Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006E0184

    Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2006/184/PESK tas- 27 ta' Frar 2006 b'appoġġ għall-Konvenzjoni ta’ l-Armi Bioloġiċi u Tossiċi, fil-qafas ta' l-Istrateġija ta' l-UE kontra l-Proliferazzjoni ta' l-Armi ta' Qerda tal-Massa

    ĠU L 65, 7.3.2006, p. 51–55 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 270M, 29.9.2006, p. 311–315 (MT)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 26/08/2007

    ELI: http://data.europa.eu/eli/joint_action/2006/184/oj

    29.9.2006   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    311


    AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2006/184/PESK

    tas-27 ta' Frar 2006

    b'appoġġ għall-Konvenzjoni ta’ l-Armi Bioloġiċi u Tossiċi, fil-qafas ta' l-Istrateġija ta' l-UE kontra l-Proliferazzjoni ta' l-Armi ta' Qerda tal-Massa

    IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 14 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Fit-12 ta' Diċembru 2003, il-Kunsill Ewropew adotta l-Istrateġija ta' l-UE kontra l-Proliferazzjoni ta' Armi ta' Qerda tal-Massa, li fil-Kapitolu III tagħha, fiha lista ta' miżuri biex tiġi miġġielda tali proliferazzjoni.

    (2)

    L-Unjoni Ewropea qiegħda attivament timplementa l-Istrateġija ta' l-UE u qed tagħti effett lill-miżuri elenkati fil-Kapitolu III tagħha, b'mod partikolari dawk relatati mar-rinfurzar tal-Konvenzjoni dwar Armi Bijoloġiċi u Tossiniċi (BTWC), u li jinkludu appoġġ għall-implimentazzjoni nazzjonali tal-BTWC, u qed tkompli tirrifletti dwar il-mekkaniżmu tal-verifika.

    (3)

    Il-preżentazzjoni ta' Miżuri ta' Bini ta' Kunfidenza (CBMs) tikkostitwixxi element importanti biex tiżdied it-transparenza fl-implimentazzjoni tal-BTWC u kien hemm qbil fuq Pjan ta' Azzjoni ta' l-UE biex in-numru ta' CBMs preżentati mill-Istati Membri jitjieb u biex l-Istati Membri kollha jiġu inkoraġġuti sabiex jippreżentaw listi ta' esperti u laboratorji adatti lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSG), u r-riżultati ta' dan jistgħu jservu biex jiddefinixxu l-kontenuti ta' Azzjonijiet Konġunti ulterjuri f'dan il-qasam.

    (4)

    Il-Konferenza ta' Reviżjoni tal-BTWC fl-2006 se tkun opportunità tajba għal qbil dwar miżuri speċifiċi, prattiċi u realistiċi biex isaħħu kemm il-BTWC kif ukoll il-konformità magħha. Rigward dan, l-Unjoni Ewropea tibqa' impenjata li tiżviluppa miżuri biex tivverifika l-konformità mal-BTWC. Madankollu, fin-nuqqas ta' negozjati dwar dan il-mekkaniżmu ta' verifika, xorta jifdal ħafna xogħol utli xi jsir fil-limiti tal-programm ta' ħidma intersessjonali tal-BTWC.

    (5)

    Il-Kummissjoni hija fdata bis-superviżjoni ta' l-implimentazzjoni korretta tal-kontribuzzjoni finanzjarja ta' l-UE,

    ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA:

    Artikolu 1

    1.   Bil-għan li tingħata applikazzjoni immedjata u prattika lil xi elementi ta' l-Istrateġija ta' l-UE kontra l-Proliferazzjoni ta' Armi ta' Qerda tal-Massa, l-Unjoni Ewropea għandha tappoġġa lill-BTWC, bl-objettivi li ġejjin:

    Il-promozzjoni ta’ l-universalità tal-BTWC;

    L-appoġġ għall-implimentazzjoni tal-BTWC mill-Istati Partijiet;

    2.   Il-proġetti li jikkorrespondu mal-miżuri ta' l-Istrateġija ta' l-UE huma dawk li għandhom l-għan li:

    Jippromwovu l-universalità tal-BTWC bit-twettiq ta' attivitajiet, inklużi seminars u workshops reġjonali u sub-reġjonali, bil-għan li jikber in-numru ta' membri tal-BTWC;

    Jassistu lill-Istati Partijiet fl-implimentazzjoni nazzjonali tal-BTWC, sabiex jiġi żġurat li l-Istati Partijiet jitrasferixxu l-obbligi internazzjonali tal-BTWC fil-leġislazzjoni nazzjonali u l-miżuri amministrattivi tagħhom.

