Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008R0282

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 282/2008 tas- 27 ta’ Marzu 2008 dwar materjali u oġġetti tal-plastik riċiklat maħsuba sabiex jiġu f’kuntatt ma’ oġġetti ta’ l-ikel u li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2023/2006 Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 86, 28.3.2008, p. 9–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 09/10/2022; Imħassar b' 32022R1616

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/282/oj

28.3.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 86/9


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 282/2008

tas-27 ta’ Marzu 2008

dwar materjali u oġġetti tal-plastik riċiklat maħsuba sabiex jiġu f’kuntatt ma’ oġġetti ta’ l-ikel u li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2023/2006

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1935/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ottubru 2004 dwar materjali u oġġetti li huma intenzjonati li jiġu f’kuntatt ma’ l-ikel (1) u b’mod partikolari l-Artikolu 5(1) tiegħu,

Wara li kkonsultat l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”),

Billi:

(1)

Id-Direttiva 94/62/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-20 ta’ Diċembru 1994 dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ (2) tippromwovi l-irkupru u l-inċinerazzjoni f’impjanti ta’ inċinerazzjoni ta’ l-iskart bl-irkupru ta’ l-enerġija u r-riċiklaġġ ta’ l-iskart mill-imballaġġ.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 1935/2004 jiddefinixxi l-prinċipji ġenerali għat-tneħħija tad-differenzi bejn il-liġijiet ta’ l-Istati Membri fir-rigward ta’ materjali u oġġetti li jiġu f’kuntatt ma’ l-ikel u jistipula fl-Artikolu 5(1) tiegħu l-adozzjoni ta’ miżuri speċifiċi għal gruppi ta’ materjali u oġġetti. Dan ir-Regolament jidentifika li l-armonizzazzjoni tar-regoli dwar materjali u oġġetti tal-plastik riċiklati għandha tingħata prijorità.

(3)

Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2002/72/KE tas-6 ta’ Awissu 2002 dwar materjali u oġġetti tal-plastik maħsuba sabiex jiġu f’kuntatt ma’ oġġetti ta’ l-ikel (3) tiddefinixxi regoli għal materjali u l-oġġetti tal-plastik maħsuba sabiex jiġu f’kuntatt ma’ l-oġġetti ta’ l-ikel.

(4)

L-iskart mill-imballaġġ tal-plastik jista’ jkollu fdalijiet minn użu li sar qabel, kontaminanti minn użu ħażin u kontaminanti minn sustanzi mhux awtorizzati. Għalhekk hu meħtieġ li jiġu previsti rekwiżiti speċjali biex jiżguraw li l-materjali u l-oġġetti prodotti minn plastik riċiklat u maħsuba sabiex jiġu f’kuntatt ma’ l-ikel jirrispettaw ir-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1935/2004.

(5)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2023/2006 tat-22 ta’ Diċembru 2006 dwar prassi tajba ta’ manifattura għal materjali u oġġetti intenzjonati li jiġu f’kuntatt ma’ l-ikel (4) jipprevedi regoli dwar prassi tajba ta’ manifattura għal gruppi ta’ materjali u oġġetti maħsuba sabiex jiġu f’kuntatt ma’ l-ikel elenkati fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1935/2004 u t-taħlit ta’ dawk il-materjali u l-oġġetti jew materjali riċiklati u oġġetti użati f’dawk il-materjali u l-oġġetti

(6)

L-iskart tal-plastik jista’ jiġi ttrattat b’mod mekkaniku biex jiġu prodotti materjali u oġġetti riċiklati jew jista’ jitfarrak f’monomeri u f’oligomeri permezz ta’ depolimerizzazzjoni kimika. Il-monomeri u l-oligomeri li jirriżultaw mid-depolimerizzazzjoni kimika ma għandhomx jiġu ttrattati b’mod differenti minn monomeri manifatturati permezz ta’ sintesi kimika. Għalhekk, dawn huma koperti mill-awtorizzazzjoni ta’ monomeri u addittivi fid-Direttiva 2002/72/KE u dawn għandhom jikkonformaw ma’ l-ispeċifikazzjonijiet u l-kriterji ta’ purità stabbiliti fiha. Għalhekk, ma għandhomx jiġu koperti b’dan ir-Regolament.

(7)

Bċejjeċ u fdalijiet mill-produzzjoni ta’ materjali tal-plastik maħsuba biex jiġu f’kuntatt ma’ l-ikel, li ma ġewx f’kuntatt ma’ ikel jew inkella kkontaminati u huma mdewba mill-ġdid fi prodotti oħra fuq il-post jew mibjugħin lil terza persuna bħala parti minn sistema għall-kontroll tal-kwalità skond ir-regoli dwar il-prassi tajba ta’ manifattura previsti fir-Regolament (KE) Nru 2023/2006 għandhom jitqiesu adatti għall-applikazzjonijiet li għandhom kuntatt ma’ l-ikel u ma għandhomx jaqgħu fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament. Il-bċejjeċ u l-fdalijiet l-oħra kollha mill-produzzjoni ta’ materjali tal-plastik maħsuba biex jiġu f’kuntatt ma’ l-ikel għandhom jaqgħu fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament.

(8)

Il-plastik riċiklat użat wara lqugħ funzjonali tal-plastik kif definit bid-Direttiva 2002/72/KE ma għandux jiġi kopert mill-proċedura ta’ awtorizzazzjoni f’dan ir-Regolament. Ir-regoli definiti fid-Direttiva 2002/72/KE għas-sustanzi użati wara lqugħ funzjonali tal-plastik meqjusin suffiċjenti biex jiżguraw ukoll is-sikurezza ta’ plastik riċiklat użat wara lqugħ funzjonali tal-plastik.

(9)

Id-Direttiva 2002/72/KE tipprevedi lista ta’ sustanzi awtorizzati li għandhom jintużaw fil-manifattura tal-materjali u l-oġġetti maħsuba sabiex jiġu f’kuntatt ma’ l-ikel. Dawn is-sustanzi kienu ġew ivvalutati għas-sikurezza tagħhom u ġew definiti limiti ta’ migrazzjoni għall-użu sikur tagħhom. Biex jiġi żgurat l-istess livell ta’ sikurezza għall-materjali u l-oġġetti tal-plastik riċiklat għandhom jiżdiedu biss il-monomeri u l-addittivi awtorizzati mal-plastik riċiklat u għandhom ukoll jiġu rrispettati l-limiti ta’ migrazzjoni tagħhom mill-materjali tal-plastik maħsuba biex jiġu f’kuntatt ma’ l-ikel.

