This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32007R1330
Commission Regulation (EC) No 1330/2007 of 24 September 2007 laying down implementing rules for the dissemination to interested parties of information on civil aviation occurrences referred to in Article 7(2) of Directive 2003/42/EC of the European Parliament and of the Council (Text with EEA relevance)
Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1330/2007 ta’ l- 24 ta’ Settembru 2007 li jistipula r-regoli implimentattivi għat-tqassim lill-partijiet interessati ta' tagħrif dwar l-okkorrenzi ta' l-avjazzjoni ċivili msemmija fl-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Test b’relevanza għaż-ŻEE)
Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1330/2007 ta’ l- 24 ta’ Settembru 2007 li jistipula r-regoli implimentattivi għat-tqassim lill-partijiet interessati ta' tagħrif dwar l-okkorrenzi ta' l-avjazzjoni ċivili msemmija fl-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Test b’relevanza għaż-ŻEE)
ĠU L 295, 14.11.2007, p. 7–11
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(HR)
No longer in force, Date of end of validity: 14/11/2015; Imħassar b' 32014R0376
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Repealed by | 32014R0376 |
14.11.2007 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 295/7 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1330/2007
ta’ l-24 ta’ Settembru 2007
li jistipula r-regoli implimentattivi għat-tqassim lill-partijiet interessati ta' tagħrif dwar l-okkorrenzi ta' l-avjazzjoni ċivili msemmija fl-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2003/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2003 dwar rapporti ta' okkorrenza fl-avjazzjoni ċivili (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 7(2) tagħha,
Billi:
(1) |
Id-Direttiva 2003/42/KE titlob it-twaqqif ta' sistemi nazzjonali ta' rapport ta' l-okkorrenzi, sabiex ikun żgurat li t-tagħrif rilevanti dwar is-sikurezza fl-ajru jkun irrappurtat, miġbur, maħżun, imħares u mqassam bl-uniku objettiv li jiġu evitati l-inċidenti, b'hekk tiġi eskluża l-attribuzzjoni ta' ħtija jew responsabilità. |
(2) |
Dan ir-Regolament għandu japplika għal tagħrif skambjat bejn l-Istati Membri skond l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2003/42/KE. It-tagħrif li jikkonċerna l-okkorrenzi nazzjonali, maħżun fid-databases nazzjonali għandu jkun suġġett għar-regolamenti nazzjonali li jirregolaw ir-rilaxx tat-tagħrif dwar is-sigurtà fl-avjazzjoni. |
(3) |
Il-partijiet interessati, għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom ikunu definiti bħala kull persuna li qiegħda f'pożizzjoni li tieħu sehem fit-titjib tas-sikurezza ta' l-avjazzjoni ċivili billi tagħmel użu tajjeb mit-tagħrif li għandu x'jaqsam mas-sikurezza miġbura skond id-Direttiva 2003/42/KE. |
(4) |
Punti ta' kuntatt nazzjonali għandhom l-aħjar għarfien tal-partijiet interessati stabbiliti fl-Istat Membru tagħhom stess. Biex jittratta t-talbiet għat-tagħrif bl-iktar mod sikur u effiċjenti, kull punt ta' kuntatt nazzjonali għandu jittratta t-talbiet mill-partijiet interessati stabbiliti fit-territorju ta' dak l-Istat Membru filwaqt li talbiet minn partijiet interessati minn pajjiżi terzi jew minn organizzazzjonijiet internazzjonali għandhom jiġu ttrattati mill-Kummissjoni. |
(5) |
Il-Kummissjoni tista' iktar tard tiddeċiedi li tafda entità bil-ġestjoni tat-tagħrif skambjat skond l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2003/42/KE u tittratta t-talbiet mill-partijiet interessati minn pajjiżi terzi jew minn għaqdiet internazzjonali. |
(6) |
Lista ta' punti ta' kuntatt għandhom jiġu stabbiliti mill-Kummissjoni u għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku. |
(7) |