    Deskrizzjoni dettaljata tal-proġetti msemmija hawn fuq tinsab fl-Anness.

    Artikolu 2

    1.   Il-Presidenza għandha tkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta' l-Azzjoni Konġunta f'assoċjazzjoni sħiħa mal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-implimentazzjoni xierqa tal-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fl-Artikolu 3.

    2.   Sabiex jitwettqu l-objettivi li hemm speċifikati fl-Artikolu 1(1), il-Presidenza hija assistita mis-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli tal-PESK (SĠ/RGħ), li ser ikun responsabbli għall-koordinazzjoni politika ta' l-implimentazzjoni tal-proġetti msemmija fl-Artikolu 1(2).

    3.   L-implimentazzjoni teknika tal-proġetti msemmija fl-Artikolu 1(2) hija fdata f'idejn l-Istitut tal-Gradwati ta' l-Istudji Internazzjonali, Ġinevra, li għandu jwettaq ix-xogħol tiegħu taħt ir-responsabbiltà tal-Presidenza u taħt il-kontroll tas-SĠ/RGħ.

    Artikolu 3

    1.   L-ammont finanzjarju ta' referenza għaż-żewġ proġetti elenkati fl-Artikolu 1(2), għandu jkun ta' EUR 867 000.

    2.   In-neqfa ffinanzjata mill-ammont stipulat fil-paragrafu 1 għandha tiġi ġestita skond il-proċeduri u r-regoli tal-Komunità applikabbli għall-budget ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea bl-eċċezzjoni li kwalunkwe finanzjament ta' qabel m'għandux jibqa' l-proprjetà tal-Komunità.

    3.   Għall-għan ta' l-implimentazzjoni tal-proġetti msemmija fl-Artikolu 1(2), il-Kummissjoni għandha tikkonkludi arranġament finanzjarju ma' l-Istitut tal-Gradwati ta' l-Istudji Internazzjonali, Ġinevra, imsemmi fl-Artikolu 2 (3).

    Artikolu 4

    Il-Presidenza, assistita mis-SĠ/RGħ, għandha tirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' din l-Azzjoni Konġunta abbażi ta' rapporti regolari ppreparati mill-Istitut ta' Gradwati ta' l-Istudji Internazzjonali, Ġinevra. Il-Kummissjoni ser tkun assoċjata b'mod sħiħ u ser tipprovdi informazzjoni dwar l-implimentazzjoni finanzjarja tal-proġetti msemmija fl-Artikolu 1(2).

    Artikolu 5

    Din l-Azzjoni Konġunta għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ l-adozzjoni tagħha.

    Hija għandha tiskadi 18-il xahar wara li tiġi adottata.

    Artikolu 6

    Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, nhar is-27 ta' Frar 2006.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    U. PLASSNIK


    ANNESS

    1.   Objettiv

    Objettiv ġenerali: l-appoġġ għall-universalizzazzjoni tal-BTWC u, b'mod partikolari, il-promozzjoni ta' l-adeżjoni għall-BTWC minn Stati mhux Parti (Stati firmatarji kif ukoll Stati mhux firmatarji) u l-appoġġ għall-implimentazzjoni tal-BTWC mill-Istati Partijiet.

    Deskrizzjoni: L-assistenza ta' l-UE lill-BTWC ser tkun konċentrata fuq l-oqsma li ġejjin, identifikati mill-Istati Partijiet Ewropej tal-BTWC bħala li jeħtieġu azzjoni urġenti:

    (i)

    Il-promozzjoni ta’ l-universalità tal-BTWC;

    (ii)

    L-appoġġ għall-implimentazzjoni tal-BTWC mill-Istati Partijiet.

    Il-proġetti deskritti hawn taħt ser jibbenefikaw esklussivament mill-appoġġ ta’ l-UE.

    2.   Deskrizzjoni tal-proġett

    2.1.   Proġett 1: Il-promozzjoni ta’ l-universalità tal-BTWC

     

    Għan tal-proġett:

    Sħubija msaħħa fil-BTWC permezz ta' workshops reġjonali u sub-reġjonali. L-għan tal-workshops ser ikun li jinkoraġġixxu sħubija akbar u b'hekk implimentazzjoni msaħħa tal-BTWC f'dawn ir-reġjuni u li jfissru l-benefiċċji u l-konsegwenzi ta' adeżjoni mal-BTWC u li jifhmu l-ħtiġijiet ta' l-Istati mhux Parti għall-BTWC biex jassistuhom fl-adeżjoni u joffru l-assistenza teknika u ta' abbozzar ta' l-UE lill-Istati fil-bżonn.

