EUR-Lex Juurdepääs Euroopa Liidu õigusaktidele

Tagasi EUR-Lexi avalehele

See dokument on väljavõte EUR-Lexi veebisaidilt.

Dokument 32008D0627

2008/627/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad- 29 ta’ Lulju 2008 li tikkonċerna perjodu ta’ tranżizzjoni għal attivitajiet ta’ verifika minn ċerti awdituri u entitajiet ta’ verifika ta’ pajjiżi terzi (notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 3942) Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 202, 31.7.2008, lk 70—73 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Dokumendi õiguslik staatus Kehtivad

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/627/oj

31.7.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 202/70


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tad-29 ta’ Lulju 2008

li tikkonċerna perjodu ta’ tranżizzjoni għal attivitajiet ta’ verifika minn ċerti awdituri u entitajiet ta’ verifika ta’ pajjiżi terzi

(notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 3942)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2008/627/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar il-verifiki statutorji tal-kontijiet annwali u tal-kontijiet konsolidati, li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 84/253/KEE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 46(2) tagħha,

Billi:

(1)

Skond l-Artikolu 45(1) tad-Direttiva 2006/43/KE l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri għandhom jirreġistraw lill-awdituri u l-entitajiet tal-verifika kollha minn pajjiż terz li jipprovdu rapport ta’ verifika rigward ċerti kumpaniji inkorporati [kostitwiti] barra l-Komunità u li t-titoli trasferibbli tagħhom ikunu ammessi għan-negozju f’suq regolat fil-Komunità. L-Artikolu 45(3) tad-Direttiva 2006/43/KE jitlob li l-Istati Membri għandhom iżommu l-entitajiet tal-verifika u l-awdituri, minn pajjiżi terzi, rreġistrati taħt is-sistema ta’ sorveljanza tagħhom, is-sistema ta’ l-assigurazzjoni ta’ kwalità tagħhom u s-sistema ta’ investigazzjonijiet u pieni tagħhom.

(2)

Skond l-Artikolu 46(2) tad-Direttiva 2006/43/KE l-Kummissjoni għandha tivvaluta l-ekwivalenza tas-sistemi ta’ sorveljanza pubblika, ta’ l-assigurazzjoni ta’ kwalità u ta’ investigazzjonijiet u pieni tal-pajjiżi terzi, f’kooperazzjoni ma’ l-Istati Membri u għandha tieħu deċiżjoni fuqha. Jekk dawn is-sistemi jiġu rikonoxxuti bħala ekwivalenti, l-Istati Membri jistgħu jeżentaw lill-awdituri u lill-entitajiet tal-verifika ta’ pajjiżi terzi mir-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 45 tad-Direttiva abbażi tar-reċiproċità.

(3)

Il-Kummissjoni wettqet valutazzjoni preliminarja tar-regolamentazzjoni tal-verifika rilevanti għal pajjiżi terzi flimkien mal-Grupp Ewropew ta’ Entitajiet ta’ Sorveljanza ta’ l-Awdituri. Madankollu, il-valutazzjonijiet ma ppermettewx li jittieħdu deċiżjonijiet finali dwar l-ekwivalenza iżda pprovdew stampa inizjali tal-qagħda ta’ regolamentazzjoni ta’ verifika fil-pajjiżi terzi kkonċernati. Ċerti pajjiżi terzi għandhom sistema ta’ sorveljanza pubblika f’postha, għalkemm għalissa t-tagħrif dwar is-sistemi mhuwiex suffiċjenti biex jippermetti li jittieħdu deċiżjonijiet ta’ ekwivalenza finali. Oħrajn ma għandhomx sistemi ta’ sorveljanza pubblika bħal dawn iżda stabbilixxew qafas regolatorju ta’ verifika li jipprometti ċaqliq lejn sistemi bħal dawn.

(4)

Minħabba l-ħtieġa għal valutazzjonijiet oħra bil-għan li jittieħdu deċiżjonijiet ta’ ekwivalenza finali dwar ir-regolamentazzjoni tal-verifika fis-seħħ f’pajjiżi terzi, huwa xieraq li tittieħed deċiżjoni li tipprovdi għal perjodu ta’ tranżizzjoni għal awdituri u entitajiet ta’ verifika minn pajjiżi terzi kkonċernati sabiex ikunu jistgħu jitwettqu tali valutazzjonijiet. Għalhekk matul dan il-perjodu, deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza m’għandhomx jittieħdu mill-Istati Membri fil-livell nazzjonali.

(5)

Peress li jenħtieġ li jiġu protetti l-investituri, matul il-perjodu tranżitorju l-awdituri u l-entitajiet tal-verifika mill-pajjiżi terzi kkonċernati għandhom ikunu jistgħu jkomplu bl-attivitajiet tagħhom ta’ verifika mingħajr ma jiġu rreġistrati skond l-Artikolu 45 tad-Direttiva 2006/43/KE sakemm qed jipprovdu tagħrif dwarhom infushom, dwar l-istandards ta’ verifika u r-rekwiżiti ta’ indipendenza applikati meta jitwettqu verifiki. Għal fini ta’ dan ikun utli wkoll tagħrif dwar ir-riżultat tar-reviżjonijiet individwali dwar l-assigurazzjoni ta’ kwalità.

