Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008D0312

    2008/312/Euratom: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 5 ta’ Marzu 2008 li tistabbilixxi d-dokument standard għas-sorveljanza u l-kontroll tal-ġarr ta’ skart radjoattiv u fjuwil użat imsemmija fid-Direttiva tal-Kunsill 2006/117/Euratom (notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 793)

    ĠU L 107, 17.4.2008, p. 32–59 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 17/04/2008

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/312/oj

    17.4.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 107/32


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tal-5 ta’ Marzu 2008

    li tistabbilixxi d-dokument standard għas-sorveljanza u l-kontroll tal-ġarr ta’ skart radjoattiv u fjuwil użat imsemmija fid-Direttiva tal-Kunsill 2006/117/Euratom

    (notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 793)

    (2008/312/Euratom)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2006/117/Euratom ta' l-20 ta’ Novembru 2006, dwar is-sorveljanza u l-kontroll tal-ġarr ta’ skart radjoattiv u fjuwil użat (1) u b’mod partikolari l-Artikolu 17(2) tagħha,

    Wara li kisbet l-opinjoni tal-Kumitat Konsultattiv imwaqqaf skond il-proċedura stabbilita bl-Artikolu 21;

    Billi:

    (1)

    Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi dokument standard ġdid biex jintuża għall-ġarr ta’ skart radjoattiv u fjuwil użat fl-ambitu tad-Direttiva 2006/117/Euratom;

    (2)

    Id-dokument standard ġdid huwa meħtieġ biex ikun applikat għall-ġarr ta’ skart radjoattiv u fjuwil użat bejn l-Istati Membri, kif ukoll għall-importazzjoni fil-Komunità u għall-esportazzjonijiet mill-Komunità ta’ dak l-iskart radjoattiv/fjuwil użat u għall-passaġġ tiegħu fil-Komunità minn pajjiż terz għal pajjiż terz ieħor;

    (3)

    Il-miżuri msemmijin f’din id-deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Konsultattiv imwaqqaf skond il-proċedura stabbilita bl-Artikolu 21.

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Id-dokument standard muri fl-Anness għandu jintuża għal kull ġarr ta’ skart radjoattiv jew fjuwil użat bejn Stati Membri jew lejn il-Komunità jew minnha u fiha fl-ambitu tad-Direttiva 2006/117/Euratom.

    Artikolu 2

    Id-dokument standard għandu jkun disponibbli f’forma elettronika, fil-format ippreżentat mill-Kummissjoni.

    Artikolu 3

    L-Istati Membri għandhom jieħdu il-miżuri meħtieġa biex ikunu konformi ma’ din id-Deċiżjoni sa mhux aktar tard mill-25 ta’ Diċembru 2008.

    Artikolu 4

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 93/552/Euratom (2) għandha tkun revokata.

    Artikolu 5

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fi Brussell, 5 ta’ Marzu 2008.

    Għall-Kummissjoni

    Andris PIEBALGS

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 337, 5.12.2006, p. 21.

    (2)  ĠU L 268, 29.10.1993, p. 83.


    ANNESS

    Dokument standard għas-sorveljanza u kontroll tal-ġarr ta’ skart radjoattiv u fjuwil użat

    (Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/117/Euratom)

    Noti Ġenerali

    Taqsimiet A1 sa A6: għandhom jimtlew għall-ġarr ta’ skart radjoattiv u

    Taqsimiet B-1 sa B-6: għandhom jimtlew għall-ġarr ta’ fjuwil użat (inkluż fjuwil użat iddestinat biex fl-aħħarnett jintrema u għalhekk huwa kklassifikat bħala skart)

    Taqsima A-1 jew B-1 (Applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ta’ ġarr): għandha timtela mill-applikant, din li ġejja, skond it-tip ta’ ġarr:

    id-detentur fil-każ ta’ ġarr bejn Stati Membri (Tip MM) jew esportazzjoni mill-Komunità għal pajjiż terz (Tip ME);

    il-konsinnatarju f’każ ta’ importazzjoni fil-Komunità minn pajjiż terz (Tip IM);

    il-persuna responsabbli mill-ġarr fl-Istat Membru li permezz tiegħu l-iskart radjoattiv jew fjuwil użat jidħol fil-Komunità f’każ ta’ passaġġ fil-Komunità (Tip TT).

    Taqsima A-2 jew B-2 (Konferma tar-riċevuta ta’ applikazzjoni): għandha timtela mill-awtoritajiet kompetenti rilevanti interessati, li huma – skond it-tip ta’ ġarr – l-awtoritajiet kompetenti

    ta’ l-oriġini f’każ ta’ ġarr tat-tip MM jew ME;

    tad-destinazzjoni f’każ ta’ ġarr tat-tip IM;

    meta l-ġarr jidħol għall-ewwel darba fil-Komunità f’każ ta’ ġarr tat-tip TT

    u l-awtoritajiet kompetenti kollha ta’ l-Istati Membri ta’ passaġġ, jekk ikun hemm.

    Taqsima A-3 jew B-3 (Rifjut jew kunsens): għandha timtela mill-awtoritajiet kompetenti kollha interessati.

