Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006R1781

    Regolament (KE) Nru 1781/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 15 ta' Novembru 2006 dwar informazzjoni dwar il-pagatur, li għandha takkumpanja t-trasferimenti ta' fondi Test b'relevanza għaż-ŻEE.

    ĠU L 345, 8.12.2006, p. 1–9 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 25/06/2015; Revokat u sostitwit bi 32015R0847

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/1781/oj

    8.12.2006   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    1


    REGOLAMENT (KE) Nru 1781/2006 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tal-15 ta' Novembru 2006

    dwar informazzjoni dwar il-pagatur, li għandha takkumpanja t-trasferimenti ta' fondi

    (Test b'relevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidraw l-Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (1),

    Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

    Billi:

    (1)

    Il-flussi ta' flus minn sorsi illegali permezz ta' trasferimenti ta' fondi jistgħu jagħmlu ħsara lill-istabbiltà u lir-reputazzjoni tas-settur finanzjarju u jheddu s-suq intern. It-terroriżmu jheżżeż l-istess sisien tas-soċjetà tagħna. Is-saħħa, l-integrità u l-istabbiltà tas-sistema ta' trasferimenti ta' fondi u l-kunfidenza fis-sistema finanzjarja, mill-aspett globali tagħha, jistgħu jiġu pperikolati serjament bl-isforzi tal-kriminali u s-soċji tagħhom sabiex jgħattu l-oriġini ta' rikavat kriminali jew sabiex jittrasferixxu fondi għal skopijiet terroristiċi.

    (2)

    Sabiex jiffaċilitaw l-attivitajiet kriminali tagħhom, dawk li jipprattikaw il-money laundering u jiffinanzjaw lit-terroristi jistgħu jippruvaw jieħdu vantaġġ mil-libertà tal-movimenti ta' kapitali meħtieġa fiż-żona finanzjarja integrata, sakemm ma jiġux adottati ċerti miżuri ta' koordinament fil-livell Komunitarju. Permezz ta' l-iskala tagħha, l-azzjoni Komunitarja għandha tiżgura li r-Rakkomandazzjoni Speċjali VII dwar trasferimenti elettroniċi (SR VII) tat-Task Force għal Azzjoni Finanzjarja (FATF) stabbilita mis-Summit tal-G7 ta' Pariġi ta' l-1989 tiġi trasposta b'mod uniformi ma' l-Unjoni Ewropea kollha, u, b'mod partikolari, li ma jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni bejn pagamenti nazzjonali fi Stat Membru u pagamenti transkonfinali bejn Stati Membri. L-azzjoni mhux koordinata mill-Istati Membri waħedhom fil-qasam tat-trasferimenti transkonfinali tal-fondi tista' jkollha impatt sinifikattiv fuq il-funzjonament regolari tas-sistemi ta' pagament fil-livell ta' l-UE, u għalhekk tagħmel il-ħsara lis-suq intern fil-qasam tas-servizzi finanzjarji.

    (3)

    Wara l-attakki terroristiċi fl-Istati Uniti fil-11 ta' Settemrbu 2001, il-Kunsill Ewropew straordinarju fil-21 ta' Settembru 2001 tenna li l-ġlieda kontra t-terroriżmu hija għan ewlieni ta' l-Unjoni Ewropea. Il-Kunsill Ewropew approva pjan ta' azzjoni li jittratta t-tisħiħ tal-koperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija, l-iżvilupp ta' strumenti legali internazzjonali kontra t-terroriżmu, il-prevenzjoni tal-finanzjament tat-terroriżmu, it-tisħiħ tas-sigurtà fl-ajru u żieda fil-konsistenza bejn il-linji politiċi relevanti kollha. Dan il-pjan ta' azzjoni ġie rivedut mill-Kunsill Ewropew wara l-attakki terroristiċi tal-11 ta' Marzu 2004 f'Madrid, u issa jindirizza speċifikament il-bżonn li jiżgura li l-qafas leġiżlattiv maħluq mill-Komunità sabiex jiġi miġġieled it-terroriżmu u tiġi mtejba l-koperazzjoni ġudizzjarja jiġi adattat għad-disa' Rakkomandazzonijiet Speċjali kontra l-Finanzjament tat-Terroriżmu adottat mill-FATF.

    (4)

    Kontra l-finanzjament tat-terroriżmu, ttieħdu miżuri bl-għan li jkunu ffriżati fondi u riżorsi ekonomiċi ta' ċerti persuni, gruppi u entitajiet, inklużi r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2580/2001 (3) u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 (4). Għall-istess skop, ittieħdu miżuri bl-għan li tiġi protetta s-sistema finanzjarja kontra l-użu ta' fondi u riżorsi ekonomiċi għall-finijiet tat-terroriżmu. Id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) fiha numru ta' miżuri bl-għan li jiġi miġġieled l-abbuż tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-money laundering u tal-finanzjament tat-terroriżmu. Madankollu dawn il-miżuri ma jimpedixxux kompletament lit-terroristi u kriminali oħra milli jkollhom aċċess għal sistemi ta' pagament sabiex iċaqilqu l-fondi tagħhom.

    (5)

    Sabiex jiġi inkoraġġit approċċ koerenti fil-kuntest internazzjonali tal-ġlieda kontra l-money laundering u l-finanzjament tat-terroriżmu, azzjoni Komunitarja ulterjuri għandha tieħu kont ta' l-iżviluppi f'dak il-livell, jiġifieri tad-disa' Rakkomandazzjonijiet Speċjali kontra l-Finanzjament tat-Terroriżmu, adottati mill-FATF u partikolarment bl-SR VII, u tan-nota interpretattiva riveduta għall-implimentazzjoni tagħha.

    (6)

    It-traċċabbiltà sħiħa tat-trasferimenti ta' fondi tista' tkun għodda partikolarment importanti u valida fil-prevenzjoni, fl-investigazzjoni u fl-iskoperta tal-money laundering jew tal-finanzjament tat-terroriżmu. Għalhekk huwa xieraq, sabiex tkun żgurata t-trażmissjoni ta' l-informazzjoni dwar il-pagatur tul il-katina kollha ta' pagament, li tiġi stabbilita sistema li timponi l-obbligu fuq il-fornituri ta' servizzi ta' pagament li jiżguraw li t-trasferimenti ta' fondi jkunu akkumpanjati minn informazzjoni preċiża u utli dwar il-pagatur.