(10)

Id-Direttiva 2002/72/KE tipprevedi dikjarazzjoni ta’ konformità u żamma tar-rekords biex tiġi żgurat li l-informazzjoni rilevanti dwar l-użu sikur tal-materjal tal-plastik tgħaddi bejn l-operaturi kummerċjali u l-awtoritajiet kompetenti. Dawn ir-regoli ġenerali huma validi wkoll għal plastik riċiklat; għalhekk, dawn għandhom japplikaw ukoll għall-materjali u l-oġġetti tal-plastik riċiklat maħsuba biex jiġu f’kuntatt ma’ l-ikel.

(11)

Ir-rabta tal-karatteristiċi ta’ l-input, ta’ l-effiċjenza ta’ l-ikklassifikar u l-effettività tal-proċess biex titnaqqas il-kontaminazzjoni flimkien ma’ l-użu definit ta’ plastik riċiklat biss tista’ tiżgura s-sikurezza tal-materjali u l-oġġetti tal-plastik riċiklat. Dawn huma speċifiċi għat-tip ta’ plastik u ta’ proċess ta’ riċiklaġġ użati. Hu biss possibbli li jiġu vvalutati l-aspetti kollha flimkien f’valutazzjonijiet individwali tal-proċess ta’ riċiklaġġ segwit b’awtorizzazzjonijiet individwali.

(12)

Is-sikurezza tal-plastik riċiklat tista’ biss tiġi żgurata jekk il-proċess ta’ riċiklaġġ jista’ jipproduċi kwalità riproduċibbli tal-plastik riċiklat. Dan jista’ jiġi kkontrollat jekk tintuża sistema effettiva li tiżgura l-kwalità. Għalhekk, għandu biss jitqiegħed fis-suq il-plastik riċiklat li għadda minn proċess ta’ riċiklaġġ immaniġġjat b’sistema effettiva li tiżgura l-kwalità.

(13)

Id-Direttiva 2002/72/KE tipprevedi l-lista tal-monomeri u tas-sustanza ta’ bidu awtorizzati bl-esklużjoni ta’ l-oħrajn kollha (il-lista pożittiva) li għandhom jintużaw fil-manifattura tal-materjal u l-oġġetti tal-plastik maħsuba sabiex jiġu f’kuntatt ma’ l-ikel u għalhekk, il-materjali u l-oġġetti biss li jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet previsti fid-Direttiva 2002/72/KE għandhom jintużaw bħala input għall-proċess ta’ riċiklaġġ. Dan jista’ jintlaħaq billi jiġu kklassifikati l-oġġetti tal-plastik qabel ir-riċiklaġġ. Għal ċerti materjali, bħal polyolefines, minħabba l-proprjetajiet fiżjo-kimiċi tagħhom, meħtieġ li l-effiċjenza ta’ l-ikklassifikar tkun 100 % biex jiġi żgurat li l-plastik riċiklat jikkonforma mar-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1935/2004. Din l-effiċjenza ta’ l-ikklassifikar tista’ tintlaħaq f’ċirkwiti ta’ prodotti li huma f’katina magħluqa u kkontrollata. Għal materjali oħrajn, pereżempju, il-PET is-sikurezza tal-plastik riċiklat tista’ tiġi żgurata b’effiċjenza ta’ kklassifikar aktar baxxa fir-rigward ta’ l-użu tiegħu ta’ kuntatt ma’ l-ikel li sar qabel din tista’ titwettaq b’mod realistiku permezz ta’ sistemi ta’ ġbir mill-bankini. L-effiċjenza meħtieġa ta’ l-ikklassifikar għal kull materjal għandha tkun identifikata każ każ.

(14)

L-iskart tal-plastik jista’ jkun ikkontaminat b’sustanzi minħabba użu preċedenti jew użu inċidentalment ħażin tal-plastik jew minħabba sustanzi li joriġinaw minn plastik bi grad li ma għandhux jiġi f’kuntatt ma’ l-ikel. Billi mhux possibbli li wieħed ikun jaf it-tipi kollha possibbli ta’ kontaminazzjoni u billi tipi differenti ta’ plastik għandhom kapaċitajiet differenti għaż-żamma u l-ħlis mill-kontaminanti mhux possibbli li jiġu stabbiliti karatteristiċi definiti għal prodott finali applikabbli għat-tipi kollha tal-plastik riċiklat. Għalhekk rabta ta’ karatterizzazzjoni ta’ input flimkien ma’ proċess adegwat biex titneħħa kontaminazzjoni possibbli hi meħtieġa biex tiġi kkontrollata s-sikurezza tal-prodott finali.

(15)

Fit-trattament mekkaniku, li fih l-iskart tal-plastik jitfarrak f’biċċiet żgħar u jitnaddaf, trid tingħata reqqa speċjali biex jitneħħew dawn il-kontaminazzjonijiet. Il-proċess ta’ riċiklaġġ għandu juri li kapaċi b’mod effiċjenti jnaqqas il-kontaminazzjoni potenzjali għal-livell li ma joħloqx riskju għas-saħħa tal-bniedem. Il-kontaminanti għandhom jemigraw biss f’livelli komparabbli ma’ jew ferm taħt il-livelli murija fit-testijiet ta’ sfida ta’ dan il-proċess ta’ riċiklaġġ jew f’testijiet analitiċi xierqa oħra u għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1935/2004. Valutazzjoni ta’ sikurezza għandha tivverifika li l-proċess ta’ riċiklaġġ iwettaq dawn il-kondizzjonijiet. B’mod alternattiv, għall-materjali u oġġetti li ma jiġux mimlijin, bħal crates u pallets li jiġu ttrattati f’ċirkwiti ta’ prodotti f’katina magħluqa u kkontrollata li fiha jiġu kkontrollati l-passi kollha tal-manifattura, tad-distribuzzjoni u ta’ l-użu, jista’ jkun suffiċjenti li jiġi ppruvat li l-kontaminazzjoni tista’ tiġi eskluża meta dawn jintużaw biss f’kuntatt ma’ ikel niexef bħal frott u ħaxix.

