Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007D1350

    Deċiżjoni Nru 1350/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 23 ta’ Ottubru 2007 li tistabbilixxi t-tieni programm ta’ azzjoni Komunitarja fil-qasam tas-saħħa (2008-2013) (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    ĠU L 301, 20.11.2007, p. 3–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2013; Imħassar b' 32014R0282

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2007/1350/oj

    20.11.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 301/3


    DEĊIŻJONI Nru 1350/2007/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tat-23 ta’ Ottubru 2007

    li tistabbilixxi t-tieni programm ta’ azzjoni Komunitarja fil-qasam tas-saħħa (2008-2013)

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 152 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

    Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (3),

    Billi:

    (1)

    Il-Komunità tista' tikkontribwixxi għall-protezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza taċ-ċittadini permezz ta’ azzjonijiet fil-qasam tas-saħħa pubblika. Għandu jiġi żgurat livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika u l-attivitajiet Komunitarji kollha. Skond l-Artikolu 152 tat-Trattat, il-Komunità teħtieġ tadotta rwol attiv billi tieħu miżuri li ma jistgħux jittieħdu minn Stati Membri individwali, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà. Il-Komunità tirrispetta bis-sħiħ ir-responsabilitajiet ta’ l-Istati Membri għall-organizzazzjoni u l-għoti ta’ servizzi tas-saħħa u kura medika.

    (2)

    Is-settur tas-saħħa hu karatterizzat min-naħa mill-potenzjal konsiderevoli tiegħu għat-tkabbir, l-innovazzjoni u d-dinamiżmu u min-naħa l-oħra mill-isfidi li jħabbat wiċċu magħhom f'termini ta’ sostenibbiltà finanzjarja u soċjali u l-effiċjenza tas-sistemi tal-kura tas-saħħa minħabba, fost affarijiet oħra, l-popolazzjoni li qiegħda tixjieħ u l-progress mediku.

    (3)

    Il-programm ta’ azzjoni Komunitarja fil-qasam tas-saħħa pubblika (2003-2008), adottat bid-Deċiżjoni Nru 1786/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), kien l-ewwel programm integrat tal-Komunità Ewropea f'dan il-qasam, u dan diġà ipprovda għadd ta’ żviluppi u titjib importanti.

    (4)

    Jinħtieġ sforz kontinwu sabiex jintlaħqu l-għanijiet li ġew stabbiliti diġà mill-Komunità fil-qasam tas-saħħa pubblika. Huwa għalhekk xieraq li jiġi stabbilit t-tieni Programm ta’ azzjoni Komunitarja dwar is-saħħa (2008-2013) (minn hawn ’il quddiem “il-Programm”).

    (5)

    Jeżisti numru ta’ theddid transkonfinali serju għas-saħħa li jista' jkollu dimensjoni dinjija u qiegħed jitfaċċa theddid ġdid li jeħtieġ aktar azzjoni Komunitarja. Il-Komunità għandha tittratta t-theddid serju transkonfinali lis-saħħa bħala prijorità. Il-Programm għandu jagħmel enfasi fuq it-tisħiħ tal-kapaċitajiet ġenerali Komunitarji billi jiżviluppa aktar il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri. Il-monitoraġġ, it-twissija bikrija u azzjoni biex jiġu miġġielda theddid serju għas-saħħa huma oqsma importanti fejn rispons effettiv u kkoordinat għat-theddid tas-saħħa għandu jiġi promoss fil-livell Komunitarju. Azzjonijiet li jiżguraw kooperazzjoni djanjostika ta’ kwalità għolja bejn laboratorji huma meħtieġa bħala tweġiba għat-theddid għas-saħħa. Il-Programm għandu jinkoraġġixxi l-istabbiliment ta’ sistema ta’ laboratorji ta’ referenza Komunitarji. Madankollu, tali sistema teħtieġ li tkun ibbażata fuq bażi legali soda.

    (6)

    Skond ir-rapport tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) fuq is-Saħħa Ewropea ta’ l-2005, fir-rigward ta’ Snin ta’ Ħajja Aġġustati minħabba Diżabbiltà (DALYs) il-kawżi l-aktar importanti tal-piż tal-mard fir-Reġjun Ewropew tad-WHO huma l-mard li ma jitteħidx (NCDs – 77 % tat-total), kawżi esterni ta’ korriment u avvelenament (14 %) u mard li jittieħed (9 %). Seba’ kondizzjonijiet ewlenin – il-mard tal-qalb iskemiku, dipressjoni unipolari, mard ċerebrovaskulari, mard relatat ma’ l-użu ta’ l-alkoħol, mard kroniku pulmonari, kankru fil-pulmun u leżjonijiet kkważati minn inċidenti tat-traffiku- jammontaw għal 34 % tad-DALYs fir-Reġjun. Is-seba fatturi ewlenin ta’ riskju – it-tipjip, l-alkoħol, il-pressjoni għolja, il-kolesterol għoli, l-obeżità, il-konsum baxx ta’ frott u ħaxix u n-nuqqas ta’ attività fiżika – jammontaw għal 60 % tad-DALYs. Barra minn hekk, il-mard li jittieħed bħall-HIV/AIDS, l-influwenza, it-tuberkolożi u l-malarja qegħdin ukoll jheddu s-saħħa tan-nies fl-Ewropa. Il-Programm, għandu jkollu l-kompitu importanti li f'kooperazzjoni fejn xieraq, flimkien mal-Programm Komunitarju tal-Istatistika, jidentifika aħjar il-piżijiet ewlenin tas-saħħa fil-Komunità.

    (7)

    Tmien kawżi ewlenin ta’ mewt u morbożità mill-NCDs fir-Reġjun Ewropew tad-WHO huma l-mard kardjovaskulari, mard neuropsikjatriku, il-kanċer, mard fis-sistema diġetiva, mard respiratorju, mard tal-organi neurosensorjali, mard fl-għadam u fil-muskoli u d-dijabete mellitus. Il-Programm, b'sinerġija ma’ inizjattivi u finanzjamenti Komunitarji oħra, għandu jikkontribwixxi għal għarfien aħjar u informazzjoni dwar il-prevenzjoni, id-djanjożi u l-kontroll tal-mard ewlieni. B'dan il-mod, il-Kummissjoni, waqt l-iżvolġiment tal-Programm, tista' tippreżenta proposti għal Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill pertinenti. Il-Programm għandu wkoll irawwem koordinazzjoni u sinerġiji xierqa fost l-inizjattivi Komunitarji li jirrigwardaw il-ġbir ta’ data komparattiva dwar il-mard ewlieni, inkluż dwar il-kanċer.

    (8)

    Ir-reżistenza mikrobika għall-anti-bijotiċi u infezzjonijiet li jittieħdu mill-isptar qegħdin isiru theddida għas-saħħa fl-Ewropa. Nuqqas ta’ anti-bijotiċi effettivi ġodda kif ukoll nuqqas ta’ mezzi biex jiġi żgurat l-użu xieraq tal-anti-bijotiċi eżistenti huma ta’ tħassib prinċipali. Għalhekk huwa importanti li tinġabar u tiġi analizzata d-data rilevanti.

