Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006D1926

Deċiżjoni (KE) Nru 1926/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 18 ta' Diċembru 2006 li tistabbilixxi programm ta' azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-konsumatur (2007-2013) Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

ĠU L 404, 30.12.2006, p. 39–45 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2013; Imħassar b' 32014R0254

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2006/1926/oj

30.12.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

39


DEĊIŻJONI (KE) NRU 1926/2006/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-18 ta' Diċembru 2006

li tistabbilixxi programm ta' azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-konsumatur (2007-2013)

(Test b'relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 153 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (3),

Billi:

(1)

Il-Komunità tista' tikkontribwixxi għall-protezzjoni tas-saħħa, is-sigurtà u l-interessi ekonomiċi u legali taċ-ċittadini permezz ta' azzjonijiet fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumatur.

(2)

Huwa għalhekk xieraq li jiġi stabbilit programm ta' azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-konsumatur, li jissostitwixxi d-Deċiżjoni Nru 20/2004/KE tal-Parlament Ewopew u tal-Kunsill tat-8 ta' Diċembru 2003 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-finanzjament ta' azzjonijiet Komunitarji b'appoġġ tal-politika tal-konsumatur għas-snin 2004 sa 2007 (4). Dik id-Deċiżjoni għandha għalhekk tiġi revokata.

(3)

L-integrazzjoni ta' l-interessi tal-konsumatur fil-linji politiċi kollha tal-Komunità, skond l-Artikolu 153 tat-Trattat, għandha tingħata prijorità għolja, flimkien ma' l-objettivi tal-politika tal-konsumatur stabbiliti f'dan il-programm. Il-koordinazzjoni ma' linjipolitiċi u programmi oħrajn tal-Komunità hija parti importanti sabiex jiġi żgurat li l-interessi tal-konsumatur qed jittieħdu f'konsiderazzjoni b'mod sħiħ f'linji politiċi oħrajn. Biex jiġu promossi sinerġiji u biex tiġi evitata d-duplikazzjoni, fondi u programmi Komunitarji oħrajn għandhom jipprovdu appoġġ finanzjarju għall-integrazzjoni ta' interessi tal-konsumatur fl-oqsma rispettivi tagħhom.

(4)

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi, għat-tul kollu ta' dan il-programm, pakkett finanzjarju li għandu jkun il-punt ta' referenza ewlieni, fit-tifsira tal-punt 37 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda (5), għall-awtorità baġitarja matul il-proċedura baġitarja annwali.

(5)

Huwa ta' interess ġenerali Ewropew li l-aspetti tas-saħħa u s-sigurtà tas-servizzi u tal-prodotti mhux ta' l-ikel, u l-interessi ekonomiċi u legali taċ-ċittadini, kif ukoll l-interessi tal-konsumaturi fl-iżvilupp ta' standards għal prodotti u servizzi, ikunu rappreżentati fuq livell Komunitarju. Minħabba n-natura partikolari ta' l-organizzazzjonijiet ikkonċernati, it-tiġdid ta' l-appoġġ Komunitarju għall-operat ta' tali organizzazzjonijiet m'għandux jiddependi minn prinċipju ta' tnaqqis gradwali tal-livell ta' appoġġ Komunitarju.

(6)

Hu xieraq li tiġi żgurata transizzjoni bejn dan il-programm u l-programm li qed jissostitwixxi, partikolarment rigward il-kontinwazzjoni ta' miżuri pluriennali u l-evalwazzjoni tas-suċċessi tal-programm ta' qabel u ta' oqsma li jeħtieġu aktar attenzjoni. Mill-1 ta' Jannar 2014, l-assistenza teknika u amministrattiva għandha tiżgura, jekk ikun meħtieġ, il-ġestjoni ta' azzjonijiet li jkunu għadhom ma ġewx iffinalizzati sa l-aħħar ta' l-2013.

(7)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat implimentattivi mogħtija lill-Kummissjoni (6).

