħu jintużaw bħala prodotti separati, imqiegħda fix-xoffa ta’ banju regolari jew fuqha inkella mal-art, jew inkella jitwaħħlu bis-saqajn. |
Artikolu 2
Ir-rekwiżiti
Ir-rekwiżiti speċifiċi ta’ sikurezza għall-prodotti msemmija fl-Artikolu 1 li għandhom jintlaħqu mill-istandards Ewropej skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/95/KE għandhom jiġu stipulati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 3
Pubblikazzjoni
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmula fi Brussell, is-6 ta’ Jannar 2010.
Għall-Kummissjoni
José Manuel BARROSO
Il-President
(2) http://ec.europa.eu/consumers/safety/projects/ongoing-projects_en.htm#project_results
(3) “Drowning of babies in bath seats: do they provide false reassurance?” fir-Royal Society for the Prevention of Accidents (UK). Frar 2005.
http://www.rospa.com/productsafety/info/bathseats_drowning.pdf
(4) Comments to CPSC on Advance Notice of Proposed Rulemaking on baths seats and rings by Harvard School of Public Health — Department of Health Policy and Management. Mejju 2001. http://www.cpsc.gov/LIBRARY/FOIA/foia01/pubcom/commenta.pdf
(5) ĠU L 204, 21.7.1998, p. 37.
ANNESS
Ir-rekwiżiti speċjali ta’ sikurezza għas-sedili tal-banju
IR-RISKJI: Ir-riskju ewlieni assoċjat mal-prodott huwa ta’ għarqa.
1. IR-REKWIŻITI TA’ SIKUREZZA
(1) Ir-rekwiżiti ta’ sikurezza ġenerali
Il-prodotti ma għandhomx jipperikolaw is-sikurezza jew is-saħħa tat-tfal jew ta’ min jieħu ħsiebhom meta jintużaw kif suppost jew b’mod prevedibbli, billi titqies dejjem l-imġiba normali tat-tfal. Għandha titqies il-kapaċità tat-tfal u ta’ min jieħu ħsiebhom, b’mod partikolari, għal oġġetti li, minħabba l-funzjonijiet, dimensjonijiet u karatteristiċi tagħhom, ikunu maħsuba biex jintużaw minn tfal taħt l-għaxar xhur. It-tikketti fuq l-oġġetti jew l-imballaġġi tagħhom u l-istruzzjonijiet dwar l-użu li jkun hemm magħhom għandhom jiġbdu l-attenzjoni tal-utenti jew ta’ min jieħu ħsieb it-tfal rigward il-perikli u r-riskji ta’ deni inerenti ta’ ħsara involuti fl-użu tal-oġġetti u l-modi kif għandhom jiġu evitati.
(2) Ir-rekwiżiti speċifiċi ta’ sikurezza
Ir-rekwiżiti kimiċi
Is-sedili tal-banju għandu jikkonforma mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE.
Il-proprjetajiet tan-nar u dawk termali
Biex jipprevjenju r-riskju li persuna tinstamat minn ilma li ħiereġ mill-vit, għandhom jingħataw struzzjonijiet lil persuna li tieħu ħsieb it-tfal biex toqgħod attenta għat-temperatura tal-ilma u ma tħallix li t-tifel/it-tifla jkollu/ikollha aċċess għall-vit.
Il-proprjetajiet fiżiċi u mekkaniċi
Il-perikli ta’ qbid f’nassa minn spazji u fetħiet
L-oġġetti għandhom jitfasslu u jiġu manifatturati biex jipprevjenu:
— |
Kemm jista jkun il-qbid f’nassa tas-swaba’, |
— |
Il-qbid f’nassa tas-saqajn li jżommu t-tifel/it-tifla taħt l-ilma f’fetħa li minnha t-tifel/it-tifla rnexxielu/rnexxielha jgħaddi/tgħaddi. |
Perikli minn partijiet li jiċċaqilqu
Oġġetti mfassla biex jinqaflu għandu jkollhom mekkaniżmu li jaqfel l-oġġett li ma jistax jinxtegħel mit-tfal jew minn azzjoni involontarja min-naħa ta’ min jieħu ħsiebhom. Ma għandux ikun possibbli li l-prodott jintrama mingħajr ma jiġi attivat il-mekkaniżmu li jaqfel l-oġġett. Tibdil fis-separazzjoni fiżika minħabba l-moviment tat-tfal, partikolarment meta l-piż tagħhom jiċċaqlaq min-naħa għall-oħra (bejn il-bażi tas-sedil u l-banju) għandu jiġi evitat u ma għandux jikkawża pressjoni kbira perikoluża. Bażijiet li jduru tas-sedili għandhom jitfasslu kemm jista’ jkun b’tali mod li jevitaw laċerazzjonijiet u pressjoni kbira fuq it-tifel/tifla meta jitħaddmu.
