Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006R1986

    Regolament (KE) Nru 1986/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l- 20 ta' Diċembru 2006 dwar l-aċċess għas-Sistema ta’ Informazzjoni ta' Schengen tat-Tieni Ġenerazzjoni (SIS II) mis-servizzi fl-Istati Membri responsabbli għall-ħruġ ta’ ċertifikati ta’ reġistrazzjoni tal-vetturi

    ĠU L 381, 28.12.2006, p. 1–3 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 06/03/2023; Imħassar b' 32018R1862

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/1986/oj

    28.12.2006   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    1


    REGOLAMENT (KE) Nru 1986/2006 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tat-18 ta' Diċembru 2006

    dwar l-aċċess għas-Sistema ta’ Informazzjoni ta' Schengen tat-Tieni Ġenerazzjoni (SIS II) mis-servizzi fl-Istati Membri responsabbli għall-ħruġ ta’ ċertifikati ta’ reġistrazzjoni tal-vetturi

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 71 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew  (1),

    Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

    Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

    Billi:

    (1)

    Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/37/KE tad-29 ta’ April 1999 dwar id-dokumenti ta’ reġistrazzjoni għall-vetturi (3) tipprovdi li l-Istati Membri għandhom jgħinu lil xulxin fl-implimentazzjoni ta’ dik id-Direttiva u jistgħu jiskambjaw informazzjoni fuq livell bilaterali jew multilaterali, b’mod partikolari, sabiex jivverifikaw qabel kwalunkwe reġistrazzjoni ta’ vettura, l-istat legali ta’ din ta’ l-aħħar fl-Istat Membru li fih hi kienet irreġistrata qabel. Din il-verifika tista’ tinvolvi l-użu ta’ netwerk elettroniku.

    (2)

    Ir-Regolament (KE) Nru …/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' … u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/…/ĠAI ta' … dwar l-istabbiliment, l-operat u l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta' Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (4)  (5) jikkostitwixxu l-bażi leġislattiva għar-regolamentazzjoni tas-SIS II, li tifforma database kondiviża bejn l-Istati Membri li fiha, inter alia, data dwar vetturi bil-mutur b’kapaċità ċilindrika ta’ aktar minn 50 cc, data dwar trejlers b'piż mingħajr tagħbija li jeċċedi s-750 kg u karavans u data dwar ċertifikati ta' reġistrazzjoni ta' vetturi u pjanċi tan-numru ta' vetturi li ġew misruqa, miżapproprjati, mitlufa jew invalidati.

    (3)

    Ir-Regolament (KE) Nru …/2006 u d-Deċiżjoni 2006/…/ĠAI jissostitwixxu l-Artikoli 92 sa 119 tal-Konvenzjoni tad-19 ta’ Ġunju 1990 li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen ta’ l-14 ta’ Ġunju 1985 bejn il-gvernijiet ta’ l-Istati ta’ l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar l-abolizzjoni gradwali ta’ kontrolli fuq il-fruntieri komuni (6) (il-Konvenzjoni ta' Schengen) bl-eċċezzjoni ta' l-Artikolu 102a tagħha. Dak l-Artikolu jikkonċerna l-aċċess għas-Sistema ta’ Informazzjoni ta' Schengen mill-awtoritajiet u s-servizzi fl-Istati Membri responsabbli għall-ħruġ ta’ ċertifikati ta’ reġistrazzjoni tal-vetturi.

    (4)

    Huwa issa neċessarju li jiġi adottat it-tielet strument, ibbażat fuq it-Titolu V tat-Trattat li jikkumplimenta r-Regolament (KE) Nru …/2006 u d-Deċiżjoni 2006/…/ĠAI sabiex jiġi permess l-aċċess għas-SIS II mis-servizzi fl-Istati Membri responsabbli għall-ħruġ ta’ ċertifikati ta’ reġistrazzjoni tal-vetturi, u biex jieħu post l-Artikolu 102a tal-Konvenzjoni ta’ Schengen.

    (5)

    L-allerti dwar oġġetti, inklużi vetturi bil-mutur, huma mdaħħla fis-SIS II għall-iskopijiet ta’ qbid jew użu bħala evidenza fi proċedimenti kriminali, skond id-Deċiżjoni 2006/…/ĠAI.

    (6)

    Bi qbil mad-Deċiżjoni 2006/…/ĠAI, l-aċċess għall-allerti dwar oġġetti mdaħħla fis-SIS II huwa esklussivament riżervat għall-awtoritajiet responsabbli mill-kontroll tal-fruntieri u minn kontrolli oħra tal-pulizija u tad-dwana, kif ukoll awtoritajiet ġudizzjarji u l-Europol.

