EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007D0169

Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas- 16 ta' Marzu 2007 jistabbilixxi li l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/17/KE tal- 31 ta' Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta' xiri ta' entitajiet li joperaw fis-setturi ta' l-ilma, l-enerġija, it-trasport u s-servizzi postali japplika għal ċerti servizzi ta' courier u ta' posta tal-pakketti fid-Danimarka (notifikat bid-dokument numru C(2006) 840) Test b'rilevanza għaż-ŻEE

ĠU L 78, 17.3.2007, p. 28–30 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 219M, 24.8.2007, p. 346–348 (MT)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2007/169(1)/oj

24.8.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

346


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-16 ta' Marzu 2007

jistabbilixxi li l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/17/KE tal-31 ta' Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta' xiri ta' entitajiet li joperaw fis-setturi ta' l-ilma, l-enerġija, it-trasport u s-servizzi postali japplika għal ċerti servizzi ta' courier u ta' posta tal-pakketti fid-Danimarka

(notifikat bid-dokument numru C(2006) 840)

(It-test bid-Daniż biss huwa awtentiku)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2007/169/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/17/KE tal-31 ta' Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta' xiri ta' entitajiet li joperaw fit-taqsimiet ta' l-ilma, l-enerġija, it-trasport u s-servizzi postali (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 30(4) u (6) tiegħu,

Wara li kkunsidrat it-talba ppreżentata mir-Renju tad-Danimarka permezz ta' messaġġ elettroniku tal-20 ta' Novembru 2006, u l-informazzjoni addizzjonali mitluba mill-persunal tal-Kummissjoni permezz ta' messaġġ elettroniku tat-8 ta' Diċembru 2006 u ppreżentata mill-awtoritajiet Daniżi permezz ta' messaġġ elettroniku tat-22 ta' Diċembru 2006,

Wara li kkunsidrat il-konklużjonijiet ta' l-awtorità nazzjonali indipendenti, Konkurrencestyrelsen (l-Awtorità Daniża għall-Kompetizzjoni), li l-kundizzjonijiet għall-applikabbiltà ta' l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE ser jintlaħqu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 30 tad-Direttiva 2004/17/KE jistipula li l-kuntratti previsti biex jippermettu li l-prestazzjoni ta' waħda mill-attivitajiet li għaliha tapplika d-Direttiva ma tkunx soġġett għad-Direttiva jekk, fl-Istat Membru li li fih tkun sejra ssir, l-attività tkun esposta direttament għal kompetizzjoni fi swieq li mhemmx restrizzjonijiet ta' aċċess għalihom. L-espożizzjoni diretta għall-kompetizzjoni tiġi evalwata fuq il-bażi ta' kriterji oġġettivi, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-karatteristiċispeċifiċi tas-settur involut. L-aċċess jitqies li jkun mhux ristrett jekk l-Istat Membru implimenta u applika l-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Komunità għall-ftuħ ta' settur partikulari jew parti minnu.

(2)

Il-leġiżlazzjoni hi mniżżla fl-Anness XI tad-Direttiva 2004/17/KE, li, fil-kaz tas-servizzi postali, tirreferi għad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 97/67/KE tal-15 ta' Diċembru 1997 dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern ta' servizzi postali komunitarji u t-titjib ta' kwalità ta' servizz (2).

(3)

Skond l-Artikolu 62(2) tad-Direttiva 2004/17/KE, it-Titolu III ta' dik id-Direttiva li jistabbilixxi r-regoli dwar il-kompetizzjonijiet tad-disinn ta' servizzi ma japplikax għall-kompetizzjonijiet organizzati għall-iskop, fl-Istat Membru kkonċernat, ta' attività li għaliha l-applikabbiltà ta' l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva kienet stabbilita minn deċiżjoni tal-Kummissjoni jew li kienet tqieset applikabbli taħt it-tieni jew it-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu 30(4) jew ir-raba' subparagrafu ta' l-Artikolu 30(5).

(4)

It-talba ppreżentata mir-Renju tad-Danimarka tikkonċerna ċerti servizzi ta' courier u ta' posta tal-pakketti fid-Danimarka. B'mod aktar preċiż, is-servizzi involuti jistgħu jiġu deskritti bħala servizzi domestiċi u internazzjonali ta' posta tal-pakketti tat-tip Impriża għal Impriża (Business to Business – BtB); servizzi domestiċi u internazzjonali għal ġarr ta' oġġetti ħfief/oġġetti fuq pallet; kif ukoll servizzi domestiċi u internazzjonali ta' courierexpress. B'konformità ma' deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni (3), tista' ssir distinzjoni bejn is-servizzi msemmija hawn fuq, u għalhekk kull wieħed minn dawn is-servizzi jista' jitqies li jikkostitwixxi suq separat. Għalhekk, it-talba Daniża tikkonċerna sitt swieq differenti. Skond l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2004/17/KE, servizzi ta' loġistika, bħal servizzi ta' courierexpress, huma koperti mid-Direttiva sakemm dawn is-servizzi jiġu pprovduti minn entitajiet li jipprovdu wkoll servizzi postali fis-sens tal-Artikolu 6(2)(b) tagħha.