    Taqsima A-4a/A-4b jew B-4a/B-4b (Awtorizzazzjoni jew rifjut ta’ ġarr): għandha timtela mill-awtorità kompetenti responsabbli mill-ħruġ ta’ l-awtorizzazzjoni, li tkun – skond it-tip ta’ ġarr – l-awtorità kompetenti ta’

    l-Istat Membru ta’ oriġini f’każ ta’ ġarr tat-Tip MM u ME,

    l-Istat Membru ta’ destinazzjoni f’każ ta’ ġarr tat-Tip IM, jew

    l-ewwel Stat Membru ta’ passaġġ, fejn il-ġarr jidħol fil-Komunità f’każ ta’ ġarr tat-Tip TT.

    Taqsima A-5 jew B-5 (Deskrizzjoni tal-konsenja/Elenku ta’ pakketti): għandha timtela mill-applikant kif jingħad fit-Taqsima A-1 jew B-1.

    Taqsima A-6 jew B-6 (Konferma tar-riċevuta ta’ ġarr): għandha timtela mill-kunsinnatarju (f’każ ta’ ġarr MM u IM) jew mid-detentur (f’każ ta’ ġarr ME) jew mill-persuna responsabbli mill-ġarr (f’każ ta’ ġarr TT).

    Image

    Test ta 'immaġni

    Image

    Test ta 'immaġni

    Image

    Test ta 'immaġni

    Image

    Test ta 'immaġni

    Image

    Test ta 'immaġni

    Image

    Test ta 'immaġni

    Image

    Test ta 'immaġni

    Image

    Test ta 'immaġni

    Image

    Test ta 'immaġni

    Image

    Test ta 'immaġni

    Image

    Test ta 'immaġni

    Image

    Test ta 'immaġni

    Image

    Test ta 'immaġni

    Image

    Test ta 'immaġni

    Image

    Test ta 'immaġni

    Image

    Test ta 'immaġni

    Image

    Test ta 'immaġni

    Image

    Test ta 'immaġni

    Image

    Test ta 'immaġni

    Image

    Test ta 'immaġni

    Noti ta’ spjegazzjoni għal kull entrata fit-taqsimiet A-1 sa A-6 u B-1 sa B-6 tad-dokument standard:

    Definizzjoni ta’ applikazzjoni mimlija kif imiss: Applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta’ ġarr ta’ skart radjoattiv jew fjuwil użat titlesta kif imiss skond kif jingħad fid-Direttiva 2006/117/Euratom, jekk – f’każ ta’ ġarr ta’ skart radjoattiv – kull entrata tat-taqsima A-1, jew – f’każ ta’ ġarr ta’ fjuwil użat – kull entrata tat-taqsima B-1, ikollha l-informazzjoni meħtieġa, jew billi tkun immarkata l-kaxxa rilevanti u titħassar (=tinqata’) l-għażla li ma tapplikax jew billi timtela d-data rilevanti u l-valuri. F’każ ta’ applikazzjoni għal diversi ġarr, l-entrati 8 u 9 jista’ jkollhom figuri approssimattivi.

    (1)

    L-applikant għandu jimla kif imiss l-entrati kollha minn 1 sa 14. Fl-entrata 1 immarka waħda mill-kaxex bħala dik li tapplika biex turi t-tip ta’ ġarr u semmi l-postijiet rilevanti kollha fil-fruntiera f’każ li pajjiżi terzi jkollhom x’jaqsmu mal-ġarr,:

    (a)

    Immarka t-Tip MM għal ġarr bejn Stati Membri, li wara jgħaddu minn Stat Membru wieħed jew aktar jew minn pajjiżi terzi.

    (b)

    Immarka t-Tip IM għal ġarr minn pajjiż terz għal Stat Membru (= importazzjoni fil-Komunità), u ftakar li l-applikazzjoni għandu jkollha prova li l-kunsinnatarju jkun għamel arranġament mad-detentur stabbilit fil-pajjiż terz, u li jkun ġie aċċettat mill-awtorità kompetenti ta’ dak il-pajjiż terz, li jobbliga lil dak id-detentur li jieħu lura skart radjoattiv jew fjuwil użat jekk il-ġarr ma jkunx jista’ jsir jew jista’ jkun li ma jsirx.

    (ċ)

    Immarka t-Tip ME għal ġarr minn Stat Membru għal pajjiż terz (= esportazzjoni mill-Komunità), jew

    (d)

    Immarka t-Tip TT għal ġarr minn pajjiż terz għal pajjiż terz ieħor li jgħaddi minn Stat Membru wieħed jew aktar, billi tiftakar li l-applikazzjoni għandha tinkludi prova li l-kunsinnatarju li jkun stabbilit fil-pajjiż terz ikun għamel arranġament mad-detentur stabbilit fil-pajjiż terz u li jkun ġie aċċettat mill-awtorità kompetenti ta’ dak il-pajjiż terz, li jobbliga lil dak id-detentur li jieħu lura skart radjoattiv jew fjuwil użat jekk il-ġarr ma jkunx jista’ jsir jew jista’ jkun li ma jsirx.