    (9)

    It-tisħiħ tar-rwol taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 851/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) huwa importanti fil-ġlieda kontra l-mard li jittieħed.

    (10)

    Il-Programm għandu jkun imsejjes fuq il-kisbiet tal-programm preċedenti għall-azzjoni Komunitarja fil-qasam tas-saħħa pubblika (2003-2008). Huwa għandu jikkontribwixxi lejn il-kisba ta’ livell għoli ta’ saħħa fiżika u mentali u ugwaljanza akbar fil-kwistjonijiet ta’ saħħa fil-Komunità kollha billi l-azzjonijiet jiġu diretti lejn it-titjib tas-saħħa pubblika, il-prevenzjoni tal-mard u diżordnijiet oħra tal-bniedem, u t-tneħħija ta’ sorsi ta’ perikolu għas-saħħa sabiex tiġi miġġielda l-morbożità u l-mewt prematura. Għandu jikkontribwixxi ulterjurment biex jipprovdi liċ-ċittadini b'aċċess aħjar għal informazzjoni u biex b'hekk tiżdied l-abilità tagħhom li jieħdu deċiżjonijiet li l-aħjar jaqdu l-interessi tagħhom.

    (11)

    Il-Programm għandu jenfasizza t-titjib tal-kundizzjoni tas-saħħa tat-tfal u ż-żgħażagħ u jippromwovi stil ta’ ħajja san u kultura ta’ prevenzjoni fosthom.

    (12)

    Il-Programm għandu jappoġġa l-integrazzjoni tal-għanijiet tas-saħħa fil-linji politiċi u l-attivitajiet Komunitarji kollha, mingħajr ma jirdoppja x-xogħol imwettaq taħt linji politiċi Komunitarji oħra. Il-koordinazzjoni ma’ linji politiċi u programmi oħra tal-Komunità huma parti ewlenija tal-għan ta’ integrazzjoni tas-saħħa f'linji politiċi oħrajn. Sabiex jiġu promossi s-sinerġiji u tiġi evitata d-duplikazzjoni, jistgħu jittieħdu azzjonijiet konġunti ma’ programmi u azzjonijiet relatati tal-Komunità u għandu jsir użu xieraq ta’ fondi u programmi oħra Komunitarji inklużi l-programmi kwadri attwali u futuri tal-Komunità għar-riċerka u r-riżultati tagħhom, il-Fondi Strutturali, u l-Fond Ewropew għas-Solidarjetà, l-istrateġija Ewropea għas-saħħa fuq il-post tax-xogħol, il-programm t'azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-konsumatur (2007-2013) (6), il-programm “Prevenzjoni tad-Droga u Informazzjoni”, il-programm “Niġġieldu kontra l-Vjolenza (Daphne)” u l-Programm Komunitarju ta’ l-Istatistika fl-attivitajiet rispettivi tagħhom.

    (13)

    Għandhom isiru sforzi speċjali biex jiġu żgurati koerenza u sinerġiji bejn il-Programm u l-azzjonijiet esterni tal-Komunità, b’mod partikolari fil-qasam ta’ l-influwenza tat-tjur, l-HIV/AIDS, it-tuberkolożi u theddid ieħor transkonfinali għas-saħħa. Barra minn hekk, għandu jkun hemm kooperazzjoni internazzjonali li tippromwovi r-riforma ġenerali tas-saħħa u l-kwistjonijiet istituzzjonali ġenerali tas-saħħa f’pajjiżi terzi.

    (14)

    Iż-żieda fis-Snin ta’ Ħajja Sana (HLY) permezz tal-prevenzjoni ta’ mard u l-promozzjoni ta’ linji politiċi li jwasslu għal stil ta’ ħajja aktar san, hija importanti għall-benesseri taċ-ċittadini ta’ l-UE u tgħin sabiex jiġu milqugħa l-isfidi tal-proċess ta’ Lisbona fir-rigward tas-soċjetà tal-għarfien u s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi li huma taħt pressjoni minħabba l-ispejjeż dejjem jiżdiedu tal-kura tas-saħħa u s-sigurtà soċjali.

    (15)

    It-tkabbir ta’ l-Unjoni Ewropea ġab miegħu tħassib ulterjuri għal dak li għandu x’jaqsam mal-inugwaljanzi tas-saħħa fi ħdan l-UE u probabbilment li dan it-tħassib jinħass fi tkabbir futur. Għalhekk, din il-kwistjoni għandha tkun waħda mill-prijoritajiet tal-Programm.

    (16)

    Il-Programm għandu jgħin fl-identifikazzjoni tal-kawżi tal-inugwaljanzi tas-saħħa u jħeġġeġ, fost affarijiet oħra, l-iskambju ta’ l-aħjar prassi biex dawn jiġu indirizzati.

    (17)

    Jeħtieġ li d-data komparabbli tiġi sistematikament miġbura, proċessata u analizzata, fi ħdan limiti nazzjonali, għal monitoraġġ effettiv tal-istat tas-saħħa fl-Unjoni Ewropea. Dan jippermetti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex itejbu t-tagħrif għall-pubbliku u jfasslu strateġiji, politika u azzjonijiet xierqa biex jinkiseb livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa tal-bniedem. Il-kompatibbiltà u l-interoperabbiltà tas-sistemi u n-netwerks għall-iskambju ta’ tagħrif u data għall-iżvilupp tas-saħħa pubblika għandhom jiġu segwiti fl-azzjonijiet u l-miżuri ta’ appoġġ. Is-sess, l-istatus soċjo-ekonomiku u l-età huma konsiderazzjonijiet tas-saħħa importanti. Il-ġbir ta’ data, safejn hu possibbli għandu jibni fuq xogħol li diġà sar, u proposti għal ġbir ġdid għandhom jirriflettu l-ispiża u jkunu bażati fuq ħtieġa ċara. Il-ġabra tad-data għandha ssir skond id-dispożizzjonijiet legali rilevanti dwar il-protezzjoni tad-data personali.

    (18)

    L-aħjar prassi hi importanti minħabba li l-promozzjoni tas-saħħa u l-prevenzjoni għandha tiġi kkalkulata fuq il-bażi ta’ l-effiċjenza u l-effettività u mhux biss f'termini ekonomiċi. Għandha tiġi promossa l-aħjar prattika u l-aħjar metodi ta’ trattament ta’ mard u ta’ korrimenti sabiex tiġi evitata aktar deterjorazzjoni tas-saħħa, u għandhom jiġu żviluppati netwerks Ewropej ta’ referenza għal kundizzjonijiet speċifiċi.