(16)

Ċerti tipi ta’ materjali u oġġetti tal-plastik immanifatturat bi plastik riċiklat jistgħu jkunu adatti għal kuntatt ma’ tipi speċifiċi ta’ ikel taħt ċerti kondizzjonijiet. Valutazzjoni ta’ sikurezza għandha tidentifika dawn il-materjali u l-oġġetti u l-kondizzjonijiet xierqa ta’ kuntatt.

(17)

Id-differenzi bejn il-liġijiet nazzjonali, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li jikkonċernaw il-valutazzjoni ta’ sikurezza u l-awtorizzazzjoni tal-proċessi ta’ riċiklaġġ, użati fil-manifattura ta’ materjali u oġġetti maħsuba sabiex jiġi f’kuntatt ma’ l-ikel, jistgħu jfixklu l-moviment ħieles ta’ dawn il-materjali u l-oġġetti, u joħolqu kondizzjonjonijiet ta’ kompetizzjoni inugwali u inġusta. Proċedura ta’ awtorizzazzjoni għandha għalhekk tiġi stabbilita fil-livell Komunitarju abbażi tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni prevista fl-Artikoli 9 sa 12 tar-Regolament (KE) Nru 1935/2004.

(18)

Il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni prevista fl-Artikolu 9 sa 12 tar-Regolament (KE) Nru 1935/2004 hi intenzjonata għall-awtorizzazzjoni ta’ sustanzi. Bidliet f’din il-proċedura għandhom jiġu introdotti f’dan ir-Regolament biex tiġi adattata l-proċedura ta’ awtorizzazzjoni għall-awtorizzazzjoni tal-proċessi ta’ riċiklaġġ. Dawn il-bidliet huma regoli speċifiċi ta’ proċedura kif imsemmija fl-Artikolu 5(1)(n) tar-Regolament (KE) Nru 1935/2004.

(19)

Valutazzjoni ta’ sikurezza tal-proċess ta’ riċiklaġġ għandha titwettaq mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”). Sabiex l-applikant jiġi mgħarraf dwar id-data li trid tiġi pprovduta għall-valutazzjoni tas-sikurezza l-Awtorità għandha tippubblika linji gwida ddettaljati dwar il-preparazzjoni u l-preżentazzjoni ta’ l-applikazzjoni.

(20)

Il-valutazzjoni ta’ sikurezza tal-proċess ta’ riċiklaġġ għandha tiġi seġwita b’deċiżjoni dwar l-immaniġġjar tar-riskju sabiex jiġi stabbilit jekk dan il-proċess ta’ riċiklaġġ għandux jiġi awtorizzat. Din id-deċiżjoni għandha tiġi adottata skond il-proċedura regolatorja deskritta fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament (KE) Nru 1935/2004 biex b’hekk tiġi żgurata kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri.

(21)

Dan il-proċess ta’ riċiklaġġ hu speċifiku għal kumpanija fir-rigward tat-teknoloġija u l-parametri użati fil-proċess. Għalhekk, għandhom jingħataw biss awtorizzazzjonijiet speċifiċi għal proċess. Il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni prevista fl-Artikoli 9 sa 12 tar-Regolament (KE) Nru 1935/2004 għandha tiġi adattata skond dan.

(22)

Għandu jkun possibbli li jiġi wżat il-proċess f’lokalitajiet differenti ta’ produzzjoni sakemm jiġu osservati t-teknoloġija u l-parametri tal-proċess kif deskritt fl-applikazzjoni u l-awtorizzazzjoni.

(23)

Il-pubbliku għandu jiġi mgħarraf bl-awtorizzazzjoni tal-proċessi ta’ riċiklaġġ. Għal dan l-għan, reġistru Komunitarju, kif imsemmi fl-Artikolu 5(1)(m) tar-Regolament (KE) Nru 1935/2004, tal-proċessi ta’ riċiklaġġ awtorizzati bis-saħħa ta’ dan ir-Regolament għandu jiġi stabbilit inkluż id-deskrizzjoni tal-qasam ta’ użu għall-plastik riċiklat tal-proċess ta’ awtorizzazzjoni.

(24)

Ir-riċiklaġġ u l-impjant ta’ bdil għandhom ikunu spezzjonati u kkontrollati mill-Istat Membru. Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifika tal-konformità mal-liġi ta’ l-għalf u l-ikel, mas-saħħa ta’ l-annimali u mar-regoli dwar il-welfare ta’ l-annimali (5) jkopri wkoll il-kontroll uffiċjali tal-materjali maħsuba sabiex jiġu f’kuntatt ma’ l-ikel. Il-verifika ta’ l-impjant ta’ riċiklaġġ mill-awtoritajiet kompetenti hu l-aktar mod effiċjenti biex jiġi kkontrollat jekk il-proċess ta’ riċiklaġġ hux użat kif speċifikat fl-awtorizzazzjoni u biex jiġi kkontrollat jekk is-sistema effettiva li tiżgura l-kwalità hix f’postha. Għalhekk kontolli uffiċjali mwettqa biex jiżguraw il-konformità ma’ dan ir-Regolament għandhom jinkludu l-verifika kif speċifikat fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004. Il-verifiki għandhom isiru b’mod li bih l-infiq ikun l-aktar effettiv possibbli biex ikun hemm piż amministrattiv u ekonomiku minimu għall-awtoritajiet kompetenti u għall-intrapriżi żgħar u medji.

(25)

Biex jiġi żgurat kontroll effiċjenti, l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jiġu mgħarrfa bil-lokalitajiet ta’ riċiklaġġ jew ta’ manifattura li fihom il-proċess awtorizzat ta’ riċiklaġġ qed jiġi wżat.

(26)

L-industrija għandha tkun kapaċi twaħħal tikketti li juru li l-imballaġġ tagħha għandu plastik riċiklat. Madankollu, il-konsumaturi ma għandhomx jiġu żvijati b’tikketti fir-rigward tal-kontenut riċiklat. Regoli għat-tqegħid tat-tikketti fuq plastik riċiklat b’rabta mal-kontenut tal-plastik riċiklat ġew previsti fl-EN ISO 14021. Biex tiġi żgurata informazzjoni adegwata għall-konsumatur meta plastik riċiklat jitpoġġewlu tikketti dawn għandhom isegwu regoli trasparenti bħal dawk previsti fl-EN ISO 14021 jew ekwivalenti.