Il-perikli ta’ waqgħa
Biex jitnaqqs ir-riskju ta’ waqgħa li tista’ twassal għal għarqa; l-oġġett u l-parti tiegħu mwaħħla mal-banju għandhom ikunu kapaċi jifilħu għal forzi interni u esterni applikati mit-tfal li jistgħu jwassluh biex jinqaleb. B’mod partikolari, l-oġġett ma għandux jinqaleb meta t-tfal jisporġu ruħhom fi kwalunkwe direzzjoni, jippruvaw iqumu bilwieqfa jew jimbuttaw is-sedil ’il barra.
Il-perikli ta’ fgar
Biex jitnqqas ir-riskju ta’ fgar, l-oġġett ma għandux jinkludi partijiet żgħar li jistgħu jinqalgħu bil-forza li t-tfal jistgħu japplikaw u li jkunu jistgħu jidħlu kompletament f’ħalq tifel/tifla. Biex jitnaqqas ir-riskju ta’ fgar, il-materjali li minnhom magħmul l-oġġett li għandhom riskju ta’ fgar ma għandhomx isiru aċċessibbli meta jaqilgħu fuqhom forza li t-tfal jistgħu japplikaw, b’mod partikolari permezz tal-gdim.
Il-periklu ta’ soffokazzjoni
L-oġġett ma għandux jinkludi prodotti tad-dekalkomanija tal-plastik li jistgħu jinqalgħu bil-forza li t-tfal jistgħu japplikaw jew kwalunkwe kisi impermeabbli ieħor tas-sedil tal-banju li jista’ jgħatti kemm l-imnieħer kif ukoll il-ħalq u jikkostitwixxi periklu ta’ soffokazzjoni. L-imballaġġ li jżomm fih l-oġġetti ma jridx jikkostitwixxi riskju ta’ soffokazzjoni billi jimblokka l-passaġġi tan-nifs tal-imnieħer u l-ħalq.
Il-perikli ta’ inġestjoni
Biex jitnqqas ir-riskju ta’ bligħ, l-oġġett ma għandux jinkludi partijiet separati jew żgħar li jistgħu jinqalgħu bil-forza li t-tfal jistgħu japplikaw u li jkunu jistgħu jgħaddu għal ġewwa l-esofagu.
It-truf perikolużi
It-trufijiet aċċessibbli għandhom jitfasslu biex jipprevjenu laċerazzjonijiet u ġrieħi, b’mod speċjali trufijiet f’kuntatt dirett mal-ġilda tat-tfal.
L-integrità strutturali
Tagħmir li jżomm l-oġġett milli jiċċaqlaq (saqajn li jeħlu bil-vaku ma’ superfiċje jew mezzi oħra) li huwa essenzjali biex il-prodott joqgħod f’postu għandu jikkonserva l-prestazzjoni kemm għandu ħajja l-prodott.
Biex jiġi evitat li jinkisru komponenti li jkunu probabbli li jikkawżaw ħsara fiżika, l-oġġetti għandhom ikunu kapaċi jifilħu għall-pressjoni mekkanika li jirċievu meta jintużaw.
Il-funzjoni protettiva
Biex jipprevjenu soffokazzjoni permezz ta’ għarqa, l-oġġetti għandhom jitfasslu biex jakkomodaw it-tfal f’pożizzjoni ta’ bilqiegħda biss. Id-disinn għandu jieħu inkunsiderazzjoni d-dejta antropometriċi rilevanti għall-firxa tal-età. Il-funzjoni protettiva trid tippermetti li t-tfal jitneħħew b’mod faċli f’sitwazzjoni ta’ emerġenza.