    (7)

    Id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament japplikaw bla ħsara għad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). Per eżempju, l-informazzjoni miġbura u miżmuma għall-finijiet ta' dan ir-Regolament ma għandhiex tintuża għal skopijiet kummerċjali.

    (8)

    Persuni li sempliċiment jaqilbu dokumenti tal-karta f'data elettronika u jaġixxu taħt kuntratt ma' fornitur ta' servizzi ta' pagament ma jaqgħux fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament; l-istess japplika għal kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tipprovdi lill-fornituri ta' servizzi ta' pagament biss ma' sistemi ta' messaġġi jew sistemi oħra ta' appoġġ għat-trażmissjoni ta' fondi jew ma' sistemi ta' ħlas u tas-saldu.

    (9)

    Huwa xieraq li trasferimenti ta' fondi li jirrappreżentaw riskju żgħir ta' money laundering jew tal-finanzjament tat-terroriżmu jkunu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Tali esklużjonijiet għandhom ikopru karti ta' kreditu jew debitu, ġbid ta' flus permezz ta' l-Automated Teller Machines (ATM), l-addebitament dirett, ċekkijiet “truncated”, pagamenti ta' taxxi, multi jew imposti oħra, u trasferimenti ta' fondi fejn kemm il-pagatur kif ukoll ir-riċevitur ikunu fornituri ta' servizzi ta' pagament li jaġixxu f'isimhom stess. Minbarra dan, sabiex ikunu riflessi l-karatteristiċi speċjali tas-sistemi nazzjonali ta' pagament, huwa xieraq li l-Istati Membri jkollhom id-dritt li jeżentaw il-pagamenti “giro” elettroniċi, sakemm ikun dejjem possibbli li t-trasferiment ta' fondi jiġi traċċat lura sal-pagatur. Fejn Stati Membri jkunu applikaw id-deroga għall-flus elettroniċi fid-Direttiva 2005/60/KE, din għandha tapplika taħt dan ir-Regolament, sakemm l-ammont tat-tranżazzjoni ma jeċċedix EUR 1 000.

    (10)

    L-eżenzjoni għall-flus elettroniċi, kif definit fid-Direttiva 2000/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), tkopri l-flus elettroniċi irrispettivament jekk dak li joħroġ tali flus jibbenefikax minn deroga taħt l-Artikolu 8 ta' dik id-Direttiva.

    (11)

    Sabiex ma jkunx hemm xkiel għall-effiċjenza tas-sistemi ta' pagament, għandhom jiġu separati r-rekwiżiti għall-verifika ta' trasferimenti ta' fondi magħmula minn kont u dawk għal trasferimenti ta' fondi mhux magħmul minn kontijiet. Sabiex ikunu bbilanċjati r-riskji li t-tranżazzjonijiet jibdew isiru bil-moħbi, minħabba l-impożizzjoni ta' rekwiżiti eċċessivament stretti ta' identifikazzjoni, mat-theddida terroristika potenzjali ppreżentata minn trasferimenti żgħar ta' fondi, l-obbligu li jiġi verifikat jekk l-informazzjoni dwar il-pagatur hijiex preċiża għandu, fil-każ ta' trasferimenti ta' fondi li ma jsirux minn kont, jkun applikat biss fuq trasferimenti ta' fondi individwali ta' aktar minn EUR 1 000, bla ħsara għall-obbligi taħt id-Direttiva 2005/60/KE. Għal trasferimenti ta' fondi magħmula minn kont, il-fornituri tas-servizzi ta' pagament ma għandhomx ikunu meħtieġa jivverifikaw l-informazzjoni dwar il-pagatur li takkumpanja kull trasferiment ta' fondi fejn l-obbligi taħt id-Direttiva 2005/60/KE ikunu sodisfatti.

    (12)

    Fl-isfond tar-Regolament (KE) Nru 2560/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) u tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Qafas Legali Ġdid għall-Ħlasijiet fis-Suq Intern”, huwa biżżejjed li jkun hemm dispożizzjoni li t-trasferimenti ta' fondi fil-Komunità jridu jkunu akkumpanjati minn informazzjoni simplifikata dwar il-pagatur.

    (13)

    Sabiex l-awtoritajiet responsabbli mill-ġlieda kontra l-money laundering jew il-finanzjament tat-terroriżmu f'pajjiżi terzi jkunu jistgħu jittraċċaw is-sors ta' fondi użati għal dawk l-għanijiet, it-trasferimenti ta' fondi mill-Komunità 'il barra mill-Komunità għandhom ikunu akkumpanjati minn informazzjoni kompleta dwar il-pagatur. Dawk l-awtorijiet għandhom jingħataw aċċess għal informazzjoni kompleta dwar il-pagatur għandha tingħata biss għall-finijiet ta' prevenzjoni, investigazzjoni, u skoperta ta' money laundering jew finanzjament tat-terroriżmu.

    (14)

    Sabiex it-trasferimenti ta' fondi minn pagatur uniku lil diversi riċevituri jintbagħtu b'mod ekonomiku f'lottijiet skedati li jikkontjenu trasferimenti individwali mill-Komunità lejn barra mill-Komunità, għandu jsir provvediment sabiex tali trasferimenti individwali jikkontjenu biss in-numru tal-kont tal-pagatur jew identifikatur uniku, sakemm il-lott skedat jikkontjeni informazzjoni kompleta dwar il-pagatur.

    (15)

    Sabiex ikun iċċekkjat jekk l-informazzjoni meħtieġa dwar il-pagatur takkumpanjax it-trasferimenti tal-fondi, u sabiex tingħata għajnuna fl-identifikazzjoni ta' transazzjonijiet suspettużi, il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tar-riċevitur għandu jkollu proċeduri effettivi stabbiliti sabiex jiġi skopert jekk ikunx hemm nuqqas ta' informazzjoni dwar il-pagatur.