(8)

L-implimentazzjoni tal-programm għandha tieħu in konsiderazzjoni l-fatt li s-suq intern mhux ser jaħdem tajjeb jekk il-konsumaturi jkunu mħarsa anqas f'xi Stati Membri milli huma f'oħrajn. Għalhekk il-progamm għandu jiffoka speċjalment fuq il-protezzjoni tal-konsumatur u l-għarfien mill-konsumatur fl-Istati Membri li ngħaqdu ma' l-Unjoni fl-1 ta' Mejju 2004 jew wara, sabiex ikun żgurat livell ugwali fl-Istati Membri kollha.

(9)

Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ il-Ftehim ŻEE) jipprovdi għal kooperazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumatur bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-pajjiżi ta' l-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles li jipparteċipaw fiż-Żona Ekonomika Ewropea (minn hawn 'il quddiem imsejħin il-pajjiżi EFTA/ŻEE), min-naħa l-oħra. Għandu jsir ukoll provvediment biex il-programm jinfetaħ għall-parteċipazzjoni minn pajjiżi oħrajn, b'mod partikolari l-pajjiżi ġirien ta' l-Unjoni Ewropea, u pajjiżi li jegħdin japplikaw għal jew li huma kandidati għas-sħubija ma' l-Unjoni Ewropea, jew li jinsabu fi proċess ta' adeżjoni magħha.

(10)

Fil-kuntest ta' l-implimentazzjoni tal-programm, il-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi li mhux qed jipparteċipaw fil-programm għandha tiġi nkuraġġuta, tenut kont ta' kwalunkwe ftehim rilevanti bejn dawk il-pajjiżi u l-Komunità.

(11)

Il-valur u l-impatt tal-miżuri meħuda taħt il-programm għandhom jiġu ssorveljati u evalwati regolarment, inkluż permezz ta' evalwaturi esterni indipendenti. Għall-finijiet ta' evalwazzjoni tal-politika tal-konsumatur, għandhom jiġu formulati objettivi li jistgħu jitkejlu u jiġu żviluppati indikaturi.

(12)

Peress li l-objettivi ta' din id-Deċiżjoni ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri minħabba n-natura transkonfinali tal-kwistjonijiet involuti, u jistgħu għalhekk, minħabba l-potenzjal ogħla li azzjoni Komunitarja għandha biex tipproteġi b'mod effiċjenti u effettiv is-saħħa, is-sigurtà u l-interessi ekonomiċi u legali taċ-ċittadini, jinkisbu aħjar fuq livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.

IDDEĊIEDEW KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Stabbiliment tal-programm

Programm ta' azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumatur li jkopri l-perijodu minn tat-31 Diċembru 2006 sal-31 ta' Diċembru 2013, minn hawn 'l quddiem imsejjaħ “il-Programm” huwa b'dan stabbilit.

Artikolu 2

Għan u objettivi

1.   L-għan tal-programm għandu jkun li jikkomplementa, jappoġġa u jissorvelja l-linji politiċi ta' l-Istati Membri u li jikkontribwixxi għall-protezzjoni tas-saħħa, is-sigurtà u l-interessi ekonomiċi u legali tal-konsumaturi, kif ukoll għall-promozzjoni tad-drittijiet tagħhom għal informazzjoni u edukazzjoni u d-dritt li jorganizzaw irwieħhom sabiex jissalvagwardjaw l-interessi tagħhom.

2.   L-għan imsemmi fil-paragrafu 1 għandhu jinkiseb permezz ta' l-objettivi li ġejjin:

a)

li jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur, b'mod partikolari permezz ta' evidenza mtejba, konsultazzjoni aħjar u rappreżentazzjoni aħjar ta' l-interessi tal-konsumaturi;

b)

li tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva tar-regoli tal-protezzjoni tal-konsumatur, b'mod partikolari permezz ta' kooperazzjoni fl-infurzar, informazzjoni, edukazzjoni u rimedjar.