(6)

Skond dawn il-kundizzjonijiet, l-awdituri u l-entitajiet ta’ verifika mill-pajjiżi terzi kkonċernati għandhom ikunu jistgħu jkomplu bl-attivitajiet tagħhom fir-rigward tar-rapporti ta’ verifika li jikkonċernaw il-kontijiet annwali jew konsolidati għas-snin finanzjarji li jibdew matul il-perjodu mid-29 ta’ Ġunju 2008 sa l-1 ta’ Lulju 2010. Skond dan, matul dan il-perjodu ta’ tranżizzjoni, l-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 45 tad-Direttiva 2006/43/KE għandhom ikunu jistgħu jirreġistraw dawk l-awdituri u l-entitajiet ta’ verifika. Madankollu, din id-Deċiżjoni ma għandhiex taffettwa d-drittijiet ta’ l-Istati Membri li japplikaw is-sistemi ta’ l-investigazzjonijiet u l-pieni tagħhom.

(7)

Il-fatt li l-awdituri u l-entitajiet tal-verifika ta’ pajjiżi terzi, jistgħu b’din id-Deċiżjoni, ikomplu bl-attivitajiet tal-verifika fir-rigward tal-kumpaniji msemmiji fl-Artikolu 45 tad-Direttiva 2006/43/KE ma għandux iżomm lill-Istati Membri milli jistabbilixxu arranġamenti kooperattivi dwar ir-reviżjonijiet ta’ l-assigurazzjoni ta’ kwalità fil-livell individwali bejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru u l-awtorità kompetenti ta’ pajjiż terz.

(8)

Il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-operat ta’ l-arranġamenti tranżitorji fi żmien xieraq. Jekk il-pajjiżi terzi kkonċernati sa dak iż-żmien ma jkollhomx sistema ta’ sorveljanza pubblika fis-seħħ, għandu jiġi aċċertat jekk l-awtoritajiet kompetenti tat-tali pajjiżi jkunux ħadu l-impenn pubbliku quddiem il-Kummissjoni biex jikkonformaw mal-kriterji ta’ l-ekwivalenza bbażati fuq l-Artikoli 29, 30 u 32 tad-Direttiva 2006/43/KE u jekk ikunx hemm il-ħtieġa għal perjodu ta’ tranżizzjoni addizzjonali. Fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, il-Kummissjoni tista’ tieħu deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza tar-regolamentazzjoni tal-verifika tal-pajjiżi terzi kkonċernati. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tirrevedi jekk l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri ltaqgħux ma’ diffikultajiet li t-tali pajjiżi terzi għandhom jirrikonoxxu. Imbagħad, hija r-responsabbiltà ta’ l-Istati Membri li jiddeċiedu skond l-Artikolu 46 tad-Direttiva 2006/43/KE abbażi tar-reċiproċità jekk għandhomx ma japplikawx jew inkella jimmodifikaw ir-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 45(1) u (3) tad-Direttiva fir-rigward ta’ l-awdituri u l-entitajiet ta’ verifika minn pajjiżi terzi rikonoxxuti li huma ekwivalenti.

(9)

Il-miżuri li għalihom hemm ipprovdut f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Regolatorju tal-Verifiki,

ADDOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   L-Istati Membri ma għandhomx japplikaw l-Artikolu 45 tad-Direttiva 2006/43/KE fir-rigward tar-rapporti ta’ verifika li jikkonċernaw il-kontijiet annwali jew il-kontijiet konsolidati, kif imsemmi fl-Artikolu 45(1) ta’ din id-Direttiva, għas-snin finanzjarji li jibdew matul il-perjodu mid-29 ta’ Ġunju 2008 sa l-1 ta’ Lulju 2010, li jinħarġu mill-awdituri jew mill-entitajiet tal-verifka ta’ pajjiżi terzi msemmija fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni, f’każijiet fejn l-awditur jew l-entità tal-verifika ikkonċernat/a tal-pajjiż terz jipprovdi/tipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru b’dan li ġej:

(a)

l-isem u l-indirizz ta’ l-entità tal-verifika jew ta’ l-awditur ikkonċernat/a u t-tagħrif dwar l-istruttura legali tiegħu/tagħha;

(b)

meta l-entità tal-verifika jew l-awditur ikun jappartjeni għal netwerk, deskrizzjoni tan-netwerk;

(c)

l-istandards tal-verifika u r-rekwiżiti ta’ l-indipendenza li ġew applikati għall-verifika kkonċernata;

(d)

deskrizzjoni tas-sistema interna ta’ kontroll tal-kwalità ta’ l-entità tal-verifka;