(27)

L-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 1935/2004 jirrikjedi dikjarazzjoni ta’ konformità għall-materjali u l-oġġetti. Il-konvertitur tal-materjal u l-oġġetti ta’ plastik riċiklat għandu jiddikjara li hu qed juża biss plastik riċiklat minn proċess awtorizzat u li l-prodott finali jirrispetta d-dispożizzjonijiet Komunitarji u nazzjonali applikabbli għalih, b’mod partikolari r-Regolament (KE) Nru 1935/2004 u d-Direttiva 2002/72/KE. Ir-riċiklatur għandu jipprovdi l-konvertitur bl-informazzjoni li l-plastik riċiklat hu prodott bi proċess awtorizzat u jispeċifika l-qasam ta’ applikazzjoni. Għalhekk, kemm il-materjal u l-oġġetti lesti ta’ plastik riċiklat kif ukoll il-plastik riċiklat għandhom jiġu akkumpanjati b’dikjarazzjoni ta’ konformità. Informazzjoni ġenerali li trid tiġi pprovduta fid-dikjarazzjoni hi prevista diġà fid-Direttiva 2002/72/KE. Għalhekk, dan ir-Regolament għandu jispeċifika biss l-informazzjoni addizzjonali fir-rigward tal-kontenut tal-plastik riċiklat fil-materjali u l-oġġetti ta’ plastik riċiklat.

(28)

Billi l-materjali u l-oġġetti riċiklati jinsabu diġà fis-suq fl-Istati Membri, għandha ssir dispożizzjoni biex jiġi żgurat li t-tranżizzjoni għal proċedura Komunitarja ta’ awtorizzazzjoni hi bla tfixkil u li ma tfixkilx is-suq eżistenti tal-materjali u ta’ l-oġġetti ta’ plastik riċiklat. Żmien suffiċjenti għandu jkun imħolli għall-applikanti sabiex ipoġġu għad-dispożizzjoni ta’ l-Awtorità l-informazzjoni meħtieġa għall-valutazzjoni tas-sikurezza tal-plastik riċiklat użat fi prodotti ta’ din ix-xorta. Għalhekk, ċertu perjodu ta’ żmien, (il-“fażi inizjali ta’ awtorizzazzjoni”), għandu jiġi ffissat li matulu l-informazzjoni għall-proċessi ta’ riċiklaġġ eżistenti għandha tkun ippreżentata mill-applikanti lill-Awtorità. Applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni ta’ proċessi ġodda ta’ riċiklaġġ jistgħu wkoll jiġu ppreżentati matul il-fażi inizjali ta’ awtorizzazzjoni. L-Awtorità għandha twettaq valutazzjoni mingħajr dewmien dwar l-applikazzjonijiet eżistenti kif ukoll dwar il-proċessi ġodda ta’ riċiklaġġ li tkun ġiet ippreżentata informazzjoni suffiċjenti dwarhom matul il-fażi inizjali ta’ awtorizzazzjoni.

(29)

Meħtieġ li jiġu definiti rekwiżiti speċifiċi dwar is-sistema effettiva li tiżgura l-kwalità użata fil-proċessi ta’ riċiklaġġ. Billi l-assigurazzjoni tal-kwalità hi parti mill-prassi tajba ta’ manifattura li hi koperta bir-Regolament (KE) Nru 2023/2006 r-rekwiżiti speċifiċi dwar is-sistema li tiżgura l-kwalità għandhom jiġu inklużi fl-Anness għal dan ir-Regolament.

(30)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u Ambitu

1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għall-materjali u l-oġġetti tal-plastik u partijiet minnhom maħsuba sabiex jiġu f’kuntatt ma’ oġġetti ta’ l-ikel kif imsemmi fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2002/72/KE li għandhom plastik riċiklat (minn issa ‘l quddiem “il-materjali u l-oġġetti ta’ plastik riċiklat”).

2.   Dan ir-Regolament ma għandux japplika għall-materjali u l-oġġetti ta’ plastik riċiklat segwenti bil-kondizzjoni li dawn ġew immanifatturati skond il-prassi tajba ta’ manifattura, kif previst fir-Regolament (KE) Nru 2023/2006:

(a)

materjali u oġġetti ta’ plastik riċiklat magħmulin b’monomeri u b’sustanzi ta’ bidu, magħmulin minn depolimerizzazzjoni kimika tal-materjali u l-oġġetti tal-plastik;

(b)

materjali u oġġetti ta’ plastik riċiklat magħmulin minn bċejjeċ u fdalijiet u/jew fdalijiet tal-proċess mhux użati skond id-Direttiva 2002/72/KE, li huma riċiklati fil-lokalità tal-manifattura jew li huma wżati f’lokalità oħra;

(ċ)

materjali u oġġetti ta’ plastik riċiklat li fihom il-plastik riċiklat hu użat wara lqugħ funzjonali tal-plastik, kif speċifikat fid-Direttiva 2002/72/KE.

3.   Il-materjali u l-oġġetti tal-plastik li jaqgħu fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament jibqgħu soġġetti għad-Direttiva 2002/72/KE.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

1.   Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw it-tifsiriet previsti fir-Regolament (KE) Nru 1935/2004 u fid-Direttiva 2000/72/KE.

2.   It-tifsiriet li ġejjin għandhom japplikaw ukoll:

(a)

“proċess ta’ riċiklaġġ” iffisser proċess li fih l-iskart tal-plastik jiġi riċiklat skond id-definizzjoni ta’ riċiklaġġ fil-punt 7 ta’ l-Artikolu 3 tad-Direttiva 94/62/KE dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ; għall-fini ta’ dan ir-Regolament, dan it-terminu hu limitat għal proċessi, li fihom jiġi prodott plastik riċiklat;

(b)

input ta’ plastik” ifisser materjali u oġġetti miġbura u kklassifikati wara l-użu tagħhom użati bħala input fi proċess ta’ riċiklaġġ;

(ċ)

“ċirkwiti ta’ prodotti li huma f’katina magħluqa u kkontrollata” tfisser ċikli ta’ manifattura u ta’ distribuzzjoni li fihom il-prodotti jiċċirkulaw b’sistema ta’ użu mill-ġdid u distribuzzjoni kkontrollata, u li fihom il-materjal riċiklat joriġina biss minn dawn l-entitajiet fil-katina, sabiex l-introduzzjoni mhux intenzjonata ta’ materjal estern ikun biss il-minimu li teknikalment hu possibbli.

