EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006R1616

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1616/2006 tat- 23 ta’ Ottubru 2006 dwar ċerti proċeduri sabiex jiġi applikat il-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, fuq in-naħa l-waħda, u r-Repubblika ta’ l-Albanija, fuq in-naħa l-oħra, u sabiex jiġi applikat il-Ftehim Interim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta’ l-Albanija

ĠU L 300, 31.10.2006, p. 1–4 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 200M, 1.8.2007, p. 124–127 (MT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 14/07/2015; Revokat u sostitwit bi 32015R0939

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/1616/oj

Related international agreement

1.8.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

124


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1616/2006

tat-23 ta’ Ottubru 2006

dwar ċerti proċeduri sabiex jiġi applikat il-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, fuq in-naħa l-waħda, u r-Repubblika ta’ l-Albanija, fuq in-naħa l-oħra, u sabiex jiġi applikat il-Ftehim Interim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta’ l-Albanija

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 133 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1)

Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħha, fuq in-naħa l-waħda, u r-Repubblika ta’ l-Albanija, fuq in-naħa l-oħra (aktar 'il quddiem imsejjaħ “SAA”) ġie ffirmat fil-Lussemburgu fis-12 ta’ Ġunju 2006. L-SAA għaddej mill-proċess ta’ ratifika.

(2)

Fis-12 ta’Ġunju 2006 il-Kunsill ikkonkluda Ftehim Interim dwar kummerċ u affarijiet relatati mal-kummerċ bejn il-Komunità Ewropea, fuq in-naħa l-waħda, u r-Repubblika ta’ l-Albanija, fuq in-naħa l-oħra (1), (aktar 'il quddiem imsejjaħ il-“Ftehim Interim”) li jipprovdi għad-dħul fis-seħħ kmieni tad-dispożizzjonijiet kummerċjali u relatati mal-kummerċ ta’ l-SAA. Dan il-Ftehim Interim jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-data ta' depożitu ta' l-aħħar strument ta' ratifika jew approvazzjoni.

(3)

Hu meħtieġ li jiġu stipulati l-proċeduri sabiex jiġu applikati ċerti dispożizzjonijiet kemm ta’ l-SAA u tal-Ftehim Interim. Ladarba d-dispożizzjonijiet kummerċjali u dawk relatati mal-kummerċ huma fil-biċċa l-kbira tagħhom identiċi, dan ir-regolament għandu japplika wkoll għall-implimentazzjoni ta’ l-SAA wara d-dħul fis-seħħ tiegħu.

(4)

L-SAA u l-Ftehim Interim jistipulaw li prodotti tas-sajd li joriġinaw mill-Albanija jistgħu jiġu impurtati fil-Komunità b’dazju doganali mnaqqas, sal-limiti tal-kwoti tat-tariffi. Għalhekk hu meħtieġ li jiġu stipulati disposizzjonijiet li jirregolaw il-ġestjoni ta’ dawn il-kwoti tariffarji.

(5)

Fejn isiru meħtieġa miżuri ta’ ħarsien tan-negozju dawn għandhom jiġu adottati skond id-dispożizzjonijiet ġenerali stipulati fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3285/94 tat-22 ta’ Diċembru 1994 dwar ir-regoli komuni għall-importazzjonijiet (2), Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2603/69 tal-20 ta’ Diċembru 1969 li jistabbilixxi regoli komuni għall-esportazzjonijiet (3), Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-ħarsien minn importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (4) jew, skond il-każ ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2026/97 tas-6 ta’ Ottubru 1997 dwar il-ħarsien minn importazzjonijiet sussidjati mill-pajjiżi li m’humiex membri tal-Komunità Ewropea (5).

(6)

Fejn Stat Membru jipprovdi informazzjoni lill-Kummissjoni dwar il-possibbiltà ta' frodi jew nuqqas ta' kooperazzjoni amministrattiva, il-leġislazzjoni Komunitarja rilevanti għandha tapplika, b'mod partikolari r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 515/97 tat-13 ta' Marzu 1997 dwar assistenza reċiproka bejn awtoritajiet amministrattivi ta' l-Istati Membri u kooperazzjoni bejn dawn ta' l-aħħar u l-Kummissjoni biex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta tal-liġi dwar id-dwana u l-kwistjonijiet agrikoli (6).