    (2)

    Billi jimmarka l-kaxxa rilevanti, l-applikant għandu jiddikjara b’mod ċar jekk l-applikazzjoni tkoprix ġarr wieħed biss f’ċertu perjodu ta’ żmien (eż. 05/2010, 2009 jew 2010-2011) jew jekk l-applikazzjoni tkoprix aktar minn ġarr wieħed f’perjodu ta’ żmien, iżda mhux aktar minn perjodu ta’ tliet snin mid-data ta’ l-awtorizzazzjoni. Tista’ tintbagħat applikazjoni waħda għar-rigward ta’ aktar minn ġarr wieħed, sakemm il-kundizzjonijiet li ġejjin jitħarsu kif stabbiliti fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2006/117/Euratom, jiġifieri li:

    (a)

    l-iskart radjoattiv jew il-fjuwil użat relatat miegħu ikollu essenzjalment l-istess karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u radjoattivi; u

    (b)

    id-diversi ġarr isiru mill-istess detentur lill-istess kunsinnatarju u jkunu mdaħħla l-istess awtoritajiet kompetenti, u

    (ċ)

    meta d-diversi ġarr jgħaddu minn pajjiżi terzi dak il-passaġġ isir mill-istess post ta’ dħul fil-fruntiera għal u/jew ħruġ mill-Komunità u mill-istess post(ijiet) fil-fruntiera tal-pajjiż terz ikkonċernat jew pajjiżi terzi kkonċernati, sakemm ma jkunx miftiehem xort’oħra bejn l-awtoritajiet kompetenti interessati.

    (3)

    L-applikant għandu jagħti l-postijiet relevanti fil-fruntiera f’każ li pajjiż terz wieħed jew aktar ikollhom x’jaqsmu mal-ġarr. Dawn il-postijiet fil-fruntiera għandhom ikunu l-istess għall-ġarr kollu milqut bl-applikazzjoni sakemm ma jkunx miftiehem xort’oħra bejn l-awtoritajiet kompetenti.

    (4)

    L-applikant għandu jniżżel l-isem kummerċjali tiegħu, l-indirizz u d-dettalji ta’ kuntatt. L-isem kummerċjali, magħruf ukoll bħala l-isem tal-kummerċ jew l-isem tan-negozju, huwa l-isem li bih azjenda tinnegozja għal skopijiet kummerċjali, għalkemm l-isem legali rreġistrat tagħha, użat fil-kuntratti u f’sitwazzjonijiet oħra formali, jista’ jkun differenti. L-applikant għandu jimmarka l-kaxxa skond il-każ biex jispjega l-funzjoni tiegħu, li tkun din li ġejja, skond it-tip ta’ ġarr:

    (a)

    bħala d-detentur f’każ ta’ ġarr bejn Stati Membri (Tip MM) jew esportazzjoni mill-Komunità għal pajjiż terz (Tip ME);

    (b)

    bħala l-kunsinnatarju f’każ ta’ importazzjoni fil-Komunità minn pajjiż terz (Tip IM);

    (ċ)

    bħala l-persuna responsabbli mill-ġarr fl-Istat Membru li minnu l-iskart radjoattiv jew il-fjuwil użat jidħol fil-Komunità f’każ ta’ passaġġ fil-Komunità (Tip TT).

    (5)

    L-applikant għandu jniżżel l-isem kummerċjali, l-indirizz u d-dettalji ta’ kuntatt tal-post fejn l-iskart radjoattiv jew il-fjuwil użat ikun miżmum qabel il-ġarr, li jistgħu ikunu differenti mill-indirizz ta’ l-applikant.

    (6)

    L-applikant għandu jniżżel l-isem kummerċjali, l-indirizz u d-dettalji ta’ kuntatt tal-kunsinnatarju. F’każ ta’ ġarr tat-tip IM, din l-informazzjoni hija l-istess bħal dik ta’ l-entrata 4.

    (7)

    L-applikant għandu jniżżel l-isem kummerċjali, l-indirizz u d-dettalji ta’ kuntatt tal-post fejn ikun ser jinżamm l-iskart radjoattiv jew il-fjuwil użat wara l-ġarr, li jistgħu ikunu differenti mill-indirizz tal-kunsinnatarju.

    (8)

    L-applikant għandu jimla l-partijiet kollha jew billi jimmarka l-kaxxa skond il-każ (jista’ jkun hemm aktar minn tweġiba waħda), jew billi jniżżel il-karatteristiċi speċifiċi u l-valuri ta’ l-iskart radjoattiv jew tal-fjuwil użat. Dawn il-figuri jistgħu jkunu approssimattivi f’każ ta’ diversi ġarr.

    (9)

    L-applikant għandu jimla l-entrata 9 kollha fejn il-figuri jistgħu jkunu approssimattivi.

    (10)

    L-applikant għandu jimmarka u jispjega t-tip ta’ attività li tagħti lok għall-iskart radjoattiv jew għall-fjuwil użat u jimmarka l-kaxxa jew kaxex skond il-każ jew jispeċifika kull attività oħra. Jista’ jkun hemm aktar minn tweġiba waħda.