(d)

“test ta’ sfida” jfisser turija ta’ l-effettività ta’ proċess ta’ riċiklaġġ biex titneħħa kontaminazzjoni kimika minn materjali u oġġetti tal-plastik;

(e)

“konvertitur” ifisser il-persuna naturali jew legali risponsabbli li tiżgura li r-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, fir-rigward tal-materjali u l-oġġetti ta’ plastik riċiklat jintlaħqu mill-kummerċ li jaqa’ taħt il-kontroll tagħhom;

(f)

“riċiklatur” ifisser il-persuna naturali jew legali risponsabbli li tiżgura li r-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, fir-rigward tal-proċess ta’ riċiklaġġ jintlaħqu mill-kummerċ li jaqa’ taħt il-kontroll tagħhom.

Artikolu 3

Rekwiżiti għall-materjali u l-oġġetti ta’ plastik riċiklat

1.   Materjali u oġġetti ta’ plastik riċiklat għandhom jitpoġġew biss fis-suq jekk ikollhom plastik riċiklat meħud biss minn proċess ta’ riċiklaġġ, awtorizzat skond dan ir-Regolament.

2.   Il-proċess awtorizzat ta’ riċiklaġġ, imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Arikolu, għandu jkun immaniġġjat b’sistema xierqa ta’ assigurazzjoni tal-kwalità li tiżgura li l-plastik riċiklat jikkonforma mar-rekwiżiti definiti fl-awtorizzazzjoni.

Din is-sistema ta’ assigurazzjoni tal-kwalità għandha tikkonforma mar-regoli ddettaljati previsti fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 2023/2006.

Artikolu 4

Kondizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tal-proċessi ta’ riċiklaġġ

Sabiex ikun awtorizzat, proċess ta’ riċiklaġġ għandu jikkonforma mal-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-kwalità ta’ l-input tal-plastik għandha tkun ikkaratterizzata u kkontrollata skond il-kriterji stabbiliti minn qabel li jiżguraw konformità tal-materjal u l-oġġett ta’ plastik riċiklat finali ma’ l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1935/2004;

(b)

l-input tal-plastik għandu joriġina minn materjali u oġġetti ta’ plastik li kienu manifatturati skond il-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar il-materjali u l-oġġetti maħsuba sabiex jiġu f’kuntatt ma’ l-ikel, b’mod partikolari d-Direttiva 78/142/KEE (6) tat-30 ta’ Jannar 1978 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ materjali u oġġetti li fihom il-monomer tal-klorur tal-vinil u li huma maħsuba biex jiġu f’kuntatt ma’ oġġetti ta’ l-ikel u d-Direttiva 2002/72/KE;

(ċ)

(i)

jew l-input tal-plastik għandu joriġina minn ċirkwit ta’ prodott li hu f’katina magħluqa u kkontrollata li jiżgura li materjali u oġġetti biss li kienu maħsuba sabiex jiġu f’kuntatt ma’ l-ikel huma użati u kull kontaminazzjoni tista’ titneħħa; jew inkella

(ii)

jrid jiġi pprovat f’test ta’ sfida, jew b’evidenza xjentifika xierqa oħra li l-proċess hu kapaċi jnaqqas kull kontaminazzjoni ta’ l-input tal-plastik għal konċentrazzjoni li ma toħloqx riskju għas-saħħa tal-bniedem;

(d)

il-kwalità tal-plastik riċiklat għandha tkun ikkaratterizzata u kkontrollata skond il-kriterji stabbiliti minn qabel li jiżguraw il-konformità tal-materjal u l-oġġett ta’ plastik riċiklat finali ma’ l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1935/2004;

(e)

għandu jkun hemm kondizzjonijiet stabbiliti dwar l-użu ta’ plastik riċiklat li bihom ikun jista’ jiġi żgurat li l-materjali u l-oġġetti ta’ plastik riċiklat jikkonformaw ma’ l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1935/2004.

Artikolu 5

Applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tal-proċessi ta’ riċiklaġġ u opinjoni ta’ l-Awtorità

1.   Il-proċedura għall-awtorizzazzjoni prevista fl-Artikoli 9 sa 10 tar-Regolament (KE) Nru 1935/2004 għandha tapplika mutatis mutandis għall-awtorizzazzjoni ta’ proċessi ta’ riċiklaġġ, soġġetta għad-dispożizzjonijiet speċifiċi previsti fil-paragrafi 2 sa 4 ta’ dan l-Artikolu.

2.   Il-fajl tekniku għandu jkollu l-informazzjoni speċifikata fil-linji gwida għall-valutazzjoni tas-sikurezza ta’ proċess ta’ riċiklaġġ li jridu jiġu ppubblikati mill-Awtorità mhux aktar tard minn sitt xhur wara d-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

3.   L-Awtorità għandha tagħti opinjoni fi żmien sitt xhur minn meta tirċievi applikazzjoni valida dwar jekk il-proċess jikkonformax jew le mal-kondizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4.

4.   Fil-każ ta’ opinjoni favur l-awtorizzazzjoni tal-proċess ivvalutat ta’ riċiklaġġ, l-opinjoni ta’ l-Awtorità għandu jkollha wkoll dan li ġej:

(a)

deskrizzjoni qasira tal-proċess ta’ riċiklaġġ;

(b)

fejn adatt; kull rakkomandazzjoni dwar il-kondizzjonijiet jew ir-restrizzjonijiet li jikkonċernaw l-input tal-plastik;

(ċ)

fejn adatt; kull rakkomandazzjoni dwar il-kondizzjonijiet jew ir-restrizzjonijiet li jikkonċernaw il-proċess ta’ riċiklaġġ;

(d)

fejn adatt, kull kriterju biex jiġi kkaratterizzat il-plastik riċiklat;

(e)

fejn adatt, kull rakkomandazzjoni li tikkonċerna l-kondizzjonijiet fil-qasam ta’ l-applikazzjoni tal-plastik riċiklat;

(f)

fejn adatt, kull rakkomandazzjoni li tikkonċerna l-konformità tal-monitoraġġ tal-proċess ta’ riċiklaġġ mal-kondizzjonijiet ta’ l-awtorizzazzjoni.