Dawn l-objettivi għandhom jinkisbu permezz ta' taħlita ta' azzjonijiet u strumenti meħuda mil-lista stabbilita fl-Anness I skond il-prijoritajiet imniżżlin fil-pjan ta' ħidma annwali msemmi fl-Artikolu 7(2)(a).

Artikolu 3

L-iffinanzjar

1.   Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-Programm għall-perijodu minn tat-31 Diċembru 2006 sal-31 ta' Diċembru 2013 huwa permezz ta' dan stabbilit għal EUR 138 800 000.

2.   L-approprjazzjonijiet annwali għandhom ikunu awtorizzati mill-awtorità baġitarja fil-limiti tal-qafas finanzjarju.

Artikolu 4

Kontribuzzjonijiet finanzjarji

1.   Kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Komunità m'għandhomx jeċċedu l-livelli li ġejjin:

a)

50 % ta' l-ispejjeż ta' azzjonijiet iffinanzjati konġuntament mill-Komunità u Stat Membru wieħed jew aktar, jew mill-Komunità u l-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi terzi li qed jipparteċipaw skond l-Artikolu 8, ħlief f'każijiet ta' azzjonijiet ta' utilità eċċezzjonali, fejn il-kontribuzzjoni Komunitarja m'għandhiex teċċedi s-70 %;

b)

85 % ta' l-ispejjeż ta' l-azzjonijiet intenzjonati biex jiżviluppaw korsijiet Ewropej integrati fil-Grad ta' Masters fi kwistjonijiet tal-konsumatur;

(ċ)

50 % tan-nefqa għat-tħaddim ta' organizzazzjonijiet Ewropej tal-konsumatur;

(d)

95 % tan-nefqa għat-tħaddim ta' organizzazzjonijiet Ewropej tal-konsumatur li jirrappreżentaw l-interessi tal-konsumatur fl-iżvilupp ta' standards għall-prodotti u s-servizzi fuq livell Komunitarju.

2.   Kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Komunità jistgħu jieħdu l-forma ta':

(a)

Għotjiet ta' boroż ta' studju għall-mobbiltà individwali ta' għalliema u studenti fil-qafas ta' korsijiet Ewropej integrati fil-Grad ta' Masters fi kwistjonijiet tal-konsumatur. It-tmexxija ta' dawn l-għotjiet tista' tiġi fdata lill-Aġenziji Nazzjonali Erasmus tal-programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja;

(b)

Konċessjonijiet għall-ivvjaġġar u s-sussistenza għall-iskambju ta' uffiċjali ta' l-infurzar.

3.   Il-kriterji għall-valutazzjoni dwar jekk azzjonijiet jurux utilità eċċezzjonali fit-tifsira tal-paragrafu 1(a) għandhom jiġu stabbiliti bil-quddiem fil-pjan tax-xogħol annwali. Azzjonijiet ta' utilità eċċezzjonali għandhom jibbenefikaw, b'mod partikolari, lill-konsumaturi mill-Istati Membri li daħlu fl-Unjoni Ewropea fl-1 ta' Mejju 2004 jew wara.

4.   It-tiġdid ta' kontribuzzjonijiet finanzjarji stabbiliti fil-paragrafi 1(ċ) u 1(d) għandhom jiġu eżentati mill-prinċipju tat-tnaqqis gradwali.

5.   Għall-finijiet tal-paragrafi 1 u 2, kontributi finanzjarji mill-Komunità jistgħu jingħataw ukoll fil-forma ta' finanzjament b'rata fissa jew permezz ta' somma f'daqqa fejn dan ikun adattat għan-natura ta' l-azzjonijiet ikkonċernati kif definiti fil-pjan ta' ħidma annwali. Fil-każ ta' finanzjament b'rata fissa jew permezz ta' somma f'daqqa, il-limiti perċentwali previsti fil-paragrafu 1 m'għandhomx japplikaw, għalkemm il-ko-finanzjament għadu meħtieġ.

Artikolu 5

Benefiċjarji

Il-klassijiet ta' benefiċjarji eliġibbli għall-kontributi finanzjarji stabbiliti fl-Artikolu 4 huma stabbiliti fl-Anness II.