     

    Riżultati tal-proġett:

    (i)

    Sħubija msaħħa tal-BTWC f'diversi reġjuni ġeografiċi (fl-Afrika tal-Punent u Ċentrali, fl-Afrika tal-Lvant u ta' Nofsinhar, fil-Lvant Nofsani, fl-Asja Ċentrali u l-Kawkasu, fl-Asja u l-Ġżejjer tal-Paċifiku, fl-Amerika Latina u l-Karibew);

    (ii)

    Networking reġjonali msaħħaħ, li jinvolvi organizzazzjonijiet u networks sub-reġjonali f'diversi oqsma rilevanti għall-BTWC.

     

    Deskrizzjoni tal-proġett:

    Il-proġett jipprovdi għall-organizzazzjoni ta' ħames workshops reġjonali fl-2006 - 2007 fi tliet stadji konsekuttivi. L-ewwel stadju preparatorju jikkonsisti f'li jiġu stabbiliti kuntatti ma' atturi rilevanti (il-komunità ta' diplomatiċi u esperti), jinżammu laqgħat preparatorji u jiġu abbozzati pakketti ta' informazzjoni, titwettaq riċerka u reviżjoni ta' l-istatus ta' l-implimentazzjoni fil-pajjiżi mmirati u tinħoloq Sistema ta' Maniġġar ta' Informazzjoni u Kollaborazzjoni għall-proġett ibbażata fuq l-internet. L-għan tat-tieni stadju hu li titqajjem kuxjenza dwar ir-rilevanza tal-BTWC fost il-komunità diplomatika u b'mod aktar wiesa' fost l-amministrazzjonijiet nazzjonali ta' pajjiżi magħżula u titħejja l-bażi għal parteċipazzjoni effettiva tal-pajjiżi konċernati fit-tielet stadju tal-proġett. Għal dan il-għan, is-sensiela ta' laqgħat ma' diplomatiċi ta' pajjiżi magħżula ser tiġi organizzata fi Brussel, Ġinevra, l-Aja u New York, fejn normalment jitwettqu l-attivitajiet diplomatiċi relatati tal-BTWC. Ħames workshops reġjonali previsti fit-tielet stadju tal-proġett:

    (a)

    Workshop dwar il-BTWC għal Stati Firmatarji u Stati mhux Parti fl-Afrika tal-Punent u Ċentrali sabiex ikun hemm parteċipazzjoni ta' dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u ta' organizzazzjonijiet reġjonali, eż. l-Unjoni Afrikana. Ser ikunu mistiedna rappreżentanti, inkluż mill-Kamerun, ir-Repubblika Afrikana Ċentrali, ir-Repubblika taiċ-Ċad, il-Kosta ta’ l-Avorju, il-Gabon, il-Ginea, il-Liberja u l-Mawritanja. Diversi kelliema mill-UE jagħtu informazzjoni lill-parteċipanti dwar l-importanza u l-benefiċċji ta' l-adeżjoni għall-BTWC, kif ukoll dwar l-inizjattivi ta' l-UE dwar in-non proliferazzjoni u d-diżarm. Stat Parti fil-BTWC f'dan ir-reġjun ser ikun mistieden ukoll biex jipparteċipa fil-workshop.

    (b)

    Workshop dwar il-BTWC għal Stati Firmatarji u Stati mhux Parti fl-Afrika tal-Lvant u ta' Nofsinhar sabiex ikun hemm parteċipazzjoni ta' dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u ta' organizzazzjonijiet reġjonali, eż.; l-Unjoni Afrikana. Ser ikunu mistiedna rappreżentanti, inklużi mill-Angola, il-Burundi, il-Komoros, Ġibuti, l-Eritrea, il-Madagaskar, il-Malawi, il-Możambik, il-Namibja, is-Somalja, ir-Repubblika Unita tat-Tanżanja u ż-Żambja. Diversi kelliema mill-UE jagħtu informazzjoni lill-parteċipanti dwar l-importanza u l-benefiċċji ta' l-adeżjoni għall-BTWC, kif ukoll dwar l-inizjattivi ta' l-UE dwar in-non proliferazzjoni u d-diżarm. Stat Parti fil-BTWC f'dan ir-reġjun ser ikun mistieden ukoll biex jipparteċipa fil-workshop.