    (16)

    Minħabba t-theddida potenzjali tal-finanzjament tat-terroriżmu ppreżentata mit-trasferimenti anonimi, għandu jkun possibbli għall-fornitur tas-servizzi ta' pagament tar-riċevitur li jevita jew jikkorreġi dawn is-sitwazzjonijiet meta jsir konxju li l-informazzjoni dwar il-pagatur ma tkunx kompleta. F'dan ir-rigward, għandha tkun permessa ċerta flessibbiltà fir-rigward ta' l-estensjoni ta' l-informazzjoni dwar il-pagatur fuq il-bażi tal-perċezzjoni tar-riskju. Addizzjonalment, il-preċiżjoni u l-kompletezza ta' l-informazzjoni dwar il-pagatur għandha tibqa' r-responsabbiltà tal-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-pagatur. Fil-każ fejn il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-pagatur ikun ibbażat barra mit-territorju tal-Komunità, għandha tiġi applikata b'mod imsaħħaħ id-diliġenza dovuta mal-klijent, konformement mad-Direttiva 2005/60/KE, fir-rigward ta' relazzjonijiet bankarji transkonfinali korrispondenti ma' dak il-fornitur ta' servizzi ta' pagament.

    (17)

    Fejn tingħata gwida mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali fir-rigward ta' l-obbligi jew sabiex jiġu rrifjutati l-pagamenti kollha mingħand fornitur tas-servizzi ta' pagament li regolarment jonqos milli jipprovdi l-informazzjoni meħtieġa dwar il-pagatur jew sabiex jiġi deċiż jekk tiġix jew le ristretta jew mitmuma relazzjoni ta' negozju mal-fornitur tas-servizzi ta' pagament, tali gwida għandha, inter alia, tkun ibbażata fuq il-konverġenza ta' l-aħjar prattika, u għandha wkoll tqis li n-nota interpretattiva riveduta għal SR VII tal-FATF tippermetti pajjiżi terzi biex jistipulaw limitu ta' EUR 1 000 jew USD 1 000 għall-obbligu li tintbagħat informazzjoni lill-pagatur, bla ħsara għall-objettiv li jiġu effikaċement miġġielda l-money laundering u l-finanzjament tat-terroriżmu.

    (18)

    Fi kwalunkwe eventwalità, il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tar-riċevitur għandu jeżerċita viġilanza speċjali, billi jagħmel stima tar-riskji, meta jsir konxju li l-informazzjoni dwar il-pagatur hija nieqsa jew mhijiex kompleta, u għandu jirrapporta tranżazzjonijiet suspettużi lill-awtoritajiet kompetenti konformement ma' l-obbligi ta' rappurtar stipulati fid-Direttiva 2005/60/KE u fil-miżuri implimentattivi nazzjonali.

    (19)

    Id-dispożizzjonijiet dwar trasferimenti ta' fondi fejn informazzjoni dwar il-pagatur tkun nieqsa jew ma tkunx kompluta għandhom japplikaw bla ħsara għal kwalunkwe obbligu tal-fornituri tas-servizzi ta' pagament li jissospendu jew jirrifjutaw trasferimenti ta' fondi li jiksru dispożizzjonijiet tal-liġi ċivili, amministrattiva jew kriminali.

    (20)

    Sakemm jitneħħew il-limitazzjonijiet tekniċi li jistgħu jżommu fornituri intermedjarji ta' servizzi ta' pagament milli jissodisfaw l-obbligu li jittrasmettu l-informazzjoni kollha riċevuta minnhom dwar il-pagatur, dawk il-fornituri intermedjarji ta' servizzi ta' pagament għandhom iżommu rekord ta' dik l-informazzjoni. Tali limitazzjonijiet tekniċi għandhom jitneħħew hekk kif is-sistemi ta' pagament jiġu mtejba.

    (21)

    Ladarba, fl-investigazzjonijiet kriminali l-identifikazzjoni tad-data meħtieġa jew ta' l-individwi involuti tista' ma tkunx possibbli sa ħafna xhur, jew anke snin, wara t-trasferiment oriġinali tal-fondi, il-fornituri ta' servizzi ta' pagament għandhom iżommu rekord ta' l-informazzjoni dwar il-pagatur għall-finijiet ta' prevenzjoni, investigazzjoni u skoperta tal-money laundering u tal-finanzjament tat-terroriżmu. Dan il-perjodu għandu jkun limitat.

    (22)

    Sabiex tkun possibbli azzjoni immedjata fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-fornituri ta' servizzi ta' pagament għandhom jirrispondu immedjatament talbiet għal informazzjoni dwar il-pagatur mill-awtoritajiet responsabbli mill-ġlieda kontra l-money laundering jew il-finanzjament tat-terroriżmu fl-Istat Membru fejn jinsabu.

    (23)

    In-numru ta' ġranet ta' xogħol fl-Istat Membru tal-fornitur tas-servizz ta' pagament tal-pagatur jiddetermina n-numru ta' ġranet li matulhom tingħata tweġiba għal talbiet għal informazzjoni dwar il-pagatur.

    (24)

    Minħabba l-importanza tal-ġlieda kontra l-money laundering u l-finanzjament tat-terroriżmu, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi fil-liġi nazzjonali tagħhom kontra n-nuqqas ta' konformità ma' dan ir-Regolament.

    (25)

    Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat implimentattivi konferiti lill-Kummissjoni (9).

    (26)

    Numru ta' pajjiżi u territorji li ma jiffurmawx parti mit-territorju tal-Komunità qegħdin f'unjoni monetarja ma' Stat Membru jew jiffurmaw parti miż-żona monetarja ta' Stat Membru jew iffirmaw konvenzjoni monetarja mal-Komunità Ewropea rappreżentati minn Stat Membru u għandhom fornituri ta' servizzi ta' pagament li jipparteċipaw direttament jew indirettament fis-sistemi ta' pagament u ta' kumpens ta' dak l-Istat Membru. Sabiex tkun evitata l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għal trasferimenti ta' fondi bejn l-Istati Membri kkonċernati u dawk il-pajjiżi jew territorji li jkollhom effett negattiv sinifikattiv fuq l-ekonomiji ta' dawk il-pajjiżi jew territorji, hu xieraq li jsir provvediment għall-possibbiltà li tali trasferimenti ta' fondi jkunu trattati bħala trasferimenti ta' fondi fl-Istat Membru kkonċernat.