    (11)

    L-applikant għandu jfisser l-għan tal-ġarr u jimmarka l-kaxxa skond il-każ (tweġiba waħda biss hija possibbli) jew jispeċifika kull għan ieħor.

    (12)

    L-applikant għandu jagħmel lista, kif ippjanat, tal-modi differenti ta’ trasport maħsubin għall-ġarr (bl-art, bil-ferrovija, bil-baħar, bl-ajru, minn kanali interni ta’ navigazzjoni) u jżid bl-istess mod il-punt rilevanti tat-tluq, il-punt tal-wasla u t-trasportatur indikat (jekk ikun diġà magħruf). Huwa possibbli li jkun hemm bidliet għal din l-iskeda fi stadju aktar tard matul il-proċedura ta’ l-applikazzjoni u dawn għandhom ikunu notifikati lill-awtoritajiet kompetenti iżda ma jeħtiġilhomx applikazzjoni mill-ġdid għall-approvazzjoni.

    (13)

    L-applikant għandu jagħmel lista tal-pajjiżi kollha mdaħħlin fil-ġarr, u jibda mill-ewwel Stat Membru jew pajjiż terz fejn l-iskart radjoattiv jew il-fjuwil użat ikunu miżmuma u jtemm bl-aħħar Stat Membru jew pajjiż terz fejn ikunu ser jinżammu wara li jintemm il-ġarr. Jekk l-applikant ikun jixtieq jibdel il-lista sekwenzjali ta’ pajjiżi, tkun meħtieġa ssir applikazzjoni mill-ġdid.

    (14)

    L-applikant għandu jiddikjara min ikun ser jieħu lura l-iskart radjoattiv jew il-fjuwil użat f’każ li l-ġarr ma jkunx jista’ jsir jew jekk il-kundizzjonijiet tal-ġarr ma jkunux jistgħu jitħarsu. Meta l-ġarr ikun tat-tip IM jew TT, l-applikant għandu jehmeż ma’ l-applikazzjoni prova ta’ arranġament bejn il-kunsinnatarju fl-Istat Membru jew fil-pajjiż terz ta’ destinazzjoni u d-detentur ta’ l-iskart radjoattiv jew il-fjuwil użat fil-pajjiż terz li jkun ġie approvat mill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż terz.

    Wara li jkun mela l-entrati minn 1 sa 14 l-applikant għandu jibgħat it-taqsima 1 tad-dokument standard lill-awtorità kompetenti li tkun responsabbli mill-ħruġ ta’ l-awtorizzazzjoni għall-ġarr.

    L-awtorità kompetenti responsabbli mill-ħruġ ta’ l-awtorizzazzjoni jew rifjut għall-ġarr hija din li ġejja, skond it-tip ta’ ġarr:

    l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini f’każ ta’ ġarr bejn l-Istati Membri (Tip MM) u esportazzjonijiet mill-Komunità (Tip ME);

    l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ destinazzjoni f’każ ta’ importazzjoni fil-Komunità (Tip IM);

    l-awtorità kompetenti ta’ l-ewwel Stat Membru ta’ passaġġ, fejn il-ġarr jidħol fil-Komunità f’każ ta’ passaġġ fil-Komunità (Tip TT).

    Id-data rilevanti ta’ kuntatti tista’ tinġabar mill-pjattaforma ta’ komunikazzjoni elettronika imwaqqfa u miżmuma mill-Kummissjoni jew mil-lista ppubblikata ta’ awtoritajiet kompetenti.

    (15)

    Minnufih malli tirċievi l-applikazzjoni, l-awtorità kompetenti responsabbli mill-ħruġ ta’ l-awtorizzazzjoni għall-ġarr għandha

    (a)

    iddaħħal in-numru ta’ reġistrazzjoni fin-naħa ta’ fuq ta’ kull taqsima tad-dokument standard, u tibda mit-taqsima 1,

    (b)

    tivverifika li l-entrati kollha tat-taqsima 1 ikunu mimlija kif imiss mill-applikant,

    (ċ)

    timla l-entrata 15 tat-taqsima 2 u tagħmel kopji biżżejjed tat-taqsimiet 1, 2 u 3 għal kull Stat Membru jew Pajjiż kkonċernati. Pajjiżi terzi ta’ passaġġ ikunu kkonsultati għal skop ta’ informazzjoni biss.

    (16)

    L-awtorità kompetenti responsabbli mill-awtorizzazzjoni għandha

    (a)

    timla, skond il-każ, l-entrata 16 tat-taqsima 2 (u 18 tat-taqsima 3) għal kull awtorità kompetenti ta’ l-Istati Membri jew Pajjiżi kkonċernati kif elenkati fl-entrata 13, li l-kunsens tagħhom ikun meħtieġ biex il-ġarr ikun awtorizzat, u

    (b)

    tibgħat l-applikazzjoni mimlija kif imiss (taqsima 1) flimkien mat-taqsima 2 – mingħajr dewmien – għall-kunsens lil kull awtorità kompetenti kkonċernata msemmija fl-entrata 16.

