EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008L0037

Direttiva 2008/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta’ Marzu 2008 li temenda d-Direttiva 2005/68/KE dwar riassigurazzjoni, rigward is-setgħat ta’ implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 81, 20.3.2008, p. 71–72 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 01/11/2012

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2008/37/oj

20.3.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 81/71


DIRETTIVA 2008/37/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta’ Marzu 2008

li temenda d-Direttiva 2005/68/KE dwar riassigurazzjoni, rigward is-setgħat ta’ implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 47(2) u 55 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2005/68/KE (3) tal-Parlament u tal-Kunsill tistabbilixxi li ċerti miżuri għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni (4).

(2)

Id-Deċiżjoni 1999/468/KE ġiet emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE, li introduċiet il-proċedura regolatorja bi skrutinju ġhall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ kamp ta’ applikazzjoni ġenerali mfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ strument bażiku adottat skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat, inter alia billi jħassru xi wħud minn dawk l-elementi jew billi jissupplimentaw l-istrument b’elementi ġodda mhux essenzjali.

(3)

Skond id-dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (5) dwar id-Deċiżjoni 2006/512/KE, sabiex il-proċedura regolatorja bi skrutinju tkun applikabbli għall-istrumenti adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat, li jkunu diġà fis-seħħ, dawk l-istrumenti għandhom jiġu aġġustati skond il-proċeduri applikabbli.

(4)

Il-Kummissjoni ghandha tingħata s-setgħa sabiex tadotta l-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 2005/68/KE sabiex jittieħed kont ta’ l-iżviluppi tekniċi fis-settur ta’ l-assigurazzjoni jew fis-swieq finanzjarji u sabiex tiġi zgurata l-applikazzjoni uniformi ta’ dik id-Direttiva. B’mod aktar partikolari, dawk il-miżuri huma maħsuba biex jestendu l-lista ta’ formoli legali, jiċċaraw jew jaġġustaw il-punti li jikkostitwixxu l-marġni tas-solvibbiltà, iżidu l-premiums jew ammonti tat-talbiet użati għall-kalkolu tal-marġni tas-solvibbiltà għal ċerti attivitajiet ta’ riassigurazzjoni jew tipi ta’ kuntratti, jibdlu l-fond minimu ta’ garanzija u jiċċaraw id-definizzjonijiet. Billi dawk il-miżuri huma ta’ ambitu ġenerali u mfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali tad-Direttiva 2005/68/KE, inter alia billi jissupplimentawha b’elementi ġodda mhux essenzjali, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju stabbilita fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

(5)

Id-Direttiva 2005/68/KE għandha għalhekk tiġi emendata kif meħtieġ.

(6)

Ladarba l-emendi lid-Direttiva 2005/68/KE permezz ta’ din id-Direttiva huma ta’ natura teknika u jirrigwardaw biss il-proċedura tal-kumitat, huma ma jeħtiġux traspożizzjoni mill-Istati Membri. Għalhekk m’huwiex meħtieġ li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet għal dan il-għan,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi

Id-Direttiva 2005/68/KE hija b’dan emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 55 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

Il-paragrafu 2 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5a(1) sa (4) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b’kont meħud tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.”;

(b)

Il-paragrafu 3 għandu jiġi mħassar.

(2)

Fl-Artikolu 56, il-frażi ta’ introduzzjoni għandha tiġi mibdula b’dan li ġej:

“Il-miżuri ta’ implimentazzjoni li ġejjin, imfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva, inter alia billi jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 55(2).”.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, 11 ta’ Marzu 2008.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Għall-Kunsill

Il-President

J. LENARČIČ


(1)  ĠU C 161, 13.7.2007, p. 45.

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta’ l-10 ta’ Lulju 2007 (għadha mhux ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tat-3 ta’ Marzu 2008.

(3)  ĠU L 323, 9.12.2005, p. 1. Id-Direttiva kif emendata bid-Direttiva 2007/44/KE (ĠU L 247, 21.9.2007, p. 1).

(4)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Id-Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).

(5)  ĠU C 255, 21.10.2006, p. 1.


Top