Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007D0840

    2007/840/KE: Deċiżjoni tal-Kunsill tad- 29 ta’ Novembru 2007 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Ukraina dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta' viżi

    ĠU L 332, 18.12.2007, p. 66–67 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2007/840/oj

    Related international agreement

    18.12.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 332/66


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    tad-29 ta’ Novembru 2007

    dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Ukraina dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta' viżi

    (2007/840/KE)

    IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-punti (2)(b)(i) u (ii) ta' l-Artikolu 62 tiegħu, flimkien ma' l-ewwel sentenza ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 300(2) u l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 300(3) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

    Billi:

    (1)

    Il-Kummissjoni nnegozjat f'isem il-Komunità Ewropea Ftehim ma' l-Ukraina dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta' viżi.

    (2)

    Il-Ftehim ġie iffirmat, f'isem il-Komunità Ewropea, fit-18 ta' Ġunju 2007, suġġett għall-konklużjoni eventwalment possibbli tiegħu aktar tard, skond Deċiżjoni tal-Kunsill adottata fit-12 ta' Ġunju 2007.

    (3)

    Il-Ftehim għandu jiġi approvat.

    (4)

    Il-Ftehim jistabbilixxi Kumitat Konġunt għat-tmexxija tal-Ftehim, li jista jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu. Hu xieraq li tkun prevista proċedura simplifikata sabiex tkun stabbilita l-pożizzjoni tal-Komunità f'dan il-każ.

    (5)

    Skond il-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda, u l-Protokoll li jintegra l-acquis ta’ Schengen fil-qafas ta’ l-Unjoni Ewropea, annessi mat-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi il-Komunità Ewropea, ir-Renju Unit u l-Irlanda ma jipparteċipawx fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhumiex marbuta biha jew suġġetti għall-applikazzjoni tagħha.

    (6)

    Skond il-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi il-Komunitajiet Ewropej, id-Danimarka ma tipparteċipax fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

    IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Ukraina dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta' viżi huwa b'dan approvat f'isem il-Komunità.

    It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Il-President tal-Kunsill għandu jagħti n-notifika prevista fl-Artikolu 14(1) tal-Ftehim (2).

    Artikolu 3

    Il-Kummissjoni, assistita minn esperti mill-Istati Membri, għandha tirrappreżenta lill-Komunità fil-Kumitat Konġunt ta' esperti stabbilit mill-Artikolu 12 tal-Ftehim.

    Artikolu 4

    Il-pożizzjoni tal-Komunità fi ħdan il-Kumitat Konġunt ta' esperti rigward l-adozzjoni tar-regoli ta' proċedura tiegħu kif meħtieġ taħt l-Artikolu 12(4) tal-Ftehim għandha tittieħed mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni ma' kumitat speċjali maħtur mill-Kunsill.

    Artikolu 5

    Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, 29 ta’ Novembru 2007.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. LINO


    (1)  Opinjoni mogħtija fit-13 ta' Novembru 2007 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (2)  Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim se tiġi ppublikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.


    Top

    18.12.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 332/68


    FTEHIM

    bejn il-Komunità Ewropea u l-Ukraina dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta’ viżi

    IL-KOMUNITÀ EWROPEA,

    minn hawn ’il quddiem imsejħa “il-Komunità”; kif ukoll

    L-UKRAINA,

    minn hawn 'il quddiem imsejħa “l-Partijiet”

    BIL-ĦSIEB li jiżviluppaw aktar ir-relazzjonijiet ta’ ħbiberija bejn il-Partijiet Kontraenti u x-xewqa li jiffaċilitaw il-kuntatt tal-persuni bħala kundizzjoni importanti għal żvilupp solidu tar-rabtiet ekonomiċi, umanitarji, kulturali, xjentifiċi u rabtiet oħra, billi jiffaċilitaw il-ħruġ ta’ viżi għal ċittadini ta’ l-Ukraina;

    BIX-XEWQA li jirregolaw ir-reġim ta’ vvjaġġar reċiproku ta’ ċittadini ta’ l-Ukraina u Stati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea;

    FILWAQT LI JQISU li, mill-1 ta’ Mejju 2005, ċittadini ta’ l-UE huma eżenti mill-ħtieġa tal-viża meta jivvjaġġaw fl-Ukraina għal perjodu ta’ żmien li ma jaqbiżx id-90 jum jew meta jaqsmu mit-territorju ta’ l-Ukraina;

    FILWAQT LI JGĦARFU li jekk l-Ukraina ddaħħal mill-ġdid il-ħtieġa tal-viża għaċ-ċittadini ta’ l-UE, l-istess iffaċilitar mogħti b'dan il-ftehim liċ-ċittadini ta’ l-Ukraina jkun awtomatikament, fuq bażi ta’ reċiproċità, japplika għaċ-ċittadini ta’ l-UE;

    FILWAQT LI JQISU l-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Politika ta’ l-UE u l-Ukraina li nnota li jkun stabbilit djalogu kostruttiv dwar l-iffaċilitar tal-viża bejn l-UE u l-Ukraina, bil-ħsieb li ssir tħejjija għal negozjati dwar ftehim ta’ ffaċilitar tal-viża fil-ġejjieni, filwaqt li titqies il-ħtieġa għal progress fin-negozjati kurrenti għal ftehim ta’ ammissjoni mill-ġdid bejn il-KE u l-Ukraina.