    (27)

    Sabiex ma jiġux skoraġġati donazzjonijiet għal skopijiet karitattivi, l-Istati Membri għandhom ikunu awtorizzati jeżentaw fornituri ta' servizzi ta' pagament li jinsabu fit-territorju tagħhom milli jiġbru, jivverifikaw, jirreġistraw, jew jibagħtu informazzjoni dwar il-pagatur għal trasferimenti ta' fondi sa l-ammont massimu ta' EUR150 magħmula fl-istess territorju ta' dak l-Istat Membru. Din l-għażla għandha wkoll tingħata skond ir-rekwiżiti li jridu jkunu sodisfatti minn organizzazzjonijiet li joperaw mingħajr skop ta' qligħ sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jiżguraw li din l-eżenzjoni ma tippermettix abbuż minn terroristi bħala kopertura jew bħala mezz ta' faċilitazzjoni tal-finanzjament ta' l-attivitajiet tagħhom.

    (28)

    Ladarba l-għanijiet ta' dan ir-Regolament ma jistgħux jinkisbu suffiċjentement mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk, minħabba l-iskala jew l-effetti ta' l-azzjoni, jinkisbu aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri, konformement mal-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Konformement mal-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

    (29)

    Sabiex ikun stabbilit approċċ koerenti fil-qasam tal-ġlieda kontra l-money laundering u l-finanzjament tat-terroriżmu, id-dispożizzjonijiet ewlenin ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw mill-istess data bħad-dispożizzjonijiet relevanti adottati fil-livell internazzjonali,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    KAPITOLU I

    SUĠĠETT, DEFINIZZJONIJIET U KAMP TA' APPLIKAZZJONI

    Artikolu 1

    Suġġett

    Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dwar l-informazzjoni dwar il-pagatur li għandha takkumpanja t-trasferimenti ta' fondi għall-finijiet tal-prevenzjoni, ta' l-investigazzoni u ta' l-iskoperta tal-money laundering u tal-finanzjament tat-terroriżmu.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    1)

    “finanzjament tat-terroriżmu” tfisser l-għoti jew il-ġbir ta' fondi fis-sens ta' l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 2005/60/KE;

    2)

    “money laundering” tfisser kwalunkwe mġieba li, meta ssir bil-ħsieb, hi meqjusa bħala money laundering għall-finijiet ta' l-Artikolu 1(2) jew (3) tad-Direttiva 2005/60/KE;

    3)

    “pagatur” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tkun id-detentur ta' kont u li jippermetti trasferiment ta' fondi minn dak il-kont, jew, fejn ma jkunx hemm kont, persuna fiżika jew ġuridika li tagħmel ordni ta' trasferiment ta' fondi;

    4)

    “riċevitur” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tkun ir-riċevitur finali maħsub tal-fondi trasferiti;

    5)

    “fornitur ta' servizzi ta' pagament” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li n-negozju tagħha jinkludi l-provvista ta' servizzi ta' trasferiment ta' fondi;

    6)

    “fornitur intermedjarju ta' servizzi ta' pagament” tfisser fornitur ta' servizzi ta' pagament li jkun la tal-pagatur u lanqas tar-riċevitur, u li jipparteċipa fl-eżekuzzjoni tat-trasferimenti tal-fondi;

    7)

    “trasferiment ta' fondi” tfisser kwalunkwe tranżazzjoni magħmula f'isem pagatur permezz ta' fornitur ta' servizzi ta' pagament b'mezzi elettroniċi, bil-ħsieb li jqiegħed fondi għad-dispożizzjoni ta' riċevitur għand fornitur ta' servizzi ta' pagament, irrispettivament jekk il-pagatur u r-riċevitur ikunux l-istess persuna;

    8)

    “trasferiment ta' lott skedat” tfisser diversi trasferimenti individwali ta' fondi li jinġabru flimkien għat-trażmissjoni;

    9)

    “identifikatur uniku” tfisser kombinazzjoni ta' ittri, numri jew simboli, stabbiliti mill-fornitur ta' servizzi ta' pagament, konformement mal-protokolli tas-sistema ta' pagament u ta' kumpens jew tas-sistema ta' messaġġi li tintuża sabiex isir it-trasferiment ta' fondi.

    Artikolu 3

    Kamp ta' applikazzjoni

    1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għal trasferimenti ta' fondi, fi kwalunkwe munita, li jintbagħtu jew li jiġu riċevuti minn fornitur ta' servizzi ta' pagament stabbilit fil-Komunità.

    2.   Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal trasferimenti ta' fondi li jsiru permezz ta' karta ta' kreditu jew ta' debitu, sakemm:

    (a)

    il-pagatur ikollu ftehim mal-fornitur tas-servizzi ta' pagament li jippermettilu li jħallas għall-fornitura ta' prodotti u servizzi;

    u

    (b)

    identifikatur uniku, li jippermetti li t-tranżazzjoni tkun traċċata lura lill-pagatur, jakkumpanja t-trasferimenti ta' tali fondi.

    3.   Fejn Stat Membru jagħżel li japplika d-deroga stipulata fl-Artikolu 11(5)(d) tad-Direttiva 2005/60/KE, dan ir-Regolament ma għandux jiġi applikat għal trasferimenti ta' fondi bl-użu ta' flus elettroniċi koperti minn dik id-deroga, ħlief fejn l-ammont trasferit jaqbeż EUR 1 000.

    4.   Bla ħsara għall-paragrafu 3, dan ir-Regolament ma għandux japplika għal trasferimenti ta' fondi li jsiru permezz ta' telefon ċellulari jew kwalunkwe apparat ieħor diġitali jew informatiku, meta tali trasferimenti jkunu mħallsa minn qabel u ma jaqbiżx EUR 150.