(7)

Għall-fini ta’ l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet relevanti ta’ dan ir-Regolament il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna mill-Kumitat tal-Kodiċi Doganali stabbilit bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Komunità (7).

(8)

Il-miżuri meħtieġa għall-implementazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċitar tal-poteri implementattivi konferiti fuq il-Kummissjoni (8).

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Is-Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi ċerti proċeduri għall-adozzjoni ta’ regoli ddetaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti diposizzjonijiet tal-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom u r-Repubblika’ ta’ l-Albanija (aktar 'il quddiem imsejjaħ l-“SAA”), u tal-Ftehim Interim dwar il-kummerċ u kwistjonijiet relatati mal-kummerċ bejn il-Komunità Ewropea, fuq in-naħa l-waħda, u r-Repubblika ta’ l-Albanija, fuq in-naħa l-oħra (aktar 'il quddiem imsejjaħ il-‘Ftehim Interim’).

Artikolu 2

Konċessjonijiet għall-ħut u prodotti tas-sajd

Regoli ddetaljati għall-implimentazzjoni ta’ Artikolu 15(1) tal-Ftehim Interim, suċċessivament l-Artikolu 28(1) ta’ l-SAA, dwar kwoti tat-tariffi fuq ħut u prodotti tas-sajd, għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 12(2) ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Tnaqqis tat-Tariffi

1.   Suġġetti għal paragrafu 2, ir-rati tad-dazju preferenzjali għandhom jitnaqqsu sa l-ewwel punt deċimali.

2.   Fejn ir-riżultat tal-kalkolu tar-rata tad-dazju preferenzjali fl-applikazzjoni ta’ paragrafu 1 huwa wieħed milli ġejjin, ir-rata preferenzjali għandha tiġi kkunsidrata bħala eżenzjoni sħiħa:

(a)

1 % jew anqas fil-każ ta' dazji skond il-valur, jew

(b)

EUR 1 jew anqas għal kull ammont individwali fil-każ ta' dazji speċifiċi.

Artikolu 4

Addattazzjonijiet tekniċi

Emendi u addattazzjonijiet tekniċi għad-dispożizzjonijet adottati skond dan ir-Regolament li jsiru meħtieġa b’tibdil fil-kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda u fid-suddiviżjonijiet TARIC jew li joħorġu mill-konklużjoni ta’ ftehim, protokolli, skambji ta’ ittri jew atti oħrajn ġodda jew modifikati bejn il-Komunità u r-Repubblika ta’ l-Albanija, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 12(2) ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 5

Klawsola ta' salvagwardja ġenerali

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7 ta' dan ir-Regolament, fejn il-Komunità teħtieġ tieħu miżura kif previst fl-Artikolu 25 tal-Ftehim Interim, u suċċessivament l-Artikolu 38 ta’ l-SAA, għandha tiġi adottata skond il-kundizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 3285/94, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor fl-Artikolu 25 tal-Ftehim Interim, u suċċessivament l-Artikolu 38 ta’ l-SAA.

Artikolu 6

Klawsola ta' nuqqas

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7 ta' dan ir-Regolament, fejn il-Komunità teħtieġ tieħu miżura kif previst fl-Artikolu 26 tal-Ftehim Interim, u suċċessivament l-Artikolu 39 ta’ l-SAA, din għandha tiġi adottata skond il-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (KEE) Nru 2603/69.

Artikolu 7

Ċirkostanzi eċċezzjonali u kritiċi

Fejn ċirkostanzi eċċezzjonali jew kritiċi jinqalgħu fit-tifsira ta’ l-Artikolu 26(4) tal-Ftehim Interim, u suċċessivament l-Artikolu 39(4) ta’ l-SAA, il-Kummissjoni tista' tieħu miżuri immedjati kif previst fl-Artikolu 26 tal-Ftehim Interim, u suċċessivament l-Artikolu u 39 ta’ l-SAA.