    FILWAQT LI JAGĦRFU li dan l-iffaċilitar m’għandux iwassal għal migrazzjoni illegali u jagħtu attenzjoni speċjali lis-sigurtà u l-ammissjoni mill-ġdid;

    FILWAQT LI JGĦARFU d-dħul ta’ reġim ta’ vvjaġġar ħieles mill-viża għaċ-ċittadini ta’ l-Ukraina bħala perspettiva fit-terminu t-twil;

    FILWAQT LI JQISU l-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda u l-Protokoll li jintegra l-acquis ta’ Schengen fil-qafas ta’ l-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat ta’ Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u jikkonfermaw li d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim ma japplikawx għar-Renju Unit u l-Irlanda;

    FILWAQT LI JQISU l-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat ta’ Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u jikkonfermaw li d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim ma japplikawx għar-Renju tad-Danimarka.

    FTEHMU KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Għan u firxa ta’ applikazzjoni

    1.   L-għan ta’ dan il-Ftehim hu li jiffaċilita l-ħruġ ta’ viżi għal żjar intiża ghal mhux aktar minn 90 jum f'kull perjodu ta’ 180 jum għaċ-ċittadini ta’ l-Ukraina.

    2.   Jekk l-Ukraina ddaħħal mill-ġdid il-ħtieġa tal-viża għaċ-ċittadini ta’ l-UE jew ċerti kategoriji ta’ ċittadini ta’ l-UE, l-istess iffaċilitar mogħti b'dan il-ftehim liċ-ċittadini ta’ l-Ukraina jkun awtomatikament, fuq bażi ta’ reċiproċità, japplika għaċ-ċittadini ta’ l-UE in kwistjoni.

    Artikolu 2

    Klawsola Ġenerali

    1.   L-iffaċilitar tal-viża previst f’dan il-Ftehim għandu japplika għal ċittadini ta’ l-Unjoni Ewropea u ta’ l-Ukraina biss sakemm ma jkunux eżenti mill-ħtieġa tal-viża bil-liġijiet u r-regolamenti tal-Komunità jew ta’ l-Istati Membri, tal-ftehim preżenti jew ftehimiet internazzjonali oħra.

    2.   Il-liġi nazzjonali ta’ l-Ukraina, jew ta’ l-Istati Membri jew il-liġi Komunitarja għandhom japplikaw fi kwistjonijiet li mhumiex koperti mid-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim, bħaċ-ċaħda milli tinħareġ viża, ir-rikonoxximent ta’ dokumenti ta’ vvjaġġar, evidenza ta’ mezzi ta’ għixien suffiċjenti u ċ-ċaħda tad-dħul u miżuri ta’ espulsjoni.

    Artikolu 3

    Definizzjonijiet

    Għall-għan ta’ dan il-Ftehim:

    Artikolu 4

    Dokumenti ta’ appoġġ dwar l-għan tal-vjaġġ

    1.   Għall-kategoriji li ġejjin ta’ ċittadini ta’ l-Ukraina, id-dokumenti li ġejjin huma biżżejjed sabiex jiġġustifikaw l-għan tal-vjaġġ lejn il-Parti l-oħra:

    (a)

    Għal membri ta’ delegazzjonijiet uffiċċjali li, wara stedina uffiċċjali indirizzata lill-Ukraina, għandhom jipparteċipaw f'laqgħat, konsultazzjonijiet, negozjati jew programmi ta’ bdil, kif ukoll f'avvenimenti li jsiru fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri minn organizzazzjonijiet intergovernattivi:

    ittra maħruġa minn awtorità Ukraina li tikkonferma li l-applikant hu membru tad-delegazzjoni tagħha li qed tivvjaġġa lejn il-Parti l-oħra sabiex tipparteċipa fl-avvenimenti msemmija qabel, akkumpanjata b'kopja ta’ l-istedina uffiċċjali;

    (b)

    għal nies tan-negozju jew rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet ta’ negozju:

    talba bil-miktub minn persuna legali jew kumpanija li qed tospita, jew uffiċċju jew il-fergħat tagħhom, awtoritajiet statali u lokali ta’ l-Istati Membri jew kumitati organizzattivi ta’ wirjiet ta’ kummerċ u industrija, konferenzi u simpożja li jsiru fit-territorji tal-Federazzjoni Russa jew f'wieħed mill-Istati Membri;

    (ċ)

    Għal xufiera li jwasslu tagħbija internazzjonali u servizzi ta’ trasport ta’ passiġġieri lejn it-territorji ta’ l-Istati Membri f'vetturi reġistrati fl-Ukraina:

    Talba bil-miktub mill-assoċjazzjoni nazzjonali ta’ min iwassal fl-Ukraina li tipprovdi għal trasport internazzjonali bit-triq, li tistqarr l-għan, it-tul u l-frekwenza tal-vjaġġi;