    (ċ)

    Workshop dwar il-BTWC għal Stati Firmatarji u Stati mhux Parti fil-Lvant Nofsani. Ser jiġu mistiedna rappreżentanti, inklużi mill-Eġittu, l-Iżrael, ir-Repubblika Għarbija tas-Sirja u l-Emirati Għarab Magħquda. Diversi kelliema mill-UE jagħtu informazzjoni lill-parteċipanti dwar l-importanza u l-benefiċċji ta' l-adeżjoni għall-BTWC, kif ukoll dwar l-inizjattivi ta' l-UE dwar in-non proliferazzjoni u d-diżarm. Stat Parti fil-BTWC f'dan ir-reġjun ser ikun mistieden ukoll biex jipparteċipa fil-workshop.

    (d)

    Workshop dwar il-BTWC għal Stati Firmatarji u Stati mhux Parti fl-Asja u l-Gżejjer tal-Paċifiku. Ser ikunu mistiedna rappreżentanti, inklużi mill-Gżejjer Cook, Kiribati, l-Gżejjer Marshall, Mikronesja, il-Mjanmar, Nauru, in-Nepal, Niue, Samoa u Tuvalu. Diversi kelliema mill-UE jagħtu informazzjoni lill-parteċipanti dwar l-importanza u l-benefiċċji ta' l-adeżjoni għall-BTWC, kif ukoll dwar l-inizjattivi ta' l-UE dwar in-non proliferazzjoni u d-diżarm. Stat Parti fil-BTWC f'dan ir-reġjun ser ikun mistieden ukoll biex jipparteċipa fil-workshop.

    (e)

    Workshop dwar il-BTWC għal Stati Firmatarji u Stati mhux Parti fl-Amerika Latina u l-Karibew. Ser ikunu mistiedna rappreżentanti, inklużi mill-Ħaiti, il-Guyana u Trinidad u Tobago. Diversi kelliema mill-UE jagħtu informazzjoni lill-parteċipanti dwar l-importanza u l-benefiċċji ta' l-adeżjoni għall-BTWC, kif ukoll dwar l-inizjattivi ta' l-UE dwar in-non proliferazzjoni u d-diżarm. Stat Parti fil-BTWC f'dan ir-reġjun ser ikun mistieden ukoll biex jipparteċipa fil-workshop.

     

    Stima ta' l-Ispiża: EUR 509 661

    2.2.   Proġett 2: Assistenza lil Stati Partijiet għall-implimentazzjoni nazzjonali tal-BTWC

     

    Għan tal-proġett:

    Biex jiġi żgurat li Stati Partijiet jitrasponu l-obbligi internazzjonali tal-BTWC fil-leġislazzjoni nazzjonali u f'miżuri amministrattivi tagħhom.

     

    Riżultati tal-proġett:

    B'mod konformi ma' dak li kien identifikat mill-Istati Partijiet fil-“Proċess intersessjonali tal-BTWC”, għandhom jinkisbu tliet elementi komuni fil-metodu ta' implimentazzjoni nazzjonali tagħhom:

    (i)

    Adozzjoni ta' leġislazzjoni nazzjonali, inkluż leġislazzjoni penali, li tkopri l-kamp ta' applikazzjoni kollu tal-projbizzjonijiet tal-Konvenzjoni;

    (ii)

    Regolamenti effettivi u legislazzjoni biex jiġu kkontrollati u ssorveljati trasferimenti ta' teknoloġiji rilevanti ta' użu doppju;

    (iii)

    Implimentazzjoni u infurzar effettivi għall-prevenzjoni tal-vjolazzjonijiet u s-sanzjonijiet għall-ksur.

     

    Deskrizzjoni tal-proġett:

    Il-proġett jimmira li jimla l-vojt li jeżisti fl-implimentazzjoni tal-BTWC bħan-nuqqas ta' network ta' konsulenza legali jew l-implimentazzjoni ta' Pjan ta' Azzjoni, in-nuqqas ta' eżistenza ta' punti fokali nazzjonali għall-implimentazzjoni tal-BTWC, in-nuqqas ta' sigurtà fir-rigward ta' l-istandards ta' implimentazzjoni nazzjonali minimi tal-BTWC. Sabiex jitratta dawn in-nuqqasijiet il-proġett jipprevedi l-fażi preparatorja li tinkludi l-istabbiliment ta' grupp ta' esperti legali ta' l-UE u ta' attivitajiet ta' riċerka u konsultazzjoni. Wara l-implimentazzjoni ser jittieħdu azzjonijiet ta' assistenza bħala l-pass li jmiss:

    (a)

    Ser tiġi organizzata konferenza fil-kuntest tal-preparazzjoni għall-Konferenza ta' Reviżjoni tal-BTWC ta' l-2006, sabiex jintlaqgħu l-ħtiġijiet speċifiċi mitluba minn Stati Partijiet li għad iridu jwettqu l-obbligi tagħhom tal-BTWC.