Il-perikli li jirriżultaw minn azzjoni tat-tfal fuq it-tagħmir li jżomm l-oġġetti milli jiċċaqilqu
Biex jipprevjeni l-perikli ta’ għarqa, it-tagħmir li jżomm l-oġġett milli jiċċaqlaq ma għandux ikun jista’ jiġi attivat mit-tfal jew minn azzjoni involontarja min-naħa ta’ min jieħu ħsiebhom.
It-twissijiet speċifiċi għall-oġġett
It-twissijiet u l-istruzzjonijiet għall-użu għandhom jiddikjaraw b’mod ċar li:
— |
il-persuna li tieħu ħsieb it-tfal għandha tkun il-ħin kollu f’kuntatt mat-tifel/tifla, |
— |
it-tfal jistgħu jegħrqu fi żmien qasir ħafna u f’ilma baxx ħafna (± 2 ċm), |
— |
l-oġġett ma jagħti l-ebda sikurezza ulterjuri relatata mal-perikli mill-perikli tal-ilma u kien hemm min għereq bl-użu tas-sedili tal-banjijiet. |
It-twissijiet u t-tagħrif għandhom jidhru b’mod evidenti fuq l-imballaġġ, fuq il-prodott u fil-mument tal-bejgħ u għandhom ikunu komplemenati b’pittogrammi.
It-tabella tat-twissija għandha tkun reżiljenti u għandha tibqa’ viżibbli meta t-tfal ikunu qegħdin fis-sedil tal-banju.
L-informazzjoni dwar l-età vulnerabbli tat-tfal (minn ħames sa għaxar xhur) għandha tingħata lil min jieħu ħsiebhom.
L-iġjene
Is-sedili tal-banjijiet għandhom jitfasslu b’mod li jkunu jistgħu jinħaslu u li jistgħu jitnixxfu.
Ir-rekwiżiti speċjali ta’ sikurezza għall-istrumenti awżiljari tal-banju
IR-RISKJI: Ir-riskju ewlieni assoċjat mal-prodott huwa ta’ għarqa.
2. IR-REKWIŻITI TA’ SIKUREZZA
(1) Ir-rekwiżiti ta’ sikurezza ġenerali
Il-prodotti ma għandhomx jipperikolaw is-sikurezza jew is-saħħa tat-tfal jew ta’ min jieħu ħsiebhom meta jintużaw kif suppost jew b’mod prevedibbli, billi titqies dejjem l-imġiba normali tat-tfal. Għandha titqies il-kapaċità tat-tfal u ta’ min jieħu ħsiebhom, b’mod partikolari, għal oġġetti li, minħabba l-funzjonijiet, dimensjonijiet u karatteristiċi tagħhom, ikunu maħsuba biex jintużaw minn tfal li għandhom inqas minn disa’ xhur. It-tikketti fuq l-oġġetti jew l-imballaġġi tagħhom u l-istruzzjonijiet dwar l-użu li jkun hemm magħhom għandhom jiġbdu l-attenzjoni tal-utenti jew ta’ min jieħu ħsieb it-tfal rigward il-perikli u r-riskji ta’ deni inerenti ta’ ħsara involuti fl-użu tal-oġġetti u l-modi kif għandhom jiġu evitati.
(2) Ir-rekwiżiti speċifiċi ta’ sikurezza
Ir-rekwiżiti kimiċi
L-istrumenti awżiljari tal-banju għandhom jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE.
Il-proprjetajiet tan-nar u dawk termali
Biex jipprevjenju r-riskju li persuna tinstamat minn ilma li ħiereġ mill-vit, għandhom jingħataw struzzjonijiet lil persuna li tieħu ħsieb it-tfal biex toqgħod attenta għat-temperatura tal-ilma u ma tħallix li t-tifel/it-tifla jkollu/jkollha aċċess għall-vit.
Il-proprjetajiet fiżiċi u mekkaniċi
Il-perikli ta’ qbid f’nassa minn spazji u fetħiet
L-oġġetti għandhom jitfasslu u jiġu manifatturati biex jipprevjenu l-qbid f’nassa tas-swaba’.
L-istrangolazzjoni
L-oġġetti għandhom jitfasslu u jiġu manifatturati biex jipprevjenu strangolazzjoni.