    (17)

    L-entrata 17 timtela mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat(i) Membru(i) kkonċernat(i). Id-data ta’ l-applikazzjoni u tar-riċevuta għandhom jiddaħħlu minnufih malli tasal l-applikazzjoni. Fi żmien 20 jum mid-data li fiha tkun irċevietha, l-awtorità kompetenti ta’ l-Istati Membri kkonċernati għandha tivverifika jekk l-applikazzjoni tkunx imtliet kif imiss (l-entrati kollha minn 1 sa 14 għandhom jimtlew u ebda informazzjoni ma għandha tkun nieqsa; xi figuri jistgħu ikunu approssimattivi). 17(a) jew 17(b) biss għandhom japplikaw; jekk jogħġbok ħassar kif japplika.

    (a)

    Jekk l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ passaġġ, jekk ikun hemm, jew ta’ destinazzjoni, iqisu li l-applikazzjoni ma tkunx mimlija kif imiss, huma għandhom jimlew l-entrata 17(a) kollha, iħassru l-entrata 17(b) u jinnotifikaw it-talba tagħhom għal informazzjoni nieqsa lill-awtorità kompetenti responsabbli mill-ħruġ ta’ l-awtorizzazzjoni (kif hemm referenza għaliha fl-entrata 15). Huma għandhom jgħidu b’mod ċar liema informazzjoni tkun nieqsa (imla jew ehmeż dokument). L-awtorità kompetenti li titlob l-informazzjoni nieqsa jeħtiġilha tibgħat kopji tat-taqsima 2 lill-awtoritajiet kompetenti l-oħra kollha ta’ l-Istati Membri kkonċernati li hemm referenza għalihom fl-entrata 13 fi żmien 20 jum minn meta tkun waslet l-applikazzjoni. Id-data rilevanti ta’ kuntatt tista’ tinġabar mill-pjattaforma ta’ komunikazzjoni elettronika imwaqqfa u miżmuma mill-Kummissjoni jew mil-lista ppubblikata ta’ awtoritajiet kompetenti. Jekk Stat Membru wieħed kkonċernat iqis li l-applikazzjoni ma tkunx mimlija kif imiss, il-proċedura titwaqqaf. F’dan il-każ, ukoll jekk l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ destinazzjoni tqis li l-applikazzjoni tkun mimlija kollha kif imiss, huma jistgħu ma jibagħtux konferma tar-riċevuta sakemm l-informazzjoni mitluba ma tkunx ġiet riċevuta u sakemm ebda talba oħra ma tkun intbagħtet fi żmien 10 ijiem mir-riċevuta ta’ l-informazzjoni nieqsa. Din il-proċedura tista’ tkun imtennija sakemm l-informazzjoni nieqsa kollha tkun ġiet riċevuta u ma jkunu ntbagħtu ebda talbiet oħra għal informazzjoni nieqsa.

    Mhux aktar tard minn 10 ijiem mill-iskadenza ta’ 20 jum mir-riċevuta ta’ l-applikazzjoni, jekk ma tkun riċevuta ebda talba għal informazzjoni nieqsa fi żmien 20 jum u jekk l-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru kkonċernat tqis l-applikazzjoni bħala kompluta kif imiss jeħtiġilha tibgħat it-taqsima 2 lill-awtorità kompetenti responsabbli mill-awtorizzazzjoni kif hemm referenza għaliha fl-entrata 15 u kopji tagħha lill-awtoritajiet kompetenti l-oħra kollha ta’ l-Istati Membri kkonċernati bħal ma jingħad fl-entrata 13. Id-data rilevanti ta’ kuntatt tista’ tinġabar mill-pjattaforma ta’ komunikazzjoni elettronika mwaqqfa u miżmuma mill-Kummissjoni jew mil-lista ppubblikata ta’ awtoritajiet kompetenti.

    Jista’ jkun hemm ftehim bejn l-awtoritajiet kompetenti kollha ta’ l-Istati Membri kkonċernati dwar perjodi iqsar ta’ żmien.

    (b)

    Biex l-awtoritajiet kompetenti jitħallew jitolbu għal informazzjoni nieqsa fi żmien 20 jum wara li tkun ġiet riċevuta l-applikazzjoni, l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ destinazzjoni m’għandhiex toħroġ il-konferma tagħha tar-riċevuta qabel tagħlaq l-iskadenza ta’ 20 jum. Malli tagħlaq l-iskadenza ta’ 20 jum, jekk l-awtorità kompetenti ta’ l-Istati Membri ta’ destinazzjoni tqis l-applikazzjoni bħala kompluta kif imiss u jekk ebda Stat Membru ieħor ma jkun interessat jew ebda awtorità kompetenti oħra kkonċernata ma tkun talbet għal informazzjoni nieqsa, l-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru ta' destinazzjoni għandha timla l-entrata 17(b).