    (b)

    Ser jiġu organizzati żjarat ta' assistenza dwar aspetti legali u tekniċi biex jirrispondu għal ħtiġijiet speċifiċi li jkunu talbu dawk l-Istati Partijiet. Iż-żjarat ser jindirizzaw l-abbozzar ta' leġislazzjoni nazzjonali biex jiġi żgurat li l-obbligi tal-BTWC ikunu trasformati b'mod effettiv f'sensiela ta' liġijiet u miżuri nazzjonali, inkluż disposizzjonijiet kriminali xierqa. L-UE ser tgħin ukoll lill-Istati biex jadottaw miżuri sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni fiżika meħtieġa ta' aġenti bijoloġiċi u tossiniċi, kif ukoll ta' materjali u tagħmir relatati. It-tul ta' kull żjara jkun ta' madwar 5 ijiem. Dawn iż-żjarat ikunu jinvolvu mhux iżjed minn 3 esperti għal kull żjara. Ser ikunu mistiedna esperti mill-Istati membri ta' l-UE biex jieħdu sehem.

    (ċ)

    Barra minn dan, il-proġetti ser jipprovdu traduzzjonijiet tal-BTWC, kif ikun xieraq, li sussegwentament ikunu disponibbli fuq l-internet.

     

    Stima ta' l-Ispiża: EUR 277 431

    3.   Tul ta' żmien

    It-tul ta' żmien totali stmat għall-implimentazzjoni ta' din l-Azzjoni Konġunta hu ta' 18-il xahar.

    4.   Benefiċjarji

    Il-benefiċjarji ta' attivitajiet relatati ma' l-universalità huma Stati mhux Parti għall-BTWC (kemm Stati firmatarji kif ukoll Stati mhux firmatarji). Il-benefiċjarji ta' attivitajiet relatati ma' l-implimentazzjoni huma Stati Partijiet għall-BTWC.

    5.   Entità ta' implimentazzjoni

    L-Istitut tal-Gradwati ta' l-Istudji Internazzjonali, Ġinevra (permezz tal-Proġett tal-Prevenzjoni ta' l-Armi-Bijoloġiċi, BWPP, Direttur, Dr Zanders) huwa fdat bl-implimentazzjoni teknika taż-żewġ proġetti, fil-qafas tal-koordinazzjoni politika mis-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli permezz tar-Rappreżentant Personali tiegħu dwar in-non-proliferazzjoni ta' Armi ta' Qerda tal-Massa. Il-workshops u l-konsultazzjonijiet reġjonali previsti ser ikunu organizzati bl-appoġġ ta' l-Istitut ta' l-UE għall-Istudji dwar is-Sigurtà. Fit-twettiq ta' l-attivitajiet tiegħu, il-BWPP għandu jikkoopera, kif xieraq, mal-missjonijiet lokali ta' l-Istati Membri u l-Kummissjoni.

    6.   Stima ta' finanzi meħtieġa

    Il-kontribuzzjoni ta' l-UE ser ikopri 100 % ta' l-implimentazzjoni tal-proġetti kif deskritt f'dan l-Anness. L-istimi ta' l-ispejjeż huma kif ġej:

    [Proġett 1

    EUR 509 661

    Proġett 2

    EUR 277 431

    Spiża Amministrattiva (7 % ta' l-ispiża diretta):

    EUR 55 096

    SPIŻA TOTALI (barra l-kontinġenzi):

    EUR 842 188

    Barra minn dan, riżerva ta' kontinġenza ta' madwar 3 % ta' l-ispejjeż eliġibbli (EUR 24 812) hi inkluża.

    SPIŻA TOTALI (inklużi l-kontinġenzi):

    EUR 867 000 ]

    7.   Ammont finanzjarju ta' referenza biex ikopri l-ispiża tal-proġetti

    [L-ispiża totali tal-proġetti hi ta' EUR 867 000.]


    Top