Il-perikli ta’ waqgħa
Biex jitnaqqas ir-riskju ta’ waqgħa li tista’ twassal għal għarqa, l-oġġett u l-parti tiegħu mwaħħla mal-banju għandhom ikunu kapaċi jifilħu għal forzi interni u esterni applikati mit-tfal li jistgħu jwassluh biex jinqaleb. B’mod partikolari l-oġġett ma għandux jinqaleb meta t-tfal jisporġu ruħhom fi kwalunkwe direzzjoni, jippruvaw iqumu bilwieqfa jew jimbuttaw is-sedil ’il barra.
Il-perikli ta’ fgar
Biex jitnqqas ir-riskju ta’ fgar, l-oġġett ma għandux jinkludi partijiet żgħar li jistgħu jinqalgħu bil-forza li t-tfal jistgħu japplikaw u li jkunu jistgħu jidħlu kompletament f’ħalq tifel/tifla. Biex jitnaqqas ir-riskju ta’ fgar, il-materjali li minnhom magħmul l-oġġett li għandhom riskju ta’ fgar ma għandhomx isiru aċċessibbli meta jaqilgħu fuqhom forza li t-tfal jistgħu japplikaw, b’mod partikolari permezz tal-gdim.
Il-periklu ta’ soffokazzjoni
L-oġġett ma għandux jinkludi prodotti tad-dekalkomanija tal-plastik li jistgħu jinqalgħu bil-forza li t-tfal jistgħu japplikaw, jew kwalunkwe kisi impermeabbli ieħor tal-istrument awżiljari tal-banju li jista’ jgħatti kemm l-imnieħer kif ukoll il-ħalq u jikkostitwixxi periklu ta’ soffokazzjoni. L-imballaġġ li jżomm fih l-oġġetti ma jridx jikkostitwixxi riskju ta’ soffokazzjoni billi jimblokka l-passaġġi tan-nifs tal-imnieħer u l-ħalq.
Il-perikli ta’ inġestjoni
Biex jitnqqas ir-riskju ta’ inġestjoni, l-oġġett ma għandux jinkludi partijiet separati jew żgħar li jistgħu jinqalgħu bil-forza li t-tfal jistgħu japplikaw u li jkunu jistgħu jgħaddu għal ġewwa l-esofagu.
It-truf perikolużi
It-trufijiet aċċessibbli għandhom jitfasslu biex jipprevjenu laċerazzjonijiet u ġrieħi, b’mod speċjali trufijiet f’kuntatt dirett mal-ġilda tat-tfal.
L-integrità strutturali
Biex jiġi evitat li jinkisru komponenti li jkunu probabbli li jikkawżaw ħsara fiżika, l-oġġetti għandhom ikunu kapaċi jifilħu għall-pressjonijiet mekkaniċi li jirċievu meta jintużaw.
It-twissijiet speċifiċi għall-oġġett
It-twissijiet u l-istruzzjonijiet għall-użu għandhom jiddikjaraw b’mod ċar li:
— |
il-persuna li tieħu ħsieb it-tfal għandha tkun il-ħin kollu f’kuntatt mat-tifel/tifla, |
— |
it-tfal jistgħu jegħrqu fi żmien qasir ħafna u f’ilma baxx ħafna (± 2 ċm), |
— |
il-livell massimu tal-ilma biex jiġi evitat li t-tfal jibilgħu l-ilma, |
— |
l-oġġett ma jagħti l-ebda sikurezza ulterjuri relatata mal-perikli mill-perikli tal-ilma u kien hemm min għereq bl-użu tal-istrumenti awżiljari tal-banju. |
It-twissijiet u t-tagħrif għandhom jidhru b’mod evidenti fuq l-imballaġġ, fuq il-prodott u fil-mument tal-bejgħ u għandhom ikunu komplemenati b’pittogrammi.
It-tabella tat-twissija għandha tkun reżiljenti u għandha tibqa’ viżibbli meta t-tfal ikunu qegħdin fl-istrumenti awżiljari tal-banju.
L-informazzjoni dwar l-età vulnerabbli tat-tfal (mit-twelid sa 9 xhur) għandha tingħata lil min jieħu ħsiebhom.
L-iġjene
L-oġġetti għandhom jitfasslu b’mod li jkunu jistgħu jitnaddfu u li jistgħu jitnixxfu b’mod faċli.