    (18)

    Malli tirċievi l-konferma tar-riċevuta ta’ applikazzjoni mimlija kif imiss mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ destinazzjoni l-awtorità kompetenti responsabbli mill-awtorizzazzjoni għandha tivverifika jekk ikunux ġew rispettati l-iskadenzi, u timla l-entrata 18 kollha tat-taqsima 3 għal kull Stat Membru kkonċernat, kif elenkati fl-entrata 13, u li l-kunsens tagħhom ikun meħtieġ biex il-ġarr ikun awtorizzat.

    L-awtorità kompetenti kkonċernata għandha ddaħħal annotamenti addizzjonali meħtieġa fl-entrata 18.

    (19)

    L-awtorità kompetenti responsabbli mill-awtorizzazzjoni għandha timla l-iskadenza ġenerali għal approvazzjoni awtomatika, li tapplika għall-Istati Membri kollha kkonċernati. Din id-data ta’ skadenza tiġi ġeneralment xahrejn wara d-data tal-konferma tar-riċevuta ta’ l-Istat Membru ta’ destinazzjoni kif jingħad fl-entrata 17(b). Imbagħad l-awtorità kompetenti responsabbli għall-awtorizzazzjoni għandha tibgħat it-taqsima 3 dwar il-kunsens jew rifjut lill-Istati Membri jew pajjiżi kollha kkonċernati.

    Malli tirċievi t-taqsima 3, kull awtorità kompetenti kkonċernata għandha tiddeċiedi jekk ikunx meħtieġ aktar żmien biex ikun deċiż dwar ir-rifjut jew kunsens għall-ġarr. Jista’ jintalab perjodu addizzjonali ta’ xahar permezz tat-tħassir ta’ l-iskadenza ġenerali fl-entrata 19 u bil-mili ta’ l-iskadenza l-ġdida, u billi tkun notifikata l-iskadenza estiża lill-awtoritajiet kompetenti kollha kkonċernati.

    (20)

    L-awtorità kompetenti in kwistjoni għandha tqis sewwa l-applikazzjoni. Mhux aktar tard mill-għeluq ta’ l-iskadenza għall-approvazzjoni awtomatika, l-awtorità kompetenti kkonċernata għandha timla l-entrata 20 u tibgħat lura l-kopja oriġinali tat-taqsima 3 (oriġinal skanjat jekk jintbagħat bil-posta elettronika) lill-awtorità kompetenti responsabbli mill-ħruġ ta’ l-awtorizzazzjoni (bħal ma jingħad fl-entrata 15). F’każ li l-kunsens ma jingħatax, għandhom jingħataw raġunijiet u dawn għandhom ikunu msejsa (għall-Istati Membri ta’ Tranżitu) fuq il-liġi rilevanti nazzjonali Komunitarja jew il-liġi internazzjonali applikabbli għall-ġarr ta’ materjal radjoattiv jew – għall-Istati Membri ta’ destinazzjoni – fuq il-liġi applikabbli għall-kontroll ta’ skart radjoattiv jew fjuwil użat jew fuq il-liġi rilevanti nazzjonali, Komunitarja jew il-liġi internazzjonali applikabbli għall-ġarr ta’ materjal radjoattiv. Kull kundizzjoni imposta m’għandhiex tkun aktar iebsa minn dawk stabbiliti għal ġarr simili fl-Istati Membri. In-nuqqas li dokument standard jimtela u jintbagħat saż-żmien stabbilit għandu jitqies bħala li jkun ingħata l-kunsens għall-applikazzjoni ta’ ġarr, bla ħsara għall-Artikolu 9 (2) tad-Direttiva 2006/117/Euratom.

    (21)

    L-awtorità kompetenti responsabbli mill-ħruġ ta’ l-awtorizzazzjoni għall-ġarr għandha timla l-entrati 21 sa 23, meta l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati kollha jkunu taw il-kunsens meħtieġ tagħhom għall-ġarr, waqt li jitfakkar li kunsens taċitu għandu jitqies li jkun ingħata biss jekk:

    (a)

    il-konferma tar-riċevuta tkun waslet (ta’ l-anqas) mingħand l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ destinazzjoni (kif hemm referenza għal dan fl-entrata 17(b)), u

    (b)

    ebda talba għal informazzjoni nieqsa ma tkun baqgħet mingħajr tweġiba, u

    (ċ)

    ebda tweġiba (la kunsens u lanqas rifjut) ma tkun waslet sa l-iskadenzi applikabbli li jissemmew fl-entrata 19 mingħand l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati.

    (22)

    L-awtorità kompetenti msemmija fl-entrata 21 għandha telenka jew tehmeż, jekk l-ispazju li jkun hemm ma jkunx biżżejjed, kull kunsens (inklużi l-kundizzjonijiet) u kull rifjut (inklużi r-raġunijiet) li jkunu waslu, jekk ikun hemm, mingħand l-awtoritajiet kompetenti kollha konċernati.