    (7)

    Is-servizzi tal-gvern jew mhux tal-gvern identifikati b'mod ċar għal dan l-għan u responsabbli fl-Istati Membri għall-ħruġ ta’ ċertifikati ta’ reġistrazzjoni tal-vetturi, għandu jkollhom aċċess għad-data inkluża fis-SIS II dwar vetturi bil-mutur b’kapaċità ċilindrika li teċċedi 50 cc, trejlers b’piż mingħajr tagħbija li jeċċedi 750 kg, karavans u ċertifikati ta’ reġistrazzjoni ta’ vetturi u pjanċi tan-numri tal-vetturi li jkunu ġew misruqa, miżapproprjati, mitlufa jew invalidati sabiex ikunu jistgħu jivverifikaw jekk il-vetturi preżentati lilhom għar-reġistrazzjoni ġewx misruqa, miżapproprjati jew mitlufa.

    (8)

    Għal dak il-għan huwa neċessarju li dawk is-servizzi jingħataw aċċess għal dik id-data, u li jitħallew jużaw dik id-data għal skopijiet amministrattivi tal-ħruġ kif suppost ta' ċertifikati tar- reġistrazzjoni tal-vetturi.

    (9)

    Safejn is-servizzi fl-Istati Membri responsabbli għall-ħruġ ta' ċertifikati ta’ reġistrazzjoni tal-vetturi jkunu korpi mhux tal-gvern, tali aċċess għandu jingħata b'mod indirett, jiġifieri permezz ta' intermedjarju ta' awtorità li jingħata aċċess skond id-Deċiżjoni 2006/…/ĠAI, li jkun responsabbli li jassigura l-konformità mar-regoli tas-sigurtà u l-kunfidenzjalità ta’ l-Istati Membri kif imsemmi f'dik id-Deċiżjoni.

    (10)

    Id-Deċiżjoni 2006/…/ĠAI tistabbilixxi l-azzjoni li għandha tittieħed jekk aċċess għas-SIS II iwassal għas-sejbien ta’ allert dwar oġġett imdaħħal fis-SIS II.

    (11)

    Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u l-moviment liberu ta’ dik id-data  (7) tapplika għall-ipproċessar ta’ data personali mis-servizzi fl-Istati Membri responsabbli għall-ħruġ ta’ ċertifikati tar-reġistrazzjoni tal-vetturi. Id-dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-protezzjoni tad-data personali dwar is-sigurtà, il-kunfidenzjalità u ż-żamma ta’ log fajls li jinsabu fid-Deċiżjoni 2006/…/ĠAI jissupplimentaw jew jikkjarifikaw il-prinċipji stabbiliti f’dik id-Direttiva meta d-data personali tkun proċessata minn dawk is-servizzi fil-kuntest tas-SIS II.

    (12)

    Minħabba li l-għan ta’ l-azzjoni li għandha tittieħed, jiġifieri l-għoti ta’ aċċess għas-SIS II lis-servizzi fl-Istati Membri responsabbli għall-ħruġ ta’ ċertifikati tar-reġistrazzjoni għall-vetturi, sabiex jiffaċilita l-ħidmiet tagħhom taħt id-Direttiva 1999/37/KE, ma jistax jintlaħaq b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u għalhekk jista’, minħabba n-natura proprja tas-SIS II bħala sistema ta’ informazzjoni konġunta, jintlaħaq biss fuq livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, skond il-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-għan.

    (13)

    Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    (14)

    Fir-rigward ta’ l-Islanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen fi ħdan it-tifsira tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' l-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawk iż-żewġ Stati fl-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta’ l-acquis ta’ Schengen (8), li jaqgħu fil-qasam msemmi fl-Artikolu 1, punt G, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta' Mejju 1999 (9) dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni ta' dak il-Ftehim.

    (15)

    Fir-rigward ta’ l-Isvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet ta' l-acquis ta’ Schengen fit-tifsira tal-Ftehim iffirmat bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera rigward l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta’ l-acquis ta’ Schengen, li jaqa’ taħt il-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt G, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE li jinqara flimkien ma’ l-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjonijiet 2004/849/KE (10) u 2004/860/KE (11) tal-25 ta' Ottubru 2004.