(5)

Bħala intrapriża pubblika fis-sens tal-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 2004/17/KE li tagħmel ħafna mill-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 6 ta' dik id-Direttiva, Post Danmark, li f'isimha saret din ir-rikjesta, għall-iskopijiet tad-Direttiva 2004/17/KE hi entità kontraenti. Skond l-informazzjoni disponibbli, jidher li hi l-unika entità kontraenti li qed topera fis-swieq ikkonċernati minn din id-Deċiżjoni, peress li l-operaturi l-oħra huma kumpaniji li ma joperawx fuq il-bażi ta' drittijiet speċjali jew esklussivi.

(6)

Dawn il-valutazzjonijiet, u l-oħrajn li jinstabu f'din id-Deċiżjoni, huma magħmulin biss għall-iskopijiet tad-Direttiva 2004/17/KE u huma bla preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni.

(7)

Id-Danimarka implimentat u applikat id-Direttiva 97/67/KE. Konsegwentement, u f'konformità ma' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 30(3), għandu jiġi kkunsidrat li l-aċċess għas-suq mhux ristrett.

(8)

L-espożizzjoni diretta għall-kompetizzjoni għandha tiġi evalwata fuq il-bażi ta' indikaturi varji, li l-ebda wieħed minnhom ma hu deċiżiv fih innifsu.

(9)

Wieħed mill-parametri li għandu jiġi kkunsidrat hu l-ishma mis-suq tal-partijiet ewlenin f'suq partikolari u ieħor hu l-livell ta' konċentrazzjoni. Kemm jekk jitkejjel f'termini ta' fatturat anke jekk jitkejjel f'termini ta' għadd ta' konsenji, is-sehem mis-suq li Post Danmark ikollu fi kwalunkwe mis-sitt swieq ikkonċernati jvarja, skond l-informazzjoni disponibbli, bejn anqas minn 1 % (4) sa 35-40 % (5), li huma livelli aċċettabbli, meta tikkonsidra wkoll il-livell ta' konċentrazzjoni f'dawn is-swieq. Post Danmark hu l-akbar operatur waħdieni fuq tnejn biss minn dawn is-swieq, dak għas-servizzi domestiċi ta' posta tal-pakketti u dak għas-servizzi domestiċi ta' courierexpress rispettivament (6). F'dawn iż-żewġ swieq, is-sehem mis-suq totali ta' l-akbar żewġ kompetituri ta' Post Danmark hu daqs dak ta' Post Danmark jew akbar minnu (7). F'dawk is-swieq fejn Post Danmark ma għandiex l-akbar sehem mis-suq, it-totali ta' l-ishma mis-suq ta' l-akbar żewġ kompetituri tagħha huwa ferm akbar (8) minn dak ta' Post Danmark. Dawn il-fatturi għandhom għalhekk jitqiesu bħala indikazzjoni ta' espożizzjoni diretta għal kompetizzjoni.

(10)

Minħabba l-indikaturi msemmija hawn fuq, il-kundizzjoni ta' l-esponiment dirett għall-kompetizzjoni mniżżla fl-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE għandha titiqies li ntlaħqet fir-rispett tas-servizzi ta' posta tal-pakketti u courier fid-Danimarka li huma speċifikati fil-Premessa 4 (9). Kif innotat hawn fuq fil-premessa 7, il-kundizzjoni l-oħra għall-aċċess ħieles għall-attività trid titqies bħala milħuqa. B'riżultat ta' dan, id-Direttiva 2004/17/KE ma għandhiex tapplika, la meta l-entitajiet kontraenti joffru kuntratti bl-għan li jipprovdu s-servizzi ta' posta tal-pakketti u courier li jsiru fid-Danimarka u li jintlaqtu minn din it-talba, u l-anqas meta jorganizzaw kompetizzjonijiet ta' disinn sabiex jintlaħaq l-għan ta' attività bħal din hemmhekk.

(11)

Din id-Deċiżjoni hi bbażata fuq is-sitwazzjoni ġuridika u fattwali kif kienet f'Novembru u Diċembru tal-2006, kif toħroġ mill-informazzjoni mressqa mir-Renju tad-Danimarka. Tista' tiġi riveduta, jekk xi tibdiliet sinifikanti fis-sitwazzjoni ġuridika jew fattwali jfissru li l-kundizzjonijiet għall-applikabbiltà ta' l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE ma jistgħux jintlaħqu aktar.

