EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006D0183

Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 28 ta' Frar 2006 li temenda d-Deċiżjoni 2006/7/KE għall-estensjoni tal-lista ta' pajjiżi u l-perjodu ta' applikazzjoni tagħha (innotifikata taħt dokument numru C(2006) 619) Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

ĠU L 65, 7.3.2006, p. 49–50 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 118M, 8.5.2007, p. 355–356 (MT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2006

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2006/183/oj

8.5.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

355


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-28 ta' Frar 2006

li temenda d-Deċiżjoni 2006/7/KE għall-estensjoni tal-lista ta' pajjiżi u l-perjodu ta' applikazzjoni tagħha

(innotifikata taħt dokument numru C(2006) 619)

(Test b'relevanza għaż-ŻEE)

(2006/183/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE tat-18 ta' Diċembru 1997 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 22(6) tagħha,

Billi:

(1)

L-influwenza tat-tjur hija marda virali infettiva fit-tjur ta' l-irziezet u f'għasafar oħra, li tikkawża mwiet u tfixkil li malajr jistgħu jiżviluppaw fi proporzjonijiet epiżootiċi li kapaċi jwasslu għal theddida serja għas-saħħa ta' l-annimali u dik pubblika u jnaqqsu sew il-qliegħ mit-trobbija tat-tjur ta' l-irziezet. Hemm riskju li l-aġent tal-marda jista' jiddaħħal permezz tal-kummerċ internazzjonali fit-tjur ħajjin u fil-prodotti tat-tjur, inkluż ir-rix mhux ittrattat.

(2)

Wara li faqqgħet l-epidemija serja ħafna ta' l-influwenza tat-tjur, ikkawżata minn razza tal-virus H5N1 b'patoġeniċità għolja, u f'ħafna pajjiżi fix-Xlokk ta' l-Ażja li bdiet f'Diċembru 2003, il-Kummissjoni adottat bosta miżuri ta' protezzjoni marbuta ma' l-influwenza tat-tjur, waqt li qieset li din il-marda tippreżenta riskju sinifikanti għas-saħħa pubblika.

(3)

Skond id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/7/KE tad-9 ta' Jannar ċerti miżuri ta' protezzjoni dwar l-importazzjoni ta' rix minn ċerti pajjiżi terzi (2), l-importazzjonijiet ta' rix mhux ittrattat u partijiet minnu ġew sospiżi minn bosta pajjiżi terzi. Dawk il-pajjiżi terzi huma elenkati fl-Anness mad-Deċiżjoni 2006/7/KE. Dik id-Deċiżjoni għandha tapplika sat-30 ta' April 2006.

(4)

Dan l-aħħar, żdied in-numru ta' pajjiżi terzi b'tifqigħat jew suspett ta' tifqigħat ta' l-influwenza tat-tjur. Jidher li l-marda ntxterdet lejn dawk il-pajjiżi permezz ta' l-għasafar tal-passa.

(5)

L-Awtorità Ewropea għas-Sikurezza Alimentari (EFSA) fis-Opinjoni Xjentifika dwar l-aspetti tas-saħħa ta' l-anninali u l-benessri ta' l-annimali ta' l-influwenza tat-tjur tagħha adottata fit-13-14 ta' Settembru 2005 kkonkludiet li sabiex jitnaqqas ir-riskju possibbli li tinxtered l-influwenza tat-tjur kemm dik b'patoġeniċità baxxa kif ukoll dik għolja permezz tar-rix, dawn għandhom ikunu ttrattati kif jixraq qabel il-kummerċjalizzazzjoni tagħhom. Din l-opinjoni nħarġet qabel ma l-virus H5N1 ta' l-influwenza tat-tjur b'patoġeniċità għolja wera t-tendenza li jinxtered fuq skala dinjija.

(6)

Fid-dawl ta' l-opinjoni ta' l-EFSA u l-emerġenza attwali, il-Kummissjoni biħsiebha tirrevedi l-miżuri Komunitarji permanenti eżistenti dwar l-importazzjoni ta' rix, partikolarment id-dispożizzjonijiet relevanti tar-Regolament (KE) Nru 1774/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' Ottubru 2002 li jippreskrivi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji ta' l-annimali mhux maħsuba għall-konsum uman (3) li jistabbilixxi rekwiżiti li taħthom il-prodotti sekondarji ta' l-annimali jistgħu jkunu importati minn pajjiżi terzi b'tali mod li ma jippreżentawx riskju għas-saħħa pubblika u dik ta' l-annimali għall-Komunità. Il-Kapitolu VIII ta' l-Anness VIII mar-Regolament jistipola r-rekwiżiti għat-tqegħid fis-suq ta' rix u partijiet tagħhom. Madankollu, biex tinkiseb armonizzazzjoni kompleta fuq livell Komunitarju f'dan il-qasam għandha ssir ukoll dispożizzjoni għaċ-ċertifikati tas-saħħa għall-importazzjoni ta' rix u partijiet tar-rix u l-lista ta' pajjiżi terzi li minnhom l-Istati Membri jawtorizzaw l-importazzoni ta' dawn il-prodotti sekondarji ta' l-annimali.

(7)

Minħabba t-tixird mgħaġġel f'dawn l-aħħar xhur ta' l-influwenza tat-tjur H5N1 b'patoġeniċità għolja, fid-dawl tar-riskju li l-influwenza tat-tjur tiddaħħal fil-Komunità minn rix mhux ittrattat, għal aktar protezzjoni tas-saħħa ta' dawk li jimmanniġġjaw il-konsenji importati ta' rix mhux ittrattat u sakemm issir ir-reviżjoni tal-Kapitolu VIII ta' l-Anness VIII mar-Regolament (KE) 1774/2004, id-Deċiżjoni 2006/7 għandha tapplika sal-31 ta' Lulju 2006. Jixraq ukoll li jiġu temporanjament sospiżi l-importazzjonijiet ta' rix mhux ittrattat u partijiet tiegħu mill-pajjiżi terzi kollha bla ħsara għal kwalunkwe restrizzjoni Komunitarja fuq l-importazzjoni diġà eżistenti minħabba l-influwenza tat-tjur b'patoġeniċità għolja.

(8)

Id-Deċiżjoni 2006/7/KE għandha għalhekk tiġi emendata skond dan.

(9)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma fi qbil ma' l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2006/7/KE hija emendata skond kif ġej:

1.

Fl-Artikolu 4, id-data “sat-30 ta' April 2006” tinbidel għal “sal-31 ta' Lulju 2006”.

2.

L-Anness huwa emendat skond l-Anness ma' din id-Direttiva.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom minnufih jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Deċiżjoni u jippubblikaw dawk il-miżuri. Huma għandhom jinformaw immedjatament lill-Kummissjoni dwar dan.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, it-28 ta' Frar 2006.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 24, 31.1.1998, p. 9. Direttiva kif l-aħħar emendata mir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1; verżjoni korretta fil-ĠU L 191, 28.5.2004, p. 1).

(2)  ĠU L 5, 10.1.2006, p. 17.

(3)  ĠU L 273, 10.10.2002, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 208/2006 (ĠU L 36, 8.2.2006, p. 25).


ANNESS

L-Anness mad-Deċiżjoni 2006/7/KE huwa sostitwit b'li ġej:

“ANNESS

Il-pajjiżi kif imsemmija fl-Artikoli 1 u 2 ta' din id-Deċiżjoni:

 

Il-pajjiżi terzi kollha”


Top