    (19)

    Għandha tittieħed azzjoni sabiex jiġu evitati korrimenti billi jsir ġbir ta’ data, analiżi tal-fatturi determinanti tal-leżjoni u tixrid ta’ l-informazzjoni rilevanti.

    (20)

    Is-servizzi tas-saħħa huma primarjament ir-responsabbiltà ta’ l-Istati Membri iżda l-kooperazzjoni fil-livell Komunitarju tista' tibbenefika lill-pazjenti u lis-sistemi tas-saħħa. Attivitajiet finanzjati mill-Programm kif ukoll proposti ġodda żviluppati bħala riżultat ta’ dawn, għandhom jagħtu kont debitu lill-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar valuri u prinċipji komuni fis-Sistemi tas-Saħħa ta’ l-Unjoni Ewropea (7) adottati f'Ġunju 2006 li jendorsjaw dikjarazzjoni dwar il-valuri u l-prinċipji komuni tas-Sistemi tas-Saħħa ta’ l-UE u jistiednu lill-Istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni Ewropea biex jirrispettawhom fil-ħidma tagħhom. Il-Programm għandu jieħu kont ta’ żviluppi futuri fir-rigward ta’ azzjoni Komunitarja dwar is-servizzi tas-saħħa kif ukoll tal-ħidma tal-Grupp ta’ Livell Għoli dwar is-Servizzi tas-Saħħa u l-Kura Medika, li jipprovdi forum importanti għall-kollaborazzjoni u l-iskambju ta’ l-aħjar prattika bejn is-sistemi ta’ saħħa ta’ l-Istati Membri.

    (21)

    Il-Programm għandu jikkontribwixxi għall-ġabra ta’ data, il-promozzjoni u l-iżvilupp ta’ metodi u għodda, l-istabbiliment ta’ netwerks u tipi differenti ta’ kooperazzjoni u l-promozzjoni ta’ linji politiċi rilevanti dwar il-mobbilità ta’ pazjenti kif ukoll dwar il-mobbilità tal-professjonisti tas-saħħa. Għandu jħaffef l-iżvilupp 'il quddiem taż-Żona e-Saħħa Ewropea, permezz ta’ inizjattivi Ewropej konġunti ma’ żoni oħra ta’ politika ta’ l-UE, li jinkludu l-politika reġjonali, filwaqt li jikkontribwixxi lejn xogħol bażat fuq il-kriterji tal-kwalità għal websites relatati mas-saħħa u lejn il-karta Ewropea tal-assigurazzjoni tas-saħħa. Għandu jittieħed kont tat-telemedicine peress li applikazzjonijiet tat-telemedicine jistgħu jikkontribwixxu għall-kura transkonfinali filwaqt li jiżguraw il-kura medika fid-dar.

    (22)

    Tniġġis ambjentali hu riskju serju għas-saħħa u kawża ewlenija ta’ tħassib għaċ-ċittadini Ewropej. Azzjoni speċjali għandha tiffoka fuq it-tfal u gruppi oħra li huma partikolarment vulnerabbli għal kondizzjonijiet ambjentali perikolużi. Il-Programm għandu jikkumplimenta l-azzjonijiet meħuda fil-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għas-Saħħa u l-Ambjent 2004-2010.

    (23)

    Il-Programm għandu jindirizza kwistjonijiet ta’ saħħa marbuta mas-sess u max-xjuħija.

    (24)

    Il-Programm għandu jagħraf l-importanza ta’ approċċ olistiku għas-saħħa pubblika u jqis, fejn hu xieraq u fejn hemm provi xjentifiċi jew kliniċi dwar l-effikaċja tagħha, il-mediċina kumplimentari u alternattiva fl-azzjonijiet tiegħu.

    (25)

    Il-prinċipju ta’ prekawzjoni u l-valutazzjoni tar-riskju huma fatturi ewlenin għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u għalhekk għandhom ikunu parti mill-integrazzjoni ulterjuri fil-linji politiċi u attivitajiet Komunitarji oħra.

    (26)

    Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi pakkett finanzjarju, għat-tul kollu tal-Programm, li jikkostitwixxi ir-referenza prinċipali fit-tifsira tal-punt 37 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u t-tmexxija finanzjarja soda (8), għall-awtorita' baġitarja matul il-proċedura baġitarja annwali.

    (27)

    Sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ koordinazzjoni bejn l-azzjonijiet u l-inizjattivi meħuda mill-Komunità u mill-Istati Membri għall-implimentazzjoni tal-Programm, jeħtieġ li tiġi promossa kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u tittejjeb l-effettività tan-netwerks eżistenti u futuri fil-qasam tas-saħħa pubblika. Il-parteċipazzjoni ta’ awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali fuq livell adattat skond is-sistemi nazzjonali għandhom jitqiesu fir-rigward ta’ l-implimentazzjoni tal-Programm.

    (28)

    Jeħtieġ li jiżdied l-investiment ta’ l-UE fis-saħħa u l-proġetti relatati mas-saħħa. F’dan ir-rigward, l-Istati Membri huma mħeġġa jidentifikaw it-titjib tas-saħħa bħala prijorità fil-programmi nazzjonali tagħhom. Għarfien aħjar dwar il-possibbilitajiet tal-finanzjament ta’ l-UE għas-saħħa hu meħtieġ. Għandu jiġi mħeġġeġ l-iskambju ta’ esperjenzi bejn l-Istati Membri dwar il-finanzjament tas-saħħa permezz tal-Fondi Strutturali.

    (29)

    Korpi mhux governattivi u networks speċjalizzati jistgħu wkoll ikollhom rwol importanti biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Programm. Sabiex isegwu wieħed jew aktar mill-għanijiet tal-Programm dawn jistgħu jeħtieġu kontributi Komunitarji biex ikunu jistgħu jiffunzjonaw. Għalhekk, għandhom jiġu stabbiliti kriterji dettaljati ta’ eliġibbiltà, dispożizzjonijiet rigward it-trasparenza finanzjarja u l-perijodu tal-kontributi Komunitarji għal korpi mhux governattivi u netwerks speċjalizzati li jikkwalifikaw għal appoġġ Komunitarju skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni (9). Tali kriterji jkunu jinkludu l-obbligi ta’ tali korpi u netwerks fl-istabbiliment ta’ għanijiet ċari, pjanijiet ta’ azzjoni u riżultati li jitkejjlu li jirrapreżentaw dimensjoni Ewropea b'saħħitha u valur miżjud reali għall-għanijiet tal-Programm. Minħabba n-natura partikolari tal-organizzazzjonijiet konċernati u f'każijiet ta’ utilità eċċezzjonali, għandu jkun possibli li t-tiġdid ta’ l-appoġġ Komunitarju għall-operat ta’ tali korpi u netwerks speċjalizzati jiġi eżentat mill-prinċipju ta’ tnaqqis gradwali tal-livell ta’ appoġġ Komunitarju.