Artikolu 6

Assistenza amministrattiva u teknika

1.   L-allokazzjoni finanzjarja għall-Programm tista' tkopri wkoll spejjeż relatati ma' attivitajiet preparatorji, ta' monitoraġġ, ta' kontroll, ta' verifika u ta' evalwazzjoni, li huma meħtieġa direttament għall-ġestjoni tal-Programm u l-kisba ta' l-objettivi tiegħu, b'mod partikolari, studji, laqgħat, azzjonijiet ta' informazzjoni u ta' pubblikazzjoni, spejjeż marbuta ma' networks ta' l-IT li jiffokaw fuq skambju ta' informazzjoni, flimkien ma' kull nefqa oħra għal assistenza teknika u amministrattiva li tidħol għaliha l-Kummissjoni għall-ġestjoni tal-Programm.

2.   L-allokazzjoni finanzjarja għall-Programm tista' tkopri wkoll l-ispejjeż għal assistenza teknika u amministrattiva meħtieġa biex tiġi żgurata t-transizzjoni bejn il-Programm u l-miżuri adottati taħt id-Deċiżjoni Nru 20/2004/KE. Jekk meħtieġ, jistgħu jiddaħħlu approprjazzjonijiet fil-baġit lil hinn mill-2013 biex ikopru dawn l-ispejjeż, sabiex jippermettu l-ġestjoni ta' azzjonijiet li ma jkunux tlestew sal-31 ta' Diċembru 2013.

Artikolu 7

Implimentazzjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-Programm.

Azzjonijiet biex jintħalqu l-għan u l-objettivi mniżżlin fl-Artikolu 2 għandhom jagħmlu użu sħiħ mill-metodi ta' implimentazzjoni xierqa u disponibbli, inkluża, b'mod partikolari, l-implimentazzjoni diretta jew indiretta mill-Kummissjoni fuq bażi ċentralizzata.

2.   Il-proċedura msemmija fl-Artikolu 10(2) għandha tapplika għall-adozzjoni ta':

a)

il-pjan ta' ħidma annwali għall-implimentazzjoni tal-Programm, li jistabbilixxi:

prijoritajiet u azzjonijiet li għandhom jittieħdu, inkluża l-allokazzjoni ta' riżorsi finanzjarji;

kriterji ta' għażla u ta' aġġudikazzjoni u kriterji għall-perċentwali tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Komunità;

użu li jsir minn finanzjament b'rata fissa u permezz ta' somma f'daqqa; u

iż-żmien ippjanat għas-sejħiet għal offerti, azzjonijiet konġunti u sejħiet għal proposti;

b)

l-arranġamenti, inklużi l-kriterji ta' għażla u ta' aġġudikazzjoni, għall-implimentazzjoni ta' l-azzjonijiet msemmija fl-Artikolu 4(1)(a).

3.   Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 10 dwar l-azzjonijiet li ttieħdu għall-implimentazzjoni tal-Programm.

Artikolu 8

Parteċipazzjoni ta' pajjiżi terzi

Il-programm għandu jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni ta':

(a)

il-pajjiżi ta' l-EFTA/ŻEE skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-Ftehim ŻEE;

(b)

pajjiżi terzi, b'mod partikolari pajjiżi li għalihom tapplika l-Politika Ewropea tal-Viċinat, pajjiżi li qegħdin japplikaw għal, li huma kandidati għal, jew li qegħdin fil-proċess ta' adeżjoni ma' l-Unjoni Ewropea, u l-pajjiżi tal-Balkan tal-punent inklużi fil-proċess ta' stabilizzazzjoni u assoċjazzjoni, skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-ftehim bilaterali jew multilaterali rispettivi ma' dawk il-pajjiżi li jistabbilixxu l-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tagħhom fi programmi Komunitarji.