Sabiex jiġi evitat l-abbuż mis-sistema, il-punt ta' kuntatt li jirċievi talba għal tagħrif għandu jiċċekkja li min għamel it-talba jkun parti interessata u t-talba għandha tkun ivvalutata, qabel ma jiġi definit l-ammont u l-livell tat-tagħrif li se jingħata. |
(8) |
Il-punti ta' kuntatt nazzjonali għandhom jiksbu tagħrif biżżejjed biex jipproċedu għall-validazzjoni u l-valutazzjoni tat-talbiet. Għal din ir-raġuni għandhom jużaw formula li jkun fiha tagħrif rilevanti dwar min għamel it-talba u l-użu li maħsub li jsir mit-talba. |
(9) |
Meta ċerti partijiet interessati jiġu regolarment bżonn tagħrif marbut ma' l-attivitajiet tagħhom stess, għandu jkun possibbli li tiġi adottata deċiżjoni ġenerali għall-provvista ta' tagħrif fir-rigward ta' dawk il-partijiet. |
(10) |
Min ikun għamel it-talba għandu jiżgura li l-kunfidenzjalità tas-sistema tkun imħarsa, u għandu jillimita l-użu tat-tagħrif li ngħatalu għall-finijiet speċifikati fit-talba, li għandhom ikunu kompatibbli ma' l-objettivi tad-Direttiva 2003/42/KE. |
(11) |
Il-punti ta' kuntatt kollha għandhom ikunu kapaċi jaraw li talba li jkunu ċaħdu ma terġax tiġi introdotta permezz ta' l-awtorità ta' Stat Membru ieħor. Għandhom ikunu kapaċi wkoll isegwu l-eżempju ta' l-aħjar prassi ta' punti ta' kuntatt oħrajn. Għalhekk għandu jkollhom aċċess għar-reġistri tat-talbiet għal tagħrif u deċiżjonijiet adottati fir-rigward ta' talbiet bħal dawn. |
(12) |
It-teknoloġija moderna għandha tintuża għat-trasferiment tad-data, filwaqt li tiżgura l-ħarsien tad-database kollu. |
(13) |
Sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tħejji l-miżuri xierqa għall-iskambju tat-tagħrif bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni, kif mitlub mill-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2003/42/KE, dan ir-Regolament għandu japplika għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu. |
(14) |
Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma konformi ma' l-opinjoni tal-Kumitat għas-Sikurezza fl-Ajru imwaqqaf permezz ta' l-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 tas-16 ta' Diċembru 1991 dwar l-armonizzazzjoni tal-ħtiġijiet tekniċi u proċeduri amministrattivi fil-qasam ta' l-avjazzjoni ċivili (2). |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Suġġett
Dan ir-Regolament jistipula l-miżuri li jikkonċernaw it-tqassim ta' tagħrif lil partijiet interessati dwar okkorrenzi skambjati mill-Istati Membri b'konformità ma' l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2003/42/KE bl-għan li dawn il-partijiet ikunu pprovduti bit-tagħrif li għandhom bżonn biex itejbu s-sikurezza ta' l-avjazzjoni ċivili.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
1. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1) |
“parti interessata” tfisser kull persuna naturali, kull persuna ġuridika, kemm jekk tagħmel il-profitti u kemm jekk le, jew kull entità uffiċjali kemm jekk għandha personalità ġuridika u kemm jekk le, li qiegħda f'pożizzjoni li tagħti sehemha għat-titjib tas-sikurezza ta' l-avjazzjoni ċivili billi jkollha aċċess għal tagħrif dwar okkorrenzi skambjati mill-Istati Membri skond l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2003/42/KE u li hija inkluża f'waħda mill-kategoriji tal-partijiet interessati elenkati fl-Anness I; |
(2) |
“punt ta' kuntatt” ifisser,
|
2. Il-lista tal-punti ta' kuntatt se tkun ippubblikata mill-Kummissjoni.
Artikolu 3
Talbiet għal tagħrif
1. Partijiet interessati stabbiliti fi ħdan il-Komunità li huma persuni naturali għandhom jindirizzaw talbiet għal tagħrif lill-punt ta' kuntatt ta' l-Istat Membru fejn għandhom il-liċenzja, jew fejn m'hemmx bżonn ta' liċenzja, fejn jeżerċitaw il-funzjoni tagħhom. Partijiet interessati oħrajn stabbiliti fi ħdan il-Komunità għandhom jindirizzaw talbiet għal tagħrif lill-punt ta' kuntatt ta' l-Istat Membru fejn għandhom l-uffiċċju rreġistrat jew is-sede uffiċjali tagħhom jew, fin-nuqqas ta' uffiċċju jew sede tali, il-post ewlieni tan-negozju tagħhom.
