EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008D0645

2008/645/KE: Deċiżjoni tal-Kunsill tal- 15 ta’ Lulju 2008 li temenda d-Deċiżjoni 97/126/KE dwar il-konklużjoni ta’ ftehim bejn il-Komunità Ewropea, min-naħa waħda, u l-Gvern tad-Danimarka u l-Gvern Lokali tal-Gżejjer Faroe, min-naħa l-oħra

ĠU L 212, 7.8.2008, p. 3–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/645/oj

7.8.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 212/3


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-15 ta’ Lulju 2008

li temenda d-Deċiżjoni 97/126/KE dwar il-konklużjoni ta’ ftehim bejn il-Komunità Ewropea, min-naħa waħda, u l-Gvern tad-Danimarka u l-Gvern Lokali tal-Gżejjer Faroe, min-naħa l-oħra

(2008/645/KE)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 133 flimkien ma’ l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 300(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 97/126/KE (1) tirrigwarda l-konklużjoni ta’ ftehim bejn il-Komunità Ewropea, min-naħa waħda, u l-Gvern tad-Danimarka u l-Gvern Lokali tal-Gżejjer Faroe, min-naħa l-oħra (minn issa ’l quddiem imsejjaħ “il-Ftehim”).

(2)

Skond l-Artikolu 31 ta’ dak il-Ftehim, huwa stabbilit Kumitat Konġunt li huwa responsabbli għall-amministrazzjoni tal-Ftehim u l-iżgurar ta’ l-implimentazzjoni xierqa tiegħu. Għal dak il-għan, il-Kumitat jagħmel rakkomandazzjonijiet u jieħu deċiżjonijiet, li għandhom ikunu implimentati mill-Partijiet Kontraenti skond ir-regoli proprji tagħhom. Għal dak il-għan, fid-Deċiżjoni 97/126/KE għandu jingħad espliċitament li l-Kummissjoni hija awtorizzata tadotta tali regoli dettaljati ta’ implimentazzjoni, fejn dan ikun meħtieġ.

(3)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt stabbilit bl-Artikolu 31 tal-Ftehim għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ l-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (2).

(4)

Id-Deċiżjoni 97/126/KE għandha għalhekk tiġi emendata skond dan,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Fid-Deċiżjoni 97/126/KE għandhom jiġu miżjuda l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 3

Il-Kummissjoni għandha, fejn neċessarju, tadotta r-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet u tad-deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt stabbiliti bl-Artikolu 31 tal-Ftehim skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 4 (2) ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat ta’ Tmexxija għall-Organizzazzjoni Komuni tas-swieq agrikoli stabbilit bl-Artikolu 195 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (*)

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni (**).

Il-perjodu stipulat fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun definit bħala xahar wieħed.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, 15 ta’ Lulju 2008.

Għall-Kunsill

Il-President

M. BARNIER


(1)  ĠU L 53, 22.2.1997, p. 1.

(2)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Id-Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).


Top