Artikolu 9

Monitoraġġ, evalwazzjoni u disseminazzjoni ta' riżultati

1.   Il-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mill-qrib ma' l-Istati Membri, għandha tagħmel monitoraġġ ta' l-implimentazzjoni ta' l-azzjonijiet tal-Programm fid-dawl ta' l-objettivi tiegħu. Hija għandha tirrapporta dwar dan lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 10, u għandha żżomm lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill informati ta' dan.

2.   Fuq it-talba tal-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom jissottomettu lilha informazzjoni dwar l-implimentazzjoni u l-impatt ta' dan il-Programm.

3.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-Programm jiġi evalwat tliet snin wara l-bidu tiegħu, u wara t-tmiem tiegħu. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika r-riżultati ta' dawk l-evalwazzjonijiet, akkumpanjati mill-kummenti tagħha, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni.

Il-Kummissjoni għandha tagħmel ir-riżultati ta' l-azzjonijiet li jkunu ttieħdu skond din id-Deċiżjoni disponibbli għall-pubbliku.

Artikolu 10

Il-Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn Kumitat.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 3 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, waqt li jkunu kkunsidrati d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

3.   Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu.

Artikolu 11

Revoka

Id-Deċiżjoni Nru 20/2004/KE hija b'dan revokata.

Artikolu 1

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussel, fit-18 Diċembru 2006.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BORRELL FONTELLES

Għall-Kunsill

Il-President

J.-E. ENESTAM


(1)  ĠU C 88, 11.4.2006, p. 1.

(2)  ĠU C 192, 16.8.2006, p. 8.

(3)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Marzu 2006 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Posizzjoni Komuni tal-Kunsill ta' l-14 ta' Novembru 2006 (għadha mihijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Posizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Diċembru 2006.

(4)  ĠU L 5, 9.1.2004, p. 1. Deċiżjoni kif emendata mid-Deċiżjoni Nru 786/2004/KE (ĠU L 138, 30.4.2004, p. 7).

(5)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

(6)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Deċiżjoni kif emendata mid-Deċiżjoni Nru 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).


ANNESS I

AZZJONIJIET U STRUMENTI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 2

Objettiv I

Li jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur, b'mod partikolari permezz ta' evidenza mtejba, konsultazzjoni aħjar u rappreżentazzjoni aħjar ta' l-interessi tal-konsumaturi.

Azzjoni 1

Il-ġbir, l-iskambju, u l-analiżi ta' data u informazzjoni li jipprovdu bażi ta' evidenza għall-iżvilupp ta' politika tal-konsumatur u għall-integrazzjoni ta' l-interessi tal-konsumatur f'linji politiċi oħrajn tal-Kommunità, inklużi:

1.1.

Il-monitoraġġ u l-valutazzjoni ta' żviluppi fis-swieq b'impatt fuq l-interessi ekonomiċi u interessi oħrajn tal-konsumaturi, inklużi studji, stħarriġ dwar prezzijiet, stħarriġ dwar bidliet fl-istruttura tas-swieq, stħarriġ dwar konsumaturi u negozji, il-ġbir u l-analiżi ta' ilmenti minn konsumaturi, il-ġbir u l-analiżi ta' data dwar kummerċ transkonfini bejn negozji u konsumaturi u dwar swieq transkonfini.

1.2.

L-iżvilupp u l-manutenzjoni ta' databases.

1.3.

Il-ġbir u l-analiżi ta' data ta' l-statistika u ta' evidenza rilevanti oħra, li l-element ta' l-istatistika tagħhom ser jiġi żviluppat bl-użu kif xieraq tal-Programm ta' l-Istatistika tal-Komunità.

Azzjoni 2

Il-ġbir, l-iskambju, l-analiżi ta' data u informazzjoni, u l-iżvilupp ta' għodod ta' valutazzjoni li jipprovdu bażi ta' evidenza dwar is-sigurtà ta' merkanzija u servizzi tal-konsumatur, inklużi l-espożizzjoni tal-konsumatur għal sustanzi kimiċi rilaxxati minn prodotti, ir-riskji u d-danni relatati ma' prodotti u servizzi speċifiċi tal-konsumatur, u l-analiżi teknika ta' notifiki ta' allert.