    (d)

    għal membri ta’ l-ekwipaġġ ta’ ferroviji, refriġeraturi u lokomottivi f’ferroviji internazzjonali, li jivvjaġġaw bejn it-territorji ta’ l-Istati Membri:

    Talba bil-miktub mill-kumpanija ferrovjarja kompetenti ta’ l-Ukraina li tistqarr l-għan, it-tul u l-frekwenza tal-vjaġġi;

    (e)

    għall-ġurnalisti:

    ċertifikat jew dokument ieħor maħruġ minn organizzazzjoni professjonali li jixhed li l-persuna konċernata hi ġurnalist/a kwalifikata u dokument maħruġ minn min iħaddmu/iħaddimha li jistqarr li l-għan tal-vjaġġ hu li jitwettaq xogħol ġurnalistiku;

    (f)

    għal persuni li jkunu qed jieħdu sehem f’attivitajiet xjentifiċi, kulturali u artistiċi, inklużi programmi universitarji u programmi oħra ta’ bdil:

    talba bil-miktub mill-organizzazzjoni li tkun qed tospita sabiex ikunu jistgħu jipparteċipaw f’dawk l-attivitajiet;

    (ġ)

    għal studenti, studenti gradwati u għalliema li jakkumpanjawhom li jivvjaġġaw għall-iskop ta’ studju jew taħriġ edukattiv, inkluż il-qafas ta’ programmi ta’ bdil kif ukoll attivitajiet oħra marbuta ma’ l-iskola:

    talba bil-miktub jew ċertifikat ta’ reġistrazzjoni mill-università, akkademja, istitut, kulleġġ jew skola li tospita, jew karti ta’ l-istudenti jew ċertifikati tal-korsijiet li jkunu ser jattendu.

    (h)

    għal parteċipanti f’avvenimenti sportivi internazzjonali u persuni li jakkumpanjawhom f’kapaċità professjonali:

    talba bil-miktub mill-organizzazzjoni li tospita: Awtoritajiet kompetenti, Federazzjonijiet sportivi nazzjonali u Kumitati Olimpiċi Nazzjonali ta’ l-Istati Membri;

    (i)

    għal parteċipanti fi programmi uffiċjali ta’ bdil organizzati minn bliet ġemellati:

    talba bil-miktub mill-Kap ta’ Tmexxija/mis-Sindku ta’ dawn l-ibliet.

    (j)

    Għal qraba – konjugi, ulied (inklużi dawk adottati), ġenituri (inklużi kustodji), nanniet u neputijiet – li jżuru ċittadini ta’ l-Ukraina legalment residenti fit-territorju ta’ l-Istati Membri:

    talba bil-miktub mill-persuna li tospita:

    (k)

    qraba li jżuru għal ċerimonji ta’ dfin:

    dokument uffiċjali li jikkonferma l-fatt ta’ mewt kif ukoll ir-relazzjoni familjari jew oħra bejn l-applikant u l-midfun.

    (l)

    għal żjajjar ta’ mkejjen ta’ difna militari u ċivili:

    dokument uffiċjali li jikkonferma l-eżistenza u l-preservazzjoni tal-qabar kif ukoll tar-relazzjoni familjari jew oħra bejn l-applikant u l-midfun.

    (m)

    għal żjajjar fuq raġunijiet mediċi:

    Dokument uffiċjali ta’ l-istituzzjoni medika li jikkonferma l-ħtieġa ta’ kura medika f'din l-istituzzjoni u evidenza ta’ mezzi finanzjarji suffiċjenti sabiex jitħallas it-trattament mediku.

    2.   It-talba bil-miktub imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha jkollha l-elementi li ġejjin:

    (a)

    għall-persuna mistiedna: isem u kunjom, data tat-twelid, sess, ċittadinanza, numru tad-dokument ta’ identità, ħin u għan tal-vjaġġ, għadd ta’ daħliet u isem ta’ tfal minuri li qed jakkumpanjaw il-persuna mistiedna;

    (b)

    għall-persuna li tistieden: Isem u kunjom u indirizz jew

    (ċ)

    Għall-persuna, kumpanija jew organizzazzjoni legali li tistieden: l-isem u l-indirizz sħaħ u

    jekk it-talba ssir minn organizzazzjoni, l-isem u l-pożizzjoni tal-persuna li tiffirma t-talba;

    jekk il-persuna li tistieden hi persuna legali jew kumpanija jew uffiċċju jew il-fergħa tagħhom li tinsab fit-territorju ta’ Stat Membru, jinħtieġ in-numru tar-reġistrazzjoni kif mitlub mil-liġi nazzjonali ta’ l-Istat Membru in kwistjoni;

    3.   Għall-kategoriji ta’ ċittadini msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-kategoriji kollha tal-viżi jinħarġu skond il-proċedura simplifikata mingħajr ma tkun tinħtieġ aktar ġustifikazzjoni, stedina jew validazzjoni dwar l-għan tal-vjaġġ, previst mil-leġiżlazzjoni ta’ l-Istati Membri.