    5.   Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal trasferimenti ta' fondi li jsiru permezz ta' telefon ċellulari jew kwalunkwe apparat ieħor diġitali jew informatiku, meta tali trasferimenti jitħallsu wara u jissodisfaw il-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

    (a)

    ir-riċevitur ikollu ftehim mal-fornitur tas-servizzi ta' pagament li jippermettilu li jħallas għall-fornitura ta' prodotti u servizzi;

    (b)

    identifikatur uniku, li jippermetti li t-tranżazzjoni tkun traċċata lura lill-pagatur, jakkumpanja t-trasferiment tal-fondi;

    u

    (ċ)

    il-fornitur tas-servizzi ta' pagament ikun suġġett għall-obbligi stipulati fid-Direttiva 2005/60/KE.

    6.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx dan ir-Regolament għal trasferimenti ta' fondi f'dak l-Istat Membru f'kont ta' riċevitur li jippermetti ħlas għall-fornitura ta' prodotti u servizzi jekk:

    (a)

    il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tar-riċevitur ikun suġġett għall-obbligi stipulati fid-Direttiva 2005/60/KE;

    (b)

    il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-pagatur ikun, permezz ta' identifikatur uniku ta' referenza, jista' jittraċċa, mir-riċevitur, it-trasferiment ta' fondi mill-persuna ġuridika jew fiżika li jkollha ftehim mar-riċevitur għall- fornitura ta' prodotti u servizzi;

    u

    (ċ)

    l-ammont tat-tranżazzjoni ikun ta' EUR 1 000 jew inqas.

    L-Istati Membri li jagħmlu użu minn din id-deroga għandhom jinfurmaw b'dan lill-Kummissjoni.

    7.   Dan ir-Regolament ma japplikax għal trasferimenti ta' fondi:

    (a)

    fejn il-pagatur jiġbed flus mill-kont tiegħu stess;

    (b)

    fejn ikun hemm awtorizzazzjoni għal trasferiment ta' debitu bejn żewġ partijiet li tippermetti pagamenti bejniethom permezz ta' kontijiet, sakemm ikun hemm identifikatur uniku li jakkumpanja t-trasferiment tal-fondi, sabiex jippermetti li l-persuna ġuridika jew fiżika tkun traċċata;

    (ċ)

    fejn jintużaw ċekkijiet “truncated”;

    (d)

    lill-awtoritajiet pubbliċi għal taxxi, multi jew imposti oħra fi Stat Membru;

    (e)

    fejn kemm il-pagatur kif ukoll ir-riċevitur ikunu fornituri ta' servizzi ta' pagament, li jaġixxu f'isimhom stess.

    KAPITOLU II

    L-OBBLIGI TAL-FORNITUR TA' SERVIZZI TA' PAGAMENT TAL-PAGATUR

    Artikolu 4

    Informazzjoni kompleta dwar il-pagatur

    1.   L-informazzjoni kompleta dwar il-pagatur għandha tikkonsisti fl-isem, fl-indirizz u fin-numru tal-kont tiegħu.

    2.   L-indirizz jista' jiġi sostitwit bid-data u bil-post tat-twelid tal-pagatur, bin-numru ta' identifikazzjoni tiegħu bħala klijent jew bin-numru ta' l-identità nazzjonali tiegħu.

    3.   Fejn il-pagatur ma jkollux numru ta' kont, il-fornitur ta' servizzi ta' pagament tal-pagatur għandu jibdlu b'identifikatur uniku li jippermetti li t-tranżazzjoni tkun traċċata lura sal-pagatur.

    Artikolu 5

    L-informazzjoni li takkumpanja trasferimenti ta' fondi u żamma ta' reġistri

    1.   Il-fornituri ta' servizzi ta' pagament għandhom jiżguraw li t-trasferimenti ta' fondi jkunu akkumpanjati minn informazzjoni kompleta dwar il-pagatur.

    2.   Il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-pagatur għandu, qabel jittrasferixxi l-fondi, jivverifika l-informazzjoni kompleta dwar il-pagatur abbażi tad-dokumenti, tad-data u ta' l-informazzjoni miksuba minn sors affidabbli u indipendenti.

    3.   Fil-każ ta' trasferimenti ta' fondi minn kont, il-verifika tista' titqies li saret jekk:

    (a)

    l-identita ta' pagatur tkun ġiet verifikata b'konnessjoni mal-ftuħ tal-kont u l-informazzjoni miksuba permezz ta' din il-verifika tkun ġiet reġistrata konformement ma' l-obbligi stipulati fl-Artikoli 8(2) u 30(a) tad-Direttiva 2005/60/KE;

    jew

    (b)

    il-pagatur jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 9(6) tad-Direttiva 2005/60/KE.

    4.   Madankollu, bla ħsara għall-Artikolu 7(ċ) tad-Direttiva 2005/60/KE, fil-każ ta' trasferimenti ta' fondi li ma jsirux minn kont, il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-pagatur għandu jivverifika l-informazzjoni dwar il-pagatur biss fejn l-ammont ikun jaqbeż EUR 1 000, sakemm it-tranżazzjoni ma ssirx f'diversi operazzjonijiet li jidhru konnessi u li flimkien jaqbżu EUR 1 000.

    5.   Il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-pagatur għandu għal ħames snin iżomm rekord ta' l-informazzjoni kompleta dwar il-pagatur li takkumpanja trasferimenti ta' fondi.

    Artikolu 6

    Trasferimenti ta' fondi fil-Komunità

    1.   Bħala deroga mill-Artikolu 5(1), fejn kemm il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-pagatur kif ukoll il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tar-riċevitur ikunu bbażati fil-Komunità, it-trasferimenti ta' fondi għandhom ikunu meħtieġa li jkunu akkumpanjati biss min-numru tal-kont tal-pagatur jew minn identifikatur uniku li jippermetti li t-tranżazzjoni tkun traċċata lura sal-pagatur.

    2.   Madankollu, jekk hekk ikun mitlub mill-fornitur tas-servizzi ta' pagament tar-riċevitur, il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-pagatur għandu jagħmel disponibbli lill-fornitur tas-servizzi ta' pagament tar-riċevitur l-informazzjoni kompleta dwar il-pagatur, fi żmien tlitt ijiem ta' xogħol minn meta jirċievi dik it-talba.

    Artikolu 7

    Trasferimenti ta' fondi mill-Komunità 'il barra mill-Komunità

    1.   It-trasferimenti ta' fondi fejn il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tar-riċevitur jinsab barra mill-Komunità għandhom ikunu akkumpanjati minn informazzjoni kompleta dwar il-pagatur.