    (23)

    L-awtorità kompetenti msemmija fl-entrata 21 għandha

    (a)

    timla l-entrata 23 kollha u tiftakar li l-perjodu massimu għall-validità ta’ l-awtorizzazzjoni huwa ta’ tliet snin u li awtorizzazzjoni waħda tista’ tkopri aktar minn ġarr wieħed, meta jitħarsu l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2007/117/Euratom,

    (b)

    tibgħat l-oriġinal tat-taqsima 4a lill-applikant flimkien mat-taqsimiet 1, 4a, 5 u 6, u

    (ċ)

    tibgħat kopji tat-taqsima 4a lill-awtoritajiet l-oħra kollha kompetenti kkonċernati.

    (24)

    L-awtorità kompetenti responsabbli mill-ħruġ ta’ l-awtorizzazzjoni għall-ġarr għandha timla l-entrati 24 sa 25 kollha, jekk ta’ l-anqas waħda mill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati ma tkunx tat il-kunsens tagħha għall-ġarr.

    (25)

    L-awtorità kompetenti msemmija fl-entrata 24 għandha telenka jew tehmeż kull kunsens u kull rifjut li tkun irċeviet, inklużi l-kundizzjonijiet u r-raġunijiet kollha għar-rifjut u tibgħat il-kopja oriġinali tat-taqsima 4b lill-applikant u kopji ta’ din it-taqsima lill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati l-oħra kollha.

    (26)

    Jekk il-ġarr ikunu ġie awtorizzat u l-applikant ikun irċieva t-taqsimiet 4a, 5 u 6, huwa għandu jimla kif imiss l-entrata 26. F’każ li l-applikazzjoni tolqot diversi ġarr, huwa għandu jagħmel kopji biżżejjed tat-taqsima 5 għal kull ġarr.

    (27)

    L-applikant għandu jimmarka l-kaxxa skond il-każ, u jindika jekk l-awtorizzazzjoni tkoprix ġarr wieħed jew diversi ġarr. F’każ ta’ diversi ġarr, għandu jiddaħħal in-numru adattat tas-serje.

    (28)

    Qabel kull ġarr l-applikant għandu jimla kif imiss l-entrati minn 28 sa 30 (ukoll jekk l-awtorizzazzjoni tirreferi għal diversi ġarr). F’din it-taqsima, il-figuri m’għandhomx ikunu approssimattivi!

    (29)

    L-applikant għandu jimla kif imiss l-entrata 29 (lista ta’ pakketti) u jindika fl-aħħar l-għadd totali ta’ pakketti, l-għadd totali ta’ kull tip ta’ pakkett, il-massa totali netta, il-massa totali gross u l-attività totali (GBq) tal-pakketti kollha. Jekk l-ispazju mogħti fid-dokument ma jkunx biżżejjed, jekk jogħġbok ehmeż lista separata bl-informazzjoni mitluba.

    (30)

    L-applikant għandu jimla kif imiss l-entrata 30 (data ta’ tluq u dikjarazzjoni) qabel kull ġarr ta’ skart radjoattiv jew fjuwil użat (ukoll jekk l-awtorizzazzjoni tkun tirreferi għal diversi ġarr). Flimkien mat-taqsimiet 1 u 4a, it-taqsima 5 tmur ma’ l-iskart radjoattiv jew fjuwil użat waqt li jkunu qed jinġarru. Id-deskrizzjoni tal-konsenja u l-lista ta’ pakketti (taqsima 5) mbagħad tinhemeż mat-taqsima 6 (konferma tar-riċevuta).

    (31)

    Il-kunsinnatarju (f’każ ta’ ġarr MM u IM), id-detentur (f’każ ta’ ġarr ME) jew il-persuna responsabbli mill-ġarr (f’każ ta’ ġarr TT) għandhom jimlew kif imiss l-entrati 31 sa 35 (36, jekk ikun japplika); b’kull żieda meħtieġa ssir mill-applikant. Iżda, kunsinnatarju li jkun jinsab barra mill-Komunità Ewropea jista’ jagħti konferma tar-riċevuta ta’ l-iskart radjoattiv jew fjuwil użat permezz ta’ dikjarazzjoni separata mid-dokument standard.

    (32)

    Il-kunsinnatarju għandu jagħti kif imiss l-isem, l-indirizz u d-dettalji ta’ kuntatt tal-post fejn ikun miżmum l-iskart radjoattiv jew il-fjuwil użat wara l-ġarr.

    (33)

    Il-kunsinnatarju għandu jimla l-entrata 33 (kif hemm imsemmi fl-entrata 23) u jindika jekk il-ġarr riċevut ikunx l-aħħar vjaġġ kopert bl-awtorizzazzjoni.

    (a)

    F’każijiet fejn l-awtorizzazzjoni tkopri ġarr wieħed tat-tipi MM jew IM, il-kunsinnatarju għandu jimla t-taqsima 6 fi żmien 15-il jum minn meta jirċievi l-iskart radjoattiv jew il-fjuwil użat u jibgħat it-taqsimiet 5 u 6 lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ destinazzjoni. L-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ destinazzjoni mbagħad tibgħat kopji tat-taqsimiet 5 u 6 lill-awtoritajiet kompetenti l-oħra kkonċernati (u, fejn ikun jaqbel, l-oriġinal ta’ dawn iż-żewġ taqsimiet lill-awtorità kompetenti li tkun ħarġet l-awtorizzazzjoni). Għal ġarr tat-tip MM, l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini għandha tibgħat konferma tar-riċevuta lid-detentur.