Ir-rekwiżiti speċifiċi ta’ sikurezza għal banjijiet għat-trabi u s-saqajn tal-banjijiet
IR-RISKJI: Ir-riskji ewlienin assoċjati mal-prodott huwa ta’ għarqa u ta’ waqgħa meta l-banju tat-tarbija jaqa’ mis-saqajn jew l-appoġġ tiegħu.
3. IR-REKWIŻITI TA’ SIKUREZZA
(1) Ir-rekwiżiti ta’ sikurezza ġenerali
Il-prodotti ma għandhomx jipperikolaw is-sikurezza jew is-saħħa tat-tfal jew ta’ min jieħu ħsiebhom meta jintużaw kif suppost jew b’mod prevedibbli, billi titqies dejjem l-imġiba normali tat-tfal. Għandha titqies il-kapaċità tat-tfal u ta’ min jieħu ħsiebhom, b’mod partikolari, għal oġġetti li, minħabba l-funzjonijiet, dimensjonijiet u karatteristiċi tagħhom, ikunu maħsuba biex jintużaw minn tfal taħt it-12-il xhar. It-tikketti fuq l-oġġetti jew l-imballaġġi tagħhom u l-istruzzjonijiet dwar l-użu li jkun hemm magħhom għandhom jiġbdu l-attenzjoni tal-utenti jew ta’ min jieħu ħsieb it-tfal rigward il-perikli u r-riskji ta’ deni inerenti ta’ ħsara involuti fl-użu tal-oġġetti u l-modi kif għandhom jiġu evitati.
(2) Ir-rekwiżiti speċifiċi ta’ sikurezza
Ir-rekwiżiti kimiċi
Il-banjijiet tat-trabi u s-saqajn tagħhom għandhom jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE.
Il-proprjetajiet tan-nar u dawk termali
Biex jipprevjenju r-riskju li persuna tinstamat minn ilma li ħiereġ mill-vit, għandhom jingħataw struzzjonijiet lil persuna li tieħu ħsieb it-tfal biex toqgħod attenta għat-temperatura tal-ilma u ma tħallix li t-tifel/it-tifla jkollu/jkollha aċċess għall-vit.
Il-proprjetajiet fiżiċi u mekkaniċi
Il-perikli ta’ qbid f’nassa minn spazji u fetħiet
L-oġġetti għandhom jitfasslu u jiġu manifatturati b’tali mod li jevitaw kemm jista’ jkun il-qbid f’nassa tas-swaba’.
L-istrangolazzjoni
L-oġġetti għandhom jitfasslu u jiġu manifatturati biex jipprevjenu strangolazzjoni
Perikli minn partijiet li jiċċaqilqu
Oġġetti mfassla biex jintwew għandu jkollhom mekkaniżmu li jitwi l-oġġett li ma jistax jinxtegħel mit-tfal jew minn azzjoni involontarja min-naħa ta’ min jieħu ħsiebhom. Ma għandux ikun possibbli li l-prodott jintrama mingħajr ma jiġi attivat il-mekkaniżmu li jaqfel l-oġġett. Tibdil fis-separazzjoni fiżika minħabba l-moviment tat-tfal, partikolarment meta l-piż tagħhom jiċċaqlaq min-naħa għall-oħra għandu għandu jkun ipprojbit biex jipprevjeni pressjoni kbira.
Il-perikli ta’ waqgħa
Biex jevita stabilita inadegwata, il-banju u s-saqajn tiegħu għandhom jitfasslu u jiġu manifatturati biex ikunu jifilħu kemm il-piż tat-tarbija kif ukoll il-piż tal-ilma ta’ ġewwa l-banju. Il-banju u s-saqajn tiegħu ma għandhomx jinqalbu mill-pressjoni li toriġina miċ-ċaqliq tat-tarbija jew minn moviment mhux intenzjonat ta’ min qed jieħu ħsiebha. B’mod partikolari, l-oġġett ma għandux jinqaleb meta t-tfal jisporġu ruħhom fi kwalunkwe direzzjoni, jew jippruvaw iqumu bilwieqfa.
Il-perikli ta’ fgar
Biex jitnqqas ir-riskju ta’ fgar, l-oġġett ma għandux jinkludi partijiet żgħar li jistgħu jinqalgħu bil-forza li t-tfal jistgħu japplikaw u li jkunu jistgħu jidħlu kompletament f’ħalq tifel/tifla. Biex jitnaqqas ir-riskju ta’ fgar, il-materjali li minnhom magħmul l-oġġett li għandhom riskju ta’ fgar ma għandhomx isiru aċċessibbli meta jaqilgħu fuqhom forza li t-tfal jistgħu japplikaw, b’mod partikolari permezz tal-gdim.