    2.   Fil-każ ta' trasferimenti ta' lottijiet skedati minn pagatur uniku fejn il-fornituri tas-servizz ta' pagament tar-riċevituri jinsabu barra mill-Komunità, il-paragrafu 1 ma għandux japplika għat-trasferimenti individwali miġbura flimkien fiha, sakemm il-lott skedat ikun fih dik l-informazzjoni u t-trasferimenti individwali ikunu akkumpanjati min-numru tal-kont tal-pagatur jew minn identifikatur uniku.

    KAPITOLU III

    L-OBBLIGI TAL-FORNITUR TA' SERVIZZI TA' PAGAMENT TAR-RIĊEVITUR

    Artikolu 8

    L-iskoperta ta' informazzjoni nieqsa dwar il-pagatur

    Il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tar-riċevitur għandu jiskopri jekk, fis-sistema ta' messaġġi jew ta' pagament u kumpens użati sabiex isir trasferiment ta' fondi, l-oqsma rigward l-informazzjoni dwar il-pagatur imtlewx bl-użu tal-karattri jew inputs ammissibbli skond il-prattika ta' dik is-sistema ta' messaġġi jew ta' pagamenti u kumpens. Tali fornitur għandu jkollu proċeduri effettivi stabbiliti li jiskopru jekk l-informazzjoni li ġejja dwar il-pagatur tkunx nieqsa:

    (a)

    għal trasferimenti ta' fondi fejn il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-pagatur ikun jinsab fil-Komunità, l-informazzjoni meħtieġa taħt l-Artikolu 6;

    (b)

    għal trasferimenti ta' fondi fejn il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-pagatur ikun jinsab barra mill-Komunità, informazzjoni kompleta dwar il-pagatur kif imsemmi fl-Artikolu 4, jew, fejn ikun applikabbli, l-informazzjoni meħtieġa taħt l-Artikolu 13;

    u

    (ċ)

    għal trasferimenti ta' lottijiet skedati fejn il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-pagatur ikun jinsab barra mill-Komunita, informazzjoni kompleta dwar il-pagatur kif imsemmi fl-Artikolu 4 fit-trasferiment biss ta' lott skedat, iżda mhux fit-trasferimenti individwali miġbura fih.

    Artikolu 9

    Trasferimenti ta' fondi b'informazzjoni nieqsa jew mhux kompleta dwar il-pagatur

    1.   Jekk il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tar-riċevitur isir jaf, meta jirċievi trasferimenti ta' fondi, li l-informazzjoni dwar il-pagatur meħtieġa taħt dan ir-Regolament mhijiex kompleta, għandu jew jirrifjuta t-trasferiment jew jitlob informazzjoni kompleta dwar il-pagatur. Fil-każijiet kollha, il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tar-riċevitur għandu jkun konformi ma' kull liġi jew dispożizzjoni amministrattiva applikabbli relatata mal-money laundering jew mal-finanzjament tat-terroriżmu, partikolarment ir-Regolamenti (KE) Nru 2580/2001 u (KE) Nru 881/2002, id-Direttiva 2005/60/KE, u kull miżura implimentattiva nazzjonali.

    2.   Fejn fornitur ta' servizzi ta' pagament jonqos regolarment milli jagħti l-informazzjoni meħtieġa dwar il-pagatur, il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tar-riċevitur għandu jieħu passi, li għall-ewwel jistgħu jinkludu l-ħruġ ta' twissijiet u l-istipular ta' skadenzi, qabel jirrifjuta kwalunkwe trasferimenti futuri ta' fondi mingħand dak il-fornitur ta' servizzi ta' pagament jew jiddeċiedi jekk jirrestrinġix jew itemm ir-relazzjoni ta' negozju tiegħu ma' dak il-fornitur ta' servizzi ta' pagament jew le.

    Il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tar-riċevitur għandu jinforma lill-awtoritajiet responsabbli mill-ġlieda kontra l-money laundering jew il-finanzjament tat-terroriżmu.

    Artikolu 10

    Valutazzjoni bbażata fuq ir-riskju

    Il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tar-riċevitur għandu jikkunsidra l-informazzjoni li tkun nieqsa jew ma tkunx kompleta dwar il-pagatur bħala fattur fil-valutazzjoni jekk it-trasferiment tal-fondi, jew kwalunkwe tranżazzjoni relatata, hijiex suspettuża, u jekk għandhiex tiġirappurtata, skond l-obbligi stabbiliti fil-Kapitolu III tad-Direttiva 2005/60/KE, lill-awtoritajiet responsabbli mill-ġlieda kontra l-money laundering jew il-finanzjament tat-terroriżmu.

    Artikolu 11

    Iż-żamma tar-reġistri

    Il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tar-riċevitur għandu għal ħames snin iżomm rekord ta' kwalunkwe informazzjoni li tasal dwar il-pagatur.

    KAPITOLU IV

    L-OBBLIGI TA' FORNITURI INTERMEDJARJI TA' SERVIZZI TA' PAGAMENT

    Artikolu 12

    Iż-żamma ta' l-informazzjoni dwar il-pagatur mat-trasferiment

    Il-fornituri intermedjarji ta' servizzi ta' pagament għandhom jiżguraw li l-informazzjoni kollha li jirċievu dwar il-pagatur li takkumpanja trasferimenti ta' fondi tinżamm mat-trasferiment.

    Artikolu 13

    Limitazzjonijiet tekniċi

    1.   Dan l-Artikolu għandu japplika fejn il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-pagatur jinsab barra mill-Komunità u l-fornitur intermedjarju tas-servizzi ta' pagament jinsab fil-Komunità.

    2.   Sakemm il-fornitur intermedjarju tas-servizzi ta' pagament ma jsirx jaf, meta jirċievi trasferiment ta' fondi, li l-informazzjoni dwar il-pagatur meħtieġa taħt dan ir-Regolament tkun nieqsa jew mhux kompleta, huwa jista' juża sistema ta' pagament b'limitazzjonijiet tekniċi li timpedixxi li informazzjoni dwar il-pagatur takkumpanja t-trasferiment ta' fondi sabiex jagħmel trasferimenti ta' fondi lill-fornitur tas-servizzi ta' pagament tar-riċevitur.