Jekk il-Kummissjoni tirċievi talba minn Stat Membru, hija għandha tieħu d-deċiżjoni f'dan ir-rigward fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol minn meta tirċievi t-talba.

Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Kunsill bid-deċiżjoni tagħha.

Kull Stat Membru jista’ jirreferi d-deċiżjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill fi żmien 10 t'ijiem tax-xogħol minn meta jirċievi notifika tad-deċiżjoni.

Il-Kunsill li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata jista' jieħu deċiżjoni differenti fi żmien xahrejn.

Artikolu 8

Klawżola ta' salvagwardja għal prodotti agrikoli u tas-sajd

1.   Minkejja l-proċeduri msemmija fl-Artikoli 5 u 6 ta' dan ir-Regolament, fejn il-Komunità teħtieġ tieħu miżura ta' salvagwardja kif provdut fl-Artikolu 38 ta' l-SAA dwar prodotti agrikoli u tas-sajd, il-Kummissjoni għandha, fuq it-talba ta' Stat Membru jew fuq l-inizjattiva tagħha, tiddeċiedi dwar il-miżuri meħtieġa wara li, fejn applikabbli, tkun għamlet rikors għall-proċedura ta' riferiment prevista fl-Artikolu 25 tal-Ftehim Interim u suċċessivament l-Artikolu 38 ta' l-SAA.

Jekk il-Kummissjoni tirċievi talba minn Stat Membru, hija għandha tieħu deċiżjoni dwarha:

(a)

fi żmien tliet ijiem ta' ħidma wara li tirċievi t-talba fejn il-proċedura ta' riferiment prevista fl-Artikolu 25 tal-Ftehim Interim u suċċessivament l-Artikolu 38 ta' l-SAA ma tapplikax; jew

(b)

fi żmien tliet ijiem mit-tmiem tal-perijodu ta' tletin jum imsemmi fl-Artikolu 25(5)(a) tal-Ftehimn Interim u suċċessivament l-Artikolu 38(5)(a) ta' l-SAA fejn tapplika l-proċedura ta' riferiment prevista fl-Artikoli 25 tal-Ftehim Interim u suċċessivament l-Artikolu 38 ta' l-SAA.

Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Istati Membri bil-miżuri li hi tkun iddeċidiet.

2.   Miżuri li dwarhom tkun iddeċidiet il-Kummissjoni skond il-paragrafu 1 jistgħu jiġu riferuti lill-Kunsill minn kwalunkwe Stat Membru fi żmien tliet ijiem ta' ħidma mid-data li fihom ikunu ġew notifikati. Il-Kunsill għandu jiltaqa' mingħajr dewmien. Huwa jista', filwaqt li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, jemenda jew iħassar il-miżuri in kwistjoni fi żmien xahar wara d-data li fiha jkun ġew riferuti lill-Kunsill.

Artikolu 9

Dumping u Sussidji

Fil-każ ta’ prattika li tiġġustifika l-applikazzjoni tal-miżuri previsti fl-Artikolu 24(2) tal-Ftehim Interim mill-Komunità, u suċċessivament l-Artikolu 37(2) ta’ l-SAA, l-introduzzjoni ta’ miżuri kontra d-dumping u/jew miżuri li jikkumpensaw għandhom jiġu deċiżi skond id-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 384/96 jew ir-Regolament (KE) Nru 2026/97 rispettivament.

Artikolu 10

Kompetizzjoni

1.   Fil-każ ta’ xi prattika li tista’ tiġġustifika l-applikazzjoni mill-Komunità tal-miżuri previsti fl-Artikolu 37 tal-Ftehim Interim, u suċċessivament l-Artikolu 71 ta’ l-SAA, il-Kummissjoni, wara li teżamina l-każ, fuq l-inizjattiva tagħha jew fuq talba ta’ xi Stat Membru, għandha tiddeċiedi jekk din il-prattika hix kompatibbli mal-Ftehim.