    Artikolu 5

    Ħruġ ta’ viżi għal dħul aktar minn darba

    1.   Missjonijiet diplomatiċi u pożizzjonijiet konsulari ta’ l-Istati Membri għandhom joħorġu viżi b’terminu ta’ validità sa massimu ta’ ħames snin għal dawn il-kategoriji ta’ ċittadini:

    (a)

    membri ta’ Gvernijiet u Parlamenti nazzjonali u reġjonali, Qrati Kostituzzjonali u Qrati Supremi, jekk ma jkunux eżentati mill-ħtieġa tal-viża bil-Ftehim preżenti, fil-qadi ta’ dmirijiethom, b’terminu ta’ validità limitat għall-mandat tagħhom jekk dan ikun inqas minn 5 snin;

    (b)

    membri ta’ delegazzjonijiet uffiċċjali li, wara stedina uffiċċjali indirizzata lill-Ukraina, għandhom jipparteċipaw f'laqgħat, konsultazzjonijiet, negozjati jew programmi ta’ bdil, kif ukoll f'avvenimenti li jsiru fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri minn organizzazzjonijiet intergovernattivi:

    (ċ)

    konjugi u tfal (inklużi dawk adottati), li jkunu taħt l-età ta’ 21 jew ikunu dipendenti, u li jkunu qed iżuru ċittadini ta’ l-Ukraina li jkunu legalment residenti fit-territorju ta’ l-Istati Membri jew l-Istati Membri, bit-terminu ta’ validità limitat għat-tul tal-validità ta’ l-awtorizzazzjoni tagħhom għal residenza legali.

    (d)

    nies fin-negozju u rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet ta’ negozju li jivvjaġġaw regolarment fil-Federazzjoni Russa jew fl-Istati Membri;

    (e)

    ġurnalisti.

    2.   Missjonijiet diplomatiċi u pożizzjonijiet konsulari ta’ l-Istati Membri għandhom joħorġu viżi ta’ dħul aktar minn darba bit-terminu ta’ validità sa massimu ta’ sena għal dawn il-kategoriji ta’ ċittadini, jekk kemm-il darba matul is-sena ta’ qabel ikunu kisbu mill-inqas viża waħda, ikunu użawha skond il-liġijiet ta’ dħul u residenza fit-territorju ta’ l-Istat li żaru u jekk ikun hemm raġunijiet għall-ħtieġa ta’ viża ta’ dħul aktar minn darba:

    (a)

    xufiera li jwasslu tagħbija internazzjonali u servizzi ta’ trasport ta’ passiġġieri lejn it-territorji ta’ l-Istati Membri f'vetturi reġistrati fl-Ukraina;

    (b)

    membri ta’ l-ekwipaġġ ta’ ferroviji, refriġeraturi u lokomottivi f’ferroviji internazzjonali, li jivvjaġġaw bejn it-territorji ta’ l-Istati Membri;

    (ċ)

    persuni li jkunu qed jipparteċipaw f’attivitajiet xjentifiċi, kulturali u artistiċi, inklużi programmi universitarji u programmi oħra ta’ bdil, li jivvjaġġaw regolarment fil-Federazzjoni Russa jew fl-Istati Membri;

    (d)

    parteċipanti f’avvenimenti sportivi internazzjonali u persuni li jakkumpanjawhom f’kapaċità professjonali;

    (e)

    parteċipanti fi programmi uffiċjali ta’ bdil organizzati minn bliet ġemellati.

    3.   Missjonijiet diplomatiċi u pożizzjonijiet konsulari ta’ l-Istati Membri u tal-Federazzjoni Russa għandhom joħorġu viżi għal dħul aktar minn darba bit-terminu ta’ validità ta’ minimu ta’ sentejn u massimu ta’ 5 snin għall-kategoriji ta’ ċittadini msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, jekk kemm-il darba fis-sentejn ta’ qabel ikunu wżaw tajjeb il-viżi ta’ dħul aktar minn darba għal sena, skond il-liġijiet dwar id-dħul u r-residenza fit-territorju ta’ l-Istat li żaru u li r-raġunijiet għall-ħtieġa ta’ viża għal dħul aktar minn darba jkunu għadhom validi.

    4.   Il-perjodu totali ta’ residenza ta’ persuni msemmija fil-paragrafi 1 sa 3 ta’ dan l-Artikolu m’għandux jaqbeż id-90 jum għal kull perjodu ta’ 180 fit-territorju ta’ l-Istati Membri.

    Artikolu 6

    Ħlas għall-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet għall-viża

    1.   Il-ħlas tal-viża għall-ipproċessar ta’ l-applikazzjonijiet ta’ ċittadini Ukraini għandu jammonta għal EUR 35. L-ammont imsemmi qabel jista’ jkun rivedut skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 14(4).

    2.   Jekk l-Ukraina ddaħħal mill-ġdid il-ħtieġa tal-viża għal ċittadini ta’ l-UE, il-ħlas tal-viża mitlub mill-Ukraina m'għandux jaqbeż il-EUR 35 jew l-ammont miftiehem jekk il-ħlas ikun rivedut skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 14(4).