Artikolu 6

Awtorizzazzjoni tal-proċessi ta’ riċiklaġġ

1.   Il-Kummissjoni għandha tadotta Deċiżjoni indirizzata lill-applikant li tagħti jew tirrifjuta l-awtorizzazzjoni tal-proċess ta’ riċiklaġġ.

L-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 1935/2004 għandu jgħodd.

2.   Id-Deċiżjoni għandha tikkunsidra l-opinjoni ta’ l-Awtorità, id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi Komunitarja, u fatturi leġittimi oħrajn rilevanti għall-kwistjoni li qed tiġi kkunsidrata.

Fejn id-Deċiżjoni ma tkunx skond l-opinjoni ta’ l-Awtorità, il-Kummissjoni għandha tipprovdi spjegazzjoni għar-raġunijiet tad-differenzi.

3.   Id-Deċiżjoni li tagħti l-awtorizzazzjoni għandha tinkludi dan li ġej:

(a)

l-isem tal-proċess ta’ riċiklaġġ;

(b)

l-isem u indirizz tad-detentur/i ta’ l-awtorizzazzjoni;

(ċ)

deskrizzjoni qasira tal-proċess ta’ riċiklaġġ;

(d)

kull kondizzjoni jew restrizzjoni li tikkonċerna l-input tal-plastik;

(e)

kull kondizzjoni jew restrizzjoni li tikkonċerna l-proċess tar-riċiklaġġ;

(f)

kull karatterizzazzjoni tal-plastik riċiklat;

(ġ)

kull kondizzjoni fil-qasam ta’ l-użu tal-plastik riċiklat li kien manifatturat bil-proċess ta’ riċiklaġġ;

(h)

kull rekwiżit li jikkonċerna l-monitoraġġ tal-konformità tal-proċess ta’ riċiklaġġ bil-kondizzjonijiet ta’ l-awtorizzazzjoni;

(i)

id-data minn meta l-awtorizzazzjoni hi effettiva.

4.   Id-Deċizjoni li tagħti jew tirrifjuta l-awtorizzazzjoni għandha tiġi ppublikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropej.

5.   L-awtorizzazzjoni maħruġa lid-detentur ta’ l-awtorizzazzjoni għandha tkun valida fil-Komunità kollha.

Il-proċess awtorizzat ta’ riċiklaġġ għandu jiddaħħal fir-Reġistru msemmi fl-Artikolu 9(1).

Artikolu 7

Obbligi li jirriżultaw mill-awtorizzazzjoni

1.   Wara l-awtorizzazzjoni tal-proċess ta’ riċiklaġġ skond dan ir-Regolament, id-detentur ta’ l-awtorizzazzjoni jew kull operatur kummerċjali ieħor li juża l-proċess awtorizzat ta’ riċiklaġġ b’liċenzja għandu jikkonforma mal-kondizzjonijiet jew ir-restrizzjonijiet marbutin ma’ awtorizzazzjoni ta’ din ix-xorta.

Kull konvertitur li juża plastik riċiklat minn proċess awtorizzat ta’ riċiklaġġ jew kull operatur kummerċjali li juża materjali jew oġġetti li għandhom plastik riċiklat minn proċess awtorizzat ta’ riċiklaġġ għandhom jikkonformaw mal-kondizzjoni jew ir-restrizzjoni marbuta ma’ awtorizzazzjoni ta’ din ix-xorta.

2.   Id-detentur ta’ l-awtorizzazzjoni jew kull operatur kummerċjali ieħor li juża l-proċess awtorizzat ta’ riċiklaġġ b’liċenzja għandu immedjatament jinforma lill-Kummissjoni b’kull informazzjoni xjentifika jew teknoloġika ġdida, li tista’ taffettwa l-valutazzjoni ta’ sikurezza tal-proċess ta’ riċiklaġġ fir-rigward tas-saħħa tal-bniedem.

Jekk meħtieġ, l-Awtorità għandha mbagħad tirrevedi l-valutazzjoni.

3.   L-għoti ta’ awtorizzazzjoni ma għandhiex taffettwa r-responsabbiltà ċivili u kriminali ġenerali ta’ kull operatur kummerċjali fir-rigward tal-proċess awtorizzat ta’ riċiklaġġ, u l-ikel li jiġi f’kuntatt ma’ materjal jew oġġett ta’ din ix-xorta.

Artikolu 8

Modifika, sospensjoni u revoka ta’ l-awtorizzazzjoni ta’ proċess ta’ riċiklaġġ

1.   Id-detentur ta’ l-awtorizzazzjoni jista’, b’konformità mal-proċedura prevista fl-Artikolu 5(1), japplika għal modifika ta’ l-awtorizzazzjoni eżistenti.

2.   ma’ l-applikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 iridu jintbagħtu dawn li ġejjin:

(a)

referenza għall-applikazzjoni oriġinali;

(b)

fajl tekniku li jkun fih l-informazzjoni l-ġdida skond il-linji gwida msemmija fl-Artikolu 5(2);

(ċ)

sommarju ġdid komplut tal-fajl tekniku b’forma standardizzata.

3.   Fuq l-inizjattiva tagħha stess jew inkella wara talba minn Stat Membru jew il-Kummissjoni, l-Awtorità għandha tivvaluta jekk l-opinjoni jew l-awtorizzazzjoni tkunx għadha konformi ma’ dan ir-Regolament, skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 5, fejn applikabbli.

4.   Il-Kummissjoni għandha teżamina l-opinjoni ta’ l-Awtorità mingħajr dewmien u jekk meħtieġ tipprepara abbozz tad-Deċiżjoni li għandha tittieħed.

5.   Abbozz tad-Deċiżjoni li timmodifika awtorizzazzjoni għandu jispeċifika kull tibdil meħtieġ fil-kondizzjonijiet ta’ l-użu u, jekk ikun hemm, fir-restrizzjonijiet marbuta ma’ din l-awtorizzazzjoni.

6.   Jekk ikun xieraq, l-awtorizzazzjoni tiġi modifikata, sospiża jew revokata skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 6.

Artikolu 9

Reġistru Komunitarju

1.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi u ż-żomm Reġistru Komunitarju tal-proċessi awtorizzati ta’ riċiklaġġ.