    (30)

    L-implimentazzjoni tal-Programm għandha ssir b'kooperazzjoni mill-qrib mal-għaqdiet u l-aġenziji rilevanti, b'mod partikolari maċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard.

    (31)

    Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni 1999/468/KE, filwaqt li tiġi rispettata l-ħtieġa għat-trasparenza kif ukoll bilanċ raġjonevoli bejn l-għanijiet differenti tal-Programm.

    (32)

    Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (minn hawn 'il quddiem il-Ftehim ŻEE) jipprovdi għall-kooperazzjoni fl-oqsma tas-saħħa bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa u l-pajjiżi tal-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles li jipparteċipaw fiż-Żona Ekonomika Ewropea (minn hawn 'il quddiem il-pajjiżi EFTA/ŻEE), min-naħa l-oħra. Għandu wkoll jiġi previst li l-Programm jinfetaħ għall-parteċipazzjoni minn pajjiżi oħra, b'mod partikolari l-pajjiżi ġirien tal-Komunità u pajjiżi li qed japplikaw għal adeżjoni ma’ l-Unjoni Ewropea, jew li huma kandidati jew ser jaderixxu magħha, filwaqt li jitqies b'mod partikolari il-potenzjal għat-theddid għas-saħħa li jirriżulta f'pajjiżi oħra li jkollu impatt fil-Komunità.

    (33)

    Relazzjonijiet xierqa ma’ pajjiżi terzi li mhux qed jipparteċipaw fil-Programm għandhom jiġu faċilitati b'għajnuna għall-kisba tal-għanijiet tal-Programm, filwaqt li jitqies kull ftehim rilevanti bejn dawk il-pajjiżi u l-Komunità. Dan jista' jinvolvi pajjiżi terzi li jmexxu 'l quddiem attivitajiet kumplimentari għal dawk finanzjati permezz tal-Programm f'oqsma ta’ interess reċiproku, iżda m' għandhomx jinvolvu kontribut finanzjarju taħt il-Programm.

    (34)

    Huwa xieraq li tiġi żviluppata kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti bħalma huma n-Nazzjonijiet Uniti u l-aġenziji speċjalizzati tagħha, b'mod partikolari d-WHO, kif ukoll mal-Kunsill ta’ l-Ewropa u l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku, bil-ħsieb li jiġi implimentat il-Programm permezz tal-massimizzazzjoni ta’ l-effettività u l-effiċjenza ta’ azzjonijiet marbuta mas-saħħa fuq livell Komunitarju u internazzjonali, filwaqt li jittieħed kont tal-kapaċitajiet u r-rwoli partikolari ta’ l-organizzazzjonijiet differenti.

    (35)

    L-implimentazzjoni b'suċċess ta’ l-għanijiet taħt il-Programm għandha tiġi bbażata fuq kopertura tajba tal-kwistjonijiet inklużi fil-pjanijiet ta’ ħidma annwali, l-għażla ta’ azzjonijiet adatti u finanzjament ta’ proġetti, li lkoll fihom proċess xieraq ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni, u monitoraġġ u evalwazzjoni regolari, inkluż evalwazzjonijiet esterni indipendenti, li għandhom iqisu l-impatt tal-azzjonijiet u juru l-kontribut tagħhom għall-għanijiet globali tal-Programm. L-evalwazzjoni tal-Programm għandha tieħu kont tal-fatt li l-kisba ta’ l-għanijiet tal-Programm jistgħu jeħtieġu tul ta’ żmien itwal mill-perjodu tal-Programm.

    (36)

    Il-pjanijiet ta’ ħidma annwali għandhom ikopru l-attivitajiet prinċipali previsti biex jiġu finanzjati mill-Programm permezz tal-mekkaniżmi differenti kollha ta’ finanzjament, inkluż sejħiet għal offerti.

    (37)

    Peress li l-għanijiet ta’ din id-Deċiżjoni ma jistgħux jinkisbu biżżejjed mill-Istati Membri minħabba n-natura transnazzjonali tal-kwistjonijiet involuti, u għalhekk jistgħu, minħabba l-potenzjal għal azzjoni Komunitarja li jkunu aktar effiċjenti u effettivi minn azzjoni nazzjonali waħedha fil-ħarsien tas-saħħa u tas-sikurezza taċ-ċittadini, jinkisbu aħjar fuq livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

    (38)

    Skond l-Artikolu 2 tat-Trattat, li jipprovdi li l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel hu prinċipju tal-Komunità, u skond l-Artikolu 3(2) tiegħu, li jipprovdi li l-Komunità għandha timmira li tneħħi l-inugwaljanzi, u li tippromwovi l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-attivitajiet Komunitarji kollha inkluż il-kisba ta’ livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa, l-għanijiet u l-azzjonijiet kollha koperti mill-Programm jikkontribwixxu għal promozzjoni ta’ fehim u għarfien aħjar tal-ħtiġijiet tan-nisa u ta’ l-irġiel rispettivament u l-mod tagħhom ta’ kif iħarsu lejn is-saħħa.

    (39)

    Hu xieraq li tiġi żgurata transizzjoni xierqa bejn il-Programm u l-programm preċedenti li jibdlu, b'mod partikolari fir-rigward tal-kontinwità ta’ arranġamenti pluriennali għat-tmexxija tiegħu, bħal finanzjament ta’ assistenza teknika u amministrattiva. Mill-1 ta’ Jannar 2014, l-approprjazzjoni ta’ assistenza teknika u amministrattiva għandhom ikopru, jekk meħtieġ, l-infiq relatat mat-tmexxija ta’ azzjonijiet li jkunu għadhom ma ġewx iffinalizzati sa l-aħħar ta’ l-2013.

    (40)

    Din id-Deċiżjoni tieħu post id-Deċiżjoni Nru 1786/2002/KE. Dik id-Deċiżjoni għandha għalhekk tiġi mħassra,

    IDDEĊIDEW KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    L-istabbiliment tal-Programm

    It-tieni Programm ta’ “azzjoni Komunitarja fil-qasam tas-saħħa (2008-2013)” li jkopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2008 sal-31 ta’ Diċembru 2013 (minn issa 'l quddiem “il-Programm”) huwa b'dan stabbilit.

    Artikolu 2

    Miri u għanijiet

    1.   Il-Programm għandu jikkomplementa, jappoġġa u jżid valur lil-linji politiċi tal-Istati Membri u jikkontribwixxi għal solidarjetà u prosperità akbar fl-Unjoni Ewropea bil-protezzjoni u l-promozzjoni tas-saħħa tal-bniedem u s-sikurezza u t-titjib tas-saħħa pubblika.

    2.   L-għanijiet li għandhom jiġu segwiti tul l-azzjonijiet stabbiliti fl-Anness għandhom ikunu:

    It-titjib tas-sigurtà tas-saħħa taċ-ċittadini,

    Il-promozzjoni tas-saħħa, inkluż it-tnaqqis tal-inugwaljanzi fis-saħħa,

    Il-ħolqien u t-tixrid ta’ informazzjoni u għarfien dwar is-saħħa.