    3.   Fejn il-fornitur intermedjarju tas-servizzi ta' pagament isir jaf, meta jirċievi trasferiment ta' fondi, li l-informazzjoni dwar il-pagatur meħtieġa taħt dan ir-Regolament tkun nieqsa jew mhux kompleta, huwa għandu juża sistema ta' pagament b'limitazzjonijiet tekniċi biss jekk ikun jista' jinforma lill-fornitur tas-servizzi ta' pagament tar-riċevitur b'dan, fi ħdan sistema ta' messaġġi jew ta' pagament li tagħmel possibbli l-komunikazzjoni ta' dan il-fatt jew permezz ta' proċedura oħra, sakemm il-metodu ta' komunikazzjoni ikun aċċettat minn, jew miftiehem bejn, iż-żewġ fornituri tas-servizzi ta' pagament.

    4.   Fejn il-fornitur intermedjarju tas-servizzi ta' pagament juża sistema ta' pagament b'limitazzjonijiet tekniċi, il-fornitur intermedjarju tas-servizzi ta' pagament għandu, fuq talba mill-fornitur tas-servizzi ta' pagament tar-riċevitur, jagħmel disponibbli lil dak il-fornitur ta' servizzi ta' pagament l-informazzjoni kollha dwar il-pagatur li huwa jkun irċieva, irrispettivament jekk din tkunx kompleta jew le, fi żmien tlitt ijiem ta' xogħol minn meta jirċievi dik it-talba.

    5.   Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafi 2 u 3, il-fornitur intermedjarju tas-servizzi ta' pagament għandu għal ħames snin iżomm rekord ta' l-informazzjoni kollha li jkun irċieva.

    KAPITOLU V

    OBBLIGI ĠENERALI U SETGĦAT IMPLIMENTATTIVI

    Artikolu 14

    Obbligi ta' Koperazzjoni

    Il-fornituri ta' servizzi ta' pagament għandhom jirrispondu b'mod sħiħ u mingħajr dewmien, konformement mar-rekwiżiti proċedurali stabbiliti fil-liġi nazzjonali ta' l-Istat Membru li jinsabu fih, għall-mistoqsijiet mill-awtoritajiet responsabbli mill-ġlieda kontra l-money laundering jew il-finanzjament tat-terroriżmu ta' dak l-Istat Membru li jikkonċernaw l-informazzjoni dwar il-pagatur li takkumpanja t-trasferimenti ta' fondi u l-informazzjoni reġistrata korrispondenti.

    Bla ħsara għal-liġi kriminali nazzjonali u għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, dawk l-awtoritajiet jistgħu jużaw dik l-informazzjoni biss għall-finijiet ta' prevenzjoni, investigazzjoni jew skoperta tal-money laundering jew tal-finanzjament tat-terroriżmu.

    Artikolu 15

    Pieni u monitoraġġ

    1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-pieni applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jassiguraw li dawn jiġu implimentati. Tali pieni għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. Għandhom japplikaw mill-15 ta' Diċembru 2007.

    2.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar ir-regoli msemmija fil-paragrafu 1, kif ukoll dwar l-awtoritajiet responsabbli mill-applikazzjoni tagħhom, sa mhux aktar tard mill-14 ta' Diċembru 2007, u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien bi kwalunkwe emenda sussegwenti li tolqothom.

    3.   L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-awtoritajiet kompetenti jimmonitorjaw b'mod effettiv, u jieħdu l-miżuri neċessarji bil-għan li jiżguraw il-konformità mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 16

    Proċedura ta' Kumitat

    1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat dwar il-Prevenzjoni tal-Money Laundering u tal-Finanzjament tat-Terroriżmu stabbilit bid-Direttiva 2005/60/KE, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Kumitat”.

    2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b'kont meħud tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha u sakemm il-miżuri implimentattivi adottati skond din il-proċedura ma jimmodifikawx id-dispożizzjonijiet essenzjali ta' dan ir-Regolament.

    Il-perjodu previst fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta' tliet xhur.

    KAPITOLU VI

    DEROGI

    Artikolu 17

    Ftehim ma' territorji jew pajjiżi li ma jifformawx parti mit-territorju tal-Komunità

    1.   Il-Kummissjoni tista' tawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru sabiex jikkonkludi ftehim, taħt arranġamenti nazzjonali, ma' pajjiż jew territorju li ma jifformax parti mit-territorju tal-Komunità kif determinat skond l-Artikolu 299 tat-Trattat, li jinkludu derogi minn dan ir-Regolament, sabiex jippermettu li t-trasferimenti ta' fondi bejn dak il-pajjiż jew territorju u l-Istat Membru konċernat ikunu meqjusa bħala trasferimenti ta' fondi f'dak l-Istat Membru.

    Dawn il-ftehim jistgħu jkunu awtorizzati biss jekk:

    (a)

    il-pajjiż jew territorju konċernat ikun f'unjoni monetarja ma' l-Istat Membru konċernat jew jifforma parti miż-żona monetarja ta' dak l-Istat Membru jew ikun iffirma Konvenzjoni Monetarja mal-Komunità Ewropea rappreżentat minn Stat Membru;

    (b)

    il-fornituri ta' servizzi ta' pagament fil-pajjiż jew territorji konċernati jipparteċipaw direttament jew indirettament fis-sistemi ta' pagament u ta' kumpens f'dak l-Istat Membru;

    u

    (ċ)

    il-pajjiż jew territorju konċernat jeżiġi li l-fornituri tas-servizzi ta' pagament taħt il-ġuriżdizzjoni tiegħu japplikaw l-istess regoli bħal dawk stabbiliti taħt dan ir-Regolament.

    2.   Kwalunkwe Stat Membru li jixtieq jikkonkludi xi ftehim kif imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jibgħat applikazzjoni lill-Kummissjoni u jagħtiha l-informazzjoni kollha meħtieġa.