2.   Ir-Reġistru għandu jitpoġġa għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.

3.   Kull reġistrazzjoni fir-Reġistru għandha tinkludi l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 6 (3).

Artikolu 10

Kontroll Uffiċjali

1.   Il-kontroll uffiċjali ta’ l-impjant ta’ riċiklaġġ u tal-konvertitur għandu jsir skond ir-regoli previsti fir-Regolament (KE) Nru 882/2004 u għandu jinkludi b’mod partikolari verifiki bħala kontroll tekniku kif speċifikat fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004.

2.   Il-kontroll uffiċjali għandu jivverifika li l-proċess ta’ riċiklaġġ jikkorrispondi mal-proċess awtorizzat u li sistema effettiva li tiżgura l-kwalità skond ir-Regolament (KE) Nru 2023/2006 hi fis-seħħ.

3.   Id-detentur awtorizzat għandu jinnotifika l-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru dwar il-lokalità ta’ riċiklaġġ jew ta’ manifattura li fiha l-proċess ta’ riċiklaġġ qed jiġi użat. L-Istati Membri għandhom jgħaddu l-informazzjoni lill-Kummissjoni.

Il-lokalitajiet ta’ manifattura jew ta’ riċiklaġġ f’pajjiżi terzi għandhom jiġi mgħarrfa lill-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni għandha tpoġġi għad-dispożizzjoni u ż-żomm reġistru aġġornat tal-lokalitajiet ta’ riċiklaġġ fil-Komunità u l-pajjiżi terzi.

Artikolu 11

Tikketti għall-materjali u l-oġġetti ta’ plastik riċiklat

Awto-dikjarazzjoni voluntarja tal-kontenut riċiklat f’materjali u oġġetti ta’ plastik riċiklat għandha ssegwi r-regoli previsti fl-ISO 14021:1999 jew ekwivalenti.

Artikolu 12

Dikjarazzjoni ta’ konformità u żamma ta’ rekords

1.   Flimkien mar-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2002/72/KE, id-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-materjali u l-oġġetti ta’ plastik riċiklat għandu jkollha l-informazzjoni prevista f’Parti A ta’ l-Anness I ta’ dan ir-Regolament.

2.   Flimkien mar-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2002/72/KE, id-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-materjali u l-oġġetti ta’ plastik riċiklat għandu jkollha l-informazzjoni prevista f’Parti B ta’ l-Anness I ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 13

Miżuri tranżitorji għall-awtorizzazzjoni tal-proċessi ta’ riċiklaġġ

1.   Għall-fażi inizjali ta’ awtorizzazzjoni tal-proċessi ta’ riċiklaġġ, il-proċedura prevista fl-Artikoli 5, 6 u 7 għandha tapplika skond il-paragrafi 2 sa 6 ta’ dan l-Artikolu.

2.   Matul it-18-il xahar li jsegwu l-pubblikazzjoni tal-linji gwida għall-valutazzjoni tas-sikurezza tal-proċess ta’ riċiklaġġ ta’ l-Awtorità kif previst fl-Artikolu 5(2), operaturi kummerċjali li jitolbu awtorizzazzjoni għandhom jippreżentaw applikazzjoni skond l-Artikolu 5.

3.   Il-Kummissjoni għandha tpoġġi għad-dispożizzjoni tal-pubbliku reġistru tal-proċessi ta’ riċiklaġġ li ġiet ippreżentata applikazzjoni valida għalihom skond il-paragrafu 2.

4.   L-Awtorità għandha tesprimi opinjoni dwar kull proċess ta’ riċiklaġġ li għalih ġiet ippreżentata applikazzjoni valida matul il-perjodu ta’ referenza fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu. Il-limitu taż-żmien ta’ sitt xhur għall-ħruġ ta’ l-opinjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 5(3), ma għandux japplika.

5.   Applikazzjonijiet li dwarhom l-Awtorità ma setgħetx tesprimi opinjoni minħabba li l-applikant ikun naqas li jikkonforma mal-limiti ta’ żmien speċifikati għall-preżentazzjoni ta’ l-informazzjoni addizzjonali skond l-Artikolu 10(2) tar-Regolament (KE) Nru 1935/2004 għandhom ikunu esklużi mill-konsiderazzjoni għall-inklużjoni fil-lista inizjali.

6.   Fi żmien sitt xhur li jingħataw l-opinjonijiet kollha msemmija fil-paragrafu 4, il-Kummissjoni għandha tippreżenta għal opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali abbozz ta’ Deċiżjonijiet li jagħtu jew jirrifjutaw l-awtorizzazzjoni għall-proċess ta’ riċiklaġġ imsemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 14

Miżuri tranżitorji għall-kummerċ u l-użu tal-plastik riċiklat

1.   Il-kummerċ u l-użu tal-plastik riċiklat minn proċess ta’ riċiklaġġ li diġà jinsab fil-post fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, li għalih ġiet irrifjutata awtorizzazzjoni jew li għalih ma ġiet ippreżentata ebda applikazzjoni valida skond l-Artikolu 13 għandu jiħalla sa sitt xhur wara d-data ta’ l-adozzjoni tad-Deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 13(6).

2.   Il-kummerċ u l-użu ta’ materjali u oġġetti ta’ plastik riċiklat li għandhom plastik riċiklat minn proċess ta’ riċiklaġġ li diġà hu fil-post fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, li ġiet irrifjutata l-awtorizzazzjoni għalih jew li għalih ma ġiet ippreżentata ebda applikazzjoni skond l-Artikolu 13 għandhom jitħallew sakemm jispiċċaw il-ħażniet tagħhom.

Artikolu 15

Emenda għar-Regolament (KE) Nru 2023/2006

L-Anness tar-Regolament (KE) Nru 2023/2006 huwa emendat skond l-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 16

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Madankollu, l-Artikoli 3, 9, 10 u 12 għandhom japplikaw mid-data ta’ l-adozzjoni tad-Deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 13(6). Sa din id-data, id-dispożizzjonijiet nazzjonali fis-seħħ dwar il-materjali u l-oġġetti ta’ plastik riċiklat għandhom jibqgħu applikabbli fl-Istati Membri.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u hu applikabbli direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 27 ta’ Marzu 2008.