    (b)

    F’każijiet fejn l-awtorizzazzjoni tkopri ġarr wieħed tat-tip ME jew TT l-applikant għandu jiżgura li l-kunsinnatarju li jkun jinsab barra mill-Komunità Ewropea jibgħatlu t-taqsima 5 u t-taqsima 6 kompluti kif imiss minnufih malli jirċievi l-iskart radjoattiv jew fjuwil użat. It-taqsima 6 tista’ tkun sostitwita b’dikjarazzjoni tal-kunsinnatarju li ta’ l-anqas tagħti l-informazzjoni li hemm fl-entrati 31 sa 36. Fi żmien 15-il jum wara r-riċevuta ta’ l-iskart radjoattiv jew fjuwil użat, l-applikant għandu jgħaddi t-taqsima 5, it-taqsima 6 (jekk il-kunsinnatarju ma jkunx għamel użu mit-taqsima 6, l-applikant għandu jimliha) u, fejn japplika, jimla d-dikjarazzjoni tal-kunsinnatarju, lill-awtorità kompetenti li tkun ħarġet l-awtorizzazzjoni. Din l-awtorità għandha mbagħad tibgħat kopji tat-taqsimiet 5 u 6, u, fejn japplika, id-dikjarazzjoni tal-kunsinnatarju, lill-awtoritajiet l-oħra kompetenti kkonċernati.

    (ċ)

    Fil-każijiet fejn l-awtorizzazzjoni tkopri diversi ġarr tat-tipi MM jew IM, il-kunsinnatarju għandu jimla it-taqsima 6 wara kull ġarr (wara li jkun għamel diversi kopji ta’ taqsima 6 vojta għal dan il-għan) u jibgħat din it-taqsima direttament lill-awtorità kompetenti li tkun ħarġet l-awtorizzazzjoni. Il-kunsinnatarju għandu jehmeż it-taqsima 5 li jkollha x’taqsam ma’ l-istess ġarr.

    (d)

    Fil-każijiet fejn l-awtorizzazzjoni tkopri diversi ġarr tat-tipi ME jew TT l-applikant għandu jiżgura li wara kull ġarr il-kunsinnatarju li jkun jinsab barra mill-Komunitajiet Ewropej jimla għal kull ġarr kopja (vojta) tat-taqsima 6 u jibgħatha lura flimkien mat-taqsima 5 skond il-każ.

    (34)

    Il-kunsinnatarju għandu jimmarka “mhux applikabbli” jew jimla l-entrata 34 għal ġarr tat-tip ME jew TT jew jehmeż dikjarazzjoni separata u jagħti r-referenza lill-anness.

    (35)

    Il-kunsinnatarju għandu jimla l-entrata 35 meta ġarr wieħed jew il-ġarr kollu kopert bl-awtorizzazzjoni jkunu twettqu. Fil-każijiet fejn l-awtorizzazzjoni tkopri diversi ġarr, il-konferma finali tar-riċevuta titlesta u tintbagħat bħallikieku l-awtorizzazzjoni kienet valida għal ġarr wieħed biss ħlief li:

    (a)

    Għandu jkun iddikjarat fl-entrata 30 tat-taqsima 6 li l-ġarr kkonċernat ikun l-aħħar ġarr kopert bl-awtorizzazzjoni.

    (b)

    Kull dikjarazzjoni magħmula minn kunsinnatarju li jkun jinsab barra mill-Komunitajiet Ewropej għandha tiddikjara li l-iskart kollu radjoattiv jew il-fjuwil użat kopert bl-awtorizzazzjoni għall-ġarr ikun wasal tassew.

    Il-kunsinnatarju għandu jibgħat it-taqsima 6 (konferma tar-riċevuta) flimkien mat-taqsima 5, skond it-tip ta’ ġarr, lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ destinazzjoni f’każ ta’ ġarr tat-tip MM jew IM, jew lill-applikant, kif hemm imsemmi fl-entrata 5 (taqsima 1) f’każ ta’ ġarr tat-Tip ME jew TT. Biex tingħata stampa ġenerali, it-taqsima 6 għal kull wieħed mill-ġarr koperti bl-awtorizzazzjoni għandha tinhemeż mal-konferma finali tar-riċevuta.

    (36)

    Il-kunsinnatarju għandu jimmarka “mhux applikabbli” jew jimla l-entrata 36 f’każ ta’ ġarr tat-tip ME jew TT, jew jissostitwiha b’dikjarazzjoni separata, u jagħmel referenza għall-anness. L-applikant għandu jibgħat it-taqsimiet 5 u 6 lill-awtorità li tkun ħarġet l-awtorizzazzjoni. Biex tingħata stampa ġenerali, it-taqsima 6 għal kull ġarr kopert bl-awtorizzazzjoni għandha tinhemeż mal-konferma finali tar-riċevuta.


    Top