2. Partijiet interessati mhux stabbiliti fil-Komunità għandhom jindirizzaw it-talba tagħhom lill-Kummissjoni.
3. It-talbiet għandhom jintbagħtu bl-użu ta' formuli approvati mill-punti ta' kuntatt. Dawn il-formuli għandu jkun fihom ta' l-inqas dak li hemm fl-Anness II.
Artikolu 4
Talbiet speċjali
Parti interessata li bagħtet rapport partikolari tista' tindirizza talbiet għal tagħrif marbut ma' dak ir-rapport direttament lill-punt ta' kuntatt li rċieva dan ir-rapport.
Artikolu 5
Validazzjoni ta' min għamel it-talba
1. Punt ta' kuntatt li jirċievi talba għandu jara li tkun saret minn parti interessata.
2. Jekk persuna interessata tindirizza talba lil punt ta' kuntatt li ma jkunx dak kompetenti biex jittratta talba bħal dik skond l-Artikolu 3, hija għandha tiġi mistiedna tikkuntattja l-punt ta' kuntatt kompetenti.
Artikolu 6
Valutazzjoni tat-talba
1. Punt ta' kuntatt li jirċievi talba għandu jivvaluta skond il-każ jekk it-talba hix iġġustifikata u prattikabbli.
2. Jekk it-talba tintlaqa', il-punt ta' kuntatt għandu jiddetermina l-ammont u l-livell ta' tagħrif li jrid jiġi fornut. Dan għandu jkun limitat għal dak li huwa strettament meħtieġ għall-fini ta' min għamel it-talba, bla ħsara għall-Artikolu 8 tad-Direttiva 2003/42/KE. Tagħrif mhux relatat mat-tagħmir, l-operazzjonijiet u l-qasam ta' l-attività ta' min għamel it-talba stess għandu jiġu pprovdut biss f'forma aggregata jew diżidentifikata, sakemm ma tingħatax ġustifikazzjoni dettaljata minn min għamel it-talba.
3. Il-partijiet interessati elenkati fl-Anness I (b) jistgħu jiġu pprovduti biss b'tagħrif marbut mat-tagħmir, l-operazzjonijiet jew il-qasam ta' l-attività tal-parti interessata stess.
Artikolu 7
Deċiżjonijiet ta' natura ġenerali
Punt ta' kuntatt li jirċievi talba minn parti interessata elenkata fl-Anness I (a) jista' jieħu deċiżjoni ġenerali li jipprovdi tagħrif fuq bażi regolari lil dik il-parti interessata sakemm it-tagħrif mitlub ikun marbut mat-tagħmir, l-operazzjonijiet jew il-qasam ta' l-attività tal-parti interessata stess.
Artikolu 8
Użu ta' tagħrif u kunfidenzjalità
1. Min għamel it-talba għandu juża biss it-tagħrif li rċieva għall-fini speċifikata fil-formula tat-talba, li għandha tkun kompatibbli ma' l-għan imsemmi fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/42/KE. Min għamel it-talba m'għandux jikxef it-tagħrif li rċieva mingħajr il-kunsens bil-miktub ta' min ipprovdieh.
2. Min għamel it-talba għandu jieħu l-miżuri neċessarji biex jiżgura l-kunfidenzjalità xierqa tat-tagħrif li jkun irċieva.
Artikolu 9
Reġistru tat-talbiet
Kull punt ta' kuntatt għandu jirreġistra kull talba li jirċievi u l-azzjoni li jkun ħa. Dak it-tagħrif għandu jintbagħat lill-Kummissjoni kull meta tasal talba u/jew tittieħed azzjoni.
Il-Kummissjoni għandha tagħmel disponibbli għall-punti ta' kuntatt kollha, il-lista aġġornata tat-talbiet li waslu u l-azzjoni li ttieħdet mid-diversi punti ta' kuntatt u mill-Kummissjoni stess.
Artikolu 10
Mezzi ta' tqassim
Il-punti ta' kuntatt jistgħu jipprovdu tagħrif lill-partijiet interessati fuq karta jew billi jużaw mezzi elettroniċi ta' komunikazzjoni sikuri.
Għal raġunijiet ta' sikurezza, l-aċċess dirett għal databases li fihom tagħrif li wasal minn Stati Membri oħrajn skond l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2003/42/KE m'għandux jingħata lill-partijiet interessati.