    L-azzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom, fejn xieraq, jappoġġjaw il-prevenzjoni ta’ mard ewlieni u jikkontribwixxu għat-tnaqqis ta’ l-inċidenza tagħhom kif ukoll għall-morbożità u l-mortalità kkawżata minnhom.

    Artikolu 3

    Finanzjament

    1.   Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-Programm għall-perijodu speċifikat fl-Artikolu 1 huwa hawn stabbilit għal EUR 321 500 000.

    2.   L-approprjazzjonijiet annwali għandhom jiġu awtorizzati mill-awtorità tal-baġit fil-limiti tal-qafas finanzjarju.

    Artikolu 4

    Kontributi finanzjarji

    1.   Kontributi finanzjarji mill-Komunità m'għandhomx jeċċedu l-livelli li ġejjin:

    (a)

    60 % ta’ l-ispejjeż għal azzjoni maħsuba biex tgħin sabiex jintlaħaq għan li jagħmel parti mill-Programm, minbarra f'każijiet ta’ utilità eċċezzjonali fejn il-kontribut Komunitarju m'għandux jaqbeż it-80 %; u

    (b)

    60 % ta’ l-ispejjeż għall-operat ta’ korp mhux governattiv jew network speċjalizzat, mhux għall-profitt u huwa indipendenti mill-industrija, l-interessi kummerċjali u ta’ negozju jew interessi oħrajn li joħolqu kunflitt, għandu membri mill-inqas f'nofs l-Istati Membri, b'kopertura ġeografika bilanċjata, u jsegwi għan wieħed jew aktar tal-Programm bħala l-mira primarja tiegħu, fejn tali appoġġ huwa meħtieġ għat-twettiq ta’ dawk l-għanijiet. Fil-każijiet ta’ utilità eċċezzjonali, il-kontribut Komunitarju m'għandux jaqbeż it-80 %.

    2.   It-tiġdid ta’ kontributi finanzjarji stipulat fil-paragrafu 1(b) lill-korpi mhux governattivi u networks speċjalizzati jista' jiġi eżentat mill-prinċipju ta’ tnaqqis gradwali.

    3.   Il-kontributi finanzjarji mill-Komunità jistgħu, fejn jixraq, minħabba n-natura tal-għan li għandu jinkiseb, jinkludu finanzjament konġunt mill-Komunità u Stat Membru wieħed jew aktar jew mill-Komunità u l-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi parteċipanti l-oħra. F' dan il-każ, il-kontribut Komunitarju m'għandux jaqbeż il-50 %, ħlief f'każijiet ta’ utilità eċċezjonali, fejn il-kontribut Komunitarju m'għandux jaqbeż is-70 %. Dawn il-kontributi Komunitarji jistgħu jingħataw lil korp pubbliku jew korp mhux governattiv, li ma jkunx jopera bi qliegħ u jkun indipendenti mill-industrija, il-kummerċ u n-negozju jew interessi konfliġġenti oħrajn, u li bħala l-għan ewlieni tiegħu jkun isegwi wieħed jew iżjed mill-objettivi tal-Programm, magħżul permezz ta’ proċedura trasparenti mill-Istat Membru jew l-awtorità kompetenti kkonċernata u bil-qbil tal-Kummissjoni.

    4.   Il-kontributi finanzjarji mill-Komunità jistgħu wkoll jingħataw fil-forma ta’ somma globali u finanzjament b'rata fissa fejn dan jaqbel għan-natura tal-azzjonijiet konċernati. Għal kontributi finanzjarji bħal dawn il-limiti perċentwali stipulati fil-paragrafi 1 u 3 m'għandhomx japplikaw, minkejja li xorta waħda jinħtieġ ko-finanjzament.

    Artikolu 5

    Assistenza teknika u amministrattiva

    1.   L-allokazzjoni finanzjarja tal-Programm tista’ tkopri wkoll l-ispejjeż relatati ma’ attivitajiet ta’ tħejjija, superviżjoni, kontroll, verifika u valutazzjoni, meħtieġa direttament għat-tmexxija tal-Programm u t-twettiq ta’ l-għanijiet tiegħu, b’mod partikolari studji, laqgħat, azzjonijiet ta’ tagħrif u pubblikazzjoni, spejjeż marbuta ma’ netwerks ta’ l-informatika li jiffokaw fuq l-iskambju ta’ tagħrif, flimkien ma’ kull spiża ta’ assistenza teknika u amministrattiva oħra li l-Kummissjoni tista’ tirrikorri għaliha għat-tmexxija tal-Programm.

    2.   L-allokazzjoni finanzjarja tista' tkopri wkoll l-ispejjeż ta’ assistenza teknika u amministrattiva meħtieġa biex tiġi żgurata t-transizzjoni bejn il-Programm u l-miżuri adottati skond id-Deċiżjoni Nru 1786/2002/KE. Jekk meħtieġ, l-approprjazzjonijiet jistgħu ma jiddaħħlux fil-baġit lil hinn mill-2013 biex jiġu koperti spejjeż simili, sabiex jippermettu t-tmexxija ta’ azzjonijiet li jkunu għadhom ma ntemmewx sal-31 ta’ Diċembru 2013.

    Artikolu 6

    Metodi ta’ implimentazzjoni

    Azzjonijiet sabiex jintlaħqu l-miri u l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 2 għandhom jużaw bis-sħiħ il-metodi xierqa disponibbli ta’ l-implimentazzjoni, inklużi partikolarment:

    (a)

    implimentazzjoni diretta jew indiretta mill-Kummissjoni fuq bażi ċentralizzata; u

    (b)

    ġestjoni konġunta ma’ għaqdiet internazzjonali, fejn xieraq.

    Artikolu 7

    Implimentazzjoni tal-Programm

    1.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura l-implimentazzjoni, f'kooperazzjoni mill-qrib ma’ l-Istati Membri, ta’ l-azzjonijiet u l-miżuri stipulati fil-Programm skond l-Artikoli 3 u 8.

    2.   Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jieħdu azzjoni xierqa, fl-oqsma ta’ kompetenza rispettiva tagħhom, biex tiġi żgurata t-tmexxija effiċjenti tal-Programm u biex jiġu żviluppati mekkaniżmi fil-livell tal-Komunità u ta’ l-Istati Membri biex jinkisbu l-għanijiet tal-Programm. Huma għandhom jiżguraw li tiġi pprovduta l-informazzjoni adatta dwar l-azzjonijiet appoġġati mill-Programm u li tinkiseb il-parteċipazzjoni adatta.