Azzjoni 3

Appoġġ għal parir xjentifiku u evalwazzjoni tar-riskji, inklużi l-kompiti tal-kumitati xjentifiċi indipendenti stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/210/KE tat-3 ta' Marzu 2004 li tistabbilixxi Kumitati Xjentifiċi fil-qasam tas-sigurtà tal-konsumatur, is-saħħa pubblika u l-ambjent (1).

Azzjoni 4

Preparazzjoni ta' inizjattivi leġislattivi u inizjattivi regolatorji oħrajn u promozzjoni ta' inizjattivi ko-regolatorji u awto-regolatorji, inklużi:

4.1.

Kompetenza legali u teknika, inklużi studji, fir-rigward ta' regolamentazzjoni u l-impatt tagħha.

4.2.

Kompetenza legali u teknika, inklużi studji, fir-rigward ta' żvilupp tal-politika dwar is-sigurtà ta' prodotti u servizzi u l-interessi ekonomiċi u legali tal-konsumaturi.

4.3.

Kompetenza legali u teknika, inklużi studji, fir-rigward ta' valutazzjoni tal-ħtieġa għal standards ta' sigurtà tal-prodotti u t-tfassil ta' mandati ta' standardizzazzjoni għal prodotti u servizzi.

4.4.

Seminars, konferenzi, workshops u laqgħat ta' partijiet interessati u ta' esperti.

Azzjoni 5

Kontributi finanzjarji għall-operat ta' organizzazzjonijiet Ewropej tal-konsumatur.

Azzjoni 6

Kontributi finanzjarji għat-tħaddim ta' organizzazzjonijiet Ewropej tal-konsumatur li jirrappreżentaw l-interessi tal-konsumatur fl-iżvilupp ta' standards għal prodotti u servizzi fil-livell Komunitarju.

Azzjoni 7

Bini ta' kapaċitajiet għal organizzazzjonijiet reġjonali, nazzjonali u Ewropej tal-konsumatur, b'mod partikolari permezz ta' taħriġ u skambju ta' l-aħjar prattika u kompetenza għal membri tal-persunal, partikolarment għal organizzazzjonijiet tal-konsumatur fl-Istati Membri li ngħaqdu ma' l-Unjoni Ewropea fl-1 ta' Mejju 2004 jew wara.

Objettiv II

Li tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva tar-regoli tal-protezzjoni tal-konsumatur, b'mod partikolari permezz ta' kooperazzjoni fl-infurzar, informazzjoni, edukazzjoni u rimedjar.

Azzjoni 8

Azzjonijiet biex tiġi mtejba l-applikazzjoni effettiva tal-leġislazzjoni Komunitarja tal-protezzjoni tal-konsumatur, b'mod partikolari d-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' Diċembru 2001 dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti (2) u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ottubru 2004 dwar il-kooperazzjoni bejn awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumatur (3), inklużi:

8.1.

Azzjonijiet biex tiġi mtejba l-koordinazzjoni tal-monitoraġġ u l-infurzar u biex tittejjeb il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti, inklużi l-iżvilupp u ż-żamma ta' l-għodod ta' l-IT (eż. databases, informazzjoni u sistemi ta' komunikazzjoni) u l-organizzazzjoni ta' seminars, konferenzi, workshops u laqgħat tal-partijiet interessati u l-esperti dwar l-infurzar, l-iskambji ta' l-uffiċjali ta' infurzar u taħriġ, għall-membri tal-ġudikatura ukoll.

8.2.

Il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tas-sigurtà ta' prodotti u servizzi mhux ta' l-ikel, inklużi l-infurzar mill-ġdid u l-estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni u l-operazzjoni tas-sistema ta' allert RAPEX, waqt li jittieħed kont ta' l-iżviluppi fl-iskambju ta' informazzjoni fis-sorveljanza tas-suq, u l-iżvilupp ulterjuri tan-network ta' sigurtà tal-prodott tal-konsumatur kif previst fid-Direttiva 2001/95/KE.

