Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008E0844

    Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/844/PESK tal- 10 ta’ Novembru 2008 li temenda l-Pożizzjoni Komuni 2006/276/PESK dwar miżuri restrittivi kontra ċerti uffiċjali tal-Belarus

    ĠU L 300, 11.11.2008, p. 56–56 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 06/04/2009; Imħassar b' 32009E0314

    ELI: http://data.europa.eu/eli/compos/2008/844/oj

    11.11.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 300/56


    POŻIZZJONI KOMUNI TAL-KUNSILL 2008/844/PESK

    tal-10 ta’ Novembru 2008

    li temenda l-Pożizzjoni Komuni 2006/276/PESK dwar miżuri restrittivi kontra ċerti uffiċjali tal-Belarus

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 15 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Fl-10 ta’ April 2006, il-Kunsill addotta l-Pożizzjoni Komuni 2006/276/PESK dwar miżuri restrittivi kontra ċerti uffiċjali tal-Belarus u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2004/661/PESK (1).

    (2)

    Fit-13 ta' Ottubru 2008, il-Kunsill qabel li l-miżuri restrittivi previsti fil-Pożizzjoni Komuni 2006/276/PESK għandhom jiġu estiżi għal perijodu ta’ 12-il xahar. Sadanittant, il-Kunsill qabel ukoll li r-restrizzjonijiet ta' soġġorn maħsubin għal ċerti uffiċjali tal-Belarus, bl-eċċezzjoni ta' dawk involuti fl-għajbien tal-1999-2000 u tal-President tal-Kummissjoni Elettorali Ċentrali, m'għandhomx japplikaw għal perijodu ta' sitt xhur li jiġġeddu, bil-ħsieb li jiġu mħeġġa d-djalogu mal-awtoritajiet tal-Belarus u l-adozzjoni ta' miżuri għat-tisħiħ tad-demokrazija u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem.

    (3)

    Wara l-perijodu ta' sitt xhur imsemmi hawn fuq, il-Kunsill ser jerġa' jeżamina s-sitwazzjoni fil-Belarus u jevalwa l-progress miksub mill-awtoritajiet Belarusjani fir-rigward tar-riforma tal-kodiċi elettorali, bil-mira li dan isir f'konformità mal-impenji mwettqin fil-qafas tal-OSCE u l-istandards internazzjonali l-oħra dwar elezzjonijiet demokratiċi. Il-Kunsill japprezza wkoll kull azzjoni konkreta oħra mmirata lejn ir-rinfurzar tar-rispett tal-valuri demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, inkluż il-libertà tal-espressjoni u tal-istampa, kif ukoll il-libertà ta' assemblea u ta' assoċjazzjoni politika, u l-Istat tad-Dritt. Il-Kunsill jista' jiddeċiedi li japplika r-restrizzjonijiet ta' soġġorn aktar kmieni jekk ikun meħtieġ, fid-dawl tar-restrizzjonijiet tal-awtoritajiet tal-Belarus fil-qasam tad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem.

    (4)

    Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/288/PESK tas-7 ta' April 2008 li ġġedded miżuri restrittivi kontra ċerti uffiċjali tal-Belarus sal-10 ta' April 2009 għandha tiġi revokata.

    ADDOTTA DIN IL-POŻIZZJONI KOMUNI:

    Artikolu 1

    Il-Pożizzjoni Komuni 2006/276/PESK hija b'dan estiża sat-13 ta' Ottubru 2009.

    Artikolu 2

    1.   Il-miżuri previsti fl-Artikolu 1 (1)(b) tal-Pożizzjoni Komuni 2006/276/PESK, safejn japplikaw għas-Sur Youri Nikolaïevitch Podobed, huma sospiżi sat-13 ta' April 2009.

    2.   Il-miżuri previsti fl-Artikolu 1 (1)(c) tal-Pożizzjoni Komuni 2006/276/PESK, huma sospiżi sat-13 ta' April 2009.

    Artikolu 3

    Qabel it-13 ta' April 2009, din il-Pożizzjoni Komuni għandha tiġi eżaminata mill-ġdid fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarus.

    Artikolu 4

    Il-Pożizzjoni Komuni 2008/288/PESK hija b'dan imħassra.

    Artikolu 5

    Din il-Pożizzjoni Komuni għandu jkollha effett mill-jum tal-adozzjoni tagħha.

    Artikolu 5

    Din il-Pożizzjoni Komuni għandha tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmula fi Brussell, 10 ta’ Novembru 2008.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    B. KOUCHNER


    (1)  ĠU L 101, 11.4.2006, p. 5.


    Top