    3.   L-Istati Membri għandhom jitolbu ħlas ta’ EUR 70 għall-ipproċessar ta’ viżi f'każijiet fejn l-applikazzjoni tal-viża u d-dokumenti ta’ appoġġ ikunu tressqu mill-applikant tal-viża fi żmien tlett ijiem qabel id-data maħsuba għat-tluq tiegħu/tagħha. Dan ma japplikax għal każijiet skond l-Artikolu 6(4), (b), (ċ), (e), (f), (j), (k) u l-Artikolu 7(3). Għall-kategoriji msemmija fl-Artikolu 6(4)(a), (d), (ġ), (h), (i), (l) sa (n), il-ħlas f'każijiet urġenti jkun l-istess kif previst fl-Artikolu 6(1).

    4.   Il-ħlasijiet għall-ipproċessar ta’ l-applikazzjoni għall-viża jitneħħew għal dawn il-kategoriji ta’ persuni:

    (a)

    għal qraba – konjugi, ulied (inklużi dawk adottati), ġenituri (inklużi kustodji), nanniet u neputijiet – li jżuru ċittadini ta’ l-Ukraina legalment residenti fit-territorju ta’ l-Istati Membri;

    (b)

    għal membri ta’ delegazzjonijiet uffiċjali li, wara stedina uffiċjali indirizzata lill-Ukraina, għandhom jipparteċipaw f'laqgħat, konsultazzjonijiet, negozjati jew programmi ta’ bdil, kif ukoll f'avvenimenti li jsiru fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri minn organizzazzjonijiet intergovernattivi;

    (ċ)

    membri ta’ Gvernijiet u Parlamenti nazzjonali u reġjonali, Qrati Kostituzzjonali u Qrati Supremi, jekk ma jkunux eżentati mill-ħtieġa tal-viża bil-Ftehim preżenti;

    (d)

    studenti, studenti gradwati u għalliema li jakkumpanjawhom u li jivvjaġġaw għal għanijiet ta’ studju jew taħriġ vokazzjonali;

    (e)

    persuni b’diżabilità u l-persuna li takkumpanjahom, jekk meħtieġ;

    (f)

    persuni li jkunu ppreżentaw dokumenti li jixhdu għall-ħtieġa ta’ l-ivvjaġġar tagħhom għal skopijiet umanitarji, inkluża l-ħtieġa li jirċievu trattament mediku urġenti, u l-persuna li takkumpanja lil dawn il-persuni, jew sabiex jattendu funeral ta’ qarib/a, jew biex iżuru qarib/a morda serjament;

    (ġ)

    parteċipanti f’avvenimenti sportivi internazzjonali għaż-żgħażagħ u persuni li jakkumpanjawhom.

    (h)

    għal persuni li jkunu qed jieħdu sehem f’attivitajiet xjentifiċi, kulturali u artistiċi, inklużi programmi universitarji u programmi oħra ta’ bdil;

    (i)

    għal parteċipanti fi programmi uffiċjali ta’ bdil organizzati minn bliet ġemellati;

    (j)

    ġurnalisti;

    (k)

    pensjonanti;

    (l)

    xufiera li jwasslu tagħbija internazzjonali u servizzi ta’ trasport ta’ passiġġieri lejn it-territorji ta’ l-Istati Membri f'vetturi reġistrati fl-Ukraina;

    (m)

    membri ta’ l-ekwipaġġ ta’ ferroviji, refriġeraturi u lokomottivi f’ferroviji internazzjonali, li jivvjaġġaw bejn it-territorji ta’ l-Istati Membri;

    (n)

    Tfal taħt l-età ta’ 18-il sena u tfal dipendenti taħt l-età ta’ 21.

    Artikolu 7

    Tul tal-proċeduri għall-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet għall-viża

    1.   Missjonijiet diplomatiċi u pożizzjonijiet konsulari ta’ l-Istati Membri għandhom jieħdu deċiżjoni fuq it-talba li tinħareġ viża fi żmien għaxart ijiem mid-data ta’ meta tasal l-applikazzjoni u d-dokumenti meħtieġa għall-ħruġ tal-viża.

    2.   Il-perjodu ta’ żmien għat-teħid ta’ deċiżjoni dwar applikazzjoni għall-viża jista’ jkun estiż sa 30 jum f’każijiet individwali, notevolment meta jkun jinħtieġ aktar skrutinju ta’ l-applikazzjoni.

    3.   Il-perjodu ta’ żmien għat-teħid ta’ deċiżjoni dwar applikazzjoni għall-viża jista’ jitnaqqas għal jumejn jew inqas f’każijiet urġenti.

    Artikolu 8

    Tluq f’każ ta’ dokumenti mitlufa jew mistruqa

    Ċittadini ta’ l-Unjoni Ewropea u ta’ l-Ukraina li jkunu tilfu d-dokumenti ta’ identità tagħhom, jew li jkun nsterqulhom dawn id-dokumenti waqt iż-żjara tagħhom fit-territorju ta’ l-Ukraina jew l-Istati Membri, jistgħu jħallu dak it-territorju fuq il-bażi ta’ dokumenti ta’ identità validi li jippermettu l-qsim tal-fruntiera, maħruġa minn missjonijiet diplomatiċi jew uffiċċji konsulari ta’ l-Istati Membri jew tal-Federazzjoni Russa mingħajr viża jew awtorizzazzjoni oħra.