    3.   Għall-kisba ta’ l-għanijiet tal-Programm, il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mill-qrib ma’ l-Istati Membri ser:

    (a)

    tfittex li tikseb il-komparabbiltà tad-data u l-informazzjoni, u l-kompatibbiltà u l-interoperabbiltà tas-sistemi u n-netwerks għall-iskambju ta’ data u informazzjoni dwar is-saħħa; u

    (b)

    tiżgura l-kooperazzjoni u l-komunikazzjoni meħtieġa maċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard u aġenziji Ewropej rilevanti oħrajn sabiex tagħmel l-aħjar użu mill-fondi Komunitarji.

    4.   Fl-implimentazzjoni tal-Programm, il-Kummissjoni, flimkien ma’ l-Istati Membri, għandha tiżgura l-konformità mad-dispożizzjonijiet legali rilevanti kollha dwar il-protezzjoni tad-data personali u, fejn xieraq, l-introduzzjoni ta’ mekkaniżmi biex tiġi żgurata l-konfidenzjalità u s-sikurezza ta’ tali data.

    Artikolu 8

    Miżuri ta’ implimentazzjoni

    1.   Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni marbuta mal-kwistjonijiet t'hawn taħt għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 10(2):

    (a)

    il-pjan ta’ ħidma annwali għall-implimentazzjoni tal-Programm, li jistabbilixxi:

    (i)

    prijoritajiet u azzjonijiet li għandhom jitwettqu, inklużi l-allokazzjoni ta’ riżorsi finanzjarji;

    (ii)

    kriterji għall-perċentwali tal-kontribut finanzjarju tal-Komunità, inklużi kriterji għall-valutazzjoni dwar jekk l-utilità eċċezzjonali tapplikax jew le;

    (iii)

    l-arranġamenti għall-implimentazzjoni ta’ strateġiji u azzjonijiet konġunti msemmija fl-Artikolu 9;

    (b)

    kriterji ta’ għażla, għoti u kriterji oħrajn għall-kontribut finanzjarju għall-azzjonijiet tal-Programm skond l-Artikolu 4.

    2.   Kwalunkwe miżura oħra meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni għandha tiġi adottata skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 10(3).

    Artikolu 9

    Strateġiji u azzjonijiet konġunti

    1.   Sabiex jiżguraw livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa tal-bniedem fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika u attivitajiet Komunitarji kollha u sabiex tiġi promossa l-integrazzjoni tal-politika tas-saħħa f'politika oħra, l-għanijiet tal-Programm jistgħu jiġu implimentati bħala strateġiji konġunti u azzjonijiet konġunti billi jinħolqu rabtiet mal-Programmi, azzjonijiet u fondi Komunitarji rilevanti.

    2.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura s-sinerġija ottimali tal-Programm ma’ programmi, azzjonijiet u fondi Komunitarji oħrajn.

    Artikolu 10

    Il-Kumitat

    1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn Kumitat (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Kumitat”).

    2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, filwaqt li jitqiesu d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.

    Il-perijodu stipulat fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi stabbilit għal xahrejn.

    3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 3 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, filwaqt li jitqiesu d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.

    Artikolu 11

    Parteċipazzjoni ta’ pajjiżi terzi

    Il-Programm għandu jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni ta':

    (a)

    pajjiżi EFTA/ŻEE skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-Ftehim taż-ŻEE; u

    (b)

    pajjiżi terzi, partikolarment pajjiżi li għalihom tapplika l-Politika ta-Viċinat Ewropew, pajjiżi applikanti, kandidati jew li ser jaderixxu ma’ l-Unjoni Ewropea, u l-pajjiżi Balkani tal-punent inklużi fil-proċess ta’ stabilizzazzjoni u assoċjazzjoni, skond il-kondizzjonijiet stipulati fil-ftehim bilaterali jew multilateral rispettivi li jistabbilixxu l-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tagħhom fi programmi Komunitarji.

    Artikolu 12

    Kooperazzjoni internazzjonali

    Matul l-implimentazzjoni tal-Programm, relazzjonijiet u kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi li mhumiex jieħdu sehem fil-Programm u organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti, b'mod partikolari d-WHO, għandhom jiġu mħeġġa.

    Artikolu 13

    Monitoraġġ, evalwazzjoni u tixrid tar-riżultati

    1.   Il-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mill-qrib ma’ l-Istati Membri, għandha tissorvelja l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet tal-Programm fid-dawl ta’ l-għanijiet tiegħu. Hi għandha tirrapporta lill-Kumitat kull sena dwar l-azzjonijiet u l-proġetti kollha finanzjati permezz tal-Programm, u għandha żżomm lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill informati.

    2.   Fuq it-talba tal-Kummissjoni, li għandha tevita żieda disproporzjonata fil-piż amministrattiv tal-Istati Membri, l-Istati Membri għandhom jissottomettu kwalunkwe informazzjoni disponibbli dwar l-implimentazzjoni u l-impatt tal-Programm.

    3.   Il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni:

    (a)

    mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2010, rapport t'evalwazzjoni interim estern u indipendenti dwar ir-riżultati miksuba fir-rigward ta’ l-għanijiet tal-Programm u l-aspetti kwalitattivi u kwantitattivi tal-implimentazzjoni tiegħu kif ukoll il-konsistenza u l-komplimentarjetà tiegħu ma’ programmi, azzjonijiet u fondi Komunitarji rilevanti oħrajn. Ir-rapport għandu b'mod partikolari jagħmilha possibbli li ssir valutazzjoni ta’ l-impatt tal-miżuri fuq il-pajjiżi kollha. Ir-rapport għandu jkun fih sommarju tal-konklużjonijiet ewlenin u għandu jkun akkompanjat b'rimarki mill-Kummissjoni;

    (b)

    mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2011, Komunikazzjoni dwar il-kontinwazzjoni tal-Programm;

    (ċ)

    mhux aktar tard mill-31 ta Diċembru 2015, rapport ta’ evalwazzjoni ex-post estern u indipendenti li jkopri l-implimentazzjoni u r-riżultati tal-Programm.

    4.   Il-Kummissjoni għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku r-riżultati tal-azzjonijiet meħuda skond din id-Deċiżjoni u għandha tiżgura t-tixrid tagħhom.

    Artikolu 14

    Tħassir

    Id-Deċiżjoni Nru 1786/2002/KE għandha tiġi mħassra b'effett mill-1 ta’ Jannar 2008.

    Il-Kummissjoni għandha tadotta kwalunkwe arranġament amministrattiv meħtieġ biex tiżgura t-tranżizzjoni bejn il-miżuri adottati skond id-Deċiżjoni Nru 1786/2002/KE u dawk implimentati skond il-Programm.

    Artikolu 15

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Magħmula fi Strasburgu, 23 ta’ Ottubru 2007.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    H.-G. PÖTTERING

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. LOBO ANTUNES


    (1)  ĠU C 88, 11.4.2006, p. 1.

    (2)  ĠU C 192, 16.8.2006, p. 8.