    Hekk kif il-Kummissjoni tirċievi applikazzjoni minn Stat Membru, it-trasferimenti ta' fondi bejn dak l-Istat Membru u l-pajjiż jew it-territorju konċernat għandhom ikunu provviżorjament trattati bħala trasferimenti ta' fondi f'dak l-Istat Membru, sakemm tittieħed deċiżjoni skond il-proċedura stabbilita f'dan l-Artikolu.

    Jekk il-Kummissjoni tikkunsidra li ma għandhiex l-informazzjoni kollha neċessarja, għandha tikkuntattja lill-Istat Membru konċernat fi żmien xahrejn minn meta tirċievi l-appplikazzjoni u tispeċifika l-informazzjoni addizzjonali meħtieġa.

    Ladarba l-Kummissjoni jkollha l-informazzjoni kollha li tikkunsidra neċessarja għall-valutazzjoni tat-talba, hija għandha fi żmien xahar tinnotifika skond il-każ lill-Istat Membru li jagħmel it-talba u għandha tittrasmetti tali talba lill-Istati Membri l-oħra.

    3.   Fi żmien tliet xhur min-notifika msemmija fir-raba' subparagrafu tal-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 16(2), jekk tippermettix lill-Istat Membru konċernat sabiex jikkonkludi l-ftehim imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

    Fi kwalunkwe eventwalità, għandha tiġi adottata deċiżjoni kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu fi żmien 18-il xahar mir-riċezzjoni ta' l-applikazzjoni mill-Kummissjoni.

    Artikolu 18

    Trasferimenti ta' fondi lil organizzazzjonijiet li joperaw mingħajr skop ta' qligħ fi Stat Membru

    1.   L-Istati Membri jistgħu jeżentaw fornituri ta' servizzi ta' pagament li jinsabu fit-territorju tagħhom mill-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 5, fir-rigward ta' trasferimenti ta' fondi lil organizzazzonijiet li jwettqu attivitajiet mingħajr skop ta' qligħ għal finijiet karitattivi, reliġjużi, kulturali, edukattivi, soċjali, xjentifiċi jew fraterni, sakemm dawk l-organizzazzjonijiet ikunu suġġetti għal rekwiżiti ta' rappurtar u ta' verifika esterna jew għal superviżjoni minn awtorità pubblika jew minn korp awto-regolatorju rikonoxxut taħt il-liġi nazzjonali u dawk it-trasferimenti ta' fondi jkunu limitati għal ammont massimu ta' EUR 150 kull trasferiment u jsiru esklussivament fit-territorju ta' dak l-Istat Membru.

    2.   L-Istati Membri li jagħmlu użu minn dan l-Artikolu għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-miżuri li jkunu adottaw sabiex japplikaw il-fakultà prevista fil- paragrafu 1, inkluża lista ta' organizzazzjonijiet koperti mill-eżenzjoni, l-ismijiet tal-persuni fiżiċi li finalment jikkontrollaw dawk l-organizzazzjonijiet u spjegazzjoni dwar kif tiġi aġġornata l-lista. Din l-informazzjoni għandha titqiegħed ukoll għad-dispożizzjoni ta' l-awtoritajiet responsabbli mill-ġlieda kontra l-money laundering u l-finanzjament tat-terroriżmu.

    3.   Għandha tiġi komunikata mill-Istat Membru konċernat lista aġġornata ta' l-organizzazzjonijiet koperti minn din l-eżenzjoni lill-fornituri ta' servizzi ta' pagament li joperaw f'dak l-Istat Membru.

    Artikolu 19

    Klawsola ta' reviżjoni

    1.   Sa 28 ta' Diċembru 2011 Ħames snin wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill b'valutazzjoni sħiħa ekonomika u legali ta' l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, akkumpanjata, jekk ikun il-każ, bi proposta għall-modifika jew għat-tħassir tagħha.

    2.   Dak ir-rapport għandu b'mod partikolari jirrivedi:

    (a)

    l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 3 fir-rigward ta' esperjenza ulterjuri tal-possibbiltà ta' l-abbuż mill-flus elettroniċi, kif definit fl-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2000/46/KE, u metodi oħrajn ta' pagament li jkunu reċentement żviluppati, għall-finijiet ta' money laundering u tal-finanzjament tat-terroriżmu. Jekk ikun hemm riskju ta' tali abbuż, il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta għall-emendament ta' dan ir-Regolament;

    (b)

    l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 13 fir-rigward tal-limitazzjonijiet tekniċi li jistgħu jimpedixxu li tiġi trażmessa informazzjoni kompleta dwar il-pagatur lill-fornitur tas-servizzi ta' pagament tar-riċevitur. Jekk ikun hemm il-possibbiltà li jingħelbu dawn il-limitazzjonijiet tekniċi fid-dawl ta' żviluppi ġodda fil-qasam tal-pagamenti, u b'kont meħud ta' l-ispejjeż relatati għall-fornituri tas-servizzi ta' pagament, il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta għall-emendament ta' dan ir-Regolament.

    KAPITOLU VII

    DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

    Artikolu 20

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea, iżda fi kwalunkwe każ mhux qabel l-1 ta' Jannar 2007.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Strasburgu, nhar il-15 ta’ Novembru 2006.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    J.BORRELL FONTELLES

    Għall-Kunsill

    Il-President

    P. LEHTOMÄKI


    (1)  ĠU C 336, 31.12.2005, p.109.

    (2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew mogħtija fis-6 ta' Lulju 2006 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill mogħtija fis-7 ta' Novembru 2006.

    (3)  ĠU L 344, 28.12.2001, p. 70. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1461/2006 (ĠU L 272, 3.10.2006, p. 11).

    (4)  ĠU L 139, 29.5.2002, p.9. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1508/2006 (ĠU L 280, p. 12.10.2006, p. 12).

    (5)  ĠU L 309, 25.11.2005, p. 15.

    (6)  ĠU L 281, 23.11.1995, p.31. Direttiva kif emendata mir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 (ĠU L 284, 31.10.2003, p.1).

    (7)  ĠU L 275, 27.10.2000, p. 39.

    (8)  Verżjoni kkoreġuta mill-ĠU L 344, 28.12.2001, p.13.

    (9)  ĠU L 184, 17.7.1999, p.23. Deċiżjoni kif emendata l-aħħar mid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p.11).


    Top