Il-miżuri previsti fl-Artikoli 37(9) tal-Ftehim Interim, u suċċessivament l-Artikolu 71(9) ta’ l-SAA, ser jiġu adottati fil-każi ta’ għajnuna skond il-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 2026/97 u f’każi oħrajn skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 133 tat-Trattat.

2.   Fil-każ ta’ prattika li twassal għall-applikazzjoni ta' miżuri fuq il-Komunità mir-Repubblika ta' l-Albanija, fuq il-bażi ta' l-Artikolu 37 tal-Ftehim Interim, u suċċessivament l-Artikolu 71 ta’ l-SAA, il-Kummissjoni, wara li teżamina l-każ, tiddeċiedi jekk il-prattika hix kompatibbli mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interim, u suċċessivament l-SAA. Fejn ikun meħtieġ, tieħu d-deċizjonijiet xierqa fuq il-bażi ta’ kriterji li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 81, 82 u 87 tat-Trattat.

Artikolu 11

Frodi jew nuqqas li tkun provduta kooperazzjoni amministrattiva

Fil-każ fejn il-Kummissjoni, abbażi ta' informazzjoni provduta minn xi Stat Membru jew fuq l-inizjattiva tagħha, issib li l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 30 tal-Ftehim Interim u suċċessivament fl-Artikolu 43 ta' l-SAA huma sodisfatti, il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien indebitu:

(a)

tinforma lill-Kunsill;

(b)

tinnotifika lill-Kumitat Konġunt, u suċċessivament il-Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, bis-sejba tagħha flimkien ma’ informazzjoni oġġettiva, u tidħol f’konsultazzjonijiet mal-Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni;

Kwalunkwe pubblikazzjoni taħt l-Artikolu 30 (5) tal-Ftehim Interim, u suċċessivament fl-Artikolu 43(5) ta’ l-SAA, għandha ssir mill-Kummissjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi, skond il-proċedura konsultattiva stabbilita fl-Artikolu 12(3) ta' dan ir-Regolament, li tissosspendi temporanjament it-trattament preferenzjali rilevanti tal-prodotti kif previst fl-Artikolu 30(4) tal-Ftehim Interim, u suċċessivament l-Artikolu 43(4) ta’ l-SAA.

Artikolu 12

Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna mill-Kumitat tal-Kodiċi Doganali stabbilit permezz bl-Artikolu 248a tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

Il-perjodu stabbilit fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun stabbilit għal tlett xhur.

3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 3 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

4.   Il-Kumitat għandu jadotta r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu.

Artikolu 13

In-Notifika

In-notifika lill-Kumitat Konġunt, u suċċessivament il-Kunsill ta’ l-Istabilizzazzjoni u l-Assoċjazzjoni u l-Kumitat ta’ l-Assoċjazzjoni, rispettivament, kif meħtieġ fil-Ftehim Interim ta’ l-SAA għandha tkun ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni, li taġixxi f’isem il-Komunità.

Artikolu 14

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, 23 ta’ Ottubru 2006.

Għall-Kunsill

Il-President

J.-E. ENESTAM


(1)  ĠU L 239, 1.9.2006, p. 2.

(2)  ĠU L 349, 31.12.1994, p. 53. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2200/2004 (ĠU L 374, 22.12.2004, p. 1).

(3)  ĠU L 324, 27.12.1969, p. 25. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KEE) Nru 3918/91 (ĠU L 372, 31.12.1991, p. 31).

(4)  ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2117/2005 (ĠU L 340, 23.12.2005, p. 17).

(5)  ĠU L 288, 21.10.1997, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 461/2004 (ĠU L 77, 13.3.2004, p. 12).

(6)  ĠU L 82, 22.3.1997, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 807/2003 (ĠU L 122, 16.5.2003, p. 36).

(7)  ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 648/2005 (ĠU L 117, 4.5.2005, p. 13).

(8)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Id-Deċiżjoni kif l-aħħar emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).


Top