8.3.

Monitoraġġ u azzjonijiet ta' infurzar konġunti u azzjonijiet oħra fil-kuntest ta' kooperazzjoni amministrattiva u ta' infurzar.

8.4.

Azzjonijiet għal kooperazzjoni amministrattiva u fl-infurzar ma' pajjiżi terzi li mhumiex qed jipparteċipaw fil-programm.

Azzjoni 9

Abbiltà legali u teknika, inklużi studji, għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tat-traspożizzjoni, l-implimentazzjoni u l-infurzar ta' leġislazzjoni tal-protezzjoni tal-konsumatur mill-Istati Membri, notevolment id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern (4) u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004. Dan jinkludi ukoll l-iżvilupp u ż-żamma ta' databases aċċessibbli faċilment u pubblikament li jkopru l-implimentazzjoni tal-legislazzjoni Komunitarja tal-protezzjoni tal-konsumatur.

Azzjoni 10

Azzjonijiet dwar informazzjoni, parir u rimedjar, inklużi:

10.1.

Il-monitoraġġ tal-funzjonament ta' skemi alternattivi ta' riżoluzzjoni ta' tilwim u l-evalwazzjoni ta' l-impatt tagħhom.

10.2.

Kontribuzzjonijiet finanzjarji għal azzjonijiet konġunti ma' korpi pubbliċi jew dawk mingħajr skop ta' qliegħ li jikkostitwixxu networks Komunitarji li jipprovdu informazzjoni u assistenza lil konsumaturi biex jgħinuhom jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom u jiksbu aċċess għal riżoluzzjoni xierqa ta' tilwim (in-Network Ewropew ta' Ċentri tal-Konsumatur).

10.3.

Azzjonijiet li jtejbu l-komunikazzjoni ma' ċittadini ta' l-UE dwar kwistjonijiet tal-konsumatur, speċjalment fl-Istati Membri li ngħaqdu ma' l-Unjoni Ewropea fl-1 ta' Mejju 2004 jew wara, inklużi pubblikazzjonijiet dwar kwistjonijiet ta' interess għall- politika tal-konsumatur, il-forniment ta' informazzjoni on-line, u azzjonijiet li jipprovdu informazzjoni rigward miżuri ta' protezzjoni tal-konsumatur u drittijiet tal-konsumatur.

Azzjoni 11

Azzjonijiet dwar edukazzjoni tal-konsumatur, inklużi:

11.1.

Azzjonijiet speċifiċi mmirati lejn konsumaturi żgħażagħ, konsumaturi akbar fl-età u gruppi vulnerabbli ta' konsumaturi li huma ċarament inqas kapaċi li jiddefendu l-interessi tagħhom, u l-iżvilupp ta' għodod interattivi għall-edukazzjoni tal-konsumatur.

11.2.

Kontribuzzjonijiet finanzjarji għall-iżvilupp ta' korsijiet Ewropej integrati fil-Grad ta' Masters dwar kwistjonijiet tal-konsumatur, inkluża skema ta' boroż ta' studju li jagħtu l-possibiltà lil studenti li jagħmlu sa sitt xhur f'pajjiż differenti.


(1)  ĠU L 66, 4.3.2004, p. 45.

(2)  ĠU L 11, 15.1.2002, p. 4.

(3)  ĠU L 364, 16.12.2004, p. 1. Regolament kif emendat bid-Direttiva 2005/29/KE (ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22).

(4)  ĠU L 149, 16.12.2004, p. 22.


ANNESS II

BENEFIĊJARJI ELIĠIBBLI GĦALL-KONTRIBUTI FINANZJARJI STABBILITI FL-ARTIKOLU 4

1.

Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji għal azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(1)(a) jistgħu jingħataw lil korp pubbliku jew korp mingħajr skop ta' qliegħ maħtur permezz ta' proċedura trasparenti mill-Istat Membru jew mill-awtorità kompetenti kkonċernata u miftiehma mill-Kummissjoni.

