Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007R1437

    Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1437/2007 tas- 26 ta’ Novembru 2007 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1290/2005 dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni

    ĠU L 322, 7.12.2007, p. 1–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2013; Imħassar b' 32013R1306

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2007/1437/oj

    7.12.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 322/1


    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1437/2007

    tas-26 ta’ Novembru 2007

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1290/2005 dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni

    IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari t-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 37(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

    Billi:

    (1)

    Fil-każ ta’ miżuri ta’ intervent li fir-rigward tagħhom somma għal kull unità ma tiġix determinata fi ħdan il-qafas ta’ organizzazzjoni komuni tas-swieq, għandhom jiġu stabbiliti regoli implimentattivi, b’mod partikolari fir-rigward tal-metodu għad-determinazzjoni ta’ l-ammonti li jridu jiġu ffinanzjati, il-finanzjament tan-nefqa li tirriżulta mill-irbit tal-fondi meħtieġa għax-xiri ta’ prodotti u l-finanzjament tan-nefqa li tirriżulta mill-ħżin u, fejn huwa meħtieġ, l-operazzjonijiet ta’ pproċessar.

    (2)

    Minħabba n-natura tal-miżuri u l-programmi koperti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar in-nefqa fil-kamp veterinarju (2) għandu jsir provvediment li f’każijiet eċċezzjonali debitament ġustifkati l-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) jista’ jiffinanzja l-ispejjeż amministrattivii u tal-persunal imġarrba fl-eżekuzzjoni ta’ miżuri u programmi bħal dawn.

    (3)

    Ir-Regolament (KE) Nru 1290/2005 (3) jipprevedi l-proċedura li trid tiġi segwita mill-Kummissjoni biex tiddeċiedi jekk tnaqqasx jew tissospendix il-pagamenti ta’ kull xahar, kif ukoll il-proċedura li trid tiġi segwita biex tittieħed deċiżjoni dwar is-sospensjoni jew it-tnaqqis ta’ pagamenti intermedji.

    (4)

    Skond ir-Regolament (KE) Nru 1290/2005, il-Kummissjoni tiddeċiedi dwar l-ammonti li jridu jiġu esklużi mill-finanzjament Komunitarju jekk issib li din in-nefqa ġġarbet b’mod li jikser ir-regoli tal-Komunità. Fil-kuntest tal-proċedura li twassal għall-esklużjoni mill-finanzjament tal-Komunità, il-Kummissjoni, sabiex tirrimedja din is-sitwazzjoni, tagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Istat Membru kkonċernat dwar il-mod kif japplika l-leġislazzjoni Komunitarja. Jekk l-Istat Membru jonqos milli jimplimenta dawn ir-rakkomandazzjonijiet, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjonijiet ulterjuri għall-esklużjoni tan-nefqa mill-finanzjament Komunitarju. Barra minn hekk, jista’ jiġi stabbilit li f’ċerti każi rakkomandazzjonijiet bħal dawn mhux ser ikunu jew ma jistgħux ikunu implimentati fil-futur immedjat.

    (5)

    F’dawn iċ-ċirkostanzi l-possibbiltà tas-sospensjoni jew it-tnaqqis tal-pagamenti ta’ kull xahar jew intermedji kif attwalment previst fir-Regolament (KE) Nru 1290/2005 ma tipproteġġix biżżejjed l-interess finanzjarju tal-Komunità. F’dan ir-rigward, huwa kkunsidrat utli li wieħed jipprevedi proċedura ġdida li tippermetti lill-Kummissjoni tissospendi jew tnaqqas il-pagamenti f’sitwazzjonijiet speċifiċi b’mod iktar effettiv.

    (6)

    Sospensjoni ex-ante jew tnaqqis fil-pagamenti fil-qasam agrikolu jista’ jkollhom implikazzjonjiet finanzjarji serji għall-Istat Membru kkonċernat. Barra minn hekk, meta mqabbel mal-proċedura għad-deċiżjoni ta’ l-approvazzjoni tal-konformità, l-Istat Membru għandu biss possibbiltajiet limitati biex jiddefendi l-pożizzjoni tiegħu fir-rigward tal-Kummissjoni. Għal dawn ir-raġunijiet il-proċedura l-ġdida ta’ sospensjoni jew tnaqqis tal-pagamenti għandha tintuża biss fil-każ li wieħed jew aktar mill-komponenti ewlenin tas-sistema ta’ kontroll nazzjonali in kwistjoni ma jeżistux jew mhumiex effettivi minħabba l-gravità jew il-persistenza tan-nuqqasijiet li jkunu nstabu.

