EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009R0933

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 933/2009 tas- 6 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 779/98 rigward il-ftuħ u l-ġestjoni ta’ ċerti kwoti li jirrigwardaw l-importazzjoni fil-Komunità ta’ prodotti tas-settur tal-laħam tat-tjur li joriġinaw fit-Turkija

ĠU L 263, 7.10.2009, p. 9–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2020; Imħassar b' 32020R1987 Ara Art. 4

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/933/oj

7.10.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 263/9


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 933/2009

tas-6 ta’ Ottubru 2009

li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 779/98 rigward il-ftuħ u l-ġestjoni ta’ ċerti kwoti li jirrigwardaw l-importazzjoni fil-Komunità ta’ prodotti tas-settur tal-laħam tat-tjur li joriġinaw fit-Turkija

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 144(1) u l-Artikolu 148 tiegħu, flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 779/98 tas-7 ta’ April 1998 fuq l-importazzjoni fil-Komunità ta’ prodotti agrikoli li ġejjin mit-Turkija, li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 4115/86 u jemenda r-Regolament (KE) Nru 3010/95, u b’mod partikolari l-Artikolu 1 tiegħu (2),

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni Nru 1/98 tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsill KE-Turkija tal-25 ta’ Frar 1998 dwar is-sistema tan-negozju għall-prodotti agrikoli [traduzzjoni mhix uffiċjali] (3) jistabbilixxi s-sistema ta’ preferenzi li jgħoddu fir-rigward ta’ importazzjonijiet fil-Komunità ta’ prodotti agrikoli li ġejjin mit-Turkija.

(2)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1383/2007 tas-26 ta’ Novembru 2007 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 779/98 rigward il-ftuħ u l-ġestjoni ta’ ċerti kwoti li jirrigwardaw l-importazzjoni fil-Komunità ta’ prodotti tas-settur tal-laħam tat-tjur li joriġinaw fit-Turkija (4), li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1396/98 (5), stabbilixxa kwoti tariffarji għall-importazzjoni ta’ prodotti tas-settur tal-laħam tat-tjur u stabbilixxa regoli dettaljati għal ġestjoni tagħhom.

(3)

L-użu tal-prinċipju “min jiġi l-ewwel jinqeda l-ewwel” irriżulta pożittiv f’setturi agrikoli oħrajn, u għal raġunijiet ta’ simplifikazzjoni amministrattiva, jeħtieġ li dawn il-kwoti msemmija f’dan ir-Regolament jiġu ġestiti skont il-metodu indikat fl-Artikolu 144(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007. Dan għandu jsir skont l-Artikoli 308a, 308b u 308c(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta’ Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) (6).

(4)

Fid-dawl tal-partikularitajiet marbutin mat-trasferiment minn sistema ta’ ġestjoni għal oħra, huwa importanti li l-kwota msemmija f’dan ir-Regolament ma titqiesx bħala kritika fit-tifsira tal-Artikolu 308c tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93. Madankollu ma jistax jiġi eskluż li tista’ ssir kritika skont it-tifsira ta’ dan l-Artikolu, minħabba ċirkustanzi ġodda.

(5)

Għaldaqstant, ir-Regolament (KE) Nru 1383/2007 għandu jitħassar u jinbidel b’Regolament ġdid. Madankollu huwa f’loku li r-Regolament imsemmi jinżamm applikabbli għal-liċenzji tal-importazzjoni maħruġa għall-perjodi tal-kwota tal-importazzjoni ta’ qabel dawk koperti b’dan ir-Regolament.

(6)

Il-miżuri pprovduti b’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni tal-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Dan ir-Regolament jiftaħ il-kwota tariffarja, indikata fl-Anness, għall-importazzjoni ta’ prodotti tas-settur tal-laħam tat-tjur.

Il-kwota tariffarja hija miftuħa fuq bażi annwali, għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru (perjodu tal-kwota tariffarja tal-importazzjoni).

2.   Il-kwoti indikati fl-Anness għal dan ir-Regolament għandhom jiġu ġestiti skont l-Artikoli 308a, 308b u 308c(1) tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93. L-Artikolu 308c(2) u (3) ta’ dak ir-Regolament ma japplikax.

Artikolu 2

It-tqegħid fil-kummerċ ħieles tal-prodotti importati skont il-kwota prevista fl-Anness għal dan ir-Regolament huwa suġġett għall-preżentazzjoni ta’ prova tal-oriġini, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 16 tal-Protokoll Nru 3 anness għad-Deċiżjoni Nru 1/98 tal-Kunsill tal-Assoċjazzjoni KE - Turkija.

Artikolu 3

Ir-Regolament (KE) Nru 1383/2007 għandu jitħassar. Madankollu, jibqa’ japplika għad-dazji mnissla minn liċenzji maħruġin qabel l-1 ta’ Jannar 2010 u sal-iskadenza tagħhom.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2010.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Ottubru 2009.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 113, 15.4.1998, p. 1.

(3)  ĠU L 86, 20.3.1998, p. 1.

(4)  ĠU L 309, 27.11.2007, p. 34.

(5)  ĠU L 187, 1.7.1998, p. 41.

(6)  ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1.


ANNESS

Numru tas-serje

Kodiċijiet tan-NM

Dazju doganali skont il-kwota tariffarja

(f’EUR/tunnellata)

Kwota tariffarja annwali

(f’tunnellati, piż nett)

09.0244

0207 25 10

170

1 000

0207 25 90

186

0207 27 30

134

0207 27 40

93

0207 27 50

339

0207 27 60

127

0207 27 70

230


Top