2.

Il-kontributi finanzjarji għal azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(1)(b) jistgħu jingħataw lil istituzzjonijiet ta' edukazzjoni ogħla ta' l-Istati Membri jew ta' pajjiżi terzi li jkunu qegħdin jipparteċipaw skond l-Artikolu 8, kif definit fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Nru 2317/2003/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Diċembru 2003 li tistabbilixxi programm għat-titjib ta' kwalità fl-edukazzjoni ogħla u l-promozzjoni ta' fehim interkulturali permezz ta' kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi (Erasmus Mundus) (2004-2008) (1).

3.

Il-kontributi finanzjarji għal azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(2)(a) jistgħu jingħataw lil studenti u għalliema li jkunu qegħdin jipparteċipaw f'korsijiet Ewropej integrati fil-Grad ta' Masters dwar kwistjonijiet tal-konsumatur li jkunu qegħdin jibbenefikaw minn ko-finanzjament skond l-Artikolu 4(1)(b).

4.

Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji għal azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(2)(b) jistgħu jingħataw lill-uffiċjali ta' l-infurzar tal-protezzjoni tal-konsumatur imsemmija fir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2001/95/KE

5.

Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji għal azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(1)(ċ) jistgħu jingħataw lil organizzazjonijiet Ewropej tal-konsumatur li:

a)

m'humiex governattivi, ma jagħmlux qligħ, huma indipendenti minn interessi industrijali, kummerċjali u tan-negozju jew interessi oħrajn li joħolqu konflitt, u li għandhom bħala l-objettivi u l-attivitajiet primarji tagħhom il-promozzjoni u l-protezzjoni tas-saħħa, is-sigurtà u l-interessi ekonomiċi u legali tal-konsumaturi fil-Komunità;

b)

ingħataw mandat biex jirrappreżentaw l-interessi tal-konsumaturi fil-livell Komunitarju minn organizzazzjonijiet nazzjonali tal-konsumatur f'ta' l-inqas nofs l-Istati Membri li huma rappreżentattivi, skond ir-regoli jew il-prattika nazzjonali, tal-konsumaturi u li huma attivi fuq livell reġjonali jew nazzjonali; u

(ċ)

ipprovdew lill-Kummissjoni kontijiet sodisfaċenti tas-sħubija tagħhom, ir-regoli interni u s-sorsi ta' finanzjament.

6.

Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji għal azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(1)(d) jistgħu jingħataw lil organizzazzjonijiet Ewropej tal-konsumatur li:

a)

mhumiex governattivi, ma jagħmlux qligħ, huma indipendenti minn interessi industrijali, kummerċjali u tan-negozju jew interessi oħra li joħolqu konflitti, u li għandhom bħala l-objettivi u l-attivitajiet primarji tagħhom li jirrapreżentaw l-interessi tal-konsumatur fil-proċess ta' standardizzazzjoni fil-livell Komunitarju;

b)

ingħataw mandat f'ta' l-inqas żewġ terzi mill-Istati Membri biex jirrappreżentaw l-interessi tal-konsumaturi fil-livell Komunitarju:

minn korpi rappreżentattivi, skond ir-regoli jew prattiċi nazzjonali, ta' organizzazzjonijiet nazzjonali tal-konsumatur fl-Istati Membri, jew

fin-nuqqas tal-korpi msemmija fl-ewwel inċiż, minn organizzazzjonijiet nazzjonali tal-konsumatur fl-Istati Membri li huma rappreżentattivi, skond ir-regoli jew il-prattika nazzjonali, ta' konsumaturi u huma attivi fuq livell nazzjonali;

ċ)

ipprovdew lill-Kummissjoni kontijiet sodisfaċenti tas-sħubija tagħhom, ir-regoli interni u s-sorsi ta' finanzjament.


(1)  ĠU L 345, 31.12.2003, p. 1.


Top