Artikolu 11
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, 24 ta’ Settembru 2007.
Għall-Kummissjoni
Jacques BARROT
Viċi President
(1) ĠU L 167, 4.7.2003, p. 23.
(2) ĠU L 373, 31.12.1991, p. 4. Ir-Regolament hekk kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1900/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 377, 27.12.2006, p. 176).
ANNESS I
LISTA TA' PARTIJIET INTERESSATI
a) Lista ta' partijiet interessati li jistgħu jirċievu tagħrif fuq bażi ta' deċiżjoni skond il-każ b'konformità ma' l-Artikolu 6(2) jew fuq il-bażi ta' deċiżjoni ġenerali skond l-Artikolu 7
(1) |
Manifatturi: Diżinjaturi u manifatturi ta' inġenji ta' l-ajru, magni, propulsuri u partijiet u apparati għall-inġenji ta' l-ajru; Diżinjaturi u manifatturi ta' sistemi u kostitwenti għall-Ġestjoni tat-Traffiku ta' l-Ajru (ATM); Diżinjaturi u manifatturi ta' sistemi u kostitwenti għas-Servizzi tan-Navigazzjoni fl-Ajru (ANS); Diżinjaturi u manifatturi ta' sistemi u tagħmir użati fil-parti ta' l-ajru ta' l-ajrudromi |
(2) |
Manutenzjoni: L-għaqdiet involuti fil-manutenzjoni jew ir-reviżjoni ta' inġenji ta' l-ajru, magni, propulsuri u partijiet u apparati għall-inġenji ta' l-ajru; fl-installazzjoni, il-modifika, il-manutenzjoni, it-tiswija, ir-reviżjoni, il-kontroll tat-titjira jew l-ispezzjoni ta' faċilitajiet għan-navigazzjoni fl-ajru; jew fil-manutenzjoni jew ir-reviżjoni ta' sistemi, kostitwenti u tagħmir tal-parti ta' l-ajru f'ajrudrom |
(3) |
Operaturi: Linji ta' l-ajru u operaturi ta' inġenji ta' l-ajru u għaqdiet ta' linji ta' l-ajru u operaturi; Operaturi ta' l-ajrudromi u għaqdiet ta' l-operaturi ta' l-ajrudromi |
(4) |
Fornituri ta' Servizzi tan-Navigazzjoni fl-Ajru u fornituri ta' funzjonijiet speċifiċi ta' ATM |
(5) |
Fornituri ta' Servizz ta' Ajrudrom: għaqdiet inkarigati bis-servizzi fl-art ta' inġenji ta' l-ajru, li jinkludu l-għoti tal-fjuwil, l-isservizzjar, it-tħejjija tal-folja tat-tagħbija, it-tagħbija, it-tneħħija tas-silġ u l-ittowjar f'ajrudrom, kif ukoll is-servizzi tas-salvataġġ u tat-tifi tan-nar jew ta' l-emerġenza |
(6) |
Għaqdiet ta' Taħriġ fl-Avjazzjoni |
(7) |
Għaqdiet f'Pajjiżi Terzi: Awtoritajiet governattivi għall-avjazzjoni u entitajiet ta' l-investigazzjoni ta' l-inċidenti minn pajjiżi terzi |
(8) |
Għaqdiet internazzjonali ta' l-Avjazzjoni |
(9) |
Riċerka: Laboratorji, ċentri jew entitajiet pubbliċi jew privati; jew universitajiet impenjati fir-riċerka jew l-istudji tas-sikurezza fl-avjazzjoni. |
b) Lista ta' partijiet interessati li jistgħu jirċievu tagħrif fuq bażi ta' deċiżjoni skond il-każ b'konformità ma' l-Artikolu 6(2) u 6(3)
(1) |
Bdoti (fuq bażi personali) |
(2) |
Kontrolluri tat-Traffiku ta' l-Ajru (fuq bażi personali) u staff ieħor ta' l-ATM/ANS li jwettqu ħidmiet relatati mas-sikurezza |
(3) |
Inġiniera/Tekniċi/Personal ta' l-Elettroniċi tas-Sikurezza tat-Traffiku ta' l-Ajru/Maniġers ta' l-Avjazzjoni (jew Ajurdrom) (fuq bażi personali) |
(4) |
Entitajiet rappreżentattivi professjonali ta' l-istaff li jwettqu ħidmiet relatati mas-sikurezza. |