    (16)

    Dan ir-Regolament jikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta’ Schengen jew inkella li għandu x’jaqsam miegħu fis-sens ta’ l-Artikolu 3(2) ta’ l-Att ta’ l-Adeżjoni ta’ l-2003,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    1.   Minkejja l-Artikoli 38, 40 u 46(1) tad-Deċiżjoni 2006/…/ĠAI, is-servizzi fl-Istati Membri responsabbli għall-ħruġ ta’ ċertifikati ta’ reġistrazzjoni tal-vetturi kif imsemmija fid-Direttiva 1999/37/KE, għandu jkollhom aċċess għad-data li ġejja mdaħħla fis-SIS II skond l-Artikolu 38(2)(a) (b) u (f) ta’ dik id-Deċiżjoni għall-iskop waħdieni li jivverifikaw jekk il-vetturi ppreżentati lilhom għar-reġistrazzjoni ġewx misruqa, miżapproprjati jew mitlufa jew huma meħtieġa bħala provi fi proċedimenti kriminali:

    (a)

    data dwar vetturi bil-mutur b’kapaċità ċilindrika li teċċedi 50 cc;

    (b)

    data dwar trejlers b'piż mingħajr tagħbija li jeċċedi 750 kg u karavans;

    (ċ)

    data dwar ċertifikati ta’ reġistrazzjoni tal-vetturi u pjanċi tan-numru ta’ vettura li ġew misruqa, miżapproprjati, mitlufa jew invalidati.

    Bla ħsara għall-paragrafu 2, il-liġi ta’ kull Stat Membru għandha tirregola l-aċċess għal dik id-data minn dawk is-servizzi ta’ dak l-Istat Membru.

    2.   Is-servizzi kif imsemmija fil-paragrafu 1 li huma servizzi tal-gvern għandu jkollhom id-dritt għall-aċċess dirett għad-data mdaħħla fis-SIS II.

    3.   Is-servizzi kif imsemmija fil-paragrafu 1 li mhumiex servizzi tal-gvern għandu jkollhom aċċess biss għad-data mdaħħla fis-SIS II permezz ta’ intermedjarju ta’ awtorità kif imsemmi fl-Artikolu 40 tad-Deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1. Dik l-awtorità għandu jkollha d-dritt ta’ aċċess dirett għad-data u għandha tgħaddih lis-servizz ikkonċernat. L-Istat Membru kkonċernat għandu jassigura li s-servizz in kwistjoni u l-impjegati tiegħu jintalbu jirrispettaw kwalunkwe limitazzjoni fuq l-użu permissibli ta’ data fdata lilhom mill-awtorità pubblika.

    4.   L-Artikolu 39 ta' dik id-Deċiżjoni m’għandux japplika għall-aċċess miksub skond dan l-Artikolu. Il-komunikazzjoni ta’ kwalunkwe informazzjoni li ġiet magħrufa permezz ta' l-aċċess għas-SIS II u li tqajjem suspett ta' reat kriminali ma’ l-awtoritajiet tal-pulizija u ġudizzjarji mis-servizzi kif imsemmi fil-paragrafu 1 għandha tkun regolata mil-liġi nazzjonali.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament jissostitwixxi l-Artikolu 102a tal-Konvenzjoni ta’ Schengen.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara li jkun ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mid-data stabbilita skond l-Artikolu 71(2) tad-Deċiżjoni 2006/…/ĠAI.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell,tat-18 ta' Diċembru 2006

    Għall-Parlament Ewropew

    Il–President

    J. BORRELL FONTELLES

    Għall-Kunsill

    Il–President

    J. KORKEAOJA


    (1)  ĠU C 65, 17.3.2006, p. 27.

    (2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Ottubru 2006 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2006 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (3)  ĠU L 138, 1.6.1999, p. 57. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2003/127/KE (ĠU L 10, 16.1.2004, p. 29).

    (4)  ĠU L …

    (5)  ĠU L …

    (6)  ĠU L 239, 22.9.2000, p. 19. Konvenzjoni kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1160/2005 (ĠU L 191, 22.7.2005, p. 18).

    (7)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31. Direttiva kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 (ĠU L 284, 31.10.2003, p.1).

    (8)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31.

    (9)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

    (10)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/849/KE tal-25 ta' Ottubru 2004 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja ta' ċerti dispożizzjonijiet tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera ma' l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta' l-acquis ta' Schengen (ĠU L 368, 15.12.2004, p. 26).

    (11)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/860/KE tal-25 ta' Ottubru 2004 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja ta' ċerti dispożizzjonijiet tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera ma' l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta' l-acquis ta' Schengen (ĠU L 370, 17.12.2004, p. 78).


    Top