    Artikolu 9

    Estensjoni tal-viża f’ċirkostanzi ta’ eċċezzjoni

    Iċ-ċittadini ta’ l-Ukraina li m’għandhomx il-possibblità li jħallu t-territorju ta’ l-Istati Membri fiż-żmien stabbilit fil-viżi tagħhom minħabba raġunijiet ta’ force majeure għandhom ikollhom it-terminu tal-viżi tagħhom estiż mingħajr ħlas skond il-leġiżlazzjoni applikata mill-Istat li qed jilqa’ għall-perjodu meħtieġ għar-ritorn tagħhom lejn l-Istat ta’ residenza tagħhom.

    Artikolu 10

    Passaporti diplomatiċi

    1.   Ċittadini ta’ l-Ukraina, titulari ta’ passaporti diplomatiċi validi jistgħu jidħlu, jħallu jew jivvjaġġaw fit-territorji ta’ l-Istati Membri mingħajr viżi.

    2.   Persuni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jistgħu joqogħdu fit-territorji ta’ l-Istati Membri għal perjodu li ma jaqbiżx id-90 jum għal kull perjodu ta’ 180 jum.

    Artikolu 11

    Validità Territorjali tal-viżi

    Soġġetti għar-regoli u regolamenti nazzjonali dwar is-sigurtà nazzjonali ta’ l-istati Membri u soġġetti għar-regoli ta’ l-UE dwar viżi b'validità territorjali limitata, iċ-ċittadini ta’ l-Ukraina għandhom ikunu intitolati sabiex jivvjaġġaw fit-territorju ta’ l-Istati Membri fuq bażi ugwali maċ-ċittadini ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 12

    Kumitat Konġunt għat-tmexxija tal-Ftehim

    1.   Il-Partijiet għandhom iwaqqfu Kumitat Konġunt għat-tmexxija tal-Ftehim (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “il-Kumitat”), magħmul minn rappreżentanti tal-Komunità Ewropea u ta’ l-Ukraina. Il-Komunità għandha tkun rappreżentata mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, assistita minn esperti mill-Istati Membri.

    2.   Il-Kumitat għandu jkollu, b'mod partikolari, dawn l-impenji:

    (a)

    li jissorvelja l-implimentazzjoni tal-Ftehim preżenti;

    (b)

    li jissuġġerixxi emendi jew żidiet għall-Ftehim preżenti;

    (ċ)

    Li jsolvi tilwimiet li jqumu mill-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet f'dan il-Ftehim.

    3.   Il-Kumitat għandu jiltaqa kulmeta jkun meħtieġ bit-talba ta’ waħda mill-Partijiet u mill-anqas darba fis-sena

    4.   Il-Kumitat għandu jistabbilixxi r-regoli tiegħu ta’ proċedura.

    Artikolu 13

    Ir-relazzjoni ta’ dan il-Ftehim ma’ Ftehimiet bilaterali bejn Stati Membri u l-Ukraina

    Sa mid-dħul tiegħu fis-seħħ, dan il-Ftehim għandu jieħu preċedenza fuq id-dispożizzjonijiet ta’ kwalunkwe ftehimiet bilaterali jew multilaterali jew arranġamenti mwettqa bejn l-Istati Membri individwali u l-Ukraina, safejn id-dispożizzjonijiet ta’ dawn il-ftehimiet jew arranġamenti jkopru kwistjonijiet li huma indirizzati mill-Ftehim preżenti.

    Artikolu 14

    Klawsoli finali

    1.   Dan il-Ftehim għandu jkun ratifikat jew approvat mill-Partijiet skond il-proċeduri rispettivi tagħhom u għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-data meta l-Partijiet javżaw lil xulxin li l-proċeduri msemmija hawn fuq tlestew.

    2.   Permezz ta’ deroga għall-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-Ftehim preżenti għandu jidħol fis-seħħ biss fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Ukraina dwar ammissjoni mill-ġdidta' persuni jekk din id-data tkun wara d-data prevista fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

    3.   Dan il-Ftehim hu magħluq għal perjodu ta’ żmien indefinit, sakemm ma jkunx terminat skond il-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu.

    4.   Dan il-Ftehim jista’ jkun emendat bi ftehim bil-miktub mill-Partijiet. L-emendi ser jidħlu fis-seħħ wara li l-Partijiet ikunu avżaw lil xulxin dwar it-tlestija tal-proċeduri interni tagħhom li huma meħtieġa għal dan l-għan.