    (7)

    Għandu jsir provvediment biex jiġu ċċarati l-kondizzjonijiet li taħthom tkun inammissibbli dikjarazzjoni intermedja ta’ nefqa taħt il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR).

    (8)

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4045/89 tal-21 ta’ Diċembru 1989 dwar l-iskrutinju mill-Istati Membri fuq transazzjonijiet li jiffurmaw parti mis-sistema ta’ finanzjament mis-sezzjoni ta’ Garanziji tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Gwida u Garanzija (4) jirrikjedi li l-Istati Membri jwettqu kontrolli ex-post fuq ċertu nfiq tal-politika agrikola komuni għas-sena finanzjarja “n” fil-perijodu mill-1 ta’ Lulju n + 1 sat-30 ta’ Ġunju n + 2. Ir-rapport lill-Kummissjoni dwar l-attivitajiet ta’ kontroll f’dak il-perijodu huwa dovut biss sa l-aħħar tas-sena n + 2.

    (9)

    Minħabba l-limitu taż-żmien għad-deċiżjonijiet dwar l-approvazzjoni ta’ konformità stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 1290/2005, huwa effettivament impossibbli għall-Kummissjoni biex tiddeċiedi dwar esklużjoni mill-finanzjament tal-Komunità fil-każ li Stat Membru ma jikkonformax ma’ l-obbligi ta’ kontroll tiegħu skond ir-Regolament (KEE) Nru 4045/89. Sabiex din il-problema tiġi ttrattata, il-limitu ta’ żmien m’għandux japplika għall-ksur ta’ l-obbligi ta’ kontroll ta’ l-Istati Membri skond ir-Regolament (KEE) Nru 4045/89, dment li l-Kummissjoni taġixxi fuq ir-rapport ta’ l-Istati Membri fi ħdan perijodu ta’ tnax-il xahar wara li tirċievi dak ir-rapport.

    (10)

    Minħabba li mhemmx bżonn li l-Istati Membri jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar il-mod li huma ddeċidew jew jippjanaw li juzaw mill-ġdid il-fondi kkanċellati u biex jemendaw il-pjan ta’ finanzjament għall-programm għall-iżvilupp rurali kkonċernat, id-dispożizzjoni rilevanti tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005 għandha titħassar.

    (11)

    Sabiex jiġu allinjati r-regoli transitorji għas-Sezzjoni ta’ Gwida tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Gwida u Garanzija (FAEGG), mad-dispożizzjonijiet il-ġodda applikabbli għall-perijodu ta’ programmazzjoni li jmiss tal-Fondi Strutturali, ir-Regolament (KE) Nru 1290/2005 għandu jiġi emendat konformement mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal-11 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni (5)

    (12)

    Jeħtieġ li tiġi ċċarata l-bażi legali għall-adozzjoni ta’ regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005. B’mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tkun tista’ tadotta regoli ddettaljati ta’ applikazzjoni fir-rigward tal-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dwar il-benefiċjarji tal-politika agrikola komuni, fir-rigward ta’ miżuri ta’ intervent fejn l-ebda somma fissa għal kull oġġett ma ġiet stabbilita fl-organizzazzjoni tas-suq komuni u fir-rigward ta’ appropriazzjonijiet li ġew trasferiti biex jiffinanzjaw il-pagamenti diretti lill-bdiewa taħt il-politika agrikola komuni.

    (13)

    Fil-kuntest tar-reviżjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (6), id-dispożizzjonijiet dwar il-pubblikazzjoni annwali ex-post tal-benefiċjarji tal-fondi li ġejjin mill-baġit tal-Komunitajiet Ewropej iddaħħlu f’dak ir-Regolament sabiex jimplimentaw l-Inizjattiva Ewropea favur it-Trasparenza. Ir-Regolamenti speċifiċi għas-settur għandhom jipprovdu l-mezzi għal pubblikazzjoni bħal din. Kemm il-FAEG kif ukoll l-FEAŻR jiffurmaw parti mill-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej u min-nefqa finanzjarja fil-kuntest ta’ ġestjoni konġunta bejn l-Istati Membri u l-Komunità. Ir-regoli għalhekk għandhom jiġu stabbiliti għall-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dwar il-benefiċjarji ta’ dawn il-Fondi. Għal dak il-għan, l-Istati Membri għandhom jiżguraw il-pubblikazzjoni ex-post annwali tal-benefiċjarji u l-ammonti rċevuti minn kull benefiċjarju taħt kull wieħed minn dawn il-Fondi.