    (3)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ Marzu 2006 (ĠU C 291 E, 30.11.2006, p. 372), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tat-22 ta’ Marzu 2007 (ĠU C 103 E, 8.5.2007, p. 11) u Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew ta’ l-10 ta’ Lulju 2007 (għadha mhux pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Deċiżjoni tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2007.

    (4)  ĠU L 271, 9.10.2002, p. 1. Id-Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni Nru 786/2004/KE (ĠU L 138, 30.4.2004, p. 7).

    (5)  ĠU L 142, 30.4.2004, p. 1.

    (6)  Deċiżjoni Nru 1926/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 404, 30.12.2006, p. 39).

    (7)  ĠU C 146, 22.6.2006, p. 1.

    (8)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

    (9)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).


    ANNESS

    Azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2(2)

    1.   Titjib tas-sigurtà tas-saħħa taċ-ċittadini

    1.1.   Protezzjoni taċ-ċittadini kontra t-theddid għas-saħħa

    1.1.1.   L-iżvilupp ta’ strateġiji u mekkaniżmi għall-prevenzjoni, l-iskambju ta’ informazzjoni dwar u r-rispons għat-theddid tas-saħħa minn mard li jittieħed u minn dak li ma jitteħidx, u theddid tas-saħħa minn sorsi fiżiċi, kimiċi jew bioloġiċi, li jinkludu atti ta’ rilaxx deliberat; it-teħid ta’ azzjoni biex tiġi żgurata l-kooperazzjoni dijanjostika ta’ kwalità għolja bejn il-laboratorji ta’ l-Istati Membri; l-appoġġ għall-ħidma ta’ laboratorji eżistenti li jwettqu ħidma b'rilevanza għall-Komunità; il-ħidma dwar l-istabbiliment ta’ netwerk ta’ laboratorji ta’ referenza Komunitarji.

    1.1.2.   L-appoġġ għall-iżvilupp ta’ linji politiċi ta’ prevenzjoni, tilqim u immunizzazzjoni; titjib tas-sħubiji, netwerks, għodod u sistemi ta’ rappurtaġġ dwar l-istatus ta’ immunizzazzjoni u monitoraġġ ta’ ġrajjiet avversi.

    1.1.3.   L-iżvilupp tal-kapaċità u l-proċeduri ta’ ġestjoni ta’ riskju; it-titjib tat-tħejjija u l-ippjanar għall-emerġenzi tas-saħħa, inkluż it-tħejjija ta’ reazzjonijiet koordinati internazzjonali u ta’ l-UE għall-emerġenzi tas-saħħa; l-iżvilupp ta’ proċeduri ta’ komunikazzjoni ta’ riskju u ta’ konsultazzjoni dwar kontro-miżuri.

    1.1.4.   Il-promozzjoni tal-kooperazzjoni u t-titjib tal-kapaċità u l-assi ta’ reazzjoni eżistenti, li jinkludu tagħmir protettiv, faċilitajiet ta’ iżolazzjoni u laboratorji mobbli biex jiġu skjerati b'mod rapidu f'emerġenzi.

    1.1.5.   L-iżvilupp ta’ strateġiji u proċeduri għat-tfassil, it-titjib tal-kapaċità ta’ intervent, it-twettiq ta’ eżerċizzji u testijiet, il-valutazzjoni u r-reviżjoni ta’ pjanijiet ta’ kontinġenza ġenerali u ta’ pjanijiet speċifiċi ta’ emerġenzi tas-saħħa u l-interoperabbiltà tagħhom bejn l-Istati Membri.

    1.2.   Titjib tas-sigurtà taċ-ċittadini

    1.2.1.   L-appoġġ u t-titjib tal-konsulenza xjentifika u l-valutazzjoni tar-riskji permezz tal-promozzjoni ta’ l-identifikazzjoni bikrija tar-riskji; l-analiżi ta’ l-impatt potenzjali tagħhom; l-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-perikolu u l-espożizzjoni; u t-trawwim ta’ approċċi integrati u armonizzati.

    1.2.2.   L-għajnuna sabiex jissaħħu s-sigurtà u l-kwalità ta’ organi u sustanzi ta’ oriġini umana, demm u derivati tad-demm; il-promozzjoni tad-disponibbiltà, l-intraċċar u l-aċċessibbiltà tagħhom għall-użu mediku filwaqt li jiġu rispettati r-responsabbiltajiet ta’ l-Istati Membri kif imniżżla fl-Artikolu 152(5) tat-Trattat.

    1.2.3.   Il-promozzjoni ta’ miżuri biex tittejjeb is-sigurtà tal-pazjenti permezz ta’ kura tas-saħħa ta’ kwalità għolja u sigura, inkluż rigward ir-reżistenza għal antibijotiċi u infezzjonijiet li jittieħdu mill-isptar.

    2.   Il-promozzjoni tas-saħħa

    2.1.   It-trawwim ta’ stil ta’ ħajja aktar san u t-tnaqqis ta’ l-inugwaljanzi fis-saħħa

    2.1.1.   Il-promozzjoni ta’ inizjattivi biex jiżdiedu s-snin ta’ ħajja sana u l-promozzjoni ta’ xjuħija sana; is-sostenn ta’ miżuri għall-promozzjoni u esplorazzjoni ta’ l-impatt tas-saħħa fuq il-produttività u l-parteċipazzjoni fid-dinja tax-xogħol bħala kontribut lejn it-twettiq tal-miri ta’ Lisbona; miżuri ta’ sostenn biex jiġu studjat l-impatt tas-saħħa ta’ linji politiċi oħrajn.

    2.1.2.   L-appoġġ għal inizjattivi li jidentifikaw il-kawżi ta', jindirizzaw u jnaqqsu l-inugwaljanzi tas-saħħa fi ħdan u bejn l-Istati Membri, inklużi dawk dwar id-differenzi bejn is-sess sabiex jikkontribwixxu għall-prosperità u l-koeżjoni; il-promozzjoni ta’ investiment fis-saħħa f'kooperazzjoni ma’ linji politiċi u Fondi Komunitarji oħrajn; it-titjib tas-solidarjetà bejn sistemi nazzjonali tas-saħħa billi tiġi appoġġjata l-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet ta’ kura transkonfini u l-mobilità tal-pazjenti u tal-professjonisti tal-kura tas-saħħa.

    2.2.   Il-promozzjoni ta’ mod ta’ ħajja aktar sana u t-tnaqqis ta’ mard u korrimenti maġġuri billi jiġu ttrattati l-fatturi determinanti tas-saħħa.

    2.2.1.   L-indirizzar ta’ fatturi determinanti tas-saħħa għall-promozzjoni u t-titjib tas-saħħa fiżika u mentali, il-ħolqien ta’ ambjenti ta’ sostenn għal stili ta’ ħajja sani u l-prevenzjoni ta’ mard; it-teħid ta’ azzjoni fuq fatturi ewlenin bħan-nutrizzjoni u l-attività fiżika u s-saħħa sesswali, u dwar fatturi determinanti marbuta mal-vizzji bħat-tipjip, l-alkoħol u d-drogi illegali u farmaċewtiċi wżati b'mod mhux xieraq, b'iffokar fuq ambjenti ewlenin bħall-edukazzjoni u l-post tax-xogħol u ċ-ċiklu ta’ matul il-ħajja.