    5.   Kull Parti tista’ tissospendi dan il-Ftehim parzjalment jew bis-sħiħ għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali u protezzjoni tas-saħħa pubblika. Id-deċiżjoni dwar is-sospensjoni għandha tkun notifikata lill-Parti l-oħra mhux aktar tard minn 48 siegħa qabel id-dħul tiegħu fis-seħħ. Il-Parti li tkun issospendiet l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandha tgħarraf lill-Parti l-oħra immedjatament ladarba r-raġunijiet għas-sospensjoni ma jkunux japplikaw aktar.

    6.   Kull Parti tista’ ttemm dan il-Ftehim billi tagħti avviż bil-miktub lill-Parti l-oħra. Dan il-Ftehim għandu jieqaf iseħħ 90 jum wara d-data tal-wasla ta’ dan l-avviż. Dan il-Ftehim għandu jieqaf milli jibqa' fis-seħħ 90 jum wara d-data ta’ din in-notifika.

    Magħmul fil-Lussemburgu, fit-tmintax-il jum ta’ Ġunju tas-sena elfejn u sebgħa, f'żewġ kopji bil-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Olandiż, l-Ingliż, l-Estonu, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ungeriż, it-Taljan, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, l-Ispanjol, l-Iżvediż, u l-Ukrain, kull wieħed minn dawn it-testi huwa awtentiku bl-istess mod.

    За Европейската общност

    Por la Comunidad Europea

    Za Evropské společenství

    For Det Europæiske Fællesskab

    Für die Europäische Gemeinschaft

    Euroopa Ühenduse nimel

    Για την Ευρωπαϊκή Κοινότητα

    For the European Community

    Pour la Communauté européenne

    Per la Comunità europea

    Eiropas Kopienas vārdā

    Europos bendrijos vardu

    az Európai Közösség részéről

    Għall-Komunità Ewropea

    Voor de Europese Gemeenschap

    W imieniu Wspólnoty Europejskiej

    Pela Comunidade Europeia

    Pentru Comunitatea Europeană

    Za Európske spoločenstvo

    Za Evropsko skupnost

    Euroopan yhteisön puolesta

    På Europeiska gemenskapens vägnar

    3a Євролейське Спiвтовaриство

    Image

    Image

    За Укрaйнa

    Por Ucrania

    Za Ukrajinu

    For Ukraine

    Für die Ukraine

    Ukraina nimel

    Για την Ουκρανία

    For Ukraine

    Pour l'Ukraine

    Per l'Ucraina

    Ukrainas vārdā

    Ukrainos vardu

    Ukrajna részéről

    Għall-Ukrajna

    Voor Oekraïne

    W imieniu Ukrainy

    Pela Ucrânia

    Pentru Ucraina

    Za Ukrajinu

    Za Ukrajino

    Ukrainan puolesta

    På Ukrainas vägnar

    3а Уκраїну

    Image


    PROTOKOLL GĦALL-FTEHIM DWAR L-ISTATI MEMBRI LI MA JAPPLIKAWX BIS-SĦIĦ L-ACQUIS TA’ SCHENGEN

    Dawk l-Istati Membri li huma marbuta bl-acquis ta’ Schengen imma li għadhom ma joħorġux viżi ta' Schengen, filwaqt li jistennew id-deċiżjoni relevanti tal-Kunsill għal dak l-għan, għandhom joħorġu viżi nazzjonali li l-validità tagħhom tkun limitata għat-territorju tagħhom.

    Dawn l-Istati membri jistgħu jirrikonoxxu unilaterlament il-viżi u l-permessi ta' residenza ta' Schengen għall-għan ta' tranżitu fit-territorju tagħhom, skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 895/2006/KE ta' l-14 ta' Ġunju 2006.


    DIKJARAZZJONI TAL-KOMUNITÀ EWROPEA DWAR IL-ĦRUĠ TA’ VIŻI GĦAL ŻJAJJAR QOSRA F’ĊIMITERJI MILITARI U ĊIVILI

    Missjonijiet diplomatiċi u pożizzjonijiet konsulari ta' l-Istati Membri għandhom, b'regola ġenerali, joħorġu viżi għal żjajjar qosra għal perjodu ta' mhux aktar minn 14-il jum għal persuni li jżuru ċimiterji ċivili u militari.


    DIKJARAZZJONI KONĠUNTA LI TIKKONĊERNA D-DANIMARKA

    Il-Partijiet jinnotaw li l-Ftehim preżenti ma japplikax għall-proċeduri għall-ħruġ ta’ viżi mill-missjonijiet diplomatiċi u l-pożizzjonijiet konsulari tar-Renju tad-Danimarka.

    F’ċirkustanzi bħal dawn, ikun xieraq li l-awtoritajiet tad-Danimarka u l-Ukraina jikkonkludu, bla dewmien, ftehim bilaterali dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta’ viżi għal żjajjar qosra f'termini simili għall-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Ukraina.


    DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR IR-RENJU UNIT U L-IRLANDA

    Il-Partijiet jinnotaw li dan il-Ftehim preżenti mhux applikabbli fit-territorju tar-Renju Unit u fl-Irlanda.

    F'dawn iċ-ċirkustanzi, ikun xieraq li l-awtoritajiet tar-Renju Unit, l-Irlanda u l-Ukraina jikkonkludu ftehimiet bilaterali dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ tal-viżi.