(12)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Konsultattiv għall-Kuntratti Pubbliċi,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Direttiva 2004/17/EC ma tapplikax għall-kuntratti mogħtija mill-entitajiet kontraenti u bl-għan li jippermettulhom iwettqu s-servizzi ta' posta tal-pakketti u courier li jidhru hawn taħt fid-Danimarka:

a)

Servizzi domestiċi ta' posta tal-pakketti Impriża għal Impriża (BtB);

b)

Servizzi internazzjonali ta' posta tal-pakketti Impriża għal Impriża (BtB);

ċ)

Servizzi domestiċi għal ġarr ta' oġġetti ħfief/oġġetti fuq pallet;

d)

Servizzi internazzjonali għal ġarr ta' oġġetti ħfief/oġġetti fuq pallet;

e)

Servizzi domestiċi ta' courierexpress; kif ukoll

f)

Servizzi internazzjonali ta' courierexpress;

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hi bbażata fuq is-sitwazzjoni ġuridika u fattwali kif kienet f'Novembru u Diċembru ta' l-2006, kif toħroġ mill-informazzjoni mressqa mir-Renju tad-Danimarka. Tista' tiġi riveduta, jekk xi tibdiliet sinifikanti fis-sitwazzjoni ġuridika jew fattwali jfissru li l-kundizzjonijiet għall-applikabbiltà ta' l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE ma jistgħux jintlaħqu aktar.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tad-Danimarka.

Magħmul fi Brussell, 16 ta' Marzu 2007.

Għall-Kummissjoni

Charlie McCREEVY

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 134, 30.4.2004, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2083/2005 tad-19 ta' Diċembru 2005 (ĠU L 333, 20.12.2005, p. 28).

(2)  GU L 15, 21.1.1998, p. 14. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2002/39/KE (ĠU L 176, 5.7.2002, p. 21).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-02.12.1991 li tiddikjara li konċentrazzjoni tkun kompatibbli mas-suq komuni (Każ Nru IV/M 102 – TNT/CANADA POST, DBP POSTDIENST, LA POSTE, PTT POST & SWEDEN POST) skond ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89: punti 19 et seq.; id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-08/11/1996 li tiddikjara li konċentrazzjoni tkun kompatibbli mas-suq komuni (Każ Nru IV/M 843 – PTT Post/TNT/GD Express Worldwide) skond ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89, punti 10 et seq.; id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-01/07/1999 li tiddikjara li konċentrazzjoni tkun kompatibbli mas-suq komuni (Każ Nru IV/M 1513 – DEUTSCHE POST/DANZAS/NEDLLOYD) skond ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89, punti 8 et seq.; id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Marzu 2001 rigward proċedura taħt l-Artikolu 82 tat-Trattat tal-KE (Każ COMP/35.141 – Deutsche Post AG): punt 26 et seq.; id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-21/10/2002 li tiddikjara li konċentrazzjoni tkun kompatibbli mas-suq komuni (Każ Nru IV/M 2908 – DEUTSCHE POST/DHL (II)) skond ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89: punt 10 et seq.;

(4)  Fis-suq tas-servizzi internazzjonali ta' courierexpress fl-2005.

(5)  Is-suq ta' l-2005 għal servizzi postali domestiċi BtB (minn u lejn id-Danimarka).

(6)  Fl-2005, is-sehem mis-suq li kellu l-Post Danmark f'termini ta' fatturat kien ta' 16-19 % għal-servizzi domestiċi ta' courierexpress u ta' 35 – 40 % f'termini ta' fatturat għal servizzi domestiċi ta' posta tal-pakketti BtB.

(7)  Fl-2005, l-ishma mis-suq miġmugħa ta' l-akbar żewġ kompetituri fis-suq tas-servizzi domestiċi ta' posta tal-pakketti BtB kien jammonta għal 36 –44 % f'termini ta' fatturat, filwaqt li sehemhom magħqud mis-suq, f'termini ta fatturat ukoll, kien ta' 23 – 29 % fis-suq għal servizzi domestiċi ta' courierexpress.

(8)  Eż. fis-suq għal ġarr ta' oġġetti ħfief/oġġetti fuq pallet, fejn Post Danmark, f'termini ta' fatturat, għandha sehem mis-suq ta' 3 – 5 %, filwaqt li l-għadd totali ta' ishma mis-suq ta' l-akbar żewġ operaturi, f'termini ta' fatturat, jammonta għal 69 – 83 %. Fis-suq tas-servizzi internazzjonali ta' courierexpress, id-differenza hija akbar, fejn is-sehem ta' Post Danmark f'termini ta' fatturat telgħet għal 1 % fl-2005, meta l-għadd totali ta' ishma mis-suq ta' l-akbar żewġ operaturi fis-suq, f'termini ta' fatturat ukoll, ammonta għal 65 – 80 %.

(9)  Is-servizzi involuti huma deskritti bħala servizzi domestiċi u internazzjonali ta' posta tal-pakketti tat-tip Impriża għal Impriża (Business to Business – BtB); ġarr ta' oġġetti ħfief/oġġetti fuq pallet, domestiċi u internazzjonali; kif ukoll servizzi domestiċi u internazzjonali ta' courierexpress.


Top