    2.2.2.   Il-promozzjoni ta’ azzjonijiet dwar il-prevenzjoni ta’ mard maġġuri ta’ importanza partikolari minħabba fil-piż ġenerali tal-mard fil-Komunità, u dwar mard rari, fejn azzjoni Komunitarja tista' tipprovdi valur miżjud sinifikanti lill-isforzi nazzjonali billi tittratta l-fatturi tagħhom.

    2.2.3.   L-indirizzar ta’ l-effetti fuq is-saħħa ta’ fatturi determinanti ambjentali aktar mifruxa, b'mod partikulari l-kwalità tal-arja ta’ ġewwa u l-espożizzjoni għal sustanzi kimiċi tossiċi fejn dawn m'humiex indirizzati minn inizjattivi oħrajn tal-Komunità, u fatturi determinanti soċjo-ekonomiċi aktar mifruxa.

    2.2.4.   Il-promozzjoni ta’ azzjonijiet għat-tnaqqis ta’ inċidenti u korrimenti.

    3.   Il-ħolqien u t-tixrid ta’ informazzjoni u għarfien dwar is-saħħa.

    3.1.   L-iskambju ta’ għarfien u l-aħjar prattika.

    3.1.1.   L-iskambju ta’ għarfien u l-aħjar prattika dwar kwistjonijiet ta’ saħħa fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Programm.

    3.1.2.   Is-sostenn għal koperazzjoni biex jisseddqu l-aħjar prattiċi fost l-Istati Membri, inkluż, fejn xieraq, is-sostenn tan-netwerks Ewropej ta’ referenza.

    3.2.   Ġbir, analiżi u tixrid ta’ informazzjoni dwar is-saħħa

    3.2.1.   L-iżvilupp ulterjuri ta’ sistema ta’ monitoraġġ tas-saħħa sostenibbli b'mekkaniżmi għal ġbir ta’ data komparattiva u informazzjoni, b'indikaturi adatti jiġu żġurati koordinazzjoni xierqa u monitoraġġ t'inizjattivi tal-Komunità dwar reġistri dwar il-kanċer li jkunu bbażati fost affarijiet oħra fuq id-data miġbura bl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2003 rigward screening għall-kanċer (1); il-ġabra ta’ data dwar l-istatus u l-linji politiċi tas-saħħa; l-iżvilupp, mal-Programm Komunitarju ta’ l-Istatistika, ta’ l-element statistiku ta’ din is-sistema.

    3.2.2.   L-iżvilupp ta’ mekkaniżmi għall-analiżi u t-tixrid, li jinkludu rapporti Komunitarji tas-saħħa, il-portal tas-Saħħa u l-konferenzi; il-provvediment ta’ tagħrif liċ-ċittadini, lill-partijiet konċernati u lil dawk li jfasslu l-linji politiċi, l-iżvilupp ta’ mekkaniżmi ta’ konsultazzjoni u l-proċessi ta’ parteċipazzjoni; ir-rapporti regolari dwar l-Istatus tas-Saħħa fl-Unjoni Ewropea msejjes fuq id-data u l-indikaturi kollha, inkluża analiżi kwalitattiva u kwantitattiva.

    3.2.3.   Il-Provvista ta’ Analiżi u għajnuna teknika għall-iżvilupp jew implimentazzjoni ta’ politika jew leġiżlazzjoni relatati mal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Programm.


    (1)  ĠU L 327, 16.12.2003, p. 34.


    DIKJARAZZJONI TRILATERALI FIR-RIGWARD TAT-TIENI PROGRAMM TA' AZZJONI KOMUNITARJA FIL-QASAM TAS-SAĦĦA PUBBLIKA 2008-2013

    Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni:

    huma ta' l-istess fehma li t-tieni programm ta' azzjoni Komunitarja fil-qasam tas-saħħa (2008-2013) għandu jingħata mezzi finanzjarji li jippermettu l-implimentazzjoni sħiħa tiegħu;

    ifakkru fl-Artikolu 37 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar dixxiplina baġitarja u ġestjoni finanzjarja soda (1), skond liema l-awtorità baġitarja u l-Kummissjoni jintrabtu li ma jiskorrux b'aktar minn 5 % ta' l-ammont previst, sakemm ma jinqalgħux ċirkustanzi ġodda, oġġettivi u dejjiema li għalihom jingħataw raġunijiet speċifiċi. Kull żieda li tirriżulta minn tali varjazzjoni trid tibqa' fi ħdan il-limitu massimu eżistenti għall-intestatura kkonċernata;

    jiddikjaraw ir-rieda tagħhom li jivvalutaw b'mod korrett il-ħtiġijiet u ċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-programm fil-qasam tas-saħħa, fil-qafas tal-proċedura baġitarja annwali.


    (1)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.


    DIKJARAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

    1.

    Fl-24 ta' Mejju 2006, il-Kummissjoni għamlet proposta emendata għat-tieni Programm ta' azzjoni Komunitarja fil-qasam tas-Saħħa (2007-2013) (1). Fl-Artikolu 7, l-ammont ta' referenza tal-programm kien propost li jkun ta' EUR 365,6 miljun għal perijodu li jibda mill-2007 u li jispiċċa fl-2013.

    2.

    Minħabba dewmien fil-proċedura leġiżlattiva, fit-23 ta' Marzu 2007, il-Kummissjoni infurmat lill-Awtorità tal-Baġit li l-bidu tal-programm ġdid ta' Saħħa Pubblika ser ikollu jkun pospost għas-sena baġitarja 2008 (2). Bħala konsegwenza, il-pakkett tal-programm ġdid ta' Saħħa Pubblika 2008 -2013 irid ikun aġġustat għal livell ta' EUR 321,5 miljun.

    3.

    L-ammont ta' EUR 44,1 miljun ser jintuża fis-sena baġitarja 2007 għall-programm kurrenti ta' Saħħa Pubblika (3) sabiex tkun żgurata kontinwità massima ta' l-azzjonijiet dwar is-Saħħa Pubblika. Għalhekk, il-pakkett kollu għall-azzjonijiet għas-Saħħa Pubblika iffinanzjati mill-programmi għal perijodu 2007-2013 ilaħħaq EUR 365,6 miljun.


    (1)  COM(2006) 234.

    (2)  COM(2007) 150.

    (3)  Deċiżjoni Nru 1786/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Settembru 2002 li tadotta programm ta' azzjoni Komunitarja fil-qasam tas-Saħħa Pubblika (2003-2008) (ĠU L 271, 9.10.2002, p. 1).


    Top