Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008R0615

    Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 615/2008 tat- 23 ta' Ġunju 2008 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1405/2006 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura għall-benefiċċju tal-gżejjer minuri ta’ l-Eġew u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1782/2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa

    ĠU L 168, 28.6.2008, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 20/03/2013; Impliċitament imħassar minn 32013R0229

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/615/oj

    28.6.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 168/1


    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 615/2008

    tat-23 ta' Ġunju 2008

    li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1405/2006 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura għall-benefiċċju tal-gżejjer minuri ta’ l-Eġew u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1782/2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa

    IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

    Billi:

    (1)

    l-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1405/2006 (2), jistabbilixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament u jagħti definizzjoni tal-gżejjer minuri. L-esperjenza mill-applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament turi li l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament għandu jiġi emendat.

    (2)

    L-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1405/2006 jintroduċi arranġamenti speċifiċi ta’ forniment maħsuba biex itaffu d-diffikultajiet relatati mal-qagħda ġeografika partikolari ta’ xi wħud mill-gżejjer ta’ l-Eġew li timponi spejjeż addizzjonali tat-trasport fil-forniment tal-prodotti essenzjali għall-konsum mill-bniedem, għall-manifattura ta’ prodotti oħra jew bħala inputs agrikoli. Dawn il-prodotti essenzjali huma inklużi fl-Anness I tat-Trattat. Għalhekk, l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1405/2006 għandu jiġi emendat sabiex jinkludi referenza għall-Anness I ikkonċernat, u b’hekk il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu jiġi limitat għal dawn il-prodotti li jidhru f’dak l-anness biss.

    (3)

    L-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1405/2006 jistabbilixxi l-proċedura għall-adozzjoni tar-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Kapitolu II ta’ dak ir-Regolament. Peress li fl-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 1405/2006 teżisti dispożizzjoni simili li tirrigwarda l-implimentazzjoni tar-Regolament kollu kemm hu, l-Artikolu 6 għandu jitħassar.

    (4)

    L-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1405/2006 jintroduċi miżuri ta’ għajnuna għall-prodotti agrikoli ġenerali, u b’hekk għandu kamp ta’ applikazzjoni usa’ mill-Artikolu 3. Għalhekk, l-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament għandu jiġi emendat biex jinkludi referenza għat-Titolu II tal-Parti Tlieta tat-Trattat biex b’hekk jiġu koperti prodotti tal-ħamrija, it-trobbija tal-bhejjem, is-sajd u l-prodotti ta’ l-ipproċessar fl-ewwel stadju, li jkunu relatati direttament ma’ dawn il-prodotti.

    (5)

    L-Artikolu 9(e) tar-Regolament (KE) Nru 1405/2006 jirreferi, fost kwistjonijiet oħra li għandhom jiddaħħlu fil-programm ta’ appoġġ, għad-dispożizzjonijiet għall-kontrolli u l-penalitajiet amministrattivi. Madankollu, id-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-kontrolli u l-penalitajiet amministrattivi ma jistgħux ikunu soġġetti għall-approvazzjoni fil-kuntest tal-programm ta’ appoġġ Komunitarju għall-Gżejjer minuri ta’ l-Eġew. Dawn il-miżuri nazzjonali jistgħu jiġu kkomunikati biss lill-Kummissjoni skond l-Artikolu 16 ta’ dak ir-Regolament. Għalhekk, l-Artikolu 9(e) għandu jiġi emendat sabiex tiġi eskluża kwalunkwe dispożizzjoni għall-kontrolli u l-penalitajiet amministrattivi li għandhom jiġu inklużi fil-programm imressaq mill-awtoritajiet kompetenti tal-Greċja.

    (6)

    Ir-Regolament (KE) Nru 1405/2006 għandu għalhekk jiġi emendat kif meħtieġ.

    (7)

    Il-biċċa l-kbira tal-miżuri msemmija fil-Kapitolu III tar-Regolament (KE) Nru 1405/2006 jikkostitwixxu ħlasijiet diretti u għalhekk għandhom jingħataw referenza fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 (3). Minħabba żball, l-Artikolu 20(3) tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 ħassar erronjament l-annotazzjoni għall-Gżejjer ta’ l-Eġew mill-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 1405/2006. Għalhekk, l-Anness I imsemmi għandu jiġi kkoreġut b’effett mid-data ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1405/2006,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (KE) Nru 1405/2006 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    L-Artikolu 1(1) huwa sostitwit bit-test li ġej:

    “1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi miżuri speċifiċi dwar l-agrikoltura biex jiġu rimedjati d-diffikultajiet ikkawżati min-natura remota u insulari tal-gżejjer minuri ta’ l-Eġew, minn hawn ‘il quddiem imsejħa ‘gżejjer minuri’.”.

    (2)

    L-Artikolu 3(1) huwa sostitwit bit-test li ġej:

    “1.   Arranġamenti speċifiċi ta’ forniment b’dan huma introdotti għall-prodotti agrikoli elenkati fl-Anness I tat-Trattat (minn hawn ‘il quddiem imsejħa ‘l-prodotti agrikoli’), li huma essenzjali, fil-gżejjer minuri, għall-konsum mill-bniedem jew għall-manifattura ta’ prodotti oħra jew bħala inputs agrikoli.”.

    (3)

    L-Artikolu 6 huwa mħassar.

    (4)

    L-Artikolu 7(1) huwa sostitwit bit-test li ġej:

    “1.   Il-programm ta’ apoġġ għandu jinkludi l-miżuri meħtieġa biex jiġu żgurati l-kontinwità u l-iżvilupp ta’ linji lokali ta’ produzzjoni agrikola fil-gżejjer minuri, fl-ambitu tat-Titolu II tal-Parti Tlieta tat-Trattat.”.

    (5)

    L-Artikolu 9(e) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(e)

    il-passi meħuda biex jiġi żgurat li l-programm jiġi implimentat effettivament u kif xieraq, inklużi l-arranġamenti għall-pubbliċità, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni;”.

    Artikolu 2

    Fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003, hija mdaħħla l-annotazzjoni li ġejja wara POSEI:

    “Gżejjer ta’ l-Eġew

    Kapitolu III tar-Regolament (KE) Nru 1405/2006 (*)

    Ħlasijiet diretti fil-kuntest ta’ l-Artikolu 2, skond miżuri stabbiliti fil-programmi

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ mill-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Madankollu, l-Artikolu 2 għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2007.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fil-Lussemburgu, 23 ta’ Ġunju 2008.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    I. JARC


    (1)  Opinjoni tal-5 ta’ Ġunju 2008 (għadha ma dehritx fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (2)  ĠU L 265, 26.9.2006, p. 1.

    (3)  ĠU L 270, 21.10.2003, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 479/2008 (ĠU L 148, 6.6.2008, p. 1).

    (*)  ĠU L 265, 26.9.2006, p. 3.”


    Top