    DIKJARAZZJONI KONĠUNTA LI TIKKONĊERNA L-IŻLANDA U N-NORVEĠJA

    Il-Partijiet jinnotaw ir-relazzjoni mill-qrib bejn il-Komunità Ewropea u l-Iżlanda u n-Norveġja, partikolarment bis-saħħa tal-Ftehim tat-18 ta' Mejju 1999 li jikkonċerna l-assoċazzjoni ta' dawn il-pajjiżi ma' l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-progress ta' l-acquis ta' Schengen.

    F’ċirkustanzi bħal dawn, ikun xieraq li l-awtoritajiet tan-Norveġja, l-Iżlanda u l-Ukraina jikkonkludu, bla dewmien, ftehim bilaterali dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta’ viżi għal żjajjar qosra f'termini simili għall-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Ukraina.


    DIKJARAZZJONI TAL-KUMMISSJONI DWAR IL-MOTIVAZZJONI TAD-DEĊIŻJONI LI TKUN RIFJUTATA L-VIŻA

    Waqt li tirrikonoxxi l-importanza tat-trasparenza għal applikanti għall-viża, il-Kummissjoni Ewropea tfakkar li l-proposta leġiżlattiva dwar il-bixra ġdida ta' l-Istruzzjonijiet Konsulari Komuni dwar il-viżi għal missjonijiet diplomatiċi u pożizzjonijiet konsulari ġiet adottata fid-19 ta' Lulju 2006 u tindirizza l-kwistjoni tal-motivazzjoni għal rifjut ta' viżi u possibbiltajiet ta' appell.


    DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR L-AĊĊESS TA' APPLIKANTI GĦALL-VIŻA U L-ARMONIZZAZZJNI TA' INFORMAZZJONI DWAR PROĊEDURI GĦALL-ĦRUĠ TA' VIŻI GĦAL ŻJAJJAR QOSRA U DOKUMENTI LI GĦANDHOM JITRESSQU META SSIR L-APPLIKAZZJONI GĦAL VIŻI GĦAL ŻJAJJAR QOSRA

    Waqt li tirrikonoxxi l-importanza tat-trasparenza għal applikanti għall-viża, il-Komunità Ewropea tfakkar li l-proposta leġiżlattiva dwar il-bixra ġdida ta' l-Istruzzjonijiet Konsulari Komuni dwar il-viżi għal missjonijiet diplomatiċi u pożizzjonijiet konsulari ġiet adottata fid-19 ta' Lulju 2006 mill-Kummissjoni Ewropea u tindirizza l-kwistjoni tal-kundizzjonijiet ta' aċċess ta' applikanti għall-viża għal missjonijiet diplomatiċi u pożizzjonijiet konsulari ta' l-Istati Membri.

    Dwar l-informazzjoni li għandha tkun provduta lil applikanti għall-viża, l-Komunità Ewropea tikkunsidra li għandhom jittieħdu miżuri xierqa:

    B’mod ġenerali, sabiex jitfassal tagħrif bażiku għall-applikanti dwar il-proċeduri u l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni għal viżi u dwar il-validità tagħhom.

    Il-Komunità Ewropea tfassal lista ta’ ħtiġijiet minimi sabiex tiżgura li l-applikanti Ukraini jingħataw informazzjoni bażika koerenti u uniformi u jkun jinħtieġu li jressqu, fil-prinċipju, l-istess dokumenti ta' appoġġ.

    It-tagħrif imsemmi hawn fuq għandu jinfirex ħafna (fuq it-tabelli ta' tagħrif ta' konsulati, f'fuljetti, fuq siti ta' l-Internet eċċ.).

    Il-missjonijiet diplomatiċi u l-pożizzjonijiet konsulari ta' l-Istati Membri għandhom jipprovdu tagħrif dwar il-possibbiltajiet eżistenti taħt l-acquis ta' Schengen għall-iffaċilitar tal-ħruġ ta' viżi għal żjajjar qosra fuq bażi ta' każ b'każ.


    ABBOZZ TA' DIKJARAZZJONI POLITIKA DWAR IT-TRAFFIKU LOKALI FUQ IL-FRUNTIERI

    DIKJARAZZJONI MILL-POLONJA, L-UNGERIJA, IR-REPUBBLIKA SLOVAKKA U R-RUMANIJA

    Ir-Repubblika ta' l-Ungerija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika Slovakka, kif ukoll ir-Rumanija sa mid-data ta' l-adeżjoni fl-UE, jiddikjaraw ir-rieda tagħhom li jidħlu f'negozjati ta' ftehimiet bilaterali ma' l-Ukraina għall-għan ta' l-implimentazzjoni tar-reġim tat-traffiku lokali fuq il-fruntieri stabbilit bir-Regolament tal-KE adottat fil-5 ta' Ottubru 2006 li jistabbilixxi r-regoli dwar it-traffiku lokali fuq il-fruntieri fil-fruntieri esterni ta' l-art ta' l-Istati Membri u li jemenda l-Konvenzjoni ta' Schengen.

    Top