    (14)

    Li din l-informazzjoni issir aċċessibbli għall-pubbliku ssaħħaħ it-trasparenza fir-rigward ta’ l-użu tal-fondi Komunitarji fil-politika agrikola komuni u jtejjeb il-ġestjoni finanzjarja soda ta’ dawn il-fondi, b’mod partikolari bit-tisħiħ tal-kontroll pubbliku tal-flus li jintużaw. Minħabba l-importanza enormi ta’ l-objettivi segwiti, huwa ġġustifikat, fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u l-ħtieġa tal-protezzjoni tad-data personali, li tkun prevista l-pubblikazzjoni ġenerali ta’ l-informazzjoni rilevanti billi din ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju f’soċjetà demokratika u għall-prevenzjoni ta’ l-irregularitajiet. B’kont meħud ta’ l-opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ta’ l-10 ta’ April 2007 (7), huwa xieraq li jsir provvediment għall-benefiċjarji tal-fondi biex dawn jiġu informati li dik id-data tista’ ssir pubblika u li din tista’ tiġi pproċessata minn korpi ta’ verifika u ta’ investigazzjoni.

    (15)

    Ir-Regolament (KE) Nru 1290/2005 għandu għaldaqstant jiġi emendat kif meħtieġ,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT,

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (KE) Nru 1290/2005 huwa b’dan emendat kif ġej:

    (1)

    Fl-Artikolu 3, għandu jiżdied il-paragrafu li ġej:

    “3.   Fejn, fi ħdan il-qafas ta' l-organizzazzjoni komuni tas-swieq, ma tkunx ġiet determinata somma għal kull unità fir-rigward ta' miżura ta' intervent, il-FAEĠ għandu jiffinanza l-miżura konċernata abbażi ta' l-ammonti standard li huma uniformi mal-Komunità kollha, partikolarment għall-fondi li joriġinaw fl-Istati Membri użati għall-akkwist ta' prodotti, għall-operazzjonijiet fuq materjal relatati mal-ħżin u, fejn ikun il-każ, għall-ipproċessar ta' prodotti ta' intervent.

    L-imposti u l-ispejjeż rispettivi għandhom jiġu kkalkolati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 41(3).”

    (2)

    Fl-Artikolu 13, għandu jiżdied is-subparagrafu li ġej:

    “F’każijiet eċċezzjonali ġġustifikati debitament, l-ewwel subparagrafu m’għandux japplika għall-miżuri u l-programmi koperti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar in-nefqa fil-kamp veterinarju (*).

    (*)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 19. Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni 2006/965/KE (ĠU L 397, 30.12.2006, p. 22).”;"

    (3)

    Għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

    “Artikolu 17a

    Tnaqqis u sospensjoni tal-pagamenti ta’ kull xahar f’każijiet speċifiċi

    1.   Bla preġudizzju għall-Artikolu 17, il-Kummissjoni tista’ tieħu deċiżjoni, skond il-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu, li tnaqqas jew tisspospendi l-pagamenti ta’ kull xahar msemmija fl-Artikolu 14 għal perijodu li jrid jiġi ddeterminat fid-deċiżjoni, li m’għandux jaqbeż tnax-il xahar iżda li jista’ jiġi estiż għal aktar perijodi ta’ mhux aktar minn tnax-il xahar jekk il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu jibqgħu jiġu sodisfatti.

    2.   Il-pagamenti ta’ kull xahar jistgħu jitnaqqsu jew jiġu sospiżi jekk jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

    (a)

    waħda jew iktar mill-komponenti ewlenin tas-sistema ta’ kontroll nazzjonali in kwistjoni ma jeżistux jew mhumiex effettivi minħabba l-gravità jew il-persistenza tan-nuqqasijiet li nstabu,

    (b)

    in-nuqqasijiet imsemmija fil-punt (a) huma ta’ natura kontinwa u kienu r-raġuni għal mill-inqas żewġ deċiżjonijiet skond l-Artikolu 31, għall-esklużjoni min-nefqa tal-finanzjament tal-Komunità mill-Istat Membru kkonċernat, u

    (ċ)

    il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Istat Membru kkonċernat ma implimentax ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu biex jirrimedja s-sitwazzjoni u mhuwiex f’pożizzjoni li jagħmel dan fil-futur immedjat.