Għall-Kummissjoni

Androulla VASSILIOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 338, 13.11.2004, p. 4.

(2)  ĠU L 365, 31.12.1994, p. 10. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2005/20/KE (ĠU L 70, 16.3.2005, p. 17).

(3)  ĠU L 220, 15.8.2002, p. 18. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2007/19/KE (ĠU L 91, 31.3.2007, p. 17).

(4)  ĠU L 384, 29.12.2006, p. 75.

(5)  ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1; verżjoni kkoreġuta (ĠU L 191, 28.5.2004, p. 1). Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 180/2008 (ĠU L 56, 29.2.2008, p. 4).

(6)  ĠU L 44, 15.2.1978, p. 15.


ANNESS I

PARTI A

Informazzjoni Addizzjonali fid-Dikjarazzjoni ta’ Konformità għal materjali u oġġetti ta’ plastik riċiklat

Id-dikjarazzjoni bil-miktub imsemmija fl-Artikolu 12(1) għandu jkollha l-informazzjoni addizzjonali li ġejja:

Dikjarazzjoni li ntuża plastik riċiklat biss minn proċess awtorizzat ta’ riċiklaġġ li telenka n-numru tar-Registru tal-KE tal-proċess awtorizzat ta’ riċiklaġġ.

PARTI B

Informazzjoni Addizzjonali fid-Dikjarazzjoni ta’ Konformità għall-Plastik Riċiklat

Id-dikjarazzjoni bil-miktub imsemmija fl-Artikolu 12(2) għandu jkollha l-informazzjoni addizzjonali li ġejja:

1.

Id-dikjarazzjoni li l-proċess ta’ riċiklaġġ kien awtorizzat li telenka n-numru tar-Reġistru tal-KE tal-proċess awtorizzat ta’ riċiklaġġ.

2.

Id-dikjarazzjoni li l-input tal-plastik, il-proċess ta’ riċiklaġġ u l-plastik riċiklat jissodisfaw l-ispeċifikazzjonijiet li għalihom ingħatat l-awtorizzazzjoni.

3.

Id-dikjarazzjoni li sistema ta’ assigurazzjoni tal-kwalità skond it-Taqsima B ta’ l-Anness tar-Regolament (KE) Nru 2023/2006 tinstab fil-post.


ANNESS II

L-Anness tar-Regolament (KE) Nru 2023/2006 hu emendat kif ġej:

(1)

It-titolu ta’ taqsima segwenti qed jiddaħħal wara t-titolu:

“A.   Linka tipografika”

(2)

Qed tiżdied it-taqsima segwenti:

“B.   Sistema li tiżgura l-kwalità għal Proċessi ta’ Plastik Riċiklat Koperti mir-Regolament (KE) Nru 282/2008 dwar materjali u oġġetti ta’ plastik riċiklat maħsuba sabiex jiġu f'kuntatt ma’ l-oġġetti ta’ l-ikel u li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2023/2006

1.

Is-Sistema li Tiżgura l-Kwalità implimentata mir-riċiklatur għandha tagħti fiduċja xierqa fil-kapaċità tal-proċess ta’ riċiklaġġ biex jiġi żgurat li l-plastik riċiklat jissodisfa r-rekwiżiti fl-awtorizzazzjoni.

2.

L-elementi, ir-rekwiżiti u d-dispożizzjonijiet kollha adottati mir-riċiklatur għas-sistema tiegħu li tiżgura l-kwalità għandha tkun dokumentata b'mod sistematiku u bl-ordni fl-għamla ta’ dikjarazzjonijiet u proċeduri bil-miktub tal-politika.

Din id-dokumentazzjoni tas-sistema tal-kwalità għandha tippermetti l-interpretazzjoni uniformi tal-politika u tal-proċeduri tal-kwalità bħalma huma l-programmi dwar il-kwalità, il-pjanijiet, il-manwali, ir-rekords u l-miżuri meħudin biex tiġi żgurata t-traċċjabilità.

Għandha tinkludi, b'mod partikolari:

(a)

manwali dwar il-politika ta’ kwalità, li jkollu definizzjoni ċara ta’ l-għanijiet ta’ kwalità tar-riċiklatur, ta’ l-organizzazzjoni tal-kummerċ u b'mod partikolari ta’ l-istrutturi organizzattivi, tar-responsabbiltajiet ta’ l-istaff maniġerjali u l-awtorità organizzattiva tagħhom fejn hi kkonċernata l-manifattura ta’ plastik riċiklat;

(b)

il-pjanijiet għall-kontroll tal-kwalità, inklużi dawk għal input u l-karatterizzazzjoni tal-plastik riċiklat, il-kwalifika tal-fornituri, il-proċessi ta’ kklassifikar, il-proċessi ta’ ħasil, il-proċess ta’ tnaddif fil-fond, il-proċessi ta’ tisħin, jew kull parti oħra tal-proċess rilevanti għall-kwalità tal-plastik riċiklat inkluż l-għażla tal-punti li huma kritiċi għall-kontroll ta’ kwalità tal-plastik riċiklat;

(ċ)

il-proċeduri ta’ l-immaniġġjar u l-operat implimentati għall-monitoraġġ u l-kontroll tal-proċess kollu ta’ riċiklaġġ, inklużi l-ispezzjoni u t-tekniċi li jiżguraw il-kwalità fl-istadji kollha ta’ manifattura, b'mod speċjali l-iffissar ta’ limiti kritiċi fil-punti li huma kritiċi għall-kwalità tal-plastik riċiklat;

(d)

il-metodi għal monitoraġġ effiċjenti ta’ l-operat tas-sistema ta’ kwalità u b'mod partikolari l-abbiltà tagħha biex tintlaħaq il-kwalità mixtieqa tal-plastik riċiklat, inkluż il-kontroll ta’ prodotti li ma jirnexxilhomx jikkonformaw;

(e)

it-testijiet u l-protokolli analitiċi jew kull evidenza xjentifika oħra użati qabel, matul jew wara l-produzzjoni ta’ plastik riċiklat, il-frekwenza li biha dawn se jsiru, u t-tagħmir użat għat-testijiet; għandu b'mod adegwat ikun possibbli li jiġi ttraċċat il-kalibru tat-tagħmir użat fit-testijiet;

(f)

id-dokumenti tar-rekords adottati.”


Top