(e)

indikazzjoni ta’ jekk u meta saret l-aħħar reviżjoni ta’ l-assigurazzjoni ta’ kwalità ta’ l-awditur jew ta’ l-entità tal-verifika u t-tagħrif kollu dwar ir-riżultat tar-reviżjoni. Meta t-tagħrif dwar ir-riżultat ta’ l-aħħar reviżjoni dwar l-assigurazzjoni ta’ kwalità ma jkunx miftuħ għall-pubbliku u t-tali tagħrif ma jistax jingħata b’mod dirett mill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż terz ikkonċernat, l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri għandhom jittrattaw it-tali tagħrif fuq bażi kunfidenzjali.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-pubbliku jinżamm infurmat dwar l-isem u l-indirizz ta’ l-awdituri u ta’ l-entitajiet tal-verifika tal-pajjiżi terzi msemmija fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni u dwar il-fatt li għall-finijiet tad-Direttiva 2006/43/KE dawk il-pajjiżi terzi għadhom ma ġewx rikonoxxuti bħala ekwivalenti. Għal dawn l-għanijiet, l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 45 tad-Direttiva jistgħu jirreġistraw ukoll lill-awdituri u l-entitajiet ta’ verifika mill-pajjiżi terzi msemmija fl-Anness.

3.   Minkejja l-paragrafu 1, Stati Membri jistgħu japplikaw is-sistemi ta’ l-investigazzjonijiet u l-penali għall-awdituri u l-entitajiet ta’ verifika mill-pajjiżi msemmija fl-Anness.

4.   Il-paragrafu 1 huwa mingħajr preġudizzju għal arranġamenti kooperattivi dwar reviżjonijiet ta’ l-assigurazzjoni ta’ kwalità bejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru u l-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiż terz imsemmi fl-Anness sakemm tali arranġament ikun jilħaq dawn il-kriterji kollha li ġejjin:

(a)

l-arranġament jinkludi t-twettiq ta’ reviżjonijiet ta’ l-assigurazzjoni ta’ kwalità abbażi tat-trattament ugwali;

(b)

ġie kkomunikat lill-Kummissjoni minn qabel;

(c)

ma jippreġudikax l-ebda deċiżjoni tal-Kummissjoni skond l-Artikolu 47 tad-Direttiva 2006/43/KE.

Artikolu 2

Sa mhux aktar tard minn sentejn wara, il-Kummissjoni għandha tirrevedi s-sitwazzjoni tal-pajjiżi terzi msemmija fl-Anness. B’mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tivverifika jekk l-awtoritajiet amministrattivi kompetenti ta’ dawk il-pajjiżi terzi, msemmija fl-Anness li għalihom l-ebda deċiżjoni dwar ekwivalenza ma ttieħdet mill-Kummissjoni, ħadux impenn pubbliku quddiem il-Kummissjoni li jistabbilixxu sistemi ta’ sorveljanza pubblika u ta’ kwalità ta’ l-assigurazzjoni fuq il-bażi ta’ dawn il-prinċipji:

(a)

is-sistemi huma indipendenti mill-professjoni tal-verifika;

(b)

jiżguraw sorveljanza adegwata għal verifiki ta’ kumpaniji elenkati;

(c)

l-operat tagħhom huwa trasparenti u jiżgura l-affidabbiltà tar-riżultat tar-reviżjonijiet ta’ l-assigurazzjoni ta’ kwalità;

(d)

huma appoġġjati minn investigazzjonijiet u penali b’mod effettiv.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, 29 ta’ Lulju 2008.

Għall-Kummissjoni

Charlie McCREEVY

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 157, 9.6.2006, p. 87. Id-Direttiva kif emendata bid-Direttiva 2008/30/KE (ĠU L 81, 20.3.2008, p. 53).


ANNESS

LISTA TA’ PAJJIŻI TERZI

 

L-Arġentina

 

L-Awstralja

 

Il-Baħamas

 

Il-Bermudas

 

Il-Brażil

 

Il-Kanada

 

[Il-Gżejjer Cayman]

 

Iċ-Ċilì

 

Iċ-Ċina

 

Il-Kroazja

 

Guernsey, Jersey, il-Gżira ta’ Man

 

Ħong Kong

 

L-Indja

 

L-Indoneżja

 

L-Iżrael

 

Il-Ġappun

 

Il-Każakstan

 

[Il-Malasja]

 

Il-Mawrizju

 

Il-Messiku

 

Il-Marokk

 

New Zealand

 

Il-Pakistan

 

Ir-Russja

 

Singapor

 

L-Afrika t’Isfel

 

Il-Korea t’Isfel

 

L-Iżvizzera

 

It-Tajwan

 

It-Tajlandja

 

It-Turkija

 

L-Ukraina

 

L-Emirati Għarab Magħquda

 

L-Istati Uniti ta’ l-Amerika


Üles