    3.   Qabel ma tittieħed id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istat Membru kkonċernat bl-intenzjoni tagħha u tistaqsih għar-reazzjoni tiegħu fi żmien perijodu ddeterminat mill-Kummissjoni skond il-gravità tal-problema u li ġeneralment ma jistax ikun inqas minn 30 jum.

    Il-perċentwali li biha jistgħu jitnaqqsu jew jiġu sospiżi l-pagamenti ta’ kull xahar għandha tikkorrispondi għall-perċentwali deċiża mill-Kummissjoni fl-aħħar deċiżjoni tagħha kif imsemmi fil-paragrafu 2(b). Din għandha tiġi applikata għan-nefqa rilevanti li ssir mill-aġenzija li qed tħallas meta jeżistu n-nuqqasijiet imsemmija fil-paragrafu 2(a).

    4.   It-tnaqqis jew is-sospensjoni m’għandhomx jitkomplew jekk il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2 ma jibqgħux sodisfatti. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-approvazzjoni ta’ konformità skond l-Artikolu 31 ta’ dan ir-Regolament.”;

    (4)

    Fl-Artikolu 26, il-paragrafu 4 għandu jinbidel b’dan li ġej:

    “4.   Jekk wieħed mill-ħtiġiet stabbiliti fil-paragrafu 3 ma jintlaħaqx, il-Kummissjoni għandha tinforma minnufih lill-aġenzija akkreditata li qed tħallas u lill-korp ta’ koordinament, fil-każ li jkun inħatar wieħed. Jekk wieħed mill-ħtiġiet stabbiliti fil-punt (a) jew (c) tal-paragrafu 3 ma jiġix irrispettat, id-dikjarazzjoni tan-nefqa għandha tkun inammissibbli.”;

    (5)

    Għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

    “Artikolu 27a

    Sospensjoni u tnaqqis tal-pagamenti intermedji f’każi speċifiċi

    L-Artikolu 17a għandu japplika mutatis mutandis għas-sospensjoni u t-tnaqqis tal-pagamenti intermedji msemmija fl-Artikolu 26.”;

    (6)

    Fl-Artikolu 31(5), l-punt (c) li ġej għandu jiġi miżjud:

    “(c)

    ksur mill-Istati Membri ta’ l-obbligi tagħhom skond ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4045/89 tal-21 ta’ Diċembru 1989 dwar l-iskrutinju mill-Istati Membri ta’ transazzjonijiet li jiffurmaw parti mis-sistema ta’ finanzjament mis-sezzjoni ta’ Garanziji tal-Gwida Agrikola u tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Gwida u Garanzija (**), dment li l-Kummissjoni tinnotifika bil-miktub lill-Istat Membru dwar ir-riżultati ta’ l-ispezzjoni fi żmien 12-il xahar wara li jkun wasal ir-rapport ta’ l-Istat Membru dwar ir-riżultati tal-kontrolli tiegħu tan-nefqa kkonċernata.

    (**)  ĠU L 388, 30.12.1989, p. 18. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2154/2003 (ĠU L 328, 5.12.2002, p. 4).”;"

    (7)

    Fl-Artikolu 33(4), għandu jitħassar it-tieni subparagrafu;

    (8)

    Fl-Artikolu 40, il-paragrafu 1 għandu jinbidel b’dan li ġej:

    “1.   B’deroga mill-Artikoli 31(2), 32(4) u 37(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999 tal-21 ta’ Ġunju 1999 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali (***), somom parzjali impenjati bħala għajnuna kofinanzjata mis-Sezzjoni ta’ Gwida ta’ l-FAEGG approvata mill-Kummissjoni bejn l-1 ta’ Jannar 2000 u l-31 ta’ Diċembru 2006, li għaliha d-dikjarazzjoni tan-nefqa ċċertifikata effettivament mħallsa, ir-rapport finali dwar l-implimentazzjoni u d-dikjarazzjoni msemmija fl-Artikolu 38(1)(f) ta’ dak ir-Regolament ma ntbgħatux lill-Kummissjoni fi żmien 15-il xahar wara d-data finali ta’ eliġibilità tan-nefqa stabbilita fid-deċiżjoni li tagħti kontribut mill-Fondi, għandha tiġi awtomatikament diżimpenjata mill-Kummissjoni mhux iktar tard minn 6 xhur wara dik id-data ta’ skadenza, li tagħti lok għal ħlas lura ta’ ammonti mħallsa b’mod mhux ġustifikat.