Il-periklu ta’ soffokazzjoni
L-oġġett ma għandux jinkludi prodotti tad-dekalkomanija tal-plastik li jistgħu jinqalgħu bil-forza li t-tfal jistgħu japplikaw jew kwalunkwe kisi impermeabbli tal-banju li jista’ jgħatti kemm l-imnieħer kif ukoll il-ħalq u jikkostitwixxi periklu ta’ soffokazzjoni. L-imballaġġ li jżomm fih l-oġġetti ma jridx jikkostitwixxi riskju ta’ soffokazzjoni billi jimblokka l-passaġġi tan-nifs tal-imnieħer u l-ħalq.
Il-perikli ta’ inġestjoni
Biex jitnqqas ir-riskju ta’ bligħ, l-oġġett ma għandux jinkludi partijiet separati jew żgħar li jistgħu jinqalgħu bil-forza li t-tfal jistgħu japplikaw u li jkunu jistgħu jgħaddu għal ġewwa l-esofagu.
It-truf perikolużi
It-trufijiet aċċessibbli għandhom jitfasslu biex jipprevjenu laċerazzjonijiet u ġrieħi, b’mod speċjali trufijiet f’kuntatt dirett mal-ġilda tat-tfal.
L-integrità strutturali
Biex jiġi evitat li jiddiżintegraw jew jinkisru komponenti li jkunu probabbli li jikkawżaw ħsara fiżika, l-oġġett għandu jkunu kapaċi jiflaħ għall-pressjoni mekkanika li jirċievi meta jintuża. Biex tiġi evitata d-deterjorazzjoni ta’ komponenti li probabbli jikkawżaw ħsara, il-materjal użat għall-manifattura tal-banjijiet u s-saqajn għandu jkollu karatteristiċi li jippreżervaw il-prestazzjoni matul il-ħajja tal-prodott, partikolarment filwaqt li jieħdu inkunsiderazzjoni l-bidliet termali.
Il-perikli minħabba l-kombinazzjoni ta’ żewġ oġġetti differenti
It-tagħmir li jżomm il-banju mwaħħal mas-saqajn għandu jkun jiflaħ għall-pressjoni mekkanika li jkunu soġġetti għaliha meta jintużaw. Għas-saqajn u l-banjijiet li jinbiegħu separatament, it-twissijiet u l-istruzzjonijiet għall-użu għandhom jindikaw ir-referenzi ta’ prodotti li jistgħu jintużaw magħhom bla periklu.
It-twissijiet speċifiċi għall-oġġett
It-twissijiet u l-istruzzjonijiet għall-użu għandhom jiddikjaraw b’mod ċar li:
— |
il-persuna li tieħu ħsieb it-tfal għandha tkun il-ħin kollu f’kuntatt mat-tifel/tifla, |
— |
it-tfal jistgħu jegħrqu fi żmien qasir ħafna u f’ilma baxx ħafna (± 2 ċm), |
— |
l-oġġetti ma jagħtu l-ebda sikurezza ulterjuri relatata mal-perikli tal-ilma u kien hemm min għereq fil-banjijiet. |
It-twissijiet u t-tagħrif għandhom jidhru b’mod evidenti fuq l-imballaġġ, fuq il-prodott u fil-mument tal-bejgħ u għandhom ikunu komplemenati b’pittogrammi.
It-tabella tat-twissija għandha tkun reżiljenti u għandha tibqa’ viżibbli meta t-tfal ikunu qegħdin fil-banju.
L-informazzjoni dwar l-età vulnerabbli tat-tfal (inqas minn 12-il xahar) għandha tingħata lil min jieħu ħsiebhom.
Il-banjijiet għandu jkollhom twissija biex min jieħu ħsieb it-tfal ma jqiegħedx il-banjijiet f’pożizzjoni elevata flimkien ma’ oġġetti bħal ma huma mwejjed.
L-iġjene
L-oġġetti għandhom jitfasslu b’mod li jkunu jistgħu jinħaslu u li jistgħu jitnixxfu b’mod faċli.