    (***)  ĠU L 161, 26.6.1999, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1198/2006 (ĠU L 223, 15.8.2006, p. 1).”;"

    (9)

    L-Artikolu 42 hu b’dan emendat kif ġej:

    (a)

    il-punt 1 għandu jinbidel b’dan li ġej:

    “1.

    il-kondizzjonijiet applikabbli għall-akkreditazzjoni ta’ l-aġenziji li jħallsu kif ukoll għall-akkreditazzjoni speċifika ta’ korpi ta’ koordinament, il-funzjonijiet rispettivi tagħhom, l-informazzjoni meħtieġa u l-arranġamenti biex issir disponibbli jew tiġi trasmessa lill-Kummissjoni;”;

    (b)

    għandhom jiddaħħlu l-punti li ġejjin:

    “8a.

    regoli dettaljati dwar il-finanzjament u l-kontabilità tal-miżuri ta’ intervent fil-forma ta’ ħżin pubbliku kif ukoll nefqa oħra ffinanzjata mill-FAEG u l-FAEŻR;

    8b.

    ir-regoli dettaljati dwar il-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dwar il-benefiċjarji msemmija fl-Artikolu 44a u dwar l-aspetti prattiċi relatati mal-protezzjoni ta’ l-individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar tad-data personali tagħhom skond il-prinċipji stabbiliti fil-leġislazzjoni Komunitarja dwar il-protezzjoni tad-data. Dawn ir-regoli għandhom jiżguraw, b’mod partikolari, li l-benefiċjarji tal-fondi jiġu informati li din id-data tista’ ssir pubblika u tista’ tiġi pproċessata minn korpi ta’ verifika jew ta’ investigazzjoni għall-fini tas-salvagwardja ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet, inkluż il-ħin meta din l-informazzjoni għandha sseħħ;

    8c.

    il-kondizzjonijiet u r-regoli dettaljati applikabbli għall-approprjazzjonijiet li ġew ittrasferiti skond l-Artikolu 149(3) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2022 biex jiffinanzjaw in-nefqa msemmija fl-Artikolu 3(1)(c) ta’ dan ir-Regolament.”;

    (10)

    Għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

    “Artikolu 44a

    Pubblikazzjoni tal-benefiċjarji

    Skond l-Artikolu 53b(2)(d) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002, l-Istati Membri għandhom jiżguraw il-pubblikazzjoni ex post tal-benefiċjarji ta’ l-FAEG u l-FAEŻR u l-ammonti li jirċievi kull benefiċjarju taħt kull wieħed minn dawn il-Fondi.

    Il-pubblikazzjoni għandha għall-inqas tinkludi:

    (a)

    għall-FAEG, l-ammont suddiviż f’pagamenti diretti fis-sens ta’ l-Artikolu 2(d) tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 u infiq ieħor;

    (b)

    għall-FAEŻR, l-ammont totali tal-finanzjament pubbliku għal kull benefiċjarju.”.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Il-punt (3) u l-punt (5) ta’ l-Artikolu 1 għandhom japplikaw mill-1 ta’ Lulju 2008.

    Il-punt (6) ta’ l-Artikolu 1 għandu japplika fir-rigward tar-rapporti ta’ l-Istati Membri riċevuti għand il-Kummissjoni wara l-1 ta’ Jannar 2008, eskluż kwalunkwe infiq li sar mill-Istati Membri qabel is-sena finanzjarja 2006.

    Il-punt (10) ta’ l-Artikolu 1 għandu japplika għall-infiq mill-FAEG magħmul mis-16 ta’ Ottubru 2007 u għall-infiq mill-FAEŻR mill-1 ta’ Jannar 2007.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, 26 ta’ Novembru 2007.

    Għall-Kunsill,

    Il-President

    J. SILVA


    (1)  Opinjoni tal-11 ta’ Ottubru 2007 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (2)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 19. Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bi 2006/965/KE (ĠU L 397, 30.12.2006, p. 22).

    (3)  ĠU L 209, 11.8.2005, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 378/2007 (ĠU L 95, 5.4.2007, p. 1).

    (4)  ĠU L 388, 30.12.1989, p. 18. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2154/2002 (ĠU L 328, 5.12.2002, p. 4).

    (5)  ĠU L 210, 31.7.2006, p. 25. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1989/2006 (ĠU L 411, 30.12.2006, p. 6).

    (6)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1995/2006 (ĠU L 390, 30.12.2006, p. 1).

    (7)  ĠU C 134, 16.6.2007, p. 1.


    Top